Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0031/2015Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0031/2015

    MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fil-Libja

    12.1.2015 - (201/3018(RSP))

    imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
    skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

    Fabio Massimo Castaldo, Ignazio Corrao, Dario Tamburrano, Valentinas Mazuronis f'isem il-Grupp EFDD

    Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0011/2015

    Proċedura : 2014/3018(RSP)
    Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
    Ċiklu relatat mad-dokument :  
    B8-0031/2015
    Testi mressqa :
    B8-0031/2015
    Dibattiti :
    Testi adottati :

    B8‑0031/2015

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Libja

    (201/3018(RSP))

    Il-Parlament Ewropew,

    –       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Libja,

    –       wara li kkunsidra r-rapport rivedut tal-Missjoni ta’ Appoġġ tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Libja (UNSMIIL) u tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem tat-23 ta’ Diċembru 2014 bit-titolu "Aġġornament dwar il-ksur tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali matul il-vjolenza li għaddejja bħalissa fil-Libja" ("Update on Violations of International Human Rights and Humanitarian Law during the Ongoing Violence in Libya"),

    –       wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa tal-UNSMIL tal-10 ta’ Jannar 2015 intitolata “Ċiklu Ġdid ta’ Djalogu Politiku Libjan fl-Uffiċċju tan-NU f’Ġinevra, l-ġimgħa d-dieħla” ("New Round of Libyan Political Dialogue at UN Office in Geneva Next Week"),

    –       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta mill-Gvernijiet ta' Franza, tal-Ġermanja, tal-Italja, ta' Spanja u tar-Renju Unit u tal-Istati Uniti tal-10 ta' Jannar 2015 dwar il-Libja,

    –       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) tal-10 ta' Jannar 2015 dwar l-aħħar żviluppi fil-Libja,

    –       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-VP/RGħ tas-16 ta’ Diċembru 2014 f’isem l-Unjoni Ewropea dwar il-Libja,

    –       wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 2144 (2014) tat-13 ta’ Marzu 2014 li ġġedded il-mandat tal-UNSMIL,

    –       wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 2174 (2014) tas-27 ta’ Awwissu 2014 dwar projbizzjoni immirata fuq l-ivvjaġġar u miżuri ta' iffriżar ta' assi,

    –       wara li kkunsidra l-istqarrija tal-VP/RGħ tat-30 ta’ Diċembru 2014 dwar l-iktar vjolenza reċenti fil-Libja,

    –       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta mill-Ministri tal-Affarijiet Barranin ta’ Franza, tal-Ġermanja, tal-Italja, ta' Spanja u tar-Renju Unit, tas-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti, tal-VP/RGħ u tas-Sottosegretarju Ġenerali tan-NU għall-Affarijiet Politiċi tat-3 ta’ Diċembru 2014 dwar il-Libja,

    –       wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949 u l-protokolli addizzjonali tagħhom tal-1977, u l-obbligu li għandhom il-partijiet involuti f'kunflitt armat li jirrispettaw u jiżguraw li jiġi rrispettat id-dritt umanitarju internazzjonali f'kull ċirkostanza,

    –       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar is-Sikurezza tal-Persunal tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-Persunal Assoċjat, u l-Protokoll Fakultattiv tagħha,

    –       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A.     billi matul l-2014, il-Libja baqgħet involuta fi ġlied politiku intern li evolva fi ġlieda vjolenti għall-poter bejn żewġ sedi rivali ta’ gvern u diversi fazzjonijiet rivali ta' forzi nazzjonalisti, Islamisti, tribali u reġjonali f’dik li qed issir gwerra f’kull sens,

    B.     billi ż-żewġ parlamenti u gvernijiet li jikkompetu qed iżidu l-frammentazzjoni tal-Libja f’żoni reġjonali ta’ governanza, filwaqt li l-gvernijiet stess jibqgħu ostaġġ tal-interessi tal-gruppi armati;

    C.     billi l-Libja tibqa' tesperjenza kunflitti armati u vjolenza madwar il-pajjiż u ksur u abbużi tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju, li jirriżultaw f’ħafna mwiet, ċaqliq tal-massa u kriżi umanitarja serja;

    D.     billi l-partiti politiċi Libjani qablu li jorganizzaw sessjoni ġdida ta’ djalogu politiku bil-għan li tintemm il-kriżi politika u ta’ sigurtà tal-pajjiż; billi l-laqgħa ser issir il-ġimgħa d-dieħla u se tkun ospitata mill-Missjoni ta’ Appoġġ tan-NU fil-Libja (UNSMIL) fl-Uffiċċju tan-NU f’Ġinevra;

    E.     billi sabiex jinħoloq ambjent li jwassal għad-djalogu, ir-Rappreżentant Speċjali tan-NU għal-Libja, Bernardino León, ippropona lill-partijiet fil-konflitt il-waqfien immedjat ta’ operazzjonijiet militari għal ftit jiem;

    F.     billi fis-6 ta’ Diċembru 2014, il-Qorti Suprema tal-Libja ddeċidiet li l-elezzjonijiet ġenerali li saru f’Ġunju 2014 kienu jmorru kontra l-kostituzzjonali u li l-Parlament u l-Gvern li rriżultaw minn dak il-vot għandhom jiġu xolti;

    G.     billi fl-aħħar ta’ Ottubru 2014 milizzji li kienu qed jikontrollaw il-belt ta’ Derna wegħdu l-alleanza tagħhom lill-Istat iżlamiku (IS); billi l-fergħa tal-Lvant tal-Libja tal-IS qalet fit-8 ta’ Jannar 2015 li kienet wettqet eżekuzzjoni ta' riporter Sofiene Chourabi u ta' operatur tal-kamera Nadhir Ktari;

    H.     billi fl-4 ta’ Jannar 2015 ajruplan Libjan operat minn forzi leali lill-Gvern ta' Tobruk ibbumbardja tanker taż-żejt Grieg li kien ankrat lil hinn mix-xatt, fejn inqatlu żewġ persuni u ndarbu tnejn oħra;

    I.      billi f’dawn l-aħħar xhur kien hemm sensiela ta’ attakki, kontra-attakki, attakki terroristiċi u attakki mill-ajru mwettqa min-naħat kollha, li eskalaw iktar is-sitwazzjoni u ħallew mijiet ta’ persuni mejta u mijiet ta’ eluf ta’ persuni spostati internament;

    J.      billi l-ġlied indiskriminat madwar portijiet, ajruporti u bjar taż-żejt, li normalment jinvolvi l-użu ta’ munizzjon mhux gwidat li mhux preċiż (b’mod partikolari rokits tat-tip "Grad"), qed jagħti lok għal riskju għoli ta’ ħsara kollaterali u qed ikun ta’ theddida għall-ħajja u s-saħħa tal-persunal li juża dawn il-faċilitajiet;

    K.     billi l-ġlied fil-pajjiż, speċjalment madwar il-portijiet marbuta mal-industrija taż-żejt tal-Libja, naqqas bil-kbir il-produzzjoni taż-żejt tal-Libja għal 380 000 barmil kuljum (bpd) ikkomparat ma' 1.6 miljun bpd qabel l-2011; billi l-waqa' simultanja fil-prezzijiet taż-żejt wasslet għall-irduppjar tad-defiċit tal-Libja;

    L.     billi l-Ispeaker tal-Parlament rikonoxxut internazzjonalment tal-Libja qal li l-gvern tiegħu huwa kontra kwalunkwe intervent militari tal-Punent fil-pajjiż u li jekk ikun hemm bżonn ta’ għajnuna militari din tintalab minn nazzjonijiet Għarab oħra;

    M.    billi ġie rrapurtat li l-forzi tal-Ġeneral Haftar iffirmaw ftehim ta' valur kbir għal armi għal bosta miljuni ta' Dollari ma' pajjiż Ewropew tal-Lvant, li jwassal għall-kisba ta’ armi tal-aħħar ġenerazzjoni;

    N.     billi Ansar al-sharia, ikklassifikat min-NU bħala grupp terroristiku, qed jopera wkoll fil-pajjiż u reċentement wiegħed l-alleanza tiegħu lil-Libja Shield 1, li huwa nominalment parti mill-Libyan Shield forces;

    O.     billi s'issa l-Bank Ċentrali tal-Libja żamm in-newtralità tiegħu, u effettivament ħallas lill-milizzji fin-naħat kollha tal-konflitt permezz ta’ dħul miż-żejt;

    P.     billi element kruċjali tal-kunflitt jikkonċerna l-kontroll u l-amministrazzjoni tal-Korporazzjoni Nazzjonali taż-Żejt; billi ż-żewġ naħat fil-kunflitt ħatru ministri tagħhom taż-żejt fi sforz biex jidderieġu d-dħul miż-żejt lin-naħa tagħhom;

    Q.     billi organizzazzjonijiet indipendenti ta' monitoraġġ irrapurtaw aktar minn 2 700 nies mejta fl-2014;

    R.     billi hemm tħassib kbir li x-Xlokk tal-Libja qed issir post ta' rifuġju sigur għall-organizzazzjonijiet terroristiċi, li jistgħu faċilment idaħħlu klandestinament armi fil-pajjiż tul il-fruntieri li issa huma ineżistenti;

    S.     billi fit-23 ta’ Diċembru 2014, l-uffiċjal ewlieni tan-NU responsabbli għad-drittijiet tal-bniedem, Zeid Raas al‑Hussein qal li l-bumbardament indiskriminat taċ-ċivili fil-Libja se jwassal għal prosekuzzjoni ta' delitti tal-gwerra;

    T.     billi hemm rapporti ta’ ħtif ta’ għexieren ta’ ċivili kemm mill-forzi tal-Libya Dawn kif ukoll minn ġellieda affiljati mal-Ġeneral Haftar, imwettqa fuq il-bażi ta’ affiljazzjoni tribali, tal-familja, jew reliġjuża, attwali jew suspettata; billi fil-parti l-kbira tal-każijiet, id-detenuti kienu allegatament ittorturati, u jingħad li xi wħud minnhom mietu kawża ta' dan;

    U.     billi fit-3 ta’ Jannar 2015, 13-il Nisrani Kopti inħatfu fiċ-ċentru tal-Libja minn nies mgħammda u armati, li l-ewwel kienu vverifikaw id-dokumenti ta’ nies preżenti u għażlu biss l-insara, wara l-ħtif ta’ seba’ oħrajn li kien seħħ jiem qabel;

    V.     billi għadd ta’ migranti, b’mod partikolari mill-Afrika sub-Saħarjana, qed jaffaċċjaw ukoll detenzjoni arbitrarja minn gruppi armati diversi u ta’ spiss huma mġegħla jagħmlu xogħol manwali;

    W.    billi saret ħsara enormi lill-infrastruttura, inklużi l-iskejjel, banek, bini uffiċjali tal-gvern, djar privati u sptarijiet, kkawżata fil-biċċa l-kbira minn bumbardamenti indiskriminati u l-użu ta’ rokits u bombi;

    X.     billi fil-5 ta’ Jannar 2015, il-Lega Għarbija ħabbret l-appoġġ tagħha għall-Kamra tad-Deputati tal-Libja;

    Y.     billi ċ-ċifri preliminari tal-Frontex jistmaw li 280 000 migrant irregolari u persuni li qed ifittxu l-ażil waslu fl-UE fl-2014, b’170 000 minnhom jaslu fl-Italja, fil-biċċa l-kbira ġejjin mil-Libja; billi mill-inqas 3 200 minnhom mietu fil-baħar Mediterran meta kienu qed jippruvaw jaslu sal-kosta Taljana; billi filwaqt li l-programm Triton, li ġie wara l-programm ta' suċċess Mare Nostrum, kien salva iktar minn 12 000 migrant minn meta beda jopera fl-1 ta’ Novembru 2014, il-baġit relattivament żgħir tiegħu u l-kapaċitajiet tiegħu ma kinux suffiċjenti biex jiġġestixxu s-sitwazzjoni kumplessa b'mod tajjeb daqs il-Mare Nostrum;

    1.      Jikkundanna bil-qawwa ż-żieda qawwija ta’ vjolenza fil-Libja, partikolarment immirata fuq iċ-ċivili, li tista' tipperikola b’mod serju l-prospetti futuri għal soluzzjoni paċifika; jappoġġja bil-qawwa t-taħdidiet nnegozjati min-NU f’Ġinevra u jappella lill-partijiet kollha fil-kunflitt biex jaċċettaw il-waqfien immedjat ta' operazzjonijiet militari propost mir-Rappreżentant Speċjali tan-NU, Bernardino León sabiex jinħoloq ambjent favorevoli;

    2.      Jistieden lill-partijiet kollha biex jipparteċipaw fid-djalogu ta’ Ġinevra b’mod kostruttiv u b’rieda tajba, bil-ħsieb, l-ewwel nett, li jiġu stabbiliti l-arranġamenti ta’ sigurtà meħtieġa biex iġibu fi tmiem l-ostilitajiet armati li qed iseħħu f’diversi partijiet tal-pajjiż, u t-tieni nett li jintlaħaq ftehim dwar il-ġestjoni tal-bqija tal-perjodu ta’ tranżizzjoni, inkluż il-formazzjoni ta’ gvern ta’ unità li jgawdi appoġġ wiesa’, u li twitti t-triq għal ambjent stabbli għal proċess kostituzzjonali li permezz tiegħu tista' tiġi adottata kostituzzjoni permanenti ġdida;

    3.      Jitlob lill-pajjiżi kollha ġirien u lill-atturi reġjonali għall-appoġġ tal-proċess u sabiex ma jagħmlu xejn li jista’ jipperikola t-taħditiet skedati f’Ġinevra;

    4.      Jemmen li ma hemm l-ebda alternattiva għal soluzzjoni paċifika nnegozjata u jitlob lill-pajjiżi ġirien u lill-parteċipanti reġjonali u internazzjonali, għal darb’oħra, sabiex ma jipparteċipawx fi “gwerra bi prokura”; jikkundanna bil-qawwa kull azzjoni esterna unilaterali fil-kunflitt kurrenti li jista’ jkompli jżid id-diviżjonijiet attwali; jitlob lill-pajjiżi ġirien, fl-istess ħin, biex iżidu l-kontrolli mal-fruntieri sabiex jiġi evitat il-kontrabandu tal-armi;

    5.      Jemmen li minħabba s-sitwazzjoni attwali, id-deċiżjoni tal-Qorti Suprema, il-fatt li daqshekk ftit nies ħarġu jivvutaw fl-elezzjonijiet ta’ Ġunju 2014 u l-illeġittimità tal-Kungress Nazzjonali Ġenerali, għandha tinstab soluzzjoni politika bejn il-partijiet bil-għan li jiġi ffurmat gvern ta’ unità li jwassal għal proċess kostituzzjonali, l-adozzjoni ta’ Kostituzzjoni ġdida u elezzjonijiet ġodda;

    6.      Jikkundanna bil-qawwa l-qtil ta’ żewġ ġurnalisti Tuneżini mill-IS bħala att terroristiku; jesprimi l-kondoljanzi tiegħu mal-familji tal-vittmi;

    7.      Ifakkar li l-partijiet involuti fil-ġlied fil-Libja huma marbuta bid-dispożizzjonijiet relevanti tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali, b’mod partikolari l-projbizzjoni stretta tat-twettiq ta’ attakki diretti kontra ċ-ċivili u oġġetti ċivili kif ukoll il-projbizzjoni ta’ attakki indiskriminati u l-obbligu li jiġu adottati miżuri ta’ prekawzjoni milli jsiru attakki;

    8.      Jikkundanna l-attakk fuq installazzjonijiet taż-żejt f’Sidra u l-impatt ambjentali tiegħu, l-attakk terroristiku f’Tobruk u l-attakki mill-ajru fuq Misrata mwettqa mill-forzi tal-Ġeneral Haftar, li huwa nominalment alleat mal-Gvern ta' Tobruk;

    9.      Jitlob lill-VP/RGħ, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Kummissjoni biex ikunu lesti li jibdew miżuri restrittivi lejn dawk li jkunu qed ifixklu l-prospetti għal soluzzjoni politika, u jitlob lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU biex jikkunsidra miżuri ulterjuri kontra dawk li jostakolaw id-djalogu, f’każ li t-taħditiet ta’ Ġinevra ma jwassalux għal xi progress;

    10.    Jitlob lill-kumpaniji internazzjonali, qabel ma jikkonkludu xi transazzjoni li tinvolvi ż-żejt Libjan, li jappartjeni lill-poplu Libjan, biex jiżguraw li tranżazzjonijiet bħal dawn ma jiffinanzjawx, direttament jew indirettament, il-milizzji involuti fil-kunflitt; jitlob lill-kumpaniji internazzjonali involuti fil-Libja, għal darb’oħra, li jiżvelaw in-negozji finanzjarji tagħhom fis-settur tal-enerġija;

    11.    Jinnota li l-Missjoni tal-UE ta’ Assistenza fil-Fruntieri fil-Libja mhijiex fil-kundizzjoni meħtieġa biex twettaq il-missjoni tagħha; jemmen li kwalunkwe intervent fil-pajjiż jista’ jkun aktar effettiv taħt il-kappa tan-NU, b’mod partikolari permezz ta’ missjoni UNSMIL imsaħħa b’mandat estiż għall-kontroll tal-fruntieri;

    12.    Jinnota l-falliment fil-passat tal-Istrateġija tal-UE għal-Libja u jitlob lill-VP/RGħ biex jippreżenta pjan ċar ta' direzzjoni għal impenn futur tal-UE f’pajjiż li qed jiffaċċa sitwazzjoni li qed teskala li ta' spiss ġiet ittraskurata fil-perjodu ta’ wara Gaddafi;

    13.    Jitlob lill-UE, lill-VP/RGħ, lill-Istati Membri u lill-komunità internazzjonali biex jiffokaw b’mod partikolari fuq l-għajnuna umanitarja u, għal darb’oħra, jitlob lill-forzi kollha li qed jieħdu sehem fil-kunflitt sabiex jagħtu aċċess bla xkiel għall-pajjiż biex tkun tista' tingħata għajnuna umanitarja; ifakkar li l-attakki diretti kontra persunal involuti f’assistenza umanitarja jew fiż-żamma tal-paċi jikkostitwixxu delitt tal-gwerra skont l-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali;

    14.    Jinsab imħasseb ferm dwar il-kriżi umanitarja li qed tirriżulta mill-konflitt, mill-qtil u ċ-ċaqliq ta’ iktar minn 200 000 persuna, minn nuqqas kbir ta’ ikel u provvisti mediċi u mill-mijiet ta’ djar, irziezet u negozji oħra li inqerdu, li b’hekk għamlu t-trażizzjoni u l-irkupru futur tal-pajjiż aktar u aktar diffiċli;

    15.    Jikkundanna bil-qawwa l-ħtif, it-teħid ta’ ostaġġi u deprivazzjonijiet arbitrarji tal-libertà, kif ukoll id-detenzjoni fuq il-bażi tal-identità individwali ta' persuna jew ta' grupp li tappartjeni għalih, u jfakkar li dawn l-atti huma pprojbiti u li dawk kollha arrestati – ċivili kif ukoll ġellieda għedewwa – għandhom ikunu ttrattati b’mod uman;

    16.    Jitlob li l-ġellieda kollha u l-mexxejja tagħhom jibqgħu lura minn kwalunkwe att li jista’ jammonta għal delitt tal-gwerra jew delitt kontra l-umanità, inklużi l-attakki indiskriminati, attakki fuq faċilitajiet mediċi u fuq l-ambulanzi, għajbien sfurzat, omiċidju, ħtif ta’ ostaġġi, tortura u trattament ħażin ieħor, u l-qerda tal-proprjetà; jitlob lill-mexxejja ta' gruppi armati biex ineħħew mis-servizz attiv dawk il-membri tagħhom issuspettati li wettqu ksur bħal dawn u biex iżommuhom responsabbli;

    17.    Jemmen li l-partijiet kollha responsabbli għal ksur u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju għandhom jinżammu responsabbli irrispettivament mill-affiljazzjoni, u jirrimarka li dawk li jikkommettu reati skont id-dritt internazzjonali, inkluż mexxejja politiċi u kmandanti ta’ gruppi armati li jagħtu ordniet sabiex isiru dawn ir-reati jew jonqsu milli jieħdu miżuri biex jipprevjenuhom jew jikkastigawhom, huma kriminalment responsabbli, inkluż quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali;

    18.    Huwa mħasseb ħafna dwar id-diżintegrazzjoni tal-fruntieri tal-Libja u dwar il-kuntrabandu tal-armi tal-ġiħadisti bejn in-Nofsinhar tal-Libja, it-Tramuntana tal-Mali, in-Niġer u ċ-Ċad;

    19.    Jieħu nota tad-deċiżjoni tal-Qorti Suprema tal-Libja, iżda jinnota li din qatgħet is-sentenza tagħha mill-belt kapitali, Tripli, li hija kkontrollata minn milizzji li huma allejati mal-Islamisti u li dan jista’ jqajjem dubji dwar jekk din kienet ġiet deċiża taħt pressjoni mill-milizzji;

    20.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, u lill-Kamra tad-Deputati u lill-Kungress Nazzjonali Ġenerali Libjan.