Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0034/2015Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0034/2015

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-prijoritajiet tal-Parlament Ewropew għall-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2015

12.1.2015 - (2014/2829(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 37(3) tar-Regoli ta' Proċedura u l-ftehim qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea

Sophia in ‘t Veld, Pavel Telička, Dita Charanzová f'isem il-Grupp ALDE

Proċedura : 2014/2829(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0034/2015
Testi mressqa :
B8-0034/2015
Dibattiti :
Testi adottati :

B8‑0034/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-prijoritajiet tal-Parlament Ewropew għall-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2015

(2014/2829(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2015,

–       wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni, b'mod partikolari l-Anness 4 tiegħu,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 37(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-Ewropa teħtieġ tirrispondi b'viżjoni ċara, direzzjoni, tmexxija, ambizzjoni u kuraġġ għall-isfidi li niffaċċjaw kemm internament kif ukoll esternament, biex turi li hija kapaċi tilħaq l-aspettattivi taċ-ċittadini tagħna, filwaqt li toffrilhom prospetti u toħloq fiduċja, billi tagħmel lill-UE unjoni politika verament demokratika, demokrazija parlamentari u arena fejn iċ-ċittadini jistgħu jiggwidaw u jsawru l-kontinent tagħhom fl-interess li jkun presevat u konsolidat il-livell ta' għajxien tagħhom;

B.     billi r-rwol tal-Kummissjoni huwa li tippromwovi l-interess ġenerali tal-Unjoni, li tieħu inizjattivi xierqa għal dan il-għan, li tiżgura l-applikazzjoni tat-Trattati, li tissorvelja l-implimentazzjoni u l-infurzar tad-dritt tal-Unjoni, li teżerċita funzjonijiet eżekuttivi, ta' koordinazzjoni u ta' ġestjoni, u li tipproponi leġiżlazzjoni;

C.     billi l-edukazzjoni u ċ-ċittadinanza għandhom rwol essenzjali fil-promozzjoni tal-valuri ewlenin tal-UE u jeħtieġ li l-Ewropa tagħti riżultati u timpenja ruħha fi djalogu aktar mill-qrib u komprensiv maċ-ċittadini tagħha; billi, għalhekk, huwa kruċjali li fil-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2015 jissaħħaħ ir-rwol tal-edukazzjoni, il-kultura u ċ-ċittadinanza bħala difiża kontra ż-żieda tal-popoliżmu u l-ewroxettiċiżmu u bħala strument biex jerġgħu jqarrbu lill-Ewropa maċ-ċittadini tagħha u jsaħħu r-rwol tal-valuri komuni Ewropej;

D.     billi l-Ewropa teħtieġ Kummissjoni b'saħħitha bi Programm ta' Ħidma ffukat tajjeb u ambizzjuż b'mod adegwat li bih tkun tista' tindirizza l-ħtiġijiet reali li l-UE u ċ-ċittadini tagħha qed iħabbtu wiċċhom magħhom;

E.     billi l-UE ġarrbet kriżi ekonomika twila, bi tkabbir baxx u nuqqas ta' ħolqien ta' impjiegi u investimenti, li mhux se tingħeleb mingħajr approfondiment akbar tal-integrazzjoni Ewropea fejn tkun iġġustifikata, b'mod partikolari fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja, b'kontroll demokratiku u responsabbiltà msaħħa;

F.     billi s-sostenibbiltà u t-tkabbir ekonomiku huma kompatibbli u jistgħu jsaħħu lil xulxin b'mod reċiproku, u għalhekk il-Parlament jesprimi t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta' enfasi fuq it-tkabbir sostenibbli fil-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmel is-sostenibbiltà pedament tal-aġenda dwar l-impjiegi u t-tkabbir;

G.     billi t-telf tal-kompetittività Ewropea fl-ekonomija globali, ir-rata għolja tal-qgħad u b'mod partikolari r-rata għolja inaċċettabbli ta' qgħad fost iż-żgħażagħ, it-tibdil demografiku u partikolarment il-popolazzjoni li qiegħda dejjem tixjieħ, u t-tbatija soċjali konsegwenza ta' dan, li tirriżulta mit-tnaqqis ekonomiku, jippreżentaw sfidi mingħajr preċedent għall-UE;

H.     billi l-għażliet baġitarji fil-livell tal-UE għandhom jissodisfaw il-prijoritajiet politiċi tagħha, mhux biss fir-rigward tal-ammont iżda wkoll fir-rigward tal-flessibilità u l-bilanċ;

TAQSIMA 1

1.      Jilqa' l-enfasi tal-Kummissjoni dwar "Temi Prinċipali" u t-tendenza tagħha favur regolamentazzjoni aħjar, iżda jinsisti li l-identifikazzjoni ta' "Temi Prinċipali" hija suġġett għal dibattitu minn qabel mal-Parlament, li l-irtirar ta' fajls leġislattivi għandhom jissodisfaw kriterji oġġettivi u jkunu appoġġati minn valutazzjoni tal-impatt korrispondenti, u li t-tneħħija tal-proposti leġiżlattivi minħabba li l-Istati Membri jonqsu milli jassumu r-responsabilità u jilħqu kunsens m'għandhiex effettivament tagħti funzjoni ta' veto lill-wieħed mill-koleġiżlaturi billi jieqaf; ifakkar li regolamentazzjoni aħjar ma tfissirx it-tneħħija mhux raffinata iżda pjuttost aktar regolamentazzjoni fejn ikun meħtieġ u inqas fejn mhux; jistieden lill-President u lill-ewwel Viċi President jiżguraw li l-istruttura ta' raggruppament mal-Kulleġġ tkun effiċjenti; ifakkar li leġiżlazzjoni aħjar mhijiex biss dwar ir-riżultat iżda wkoll dwar il-proċess, li jeħtieġ li jkunu kompletament demokratiku u trasparenti;

2.      Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tuża d-dritt ta' inizjattiva tagħha kollu kemm hu sabiex tagħti tmexxija politika ċara lill-Unjoni u tinsisti li l-Kapijiet tal-Gvern jikkonformaw mad-deċiżjonijiet li ħadu fil-Kunsill Ewropew u b'mod partikolari jressqu pjan strateġiku għal unjoni fiskali, unjoni ekonomika u unjoni politika, u l-azzjoni esterna; jistieden lill-Kummissjoni tkompli l-aġenda ta' riforma kuraġġuża tal-istruttura tal-unjoni monetarja u jfakkar li l-Kummissjoni għandha d-dritt skont l-Artikolu 48 tat-Trattati li tagħmel proposti għal modifiki tat-Trattati;

3.      Jiddispjaċih li, minkejja l-wegħda ddikjarata li kemm il-Kunsill kif ukoll il-Parlament ikunu involuti fid-definizzjoni tal-prijoritajiet, il-Programm ta' Ħidma ma jilħaqx dik l-inklużività interistituzzjonali li setgħet kisbet programm li jirrifletti aħjar il-prijoritajiet tat-tliet istituzzjonijiet, permezz ta' proċedura trasparenti li tippermetti lill-Parlament jintroduċi l-prijoritajiet tiegħu f'dan il-proċess;

4.      Bl-istess mod jiddispjaċih li, għall-kuntrarju tal-Artikolu 13 tal-Ftehim Qafas attwali, il-Kummissjoni naqset milli tinforma lill-Parlament bil-miktub dwar inizjattivi sinifikanti rigward proposti leġiżlattivi bħala parti mill-Programm ta' Ħidma qabel ma jsiru pubbliċi;

5.      Jilqa' l-ħtieġa li tiġi żgurata regolamentazzjoni aħjar li timmira li tnaqqas il-piż leġiżlattiv, u tiġi evitata r-regolamentazzjoni żejda (gold-plating); jenfasizza, madankollu, li l-aġenda proposta biex tinħoloq regolamentazzjoni aħjar m'għandhiex tipperikola l-leġiżlazzjoni ewlenija f'oqsma importanti fil-livell Ewropew fejn se jintlaħaq valur miżjud reali, partikolarment il-ħarsien ambjentali u soċjali, fost oħrajn; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi sistema komprensiva biex tiskrutinizza l-leġiżlazzjoni fi tliet stadji kruċjali tal-proċess leġiżlattiv, fit-traspożizzjoni, l-implimentazzjoni u l-infurzar tagħha;

6.      Jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn imġedded tal-Kummissjoni sabiex l-UE jkollha politika tal-migrazzjoni komprensiva; itenni li l-Parlament, bħala parti mill-awtorità tal-baġit, jappoġġja bis-sħiħ il-proposta li l-baġit tal-Frontex jiżdied b'mod sostanzjali;

7.      Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli ttejjeb il-koerenza tal-programm leġiżlattiv tagħha biex iżżid il-kwalità tal-abbozzar leġiżlattiv tagħha, issaħħaħ il-valutazzjoni tal-impatt tagħha tal-abbozz ta' liġijiet, tisfrutta t-tabelli ta' korrelazzjoni għal traspożizzjoni aħjar tal-liġi tal-UE u tintroduċi klawżoli ta' estensjoni biex tiżgura li l-liġijiet tal-UE jkunu rieżaminati perjodikament;

8.      Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta li tindirizza n-nuqqasijiet u l-lakuni attwali fl-applikazzjoni tal-Artikolu 2 tat-TUE u l-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem li fuqhom hija msejsa l-UE, inkluż strument vinkolanti li jistrieħ fuq sett ta' indikaturi oġġettivi u li jippermetti rispons awtomatiku u gradwali għall-ksur tal-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell tal-Istati Membri; ifakkar li, bħala konsegwenza ta' dan, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem se jkollu jiġi implimentat b'mod effettiv permezz tal-konformità tad-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattat, b'mod partikolari l-hekk imsejħa 'klawżola demokratika';

9.      Jistieden lill-Kummissjoni tenfasizza r-responsabbiltà soċjali korporattiva bħala l-bażi tal-mudell soċjali Ewropew u tal-istrateġija Ewropea għall-iżvilupp sostenibbli;

10.    Jenfasizza l-ħtieġa għal preżenza tal-UE solida fid-dinja permezz ta' politika barranija effiċjenti, kapaċi li twieġeb għall-isfidi l-ġodda li qed niffaċċjaw illum;

11.    Jitlob impetu imġedded għal pjan direzzjonali għal trasparenza u aċċess għal dokumenti, li jiżgura unjoni politika, ibbażata fuq demokrazija parlamentari li titwettaq fi trasparenza u mar-responsabbiltà fl-UE u l-Istati Membri, u għall-ħatra ta' uffiċjal tat-trasparenza inkarigat biex imexxi din il-ħidma; ifakkar f'dan il-kuntest it-talbiet tal-Parlament li jintroduċi liġi amministrattiva għall-UE;

12.    Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-leġiżlazzjoni futura kollha hija suġġetta għal kontroll tad-drittijiet fundamentali, u għal verifika ex ante tal-leġiżlazzjoni eżistenti kollha, b'mod partikolari applikabbli għall-iskemi kollha tal-UE għall-ġbir, l-ipproċessar, it-trasferiment u l-ħażna tad-data fuq skala kbira;

13.    Jiddispjaċih li, għalkemm il-linji gwida politiċi tal-President Juncker politiki jipprevedu "proposta għal rappreżentanza esterna aktar effiċjenti tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja tagħna" li għandha tittieħed "matul l-ewwel sena ta' (tal-) mandat ", il-Programm ta' Ħidma ma jagħtix dettalji dwar dan; jistieden lill-Kummissjoni tuża d-dritt ta' inizjattiva tagħha skont l-Artikolu 138(2) tat-Trattat u tipproponi "miżuri xierqa ħalli tkun żgurata rappreżentazzjoni magħquda taż-żona tal-euro mal-istituzzjonijiet finanzjarji u l-konferenzi internazzjonali";

14.    Jenfasizza li l-ħolqien ta' impjiegi u t-tkabbir għandhom ikunu ffaċilitati permezz ta' aġenda għall-kummerċ ambizzjuża sabiex tiftaħ is-swieq ta' pajjiżi terzi u tiddiversifika l-esportazzjonijiet;

15.    Jistieden lill-Kummissjoni biex timmira għal ftehim ambizzjuż u koerenti tal-istrateġija tal-politika barranija u ta' sigurtà, mad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fil-qalba tagħha, biex jissaħħaħ ir-rwol tal-UE fid-dinja fl-iżvilupp, l-istabbiliment tal-paċi u l-konsolidazzjoni tal-paċi, l-għajnuna umanitarja u l-promozzjoni mad-dinja kollha tad-drittijiet tal-bniedem;

16.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex temenda l-leġislazzjoni fiskali, b'mod partikolari wara ir-rivelazzjonijiet tal- "LUX leaks", u li jittieħdu passi ambizzjużi 'il quddiem bħala bażi fiskali korporattiva komuni u konsolidata, aktar milli sempliċiment tirrikjedi trasparenza rigward id-deċiżjonijiet tat-taxxa, u jistieden lill-President Juncker biex jippreżenta mingħajr dewmien proposti biex tiġi kkompletata l-Unjoni Ekonomika u Monetarja;

17.    Jinsisti li l-Kummissjoni tirrispetta bis-sħiħ it-termini u d-dati ta' skadenza tal-ftehim milħuq bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta' approvazzjoni ta' kontijiet mhux imħallsa li fir-realtà jikkostitwixxu dejn moħbi;

18.    Jilqa' d-direzzjoni tal-Pjan ta' Investiment, filwaqt li jiġi nnutat li dan jiddependi fuq għadd ta' kundizzjonijiet ewlenin, speċjalment li l-Istati Membri jimplimentaw riformi strutturali, inklużi fis-swieq tax-xogħol, is-sistemi tal-pensjonijiet u l-kura tas-saħħa, li l-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir ma jiddgħajjifx u li hemm qabża sinifikanti fil-liberalizzazzjoni, il-ftuħ u l-unifikazzjoni tas-swieq tal-ġejjieni li għadhom taħt il-kontroll nazzjonali, bħas-suq tal-enerġija, is-swieq tat-telekomunikazzjoni, is-suq diġitali u s-swieq tal-kapital, u li l-proġetti magħżula jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-prijoritajiet it-tajba; iħeġġeġ l-involviment kruċjali ta' sħab privati u investituri privati; jenfasizza l-potenzjal tal-ħolqien ta' impjiegi f'dawn is-setturi; fl-istess ħin jitlob għal kontroll demokratiku sħiħ, fil-livell tal-UE, tal-Pjan ta' Investiment; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li kwalunkwe finanzjament ddevjat minn Orizzont 2020 iwassal għal ammont ugwali jew akbar tal-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni;

19.    Jappoġġja bil-qawwa l-adozzjoni tal-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali mħabbra; jitlob li dan il-pakkett iwitti t-triq għal żvilupp mgħaġġel tal-ekonomija diġitali; jinsab konvint li l-Ewropa għandha valur miżjud ċar meta taġixxi f'dan is-settur prinċipali; ifakkar li kwalunkwe azzjoni leġiżlattiva f'dan is-settur jeħtieġ li tkun tħares 'il quddiem u tkun immirata lejn il-ħolqien ta' opportunitajiet ġodda għaċ-ċittadini, in-negozji u l-konsumaturi Ewropej, abbażi ta' internet miftuħ; jenfasizza li l-progress f'dan il-qasam se jkollu impatt dirett fuq iċ-ċittadini;

20.    Jitlob li dawn ir-riformi jiġu kkumplimentati mill-implimentazzjoni tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, b'infrastrutturi u proġetti aħjar b'valur miżjud Ewropew fis-setturi tat-trasport, l-enerġija u t-telekomunikazzjoni bħala essenzjali għall-funzjonament tas-suq uniku;

21.    Ma jaqbilx b'mod qawwi mal-irtirar propost tad-Direttiva dwar it-Trasparenza dwar l-ipprezzar u r-rimborż tal-mediċini, li dwarha l-Parlament adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-2013, u tal-proposti leġiżlattivi dwar ir-reviżjoni tal-politika tal-iskart u dwar it-tniġġis tal-arja, peress li l-azzjoni tal-Unjoni f'dawn l-oqsma hija f'waqtha, meħtieġa u mistennija miċ-ċittadini tal-UE; jinsisti li dawn il-proposti ma jiġux irtirati sabiex il-Parlament u l-Kunsill ikomplu bil-ħidma tagħhom dwar il-proposti attwali;

22.    Itenni li s-7 Programm ta' Azzjoni Ambjentali huwa att legalment vinkolanti, li jobbliga lill-Kummissjoni tieħu azzjoni xierqa sabiex jinkisbu l-għanijiet prijoritarji miftiehma tiegħu, jiġifieri l-protezzjoni u t-tisħiħ tal-kapital naturali tal-Ewropa, li l-Unjoni ssir ekonomija effiċjenti fir-riżorsi, ekoloġika u kompetittiva, b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju, u tħares liċ-ċittadini minn pressjonijiet relatati mal-ambjent u r-riskji għas-saħħa u l-benesseri; jistenna li l-Kummissjoni tirrifletti b'mod sħiħ dawn l-objettivi fil-prijoritajiet tagħha u ma ddewwem l-ebda azzjoni meħtieġa biex dawn jintlaħqu;

23.    Jistieden lill-Kummissjoni tieħu nota b'mod xieraq tal-pożizzjonijiet speċifiċi għas-setturi tal-Parlament kif stipulati fit-Tieni Parti ta' din ir-riżoluzzjoni;

TAQSIMA 2

Spinta Ġdida għall-impjiegi, it-tkabbir u l-investiment

24.    Jitlob li jkun hemm politika industrijali Ewropea li tikkontribwixxi mhux biss għat-tkabbir u l-impjiegi, iżda hija prerekwiżit għal stat avvanzat Ewropew ta' RŻI li jbiddel il-problemi ekonomiċi, soċjali u dawk ambjentali f'vantaġġi kompetittivi;

25.    Jilqa' l-introduzzjoni ta' pakkett ta' miżuri bil-għan li ż-żgħażagħ qiegħda u dawk qiegħda fit-tul jerġgħu jsibu impjieg; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-Istati Membri se jkunu jistgħu jantiċipaw u jonfqu l-fondi fl-2015 maħsuba biex tingħata spinta lill-impjieg fost iż-żgħażagħ;

26.    Jappella għall-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni għall-perjodu 2014-2020, u tal-Programm Orizzont 2020;

27.    Jitlob għal preżentazzjoni ta' nofs it-term tal-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità;

28.    Jappella għal proposti biex jiġi żviluppat il-potenzjal tas-settur kulturali u kreattiv;

29.    Jappella għal investiment ekoloġiku u qafas ta' politika stabbli u fuq perjodu twil għall-promozzjoni ta' ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju, li jsaħħu l-objettivi tagħna għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2, iżidu s-sehem tal-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, li jinvolvi f'investiment fi grid tal-elettriku pan-Ewropew u jibni aktar fuq sorsi ta' enerġija rinnovabbli;

30.    Jenfasizza li l-impjiegi u t-tkabbir jista' jiġi stimulat permezz tal-kummerċ, il-ftuħ ta' swieq barranin u d-diversifikazzjoni tal-esportazzjonijiet tagħna;

Suq Uniku Diġitali konness

31.    Jemmen li l-protezzjoni tal-konsumaturi u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali huma t-tnejn vitali sabiex l-Ewropej ikollhom fiduċja fis-Suq Uniku Diġitali bħala parti mid-diġitizzazzjoni tal-ħajja tagħhom ta' kuljum;

32.    Jemmen li l-istrateġija tas-suq uniku diġitali jeħtieġ li jkun immirat lejn il-ħolqien ta' opportunitajiet għaċ-ċittadini, il-konsumaturi, in-negozji u l-awtoritajiet pubbliċi, kif ukoll l-innovazzjoni;

33.    Jitlob għal aktar armonizzazzjoni tal-liġi dwar id-drittijiet tal-awtur u l-ġestjoni mtejba tad-dritt tal-awtur, sabiex tiffaċilita l-aċċess transkonfinali għal kontenut kreattiv;

34.    Jisħaq fuq il-ħtieġa li jkun żgurat li l-kumpaniji li joperaw fis-suq uniku diġitali jkollhom kundizzjonijiet indaqs, ħalli jkunu jistgħu jikkompetu; jenfasizza l-importanza li jagħtu lill-kumpaniji u lill-konsumaturi l-istess ħarsien online peress li jibbenefikaw minn swieq tradizzjonali tagħhom;

35.    Iqis li l-kwistjonijiet ewlenin li jeħtieġ jiġu indirizzati fl-istrateġija li se titfassal jirrigwardaw:

•     il-cloud computing, b'mod partikolari n-nuqqas ta' responsabbiltà ta' fornituri tas-servizzi tal-cloud computing u l-inkonsistenza ta' liġijiet u regolamenti transnazzjonali,

•     id-diskriminazzjoni kontra l-konsumaturi fuq l-internet, speċjalment prattiki diskriminatorji bbażati fuq in-nazzjonalità jew il-post ta' residenza li jirriżultaw f'ħafna oqsma differenti tal-liġi tal-UE,

•     iċ-ċibersigurtà, hekk kif istituzzjonijiet pubbliċi u negozji Ewropej huma dejjem aktar esposti għaċ-ċiberkriminalità u n-nuqqas ta' approċċ unifikat għal din il-kwistjoni urġenti,

•     ir-restrizzjonijiet u l-ostakli rigward il-pagamenti elettroniċi u l-awtentikazzjoni elettronika, b'mod partikolari fir-rigward ta' pagamenti bil-mowbajl, speċjalment in-nuqqas ta' standards fir-regoli tad-dritt tal-awtur fil-kummerċ elettroniku,

•     il-konsenja tal-pakketti,

•     l-internet tal-oġġetti, inkluża l-privatezza fid-disinn;

36.    Jappella għal aċċess ġust għal pjattaformi tal-internet u l-komunikazzjonijiet elettroniċi;

37.    Jitlob għal strateġija Ewropea biex tingħata spinta lill-industrija tal-ICT tal-UE, filwaqt li tiżgura kompetizzjoni libera u ġusta u li tippermetti lill-kumpaniji Ewropej li jisfruttaw il-vantaġġ kompettittiv tal-privatezza tal-UE, strateġija Ewropea għall-governanza demokratika tal-internet u n-newtralità tan-net mnaqqxa fil-liġi tal-UE;

Unjoni tal-enerġija reżiljenti li tħares 'il quddiem fil-politika dwar it-tibdil fil-klima

38.    Jitlob li jiġi ppreżentat rieżami tad-Direttiva dwar l-Ekodisinn u l-Ekotikkettar , li taħsad il-benefiċċji kollha ta' din il-politika u testendi l-ambitu tal-ekodisinn għall-effiċjenza tar-riżorsi;

39.    Jenfasizza li l-kompetittività, is-sigurtà tal-enerġija u s-sostenibbiltà f'suq tal-enerġija integrat bis-sħiħ jikkostitwixxu l-pilastri ewlenin għall-ħolqien tal-unjoni tal-enerġija reżiljenti, li jistgħu jinkisbu bil-konnessjoni tan-netwerks, il-ġbir tar-riżorsi, permezz ta' tneħħija rapida tal-ostakli li fadal fis-suq intern tal-enerġija u billi tiżgura pożizzjonijiet ta' negozjar unifikati tal-UE fil-konfront ta' pajjiżi terzi;

40.    Jappella għall-Ewropizzazzjoni tal-infrastruttura tal-enerġija tal-UE, ukoll fir-rigward ta' standards, ir-riċerka u l-innovazzjoni, u jitlob li jkun hemm programm speċifiku ta' investiment, fuq il-bażi ta' fondi pubbliċi u privati, għal grilja tal-enerġija intelliġenti;

41.    Iqis li għandha tingħata prijorità lil soluzzjonijiet ibbażati fuq is-suq għal sfidi komuni, bħal pereżempju ż-żieda fl-effiċjenza tal-enerġija billi jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra, l-iżvilupp ta' settur tal-agrikoltura u tal-forestrija verament sostenibbli permezz ta' investiment fir-riċerka u l-iżvilupp, u billi tiżdied il-mobilizzazzjoni tas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli, b'hekk l-UE ssir il-mexxej dinji;

42.    Jenfasizza r-rwol importanti li s-setturi tal-agrikoltura u l-forestrija sostenibbli jista' jkollhom;

Suq uniku aktar fil-fond u aktar ġust ma' mobilità tax-xogħol imsaħħa

43.    Iqis li l-Istrateġija tas-Suq Uniku tal-Kummissjoni għal oġġetti u servizzi għandu jagħmel is-suq uniku realtà għal dawk li għandhom l-aktar diffikultajiet li jużawh, jiġifieri l-SMEs u dawk li jaħdmu għal rashom; iqis li, meta direttivi u regolamenti jispiċċaw ma jkunux adatti għal kumpaniji żgħar, jew meta ma twettaqx "test tal-SME" fiż-żmien tal-adozzjoni tagħhom, huma jistgħu jeħtieġu li jiġu eżaminati mill-ġdid;

44.    Jilqa' l-introduzzjoni ta' pakkett ta' mobbiltà tax-xogħol inkluża proposta biex jiġu emendati r-Regolamenti 883/2004 u 987/2009 dwar il-koordinazzjoni ta' sistemi ta' politika soċjali;

45.    Jitlob lill-Kummissjoni tkompli l-ħidma tagħha lejn is-simplifikazzjoni tal-ħlas ta' taxxi fuq it-tranżazzjonijiet transkonfinali, kemm għall-konsumaturi kif ukoll għan-negozji, billi tuża aktar formoli standardizzati Ewropej dwar il-VAT u tariffi oħra u permezz ta' aktar diġitizzazzjoni għar-rekwiżiti ta' ppreżentar;

Unjoni Ekonomika u Monetarja aktar profonda u aktar ġusta

46.    Jappella għal proposta dwar ir-rappreżentanza esterna unika taż-żona tal-ewro f'istituzzjonijiet u fora internazzjonali;

47.    Jitlob għall-ħolqien ta' fond Ewropew ta' tifdija ibbażat fuq il-kondizzjonalità;

Ftehim ta' Kummerċ Ħieles raġonevoli u bbilanċjat mal-Istati Uniti

48.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli, b'mod parallel, il-ħidma tagħha lejn ftehimiet ta' kummerċ ħieles ġodda u riveduti ma' pajjiżi terzi oħra u lejn kummerċ ħieles globali usa' b'mod ġenerali, speċjalment fi ħdan il-qafas tad-WTO;

Żona ta' Ġustizzja u Drittijiet Fundamentali bbażata fuq il-fiduċja reċiproka

49.    Jappella għal sforzi mġedda biex jitlesta studju komprensiv dwar ftehim dwar il-protezzjoni tad-data bejn l-UE u l-Istati Uniti, u biex jiġi żgurat li r-rieżami tal-Ftehim dwar il-Port Sikur huwa kkombinat mal-konklużjoni b'suċċess ta' pakkett ambizzjuż dwar il-protezzjoni tad-data tal-UE;

50.    Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel kull sforz biex tiżblokka d-Direttiva Orizzontali kontra d-diskriminazzjoni u biex jiġi żviluppat rispons Ewropew komprensiv għall-problemi tad-drittijiet fundamentali taʼ persuni LGBTI, fil-forma taʼ pjan direzzjonali tal-UE kontra l-omofobija u d-diskriminazzjoni abbażi ta' orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru;

51.    Jistieden lill-Kummissjoni ssegwi u tintensifika l-isforzi tagħha sabiex tassigura identifikazzjoni u protezzjoni aħjar tal-minuri kontra l-predaturi ċibernetiċi;

Lejn politika ġdida dwar il-migrazzjoni

52.    Jitlob li jkun hemm pjan olistiku għall-migrazzjoni biex l-UE ssir destinazzjoni attraenti għal migranti barranin b'ħiliet u dawk mingħajr ħiliet, u li jiġu stabbiliti rotot sikuri u legali lejn l-UE għal dawk li jfittxu l-asil u approċċ koerenti biex jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni irregolari;

Strateġija dwar il-bidla demografika

53.    Jitlob li ssir strateġija tal-UE strutturata u fit-tul biex jiġu indirizzati l-isfidi li jirriżultaw mill-bidla demografika, peress li l-Istati Membri kollha llum qed jiffaċċjaw popolazzjoni li dejjem qed tixjieħ;

Attur globali aktar b'saħħtu

54.    Jistieden lill-Kummissjoni tieħu approċċ proattiv biex tippromwovi l-paċi u biex jiġi riżolt n-numru li dejjem qed jiżdied ta' kriżijiet u kunflitti vjolenti madwar id-dinja; jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li teżamina mill-ġdid il-politika tal-viċinat bil-għan li tissaħħaħ il-kapaċità tal-UE biex tittratta sfidi ġeopolitiċi serji li qed naffaċċjaw; jenfasizza li l-kummerċ, ir-rabtiet ekonomiċi, il-mobbiltà, il-migrazzjoni u s-sigurtà tal-enerġija huma biss ftit mill-bosta kwistjonijiet transsettorjali li politika tal-viċinat ġdida u msaħħa għandha tinvolvi u li l-promozzjoni u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, il-liġi internazzjonali u l-libertajiet fundamentali għandhom ikunu denominatur komuni fihom kollha; jindika wkoll l-ħtieġa għat-tkomplija tal-inizjattiva tas-Sħubija tal-Lvant u kooperazzjoni msaħħa mal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent sabiex il-proċess ta' riforma mmotivat mill-adeżjoni jibqa' fl-attenzjoni; jenfasizza l-ħtieġa li jingħata aktar appoġġ tekniku lill-Istati Membri u dawk il-pajjiżi ġirien ma' żoni ta' kummerċ ħieles profond u komprensiv sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni sħiħa u rapida tagħhom u r-rispett mill-partijiet kollha;

55.    Jenfasizza li biex tkun attur kredibbli fix-xena dinjija, l-UE għandha tappoġġja s-setgħa ta' persważjoni konsiderevoli tagħha b'poter iebes u li, għalhekk, aġenda ambizzjuża hija meħtieġa sabiex tiżdied l-integrazzjoni u l-kompatibilità tal-korpi militari Ewropej, speċjalment minħabba li dan jista' jnaqqas l-ispejjeż b'mod sostanzjali;

Unjoni ta' bidla demokratika

56.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tintensifika u ssaħħaħ l-isforzi tagħha biex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, iħeġġiġha tressaq proposta dwar l-istabbiliment ta' Uffiċċju ta' Prosekutur Pubbliku Ewropew u tlesti r-riforma li ġiet posposta tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi;

Komunikazzjoni mtejba

57.    Jitlob lill-Kummissjoni tagħmel rieżami b'mod fundamentali tal-politika tagħha dwar il-komunikazzjoni fil-konfront taċ-ċittadini sabiex fil-ġejjieni l-informazzjoni tkun tista' taslilhom direttament minflok ma jkollhom jistennew li jmorru jfittxuha huma stess fuq l-istazzjonijiet ta' informazzjoni Ewropej speċjalizzati;

_____________________

58.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.