MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina
12.1.2015 - (2014/2965(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Cristian Dan Preda, Elmar Brok, Jacek Saryusz-Wolski, Andrej Plenković, Sandra Kalniete, Jerzy Buzek, David McAllister, Esther de Lange, Michael Gahler, Ivo Belet, Daniel Caspary, Lorenzo Cesa, Anna Maria Corazza Bildt, Andrzej Grzyb, Tunne Kelam, Alojz Peterle, Eduard Kukan, Gabrielius Landsbergis, György Schöpflin, Traian Ungureanu, Davor Ivo Stier, Monica Macovei, Dubravka Šuica, László Tőkés, Jarosław Wałęsa, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Michał Boni, Michaela Šojdrová, Mariya Gabriel, Claude Rolin, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Joachim Zeller, Giovanni La Via, Barbara Matera, Pascal Arimont, Ivana Maletić, Andrea Bocskor f'isem il-Grupp PPE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0008/2015
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat, dwar is-Sħubija tal-Lvant (SL) u dwar l-Ukraina, b' riferiment partikolari għar-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Settembru 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina u s-sitwazzjoni attwali tar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja[1],
– wara li kkunsidra s-sejbiet preliminari tal-OSKE/ODHIR dwar l-elezzjoni parlamentari bikrija tas-26 ta' Ottubru 2014 fl-Ukraina ;
– wara li kkunsidra r-rapport tan-NU tal-20 ta' Novembru 2014 dwar ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fil-Lvant tal-Ukraina u tar-rapport ta' Human Rights Watch ta' Novembru 2014 dwar l-abbużi fil-Krimea;
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-Kummissjoni NATO-Ukraina tat-2 ta' Diċembru 2014,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-President tal-Kunsill Ewropew, Donald Tusk, wara t-telefonata li kellu mal-President tal-Ukraina, Petro Poroshenko, fit-3 ta' Diċembru 2014;
– wara li kkunsidra r-riżultat tal-ewwel laqgħa tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ukraina tal-15 ta' Diċembru 2014,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Ukraina tat-18 ta' Diċembru 2014 u l-miżuri restrittivi addizzjonali applikati fit-28 ta' Novembru 2014;
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-elezzjoni parlamentari bikrija tas-26 ta’ Ottubru 2014 kienet meqjusa bħala elezzjoni kkontestata ħafna li offriet lill-votanti għażla reali, u rispett ġenerali għal-libertajiet fundamentali b’kummissjoni elettorali ċentrali imparzjali u effiċjenti,
B. billi l-gvern il-ġdid huwa ffurmat minn forzi pro-Ewropej, li jinkludu l-blokk ta’ Petro Poroshenko, Batkivshchyna, il-Front Popolari taħt il-Prim Ministru Yatsenyuk kif ukoll Samopomoc u l-partiti radikali, u għandu maġġoranza kostituzzjonali sabiex imexxi r-riformi 'l quddiem;
C. billi l-maġġoranza stabbilita favur l-Ewropa adottat il-ftehim ta’ koalizzjoni li jistabbilixxi l-bażi għal proċess ta’ riforma rigoruż immirat biex irawwem aktar integrazzjoni Ewropea;
D. billi l-Ukraina issa ngħatat l-opportunità unika li timmodernizza, tiżviluppa, tipprospera u tistabbilixxi demokrazija u stat ta’ dritt reali kif ukoll tiżviluppa bidliet kostituzzjonali kif propost mill-pjan ta' paċi ta' Poroschenko;
E. billi l-ftehimiet ta' Minsk tal-5 u d-19 ta’ Settembru għad jonqoshom jiġu implimentati, huma implimentati unilateralment mill-Ukraina u regolarment miksura minn separatisti appoġġjati mir-Russja;
F. billi l-ftehim dwar il-waqfien mill-ġlied għadu qed jinkiser;
G. billi l-Federazzjoni Russa bagħtet diversi konvojs umanitarji li ta’ bir-ruħhom kienu umanitarji, li ma kellhom ebda approvazzjoni mill-Gvern tal-Ukraina u ma ġewx spezzjonati qabel minn organizzazzjonijiet umanitarji internazzjonali;
H. billi skont in-NATO, tagħmir militari u truppi tal-ġlied Russi qasmu l-fruntiera u daħlu fl-Ukraina, u bombers Russi regolarment jgħaddu bla permess fl-ispazju tal-ajru tal-Istati Membri tal-UE;
I. billi ġew adottati miżuri restrittivi addizzjonali kontra separatisti li joperaw fil-Lvant tal-Ukraina, inklużi 13-il persuna addizzjonali u 5 entitajiet involuti f’azzjonijiet kontra l-integrità territorjali tal-Ukraina, u l-organizzazzjoni fit-2 ta’ Novembru 2014 ta’ votazzjoni illegali f’Donbas;
J. billi skont rapport tan-NU 4 317 persuna nqatlu u 9 921 sfaw midruba f’żoni tal-Lvant tal-Ukraina affettwati minn kunflitti, li minnhom kważi 1 000 mill-ftehim tal-waqfien mill-ġlied f’Minsk tal-5 ta’ Settembru 2014;
K. billi l-annessjoni illegali tal-peniżola tal-Krimea kienet l-ewwel każ ta’ bidla ta’ fruntieri bl-użu tal-forza u l-inkorporament fl-Ewropa ta’ parti minn pajjiż f'ieħor, minn żmien it-tieni Gwerra Dinjija 'l hawn;
L. billi dan il-kunflitt jerġa' jqajjem memorji traġiċi ta’ snin imbiegħda meta d-demokrazija u l-libertà ma setgħux jitqiesu bħala xi ħaġa ċerta;
M. billi l-liġi Amerikana li tappoġġja l-libertà tal-Ukraina (Ukraine Freedom Support Act) ġiet iffirmata mill-President Barack Obama fit-18 ta’ Diċembru 2014; billi kooperazzjoni eqreb bejn l-UE u l-Istati Uniti f’politiki marbuta mal-Ukraina tkun ta’ benefiċċju;
N. billi, fit-23 ta' Diċmebru 2014, il-Parlament tal-Ukraina vvota biex jirrinunzja l-istatus ta' pajjiż mhux allineat; billi relazzjonijiet aktar mill-qrib bejn l-UE u l-Ukraina kif ukoll bejn l-Ukraina u n-NATO għandhom ikunu appoġġjati;
1. Jilqa’ l-impenn politiku qawwi tal-President Poroshenko, tal-Prim Ministru Yatsenyuk u tal-kelliem Groysman biex jaħdmu flimkien u jsaħħu l-proċess ta’ riforma rigoruż;
2. Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jipprovdu tweġiba b’saħħitha u effikaċi għall-kriżi, li matulha l-libertà, id-demokrazija, is-sovranità, l-integrità territorjali u l-istat tad-dritt huma mogħtija l-ġenb mir-Russja; jirrikonoxxi li rispons ibbażat fuq il-paċifikazzjoni jħeġġeġ lir-Russja tespandi t-tattiċi belliċi ibridi għal pajjiżi oħra;
3. Jikkundanna b’mod qawwi l-politika aggressiva u ta' espansjoni tar-Russja, li hija ta’ theddida għall-unità u l-indipendenza tal-Ukraina u għall-UE nnifisha, kif ukoll l-intervent militari u l-okkupazzjoni tagħha tat-territorju tal-Ukraina, inkluża l-annessjoni illegali tal-Krimea, li tmur kontra l-liġi internazzjonali u l-impenji tar-Russja stess li jirriżultaw mill-Karta tan-NU, l-Att Finali ta’ Ħelsinki tal-OSKE, il-Memorandum ta’ Budapest tal-5 ta’ Diċembru 1994 u l-ftehimiet ta’ Minsk tal-5 ta’ Settembru 2014; jenfasizza li m’hemmx argument favur l-użu ta' forza militari fl-Ewropa għad-difiża tal-hekk imsejħa raġunijiet storiċi u ta’ sigurtà jew għall-protezzjoni tal-hekk imsejħin “kompatrijotti li jgħixu barra mill-pajjiż”; jirrikjedi li r-Russja twettaq l-obbligi tagħha, u tagħmel kull sforz biex timplimenta dawn il-ftehimiet b'rieda tajba u sħiħa bil-ħsieb li titwitta t-triq għal proċess ta' paċi ġenwin;
4. Jirrikonoxxi li, billi tipprovdi appoġġ għall-Ukraina, l-UE tiżgura wkoll is-sigurtà fit-tul tagħha stess; jenfasizza li l-isforzi diplomatiċi tal-UE jridu jseħħu flimkien ma’ determinazzjoni li l-kunflitt jitnaqqas filwaqt li tibqa' ankrata mal-valuri Ewropej; jirrikonoxxi li l-UE trid tkun lesta tappoġġja l-Istati Membri li huma mal-fruntiera u li għandhom jingħataw l-istess livell ta’ sigurtà bħall-Istati Membri kollha;
5. Jistieden lill-UE biex iżżomm il-miżuri restrittivi tagħha kontra individwi u separatisti Russi kif ukoll kontra entitajiet responsabbli għad-destabilizzazzjoni tar-reġjun, b’mod partikolari fil-laqgħa li jmiss tal-Kunsill f’Marzu 2015, sakemm ir-Russja tkompli tonqos milli tirrispetta bis-sħiħ u tissodisfa l-obbligi ta’ Minsk tagħha, inkluż b’mod partikolari l-irtirar sħiħ u mingħajr kundizzjonijiet mill-Ukraina tat-truppi Russi kollha, ta' gruppi armati illegali, ta' tagħmir militari, ta' militanti u merċenarji, il-monitoraġġ permanenti u l-kontroll tal-fruntiera bejn l-Ukraina u r-Russja mill-Missjoni Speċjali ta’ Monitoraġġ tal-OSKE u l-iskambju tal-priġunieri kollha, inkluża Nadiya Savchenko, mingħajr ma tbiddel l-azzjoni tagħha fl-Ukraina; fil-każ ta’ kwalunkwe azzjoni addizzjonali Russa li tiddestabbilizza l-Ukraina, jistieden lill-Kunsill Ewropew biex jieħu aktar miżuri restrittivi, u jwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom billi jkopri s-settur nukleari u billi jillimita l-abbiltà ta’ entitajiet Russi li jwettqu tranżazzjonijiet finanzjarji internazzjonali;
6. Jenfasizza li l-mezzi politiċi u diplomatiċi għar-Russja għandhom jibqgħu miftuħa sabiex jippermettu soluzzjonijiet diplomatiċi għall-kunflitt, u għalhekk jappoġġja l-formati bħal ta' Ġinevra u n-Normandija jekk jistgħu jinkisbu riżultati tanġibbli;
7. Jenfasizza li l-Parlament Ewropew organizza missjoni ta’ osservazzjoni elettorali għall-elezzjoni parlamentari bikrija tas-26 ta’ Ottubru 2014 fl-Ukraina, li kkonkludiet, flimkien ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn, li l-elezzjonijiet tmexxew skont l-istandards rikonoxxuti internazzjonalment minkejja ċ-ċirkostanzi diffiċli; jilqa’ b’sodisfazzjon ir-riżultat tal-elezzjoni parlamentari bikrija tas-26 ta’ Ottubru 2014 u l-adozzjoni ta’ aġenda ta’ riforma ambizzjuża mill-gvern proriformist u pro-Ewropew; jindika li din is-sena l-awtoritajiet Ukraini ngħataw leġittimità doppja permezz tal-elezzjonijiet presidenzjali u parlamentari biex ifittxu li jiksbu r-riformi malajr u b’determinazzjoni sabiex jimmodernizzaw u jiżviluppaw pajjiżhom;
8. Jenfasizza li l-implimentazzjoni tal-AA/DCFTA għandha tikkostitwixxi pjan direzzjonali għal riformi rapidi meħtieġa li hemm bżonn jiġu implimentati b’mod urġenti, minkejja l-ambjent diffiċli tal-gwerra f’partijiet ta' Luhansk u Donetsk Oblasts; itenni l-benefiċċji potenzjali għar-Russja bl-implimentazzjoni tal-AA/DCFTA, permezz ta’ żieda fl-attivitajiet kummerċjali u ekonomiċi u ta’ viċinat iktar stabbli; jenfasizza li l-Russja ma għandhiex raġuni tikkritika l-Ftehim bejn l-UE u l-Ukraina jew li tirreaġixxi b'restrizzjonijiet kummerċjali u b'aggressjonijiet militari mingħajr ġustifikazzjoni; jiddeskrivi l-importanza ta' riformi ekonomiċi, soċjali u politiċi profondi u komprensivi abbażi ta' ekonomija soċjali tas-suq, inklużi ġudikatura indipendenti, l-istat tad-dritt, it-tisħiħ tat-trasparenza u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni endemika; itenni r-rieda tiegħu li joffri appoġġ fl-implimentazzjoni ta’ dawn ir-riformi meħtieġa;
9. Jinsab lest biex iżid l-involviment tal-Parlament Ewropew sabiex jappoġġja l-ħidma tal-Verkhovna Rada dwar l-affarijiet Ewropej; jenfasizza li l-attivitajiet tal-Kumitat Parlamentari ta’ Assoċjazzjoni futur għandhom jimmiraw li jsaħħu d-demokrazija u l-viżibilità tal-UE fl-Ukraina u jistgħu jipprovdi qafas għal assistenza bilaterali mill-parlamenti tal-Istati Membri;
10. Jitlob għal assistenza teknika aktar rapida u sostanzjali mill-"Grupp ta' Appoġġ tal-Ukraina" tal-Kummissjoni, inkluż l-użu ta’ konsulenti mill-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri; jenfasizza li din l-għajnuna hija kruċjali, billi r-riformi jistgħu jiġu implimentati biss b’mod effettiv meta l-kapaċitajiet amministrattivi jiġu msaħħa; jistieden lill-awtoritajiet tal-Ukraina jistabbilixxu ministeru jew uffiċċju għall-koordinament tal-għajnuna u għall-integrazzjoni fl-UE, kif ukoll kumitat ta’ koordinament interministerjali ta’ livell għoli, li jingħatawlhom is-setgħat biex jimmonitorjaw u jissorveljaw b’mod effikaċi l-progress ta' tqarrib lejn l-UE u r-riformi u li jkunu jistgħu jħejju u jikkoordinaw l-implimentazzjoni tagħhom;
11. Jistieden lit-tmexxija Ukraina biex teqred il-korruzzjoni sistematika billi tistabbilixxi uffiċċju kontra l-korruzzjoni politikament indipendenti, mgħammar b’kompetenzi u riżorsi suffiċjenti li jippermettulu jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-funzjonament tajjeb tal-istituzzjonijiet statali;
12. Ifakkar li fis-16 ta' Lulju 2014, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea neħħa l-embargo tal-armi minn fuq l-Ukraina, u għalhekk issa ma hemm ebda oġġezzjonijiet, inklużi restrizzjonijiet ġuridiċi, biex l-Istati Membri jipprovdu armi ta' difiża lill-Ukraina, fuq il-bażi ta' ftehim tat-tip 'lend-lease'; jikkunsidra li l-kompitu immedjat huwa li jissaħħu l-kapaċitajiet ta' difiża tal-Ukraina kif mitlub mill-awtoritajiet tagħha, u li l-UE għandha tesplora modi kif tappoġġja l-gvern tal-Ukraina fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta’ difiża tagħha u l-ħarsien tal-fruntieri esterni tagħha, abbażi tal-esperjenza tat-trasformazzjoni tal-forzi armati tal-Istati Membri tal-UE li kienu membri tal-Patt ta’ Varsavja, b’mod speċjali fil-qafas ta’ missjonijiet ta’ taħriġ diġà pprovduti lil forzi armati f’partijiet oħra tad-dinja;
13. Jappella lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Kummissarju Hahn biex fi żmien xahrejn iħejju u jippreżentaw strateġija ta' komunikazzjoni lill-Parlament Ewropew, bil-għan li teħodha kontra l-kampanja ta' propaganda Russa diretta lejn l-UE, il-ġirien tal-Lvant tagħha u r-Russja stess, kif ukoll sabiex jiżviluppaw strumenti li jippermettu lill-UE u lill-Istati Membri jindirizzaw il-kampanja ta' propaganda fil-livell Ewropew u nazzjonali;
14. Jenfasizza l-bżonn li jissaħħaħ ir-rwol ta' osservatur u informatur tas-soċjetà ċivili tal-Ukraina u li l-awtoritajiet jiġu megħjuna jżommu l-wegħdiet ta' riforma tagħhom;
15. Jappella lill-Kummissjoni biex tiżviluppa "Marshall Plan" Ewropew għall-Ukraina, li jappoġġja l-gvern pro-Ewropew li għadu kif ġie fformat u l-aġenda ta’ riforma tiegħu; jirrakkomanda li dan il-pjan jinkludi prijoritajiet, punti ta’ riferiment konkreti u skeda ta' żmien għall-implimentazzjoni, b'mod li l-għajnuna finanzjarja tkun marbuta ma’ setturi ta’ riforma konkreti; jilqa’ l-fatt li pakkett ta’ appoġġ ta' 11-il biljun għall-Ukraina jiġi żburżat matul il-ftit snin li ġejjin, inklużi l-għajnuna makrofinanzjarja u s-self mill-FMI, il-Bank Dinji u istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali bbażati fl-UE; jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni li talloka lill-Ukraina EUR 1.8 biljun addizzjonali f’self fuq perjodu ta’ żmien medju u jitlob li d-dejn tal-Ukraina jingħata skadenza ġdida; jitlob l-involviment attiv tal-komunità ta' esperti fl-Ukraina kif ukoll tal-esperti mill-UE biex jikkontribwixxu billi jipprovdu għarfien espert indipendenti u billi jissorveljaw il-proċess tal-implimentazzjoni tar-riformi;
16. Jilqa’ pożittivament it-tnedija tal-missjoni konsultattiva tal-UE għar-riforma tas-settur tas-sigurtà ċivili fl-Ukraina, li għandha tiffaċilita l-ħolqien ta' istituzzjonijiet tas-sigurtà ċivili fdati u effettivi, bħall-pulizija , is-servizzi tas-sigurtà ċivili, il-prosekuzzjoni pubblika u l-qrati;
17. Jitlob li jkun hemm aktar unità u koperazzjoni fost l-Istati Membri u l-imsieħba tal-Lvant tagħha; jitlob lill-UE biex taġġorna l-istrateġija tas-sigurtà tagħha u ttejjeb il-koordinament mal-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NATO) biex twieġeb b’mod effikaċi għall-isfidi l-ġodda marbut mas-sigurtà; jilqa’ l-fatt li matul l-aħħar summit tan-NATO l-alleati affermaw mill-ġdid l-appoġġ tagħhom għas-sovranità, l-indipendenza u l-integrità territorjali tal-Ukraina; jirrikonoxxi li l-Ukraina qed tħabbat wiċċha ma' gwerra ibrida mhux iddikjarata, li tħallat flimkien elementi ta’ attakki ċibernetiċi, użu ta’ forzi regolari u irregolari, propaganda, pressjoni ekonomika, rikatt marbut mal-enerġija, diplomazija u destabbilizzazzjoni politika;
18. Jistieden lill-Gvern tal-Ukraina u lill-komunità internazzjonali biex jikkooperaw għall-organizzazzjoni ta' konferenza tad-donaturi kif ukoll ta' konferenza tal-investituri, li jippermettu li jingħata appoġġ finanzjarju addizzjonali, kif ukoll li tinfirex il-kompetenza u l-aħjar prattiki, f’diversi setturi;
19. Jenfasizza l-importanza tas-sigurtà tal-enerġija fl-Ukraina; jilqa’ b’sodisfazzjon il-ftehim bejn l-UE, ir-Russja u l-Ukraina taħt it-tmexxija ta’ dak li kien il-Kummissarju għall-Eneġija tal-UE, Günther Oettinger, dwar il-pakkett tax-xitwa li jiżgura l-forniment tal-gass mir-Russja sa Marzu 2015; jikkundanna d-dikjarazzjoni li saret mill-Ministru għall-Enerġija Russu, Aleksander Novak, li fiha sostna li ftehim trilaterali mhuwiex ta’ natura vinkolanti, u jistieden lill-Federazzjoni Russa biex tkompli tikkoopera fi spirtu ta’ rieda tajba; jistieden lill-awtoritajiet Ukraini biex iżidu l-effiċjenza tal-enerġija tal-Ukraina sabiex isir l-aħjar użu mir-riżorsi tagħha; jistieden lill-UE taħdem biex tikseb Politika Esterna Komuni dwar l-Enerġija, kif ukoll toħloq Unjoni tal-Enerġija Ewropea; iħeġġeġ l-infurzar sħiħ tas-suq intern tal-enerġija komuni, li jinkludi t-tielet pakkett tal-enerġija u t-tkomplija indiskriminata tal-kawża pendenti fil-qorti kontra Gazprom;
20. Jisħaq fuq il-fatt li għandha tingħata prijorità lill-proġetti marbuta mal-pipelines li jiddiversifikaw il-provvista tal-enerġija lejn l-UE, u għalhekk jaqbel mal-waqfien tal-proġett 'South Stream'; jistieden lill-Komunità Ewropea tal-Enerġija biex tiżviluppa aġenda ta' kooperazzjoni mal-Ukraina, kif ukoll mal-Kawkasu tan-Nofsinhar, l-Asja Ċentrali, il-Lvant Nofsani u l-pajjiżi tal-Mediterran, maħsuba biex tiżviluppa infrastruttura u interkonnettività bejn l-UE u l-pajjiżi ġirien Ewropej tagħha indipendentement mill-ġeopolitika tal-gass Russa; jirrikonoxxi l-fatt li l-provvisti stabbli ta' gass lill-Ukraina huma wkoll kruċjali biex jiżguraw is-sigurtà tal-enerġija tal-Istati Membri;
21. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-Lvant tal-Ukraina u fil-Krimea, li tinsab taħt annessjoni illegali, fejn it-Tartari u minoranzi oħra, b’mod partikolari l-minoranzi reliġjużi, huma suġġetti għal ksur immirat tad-drittijiet tal-bniedem, minħabba kollass totali tal-ordni pubbliku, u jitlob għall-istabbiliment u li tintbagħat missjoni ta’ osservazzjoni indipendenti f’dan ir-rigward, kif rikjest mir-rappreżentanti uffiċjali tat-Tatari tal-Krimea; jiddeskrivi l-importanza tar-responsabbiltà u t-tmiem tal-impunità bħala elementi ċentrali għall-promozzjoni tal-paċi, ir-rikonċiljazzjoni u l-irkupru fit-tul; jistieden lill-UE tkompli proġetti fil-Krimea li jqiegħdu fil-mira lis-soċjetà ċivili u l-appoġġ tad-demokrazija fl-Ukraina;
22. Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-UE, flimkien mal-awtoritajiet Ukraini, jiddedikaw aktar attenzjoni lill-kriżi umanitarja fl-Ukraina, u jindirizzaw is-sitwazzjoni umanitarja katastrofika, b'mod partikolari s-sitwazzjoni tal-persuni spustati internament; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Kummissarju Stylianides biex iħejju azzjoni umanitarja qawwija, diretta u fit-tul, filwaqt li jħallu barra organizzazzjonijiet intermedjarji, f'forma ta' azzjoni umanitarja tat-tip "Blue Convoy", li tkun immarkata b'mod ċar li ġejja mill-UE; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tippreżenta dan il-pjan ta' azzjoni lill-Parlament Ewropew fix-xahrejn li ġejjin; jisħaq fuq il-ħtieġa għal aktar assistenza finanzjarja tal-UE għall-Ukraina sabiex tkun tista' tlaħħaq mal-kriżi umanitarja estrema;
23. Jistieden lill-UE tkompli tinsisti li l-partijiet kollha involuti jiggarantixxu aċċess kontinwu, sikur u mingħajr restrizzjonijiet għas-sit tat-tiġrif tal-MH17, u jagħtu aċċess għar-riżorsi l-oħra kollha rilevanti li jistgħu jikkontribwixxu għall-investigazzjoni; jiddeskrivi d-dmir morali u l-obbligu ġuridiku li dak li ġara jiġi investigat bir-reqqa u dawk responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja;
24. Jenfasizza li l-ħidma tal-Missjoni Speċjali ta’ Monitoraġġ tal-OSKE hija ta’ importanza kruċjali biex jitnaqqsu t-tensjonijiet u biex tgħin fit-tkattir tal-paċi, l-istabbiltà u s-sigurtà; jenfasizza, madankollu, li l-effetti tagħha fuq il-post għandhom jiżdiedu sabiex jipprovdu kontroll u verifika effikaċi tal-fruntiera bejn l-Ukraina u r-Russja filwaqt li tinżamm l-oġġettività tal-azzjonijiet tagħha; jemmen li l-UE għandha timmobilizza, jekk mitluba mill-awtoritajiet Ukraini, missjoni ta’ monitoraġġ tal-UE li tikkontribwixxi għall-kontroll u l-monitoraġġ effikaċi tal-fruntiera bejn l-Ukraina u r-Russja; jirrakkomanda li tiġi msaħħa l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi oħra tas-Sħubija tal-Lvant fil-qafas tal-PSDK;
25. Jistieden lir-Rappreżentant Għoli Mogherini u l-Kummissarju Hahn jagħmlu dak kollu li jistgħu fis-setgħat tagħhom biex jiffaċilitaw soluzzjoni politika għall-kriżi fl-Ukraina li tkun irrispettata mill-partijiet kollha involuti; jenfasizza li soluzzjoni bħal din għandha tevita xenarju ta' kunflitt iffriżat fil-Lvant tal-Ukraina kif ukoll fil-Krimea;
26. Jistieden lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew biex jistabbilixxu kooperazzjoni tajba mal-korpi korrispondenti fl-Ukraina, meta tqis li awtonomija b’saħħitha fl-Ukraina u atturi pubbliċi effiċjenti jistgħu jikkontribwixxu biex isaħħu l-unità nazzjonali u jibnu demokrazija lokali kkonsolidata
27. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ukraina, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa.
- [1] Testi adottati, P8_TA(2014)0025.