MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2015
12.1.2015 - (2014/2829(RSP))
skont l-Artikolu 37(3) tar-Regoli ta' Proċedura u l-ftehim qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea
Gianni Pittella, Enrique Guerrero Salom f'isem il-Grupp S&D
B8‑0035/2015
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2015
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Diċembru 2014 bit-titolu 'Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2015 – Bidu ġdid' (COM(2014)0910),
– wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-impenji li ngħataw mill-President tal-Kummissjoni Juncker quddiem is-seduta plenarja tal-Parlament fil-15 ta’ Lulju 2014 u dawk mogħtija mill-kummissarji nnominati waqt is-smigħ parlamentari tagħhom,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 37(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi wara snin twal ta' awsterità imposta, rata ta' qgħad għolja u li qed tiżsdied, inugwaljanza u faqar li qed jikbru, u t-tnaqqis tal-istandards soċjali, l-UE qed tiffaċċja r-riskju ta' tnaqqis fit-tul u telf tal-fiduċja u l-kunfidenza taċ-ċittadini;
B. billi l-UE bħala kunċett politiku tinsab f’mument ta’ bidla deċiżiva fl-istorja tagħha, u billi l-kriżi ekonomika u finanzjarja tefgħetha fi kriżi politika bil-qawmien tal-estremiżmu fi kważi l-Istati Membri kollha;
C. billi l-prijorità l-aktar għolja tal-UE għandha konsegwentement tkun li terġa’ tagħti l-ħajja lit-tamiet taċ-ċittadini tagħha, li twassal tkabbir sostenibbli u impjiegi ta’ kwalità, u tqiegħed il-pedamenti għal mudell sostenibbli ġdid ta’ wara l-kriżi li fi ħdanu l-progress ekonomiku, dak soċjali u dak ambjentali huma żgurati b’mod indaqs u jsaħħu wieħed lill-ieħor;
D. billi, bħala kwistjoni ta’ prinċipju, id-drittijiet soċjali ma jistgħux jiġu subordinati għal-libertajiet ekonomiċi, u l-progress ekonomiku u dak soċjali għandhom ikunu marbuta mill-qrib u jappoġġjaw lil xulxin;
E. billi l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa mill-kumpaniji u l-individwi, u l-ippjanar fiskali aggressiv mill-gvernijiet, jagħwġu s-suq intern u jdgħajfu l-koeżjoni u s-solidarjetà;
F. billi l-attakki terroristiċi li seħħew dan l-aħħar fi Franza fakkru b’uġigħ lill-Ewropa u lid-dinja kollha kemm hi kemm huma importanti t-tolleranza, il-libertà tal-espressjoni, il-fehim interkulturali u l-isforzi biex tiġi pprevenuta r-radikalizzazzjoni ta’ kwalunkwe tip;
Kunsiderazzjonijiet politiċi ġenerali
1. Jinnota li l-aġenda tal-Kummissjoni għall-bidla ffukat fuq l-impjiegi u t-tkabbir, iżda jiddeplora l-fatt li l-Programm ta’ Ħidma tagħha naqas milli jindirizza t-tħassib tal-Parlament b’mod adegwat; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tagħmel użu sħiħ tas-setgħat tagħha u tmur fuq quddiem nett u tqiegħed il-pedamenti għal żvilupp ekonomiku sostenibbli biex tnaqqas il-qgħad, speċjalment fost iż-żgħażagħ; jistieden lill-Kummissjoni tvara riflessjoni wiesgħa fuq il-ġejjieni tal-Ewropa fid-dimensjonijiet kollha tagħha, bil-ħsieb li sseħħ unjoni politika mseddqa għalkollox li treġġa’ għal li kienet il-leġittimità demokratika tagħha;
2. Jappoġġja programm ta’ investiment massiv biex jingħalaq id-distakk drammatiku ta' investiment tal-Ewropa u jiżdied il-potenzjal tat-tkabbir tagħha; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li investimenti privati jsiru wkoll f’dawk ir-reġjuni tal-UE li huma milquta b’mod qawwi mill-kriżi ekonomika; ifakkar kemm huma importanti r-regoli baġitarji li jkunu jirrispettaw l-investiment sabiex tiġi inkoraġġita l-parteċipazzjoni tal-Istati Membri fil-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (EFSI) li se jsir dalwaqt, b’mod partikolari permezz tan-newtralizzazzjoni fil-kuntest tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir tal-kapital imħallas tagħhom u l-kofinanzjament pubbliku tagħhom ta’ proġetti ta’ investiment, inkluż fejn għandu x’jaqsam il-finanzjament ġej mill-Fondi Strutturali; jinsisti fuq il-ħtieġa li tiġi żviluppata strateġija ta’ investiment tal-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (EFSI) ibbażata fuq proġetti aktar ambizzjużi u mmirata biex toħloq impjiegi ta’ kwalità, takkumpanja t-tranżizzjoni għal ekonomija b’livelli baxxi ta' emissjonijiet tal-karbonju u tiżgura l-koeżjoni soċjali u territorjali fi ħdan l-UE;
3. Jitlob li jkun hemm immaniġġja ibbażat fuq il-komunità u governanza adegwata għall-EFSI; jistieden lill-Kummissjoni tuża l-marġini eżistenti kollha li huma disponibbli taħt il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir biex tiżgura l-investimenti, it-tkabbir u l-impjiegi;
4. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar in-nuqqas ta’ dimensjoni soċjali sostanzjali fil-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni (PĦK), li juri li l-Kummissjoni naqset b'mod serju li tifhem l-effetti tal-kriżi f'ħafna Stati Membri; jistieden lill-Kummissjoni tirrettifika dan in-nuqqas billi tieħu azzjoni u tagħmel proposti li se jikkompletaw il-Programm ta’ Ħidma tagħha matul l-2015; jieħu nota tal-prinċipju tad-diskontinwità politika, iżda jinsab imħasseb li, jekk ma jiġix applikat b’mod sensittiv u prammatiku, dan il-prinċipju jista’ jwassal biex ċerti għanijiet kruċjali jiġu mdgħajfa jew abbandunati mingħajr dibattitu politiku xieraq; jenfasizza li l-acquis soċjali u ambjentali m’għandux jisfa vittma tal-programm REFIT;
5. Iqis li r-riformi strutturali meħtieġa għandhom jiġu ġġwidati minn viżjoni progressiva (pereżempju permezz ta' provvediment akbar ta’ edukazzjoni u taħriġ tul il-ħajja, li jiġġeneraw il-prestazzjoni ekonomika, jew permezz tas-sigurtà soċjali u tas-saħħa li taġixxi bħala lqugħ għax-xokkijiet għal dawk milquta mill-kriżi) u ma għandhomx iħallu lin-nies f’sitwazzjoni agħar minn qabel jew jagħmlu d-deflazzjoni aktar possibbli; hu tal-fehma li dawn ir-riformi għandhom iwasslu għall-konverġenza tal-politiki soċjali u fiskali mmirati lejn it-tnaqqis tal-kompetizzjoni inġusta bejn il-ħaddiema tal-UE u l-Istati Membri;
6. Jitlob li ssir bidla effettiva fil-politika tat-tassazzjoni tal-UE u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tiġġieled lill-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa u l-ippjanar fiskali aggressiv fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak globali; jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tvara pjan ta’ azzjoni u jistenna li ma jdumx ma jara miżuri kuraġġjużi u rapidi; Jistieden lill-Kummissjoni tħejji proposti addizzjonali fl-oqsma ewlenin, inkluża leġiżlazzjoni dwar l-applikazzjoni tar-rappurtar pajjiż pajjiż għall-kumpaniji transfruntieri fis-setturi kollha u fil-pajjiżi kollha li fihom joperaw;
7. Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel proposti leġiżlattivi għal unjoni tal-enerġija li jkollha l-effiċjenza enerġetika, l-enerġiji rinnovabbli u l-infrastrutturi intelliġenti bħala s-sinsla tagħha, ma’ settur industrijali tal-UE sostenibbli u kompetittiv;
8. Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti konkreti għal politika tal-migrazzjoni tal-UE aktar proattiva u flessibbli li tkun tiżviluppa u ssalvagwardja r-r-rotot legali għal ġo l-UE għar-rifuġjati u għal dawk li jfittxu l-ażil, fuq naħa waħda, u għall-migranti ekonomiċi, fuq in-naħa l-oħra, kif ukoll tindirizza l-isfidi li ssib quddiemha l-UE fil-qasam tal-migrazzjoni minn kuntrabandisti kriminali u traffikanti tal-bnedmin;
9. Jopponi bil-qawwa l-intenzjoni mħabbra tal-Kummissjoni li tirtira għadd ta' proposti leġiżlattivi, b'mod partikolari l-leġiżlazzjoni dwar il-kwalità tal-arja (meta jitqies il-fatt li 400 000 persuna Ewropea tmut kull sena b’riżultat tat-tniġġis tal-arja) u l-pakkett dwar l-iskart, li huwa biss dan l-aħħar li l-koleġiżlaturi bdew jaħdmu fuqu; jirrifjuta bil-qawwa l-irtirar tad-Direttiva dwar il-Liv tal-Maternità; 10. Jafferma li jekk, meta jasal il-waqt, tiġi rtirata jew imdewma kwalunkwe proposta leġiżlattiva attwali oħra li tkun qed tiġi diskussa, għandha titressaq biex issirilha valutazzjoni tal-valur miżjud Ewropew tagħha u analiżi politika bir-reqqa tal-problemi speċifiċi li jinstabu, u dan jiġi segwit bit-tressiq ta’ proposti alternattivi fi żmien sitt xhur; jemmen li l-Kummissjoni qed tonqos milli tirrispetta t-Trattat billi qed tipproponi li tirtira u tissostitwixxi inizjattivi jekk ma jkunx intlaħaq ftehim fi żmien ċerta skeda (pereżempju fil-każ tal-proposta għal regolament dwar il-produzzjoni u t-tikkettar tal-prodotti organiċi u l-proposta dwar l-iskema għall-forniment ta’ frott, ħaxix u ħalib għall-iskejjel);
11. Jenfasizza l-ħtieġa li l-politiki interni tal-UE jiġu marbuta mal-isfidi globali għat-tibdil fil-klima u l-iżvilupp sostenibbli (peress li l-2015 hija s-Sena Ewropea għall-Iżvilupp) u li jiġi promoss dibattitu pubbliku dwar in-negozjati kummerċjali mal-Istati Uniti (rigward is-Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta' Investiment (TTIP)); ifakkar li l-2015 għandha tkun is-sena biex l-UE twettaq rwol attiv fil-varar mill-ġdid tal-proċess ta’ paċi tal-Lvant Nofsani;
12. Jesprimi r-rabja u x-xokk tiegħu għall-atroċitajiet terroristiċi li seħħew dan l-aħħar fi Franza u għat-theddidiet għal-libertà ta’ espressjoni; jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-vittmi ta' dawn l-attakki; jinsisti li kwalunkwe proposta tal-Kummissjoni maħsuba biex issaħħaħ is-sigurtà taċ-ċittadini għandha turi valur miżjud u tirrispetta l-ħtieġa li tinżamm l-unità u li jiġu difiżi d-drittijiet fundamentali u l-valuri Ewropej tad-demokrazija, is-solidarjetà u t-tolleranza; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miżuri biex tkompli tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi bil-għan li tali atti kriminali jiġu pprevenuti aħjar, kif ukoll passi biex tiġi pprevenuta r-radikalizzazzjoni ta' kwalunkwe tip u jittejbu l-fehim interkulturali u l-integrazzjoni soċjoekonomika tal-minoranzi fl-Ewropa;
Dimensjoni soċjali
13. Hu tal-fehma li l-ambizzjoni ewlenija tal-Kummissjoni l-ġdida għandha tkun li ssaħħaħ il-mudell soċjali Ewropew, mod ta’ ħajja li dwaru l-UE kellha l-unur li kellha r-rekord li kienet ta’ quddiem nett fid-dinja, u li tagħmlu aktar b’saħħtu u sostenibbli għall-ġejjieni fit-tul;
14. Ifakkar li 25 miljun Ewropew u Ewropea, inklużi 5 miljun żagħżugħ u żagħżugħa, jinsabu bla xogħol u li l-faqar u l-esklużjoni soċjali sparaw 'il fuq, filwaqt li ġabu miżerja fuq il-gruppi l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà, b'mod partikolari n-nisa, iż-żgħażagħ, it-tfal, ix-xjuħ u l-persuni b'diżabilità; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza, bħala kwistjoni ta’ prijorità u urġenza, il-kwistjonijiet tal-inugwaljanza li kulma jmur qiegħda tikber fi ħdan u bejn l-Istati Membri u r-reġjuni, id-diskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol, l-impjieg prekarju, il-faqar li qed jiżdied fost dawk li jaħdmu u l-faqar tat-tfal, u d-dumping soċjali, li huma għalkollox kuntrarji għall-valuri Ewropej u jdgħajfu l-potenzjali tat-tkabbir tal-Ewropa u l-kompetittività tagħha;
15. Jistieden lill-Kummissjoni l-ġdida tagħmel il-prinċipji tad-drittijiet tax-xogħol, id-djalogu soċjali, il-protezzjoni soċjali, il-pagi ġusti, is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, it-tassazzjoni ġusta, u l-kundizzjonijiet indaqs għal kulħadd, hu xinhu l-ġeneru jew l-oriġini etnika, pilastri ewlenin tal-PĦK; jitlob lill-Kummissjoni tintroduċi valutazzjoni mandatarja tal-impatt soċjali għall-proposti leġiżlattivi futuri kollha; iqis li huwa ta’ dispjaċir li l-PĦK jonqos milli jagħraf li l-opportunitajiet indaqs u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri huma kruċjali f'dan il-kuntest, b'mod partikolari fir-rigward tal-liv tal-maternità u l-kompożizzjoni tal-bordijiet tal-kumpaniji mil-lat tal-ġeneri
16. Javża bir-riskju tad-dumping soċjali u ta’ “ġirja għall-qiegħ” fost il-ħaddiema u s-sistemi soċjali Ewropej, u jitlob bi dritt li l-Kummissjoni tippreżenta kunċett koerenti u sostenibbli għal-liġi tal-UE dwar il-kumpaniji, u tonora l-impenn li tat waqt is-smiegħ ta’ konferma quddiem il-Parlament li tippreżenta proposta għal reviżjoni sħiħa tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema;
Sfidi ekonomiċi, baġitarji u ambjentali
17. Jemmen li fir-rigward tal-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa (li jinkludi l-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi bħala wieħed mir-risponsi meħtieġa bil-għan li tiġi ttratata b’mod deċiżiv is-sitwazzjoni ekonomika diżastruża fl-UE) tal-Kummissjoni l-ġdida, l-infrastruttura tat-trasport, l-infrastruttura enerġetika, l-industriji diġitali, kulturali u kreattivi, l-infrastruttura tat-telekomunikazzjoni, l-edukazzjoni, it-taħriġ vokazzjonali, ir-riċerka, ix-xjenza u l-innovazzjoni għandhom ikunu miri prijoritarji għal dan il-pakkett ta’ investiment il-ġdid, b’enfasi wiesgħa fuq l-effiċjenza enerġetika u d-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija; jistenna li l-Kummissjoni, b'kooperazzjoni mill-qrib mal-koleġiżlaturi, tiddisinja l-arkitettura ddettaljata tal-pjan ta’ investiment b’tali mod li timmassimizza l-impatt tiegħu fuq l-investiment intelliġenti b’valur miżjud soċjoekonomiku qawwi u b’appoġġ qawwi għall-intraprenditorija, it-tkabbir u l-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità; jitlob li ssir valutazzjoni biennali tal-implimentazzjoni tal-pjan ta’ investiment;
18. Ifakkar fl-objettivi ambizzjużi tal-istrateġija Ewropa 2020 u jenfasizza l-ħtieġa li jitressqu proposti leġiżlattivi ambizzjużi biex jiġi implimentat il-Pakkett dwar il-Klima u l-Enerġija 2030, b'mod partikolari għat-tkabbir inklussiv u t-tranżizzjoni għal ekonomija sostenibbli u effiċjenti fl-użu tal-enerġija; jistieden lill-Kummissjoni tfassal l-aġenda ta’ investiment ġdida tal-UE madwar dawn l-objettivi; jistenna, minħabba r-rieżami ta’ nofs it-term li se jsir dalwaqt tal-istrateġija, li l-prijoritajiet tal-politika soċjali u ambjentali jkunu riflessi b’mod aktar wiesgħa u li jitqiegħdu fuq l-istess livell mal-kunsiderazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji, u li tintlaħaq koerenza politika u operazzjonali bejn l-istrateġija u l-pjan ta’ investiment il-ġdid; irid li l-UE twettaq rwol ewlieni fin-negozjati dwar il-klima tal-COP 21 ta’ Pariġi fi tmiem l-2015;
19. Jistenna lill-Kummissjoni tagħti prestazzjoni rapida dwar prezz ogħla tal-karbonju fis-Sistema ta’ Skambju tal-Emissjonijiet tal-UE bil-għan li tippromwovi u tiggarantixxi investimenti privati fit-tul fid-dekarbonizzazzjoni u tillimita l-lista ta’ eċċezzjonijiet fl-iskema ta’ allokazzjonijiet b’xejn għas-setturi tal-emissjonijiet tal-karbonju bil-għan li tippromwovi investimenti f’mudell tal-enerġija sostenibbli ġdid;
20. Jenfasizza r-riżoluzzjoni tiegħu li tħares 'il quddiem dwar il-pakkett dwar il-klima u l-enerġija 2030, u jistieden lill-Kummissjoni tfassal il-proposti leġiżlattivi tagħha madwar tliet miri li jkunu jorbtu għall-emissjonijiet tas-CO2, l-effiċjenza enerġetika u l-produzzjoni rinnovabbli;
21. Jitlob li jkun hemm politika industrijali ambizzjuża tal-UE li tippermetti l-iżvilupp ta’ oġġetti u servizzi ġodda u r-ristrutturar tal-proċessi industrijali permezz tal-innovazzjoni, bil-ħsieb li l-industrija tal-UE tiġi modernizzata u ssir it-tranżizzjoni għal ekonomija bbażata fuq l-għarfien, diġitali, baxxa fil-karbonju u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-miżuri ta’ appoġġ għall-istabbiliment ta’ Żona ta’ Riċerka Ewropea, sabiex ir-riżultati tar-riċerka jiġu tradotti f’oġġetti manifatturati kummerċjalizzati u servizzi u sabiex tiġi promossa t-tranżizzjoni diġitali;
22. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-prinċipju tal-iżvilupp sostenibbli, kif deskritt fil-qosor fit-Trattati u inkluż fil-portafoll tal-Ewwel Viċi President tal-Kummissjoni, jiġi rifless kif jixraq fil-PĦK u mirfud bi proposti leġiżlattivi konkreti;
23. Jenfasizza l-potenzjal enormi li għandhom il-pakkett dwar l-iskart u d-direttiva dwar il-kwalità tal-arja li jkollhom effetti pożittivi fit-tul fuq l-iżvilupp sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi, kif ukoll benefiċċji maġġuri għas-saħħa u l-ambjent; ifakkar lill-Kummissjoni li l-proposti tal-ekonomija ċirkulari għandhom jinżammu fuq nett tal-aġenda u għandhom jiġu implimentati ulterjorment, inter alia billi jiġu stabbiliti miri li jorbtu għall-effiċjenza tar-riżorsi u jiddaħħlu indikaturi fir-rigward tal-marki tal-karbonju u l-użu tal-art, l-ilma u l-materjali; ifakkar lill-Kummissjoni li l-pakket dwar l-arja kollu kemm hu, inkluża l-proposta għal direttiva ġdida dwar il-limiti tal-emissjonijiet nazzjonali, huwa tal-akbar importanza u se jġib benefiċċji importanti tas-saħħa, l-ekonomija u tal-ambjent għaċ-ċittadini;
24. Jistieden lill-Kummissjoni tirrifletti dwar l-isfidi attwali fil-qasam tal-ambjent u dak tas-saħħa, fejn l-istat tal-ambjent jaffettwa b'mod negattiv is-saħħa tal-bniedem, u tressaq l-istrateġiji ppjanati, b'mod partikolari l-istrateġija tal-interferent endokrinali, imsemmija fis-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali;
25. Jiddeplora l-assenza ta’ kwalunkwe dimensjoni edukattiva u kulturali fil-PĦK li tkun tenfasizza d-dimensjoni kreattiva tat-tkabbir, l-impjiegi u l-kompetittività tas-sistema u l-industrija Ewropej; jistieden lill-Kummissjoni tadotta approċċ trans-settorjali aktar b’saħħtu lejn il-promozzjoni tal-industrija diġitali u dik kulturali bil-ħsieb li tiżviluppa d-drittijiet tal-bniedem u l-kreattività, il-kultura u l-edukazzjoni taċ-ċittadini tal-UE;
26. Iqis li huwa essenzjali li l-Kummissjoni tkompli l-proposti tagħha u l-ħidma li tmexxiet matul it-term preċedenti tagħha dwar ir-rwol u r-rikonoxximent tal-ekonomija soċjali u l-intraprenditorija soċjali fi ħdan l-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq proposti għal statuti Ewropej għas-soċjetajiet mutwi u l-assoċjazzjonijiet mutwi u proposta riveduta dwar l-iStatut tas-Soċjetà Kooperattiva Ewropea, u żżomm kif inhi l-proposta dwar l-iStatut tal-Fondazzjoni Ewropea;
27. Jappoġġja l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tiddisinja sistema fil-livell tal-UE li tkun tiżgura li t-taxxi jitħallsu fil-pajjiż fejn jiġu ġġenerali l-profitti; jemmen li tassazzjoni ġusta se tagħti spinta lill-ekonomija reali u sostenibbli, filwaqt li tiġġenera t-tkabbir u toħloq l-impjiegi, u jfakkar li l-ġlieda lill-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa għandhom jiġu marbuta mal-baġits nazzjonali iżda wkoll mad-dibattitu tal-UE dwar ir-riżorsi proprji; jistieden lill-Kummissjoni tkun ta’ quddiem nett fl-istabbiliment ta’ miżuri komuni tal-UE biex jiġu miġġielda r-rifuġji fiskali, inkluża proposta dwar l-14-il Direttiva dwar id-Dritt Soċjetarju li fiha hija teskludi b’mod espliċitu d-diviżjoni tas-siġġijiet tal-kumpaniji, tiddefinixxi r-rifuġji fiskali, tistabbilixxi lista sewda tal-UE u ddaħħal miżuri konkreti mmirati biex jiġu eradikati r-rifuġji fiskali;
28. Jinsisti li sistema ġdida ta’ tassazzjoni korporattiva mhux biss hija miżura ta’ ġustizzja fiskali iżda għandha tkun immirata wkoll lejn il-ġbir ta’ riżorsi ġodda biex tissaħħaħ il-kapaċità fiskali Ewropea; ifakkar li l-limitazzjoni u d-dgħufija attwali tal-baġit Ewropew wasslu għal sagrifiċji sostanzjali kull sena sa fejn għandhom x’jaqsmu l-prijoritajiet tal-Parlament, fi żmien meta hemm il-ħtieġa ta’ fondi suffiċjenti għal pjan ta’ stimolu tal-UE;
29. Jinsab imħasseb dwar il-kriżi li għadha għaddejja tal-pagamenti fil-baġit tal-UE u l-livell li qed jikber b’mod kostanti ta’ kontijiet mhux imħallsa; jistieden lill-Kummissjoni tersaq bi proposti konkreti sabiex il-baġit tal-UE jitqiegħed fuq bażi soda u sostenibbli, filwaqt li tiġi rriformata b'mod partikolari s-sistema tal-UE tar-riżorsi proprji bil-għan li titnaqqas il-vulnerabilità tal-finanzi tal-UE għat-tilwimiet nazzjonali;
30. Ifakkar li r-reviżjoni tal-qafas finanzjarju pluriennali hija meħtieġa b'mod urġenti sabiex isiru riformi reali u jinstabu aktar riżorsi biex jiġi implimentat il-pjan propost ta’ investiment, u għandha tkun konformi mar-rieżami ta’ nofs it-term tal-istrateġija Ewropa 2020 u mal-pjan ta’ investiment;
31. Jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt fuq il-benefiċċji potenzjali marbuta ma’ skema tal-assikurazzjoni tal-qgħad fil-livell Ewropew u/jew fil-livel taż-żona tal-euro;
32. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-approfondiment meħtieġ tal-koordinazzjoni ekonomika u soċjali fi ħdan il-qafas tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM), mhux l-inqas bil-għan li jiġu megħluba d-diverġenzi li qed jikbru ta’ bejn l-Istati Membri taż-żona tal-euro, li qed idgħajfu s-sostenibilità tal-UEM, u jistenna l-involviment sħiħ tal-Parlament, possibilment permezz ta’ ftehim interistituzzjonali; ifakkar li t-tlestija tal-UEM trid twassal ukoll għal tisħiħ sinifikanti tad-dimensjoni demokratika tagħha;
33. Jenfasizza l-ħtieġa li sseħħ unjoni bankarja, jiġifieri permezz tal-implimentazzjoni tar-regoli li diġà huma adottati dwar il-mekkaniżmu superviżorju uniku u l-mekkaniżmu uniku ta' riżoluzzjoni, speċjalment billi jiġu żviluppati l-arranġamenti meħtieġa biex tiġi żgurata kapaċità suffiċjenti tat-tislif għall-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni; f’dan il-kuntest jistenna inizjattivi ulterjuri, b’mod partikolari għal mekkaniżmu ta’ garanzija tad-depożiti Ewropew;
34. Jenfasizza kemm hu importanti li jkompli jiġi msaħħaħ il-qafas regolatorju għas-servizzi finanzjarji u bankarji, b’enfasi partikolari fuq sistema bankarja “parallela”;
35. Jinsisti li s-semplifikazzjoni tal-miżuri tekniċi għall-protezzjoni tal-organiżmi tal-baħar għandha titwettaq permezz tar-reġjonalizzazzjoni, iżda jwissi li dan ma għandux jimplika pass lura lejn it-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livell nazzjonali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni mhux biss tivvaluta l-impatt tar-Regolament dwar il-Kontroll tas-Sajd fuq il-politika komuni tas-sajd li għadha kif ġiet adottata iżda wkoll li tagħmel ħilitha biex issir riformulazzjoni sa tmiem l-2015;
36. Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miżuri biex jiġi ggarantit suq ibbilanċjat tal-ħalib meta l-kwoti tal-ħalib jiġu fi tmiemhom fil-31 ta’ Marzu 2015, ħalli jiġu pprevenuti l-konsegwenzi soċjali u ekonomiċi, u r-riskji għall-investiment fit-tul fis-settur;
Migrazzjoni u ġustizzja, drittijiet fundamentali, konsumaturi, Ewropa Diġitali
37. Jistieden lill-Kummissjoni tadotta approċċ olistiku lejn il-politika tal-migrazzjoni u ażil billi tistabbilixxi mekkaniżmi affidabbli għas-solidarjetà u l-kondiviżjoni tar-responsabilitajiet finanzjarji u oħrajn fost l-Istati Membri; jistenna li l-Kummissjoni mhux biss ittejjeb l-eżistenza tal-istrumenti Ewropej iżda wkoll li tesplora u tipproponi mezzi ġodda ta’ aċċess sikur u legali lejn l-UE; huwa tal-fehma li din il-politika trid tinkludi sħubijiet ma' pajjiżi terzi b’appoġġ għall-mobilità sikura, il-proċessi tad-demokratizzazzjoni, il-ġestjoni konġunta tal-fruntieri, il-ġlieda lill-kuntrabandu u t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni konġunta tal-persuni li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ emerġenza;
38. Jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-Kummissjoni naqset milli twieġeb għall-isfidi li qed jikbru għad-demokrazija u l-libertajiet fundamentali f'xi Stati Membri; jitlob li tittieħed azzjoni dwar dawn il-kwistjonijiet, b’mod partikolari l-monitoraġġ tad-drittijiet fundamentali fl-Istati Membri, il-libertà tal-midja u l-istat tad-dritt fl-UE kollha; jistenna li l-Kummissjoni tippreżenta inizjattivi biex tiġi msaħħa l-ġlieda lid-diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru, l-oriġini razzjali jew etnika, l-orjentament jew l-identità sesswali, ir-reliġjoni jew it-twemmin, id-diżabilità jew l-età;
39. Isibha ħaġa inaċċettabbli li s-sitwazzjoni tal-komunità Rom Ewropea qiegħda b’mod kostanti tmur għall-agħar; jitlob li jsir pjan ta’ azzjoni distint dwar modi kif għandha titnaqqas l-esklużjoni soċjali tar-Rom mis-soċjetà ġenerali filwaqt li b’mod simultanju tiżdied l-inklużjoni soċjali tagħhom; jenfasizza l-ħtieġa li ssir strateġija Ewropea dwar ir-Rom li tmur lil hinn mill-istrateġiji nazzjonali attwali; jitlob li ssir reviżjoni fundamentali tal-istrateġiji nazzjonali dwar ir-Rom bil-għan li jiġu applikati għanijiet b’punti ta’ riferiment u parametri effettivi biex jitkejlu l-livelli ta’ anti-Żingariżmu u l-effetti tiegħu fl-Istati Membri kollha;
40. Jistieden lill-Kummissjoni tintensifika l-isforzi tagħha biex tiżgura adeżjoni bikrija mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem b’tali mod li jkun kompatibbli mad-drittijiet fundamentali u l-valuri Ewropej kif spjegati fit-Trattati;
41. Iqis li hija ħaġa ta’ dispjaċir li l-PĦK ftit għandu xi jgħid dwar iċ-ċittadini tal-UE bħala konsumaturi; jinsisti li l-Ewropa Diġitali hija kunċett wisq aktar wiesa’ minn sempliċi suq uniku diġitli, u li kwalunkwe proposta għandha tiggarantixxi l-protezzjoni tal-konsumaturi u tad-data, filwaqt li tqis id-dimensjoni soċjali, l-aċċess universali, l-inklużjoni tal-partijiet kollha tal-popolazzjoni, in-newtralità tan-netwerk u d-diversità kulturali; ifakkar fil-ħtieġa li jiġi stabbilit mekkaniżmu effettiv ta' rimedju għall-konsumaturi fl-UE u li jiġu t-trattati b'mod deċiżiv il-prevenzjoni tal-frodi u l-evażjoni tat-taxxa fil-kunte’t tal-attivitajiet diġitali;
42. Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa reazzjoni Ewropea komprensiva għall-problemi tad-drittijiet fundamentali tal-persuni LGBTI, fis-sura ta' strateġija/pjan direzzjonali tal-UE kontra l-omofobija u d-diskriminazzjoni abbażi ta' orjentazzjoni sesswali u identità tal-ġeneru, kif mitlub ripetutament mill-Parlament u l-Istati Membri;
Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, tkabbir, politika tal-viċinat
43. Jieħu nota tal-isforzi organizzattivi fi ħdan il-Kummissjoni l-ġdida li għandhom jagħtu lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u Viċi President tagħha (RGħ/VP) setgħat li jestendu lil hinn mill-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni u jiżguraw integrazzjoni aħjar tad-dimensjoni esterna tal-politiki tal-UE mal-kompetenza tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna; jinsisti fuq il-ħtieġa li jkun hemm komunikazzjoni aħjar bejn il-politika tal-kummerċ u dik tal-viċinat u jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-politika tal-migrazzjoni ma tibqax tiġi fformulata mingħajr referenza għall-politika tal-iżvilupp;
44. Jemmen bis-sod li l-Kummissjoni għandha turi l-impenn tagħha li żżomm il-politika tat-tkabbir ħajja billi taħdem ħafna fuq il-ftuħ ta’ ċerti kapitoli ta’ negozjar mat-Turkija, il-Montenegro u s-Serbja u billi tindirizza b’mod adegwat l-isfidi fil-Bosnja-Ħerzegovina, f’Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, l-Albanija u l-Kosovo, bil-għan li jsir progress konkret fl-2015 fit-triq lejn l-integrazzjoni tal-UE;
45. Jinnota li l-Kummissjoni se tibda tivvaluta l-Programmi ta’ Riforma Ekonomika Nazzjonali tal-pajjiżi tat-tkabbir tal-UE ibda minn Jannar 2015, bil-għan li jadattaw il-governanza ekonomika tagħhom għall-mudell Ewropew li qed jinbidel; javża lill-Kummissjoni biex ma tirrepetix fil-pajjiżi tat-tkabbir tal-UE l-iżball fejn l-awsterità governattiva dgħajfet it-tkabbir ekonomiku;
46. Jisfida lill-Kummissjoni tintensifika l-involviment tagħha mal-ġirien tal-Lvant u tgħin lil pajjizi bħalma huma l-Ukraina, il-Modova, u l-Ġeorġja biex jistabbilizzaw ruħhom billi titkabbar l-isfera tad-demokrazija u l-ġustizzja soċjali; jenfasizza li huma biss il-gvernijiet demokratiċi u inklussivi li jistgħu jibnu s-sens ta’ ċittadinanza meħtieġ biex jagħmlu lilhom infushom reżiljenti kontra l-attentati biex is-sovranità tagħhom tiġi mdgħajfa;
47. Jitlob li jiżdiedu l-isforzi tal-UE biex tgħin ħalli jintemm il-konflitt fl-Ukraina u sabiex jiġi varat mill-ġdid id-djalogu ma’ Moska; hu tal-fehma, f’dan ir-rigward, li s-sanzjonijiet huma mmirati biex iġiegħlu lill-Gvern Russu jibdel il-politika tiegħu; iqis li s-sostenn, it-tisħiħ jew ir-riversibilità tas-sanzjonijiet jiddependu mill-attitudni tar-Russja stess u mis-sitwazzjoni fl-Ukraina;
48. Jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-isforzi tar-RGħ/VP biex tiffaċilita approċċ komuni tal-UE għar-rikonoxximent tal-Istat tal-Palestina; Jistieden lill-RGħ/VP twettaq ir-responsabilità tagħha bħala attur influwenti u tieħu inizjattiva ta’ paċi kuraġġuża u komprensiva għar-reġjun tal-Lvant Nofsani, b’mod partikolari abbażi tal-Inizjattiva Għarbija għall-Paċi;
49. Jistieden lir-RGħ/VP tinvolvi ruħha b’mod attiv mal-atturi reġjonali u internazzjonali kollha (b’mod partikolari l-Iran u r-Russja) li għandhom influwenza fuq il-partijiet li jinsabu fil-konflitt Sirjan bil-għan li t-terroristi tal-Istat Iżlamiku jiġu disfatti u jintemm il-konflitt fis-Sirja;
50. Jilqa’ l-impenn li tat ir-RGħ/VP li titfa’ aktar attenzjoni fuq ir-reġjun tal-Mediterran tan-Nofsinhar; ifakkar fid-dimensjoni kruċjali tal-politika tal-viċinat tan-Nofsinhar; jafferma mill-ġdid li l-politika trid tkun imsejsa fuq il-kożvilupp bil-għan li tippromwovi l-istabilità u l-prosperità fir-reġjun; jinsisti fuq il-ħtieġa li tiġi msaħħa l-kooperazzjoni politika u ekonomika; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja l-aspirazzjonijiet demokratiċi tas-soċjetà ċivili;
51. Jinsab konvint li r-RGħ/VP għandha ssaħħaħ ir-rwol tal-UE fl-Amerika Latina u ttejjeb u twessa’ l-ftehimiet politiċi u kummerċjali tal-UE mal-pajjiżi tal-Amerika Latina, kif ukoll il-proċessi reġjonali u bireġjonali li għaddejjin attwalment;
52. Jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi u tiżviluppa politika barranija ġenwina għas-sigurtà u d-difiża bil-għan li tikkumbatti lill-konflitti, lill-instabilità politika u l-korruzzjoni u tippromwovi s-sigurtà, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, l-istabilità u s-soluzzjoni tal-konflitti;
Kummerċ, drittijiet tal-bniedem, politika tal-iżvilupp
53. Tikkondividi mal-Kummissjoni l-istess fehmiet dwar il-ħtieġa li ssir ħidma favur ftehim kummerċjali bbilanċjat mal-Istati Uniti tal-Amerika bħala għodda biex tingħata spinta lit-tkabbir u l-impjiegi, filwaqt li jiġu salvagwardjati l-istandards tal-UE tas-saħħa, dawk soċjali, dawk ambjentali u dawk tal-protezzjoni tad-data u d-diversità kulturali tagħha; jemmen li s-Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment (TTIP) għandha tiżgura aċċess sinifikattiv għas-suq u tippromwovi standards ambjentali u soċjali għoljin; iqis li ma għandu jkun hemm l-ebda mekkaniżmu ta’ soluzzjoni ta’ tilwim ta’ bejn investitur u stat fil-ftehim;
54. Iqis li ħija ħaġa ta’ dispjaċir li l-PĦK ma jinkludix riforma tar-reġim tal-UE għall-esportazzjonijiet ta’ oġġetti b’użu doppju; jistieden lill-Kummissjoni tħejji dokument ta’ strateġija li jkun jiddeskrivi fil-qosor l-objettivi aktar wiesgħa tal-politika kummerċjali lil hinn mis-Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment (TTIP); jinsisti li l-ftehimiet kummerċjali kollha jkunu jinkludu klawżoli li jorbtu dwar l-istandards tax-xogħol u tal-ambjent;
55. Ifakkar li d-drittijiet tal-bniedem huma wieħed mill-prijoritajiet ta' importanza maġġuri għar-RGħ/VP; itenni l-ħtieġa li ssir ħidma mal-Kummissarji kollha sabiex id-drittijiet tal-bniedem jiġu inklużi fl-oqsma ta' politika l-oħra kollha, b'mod partikolari il-migrazzjoni, l-iżvilupp, l-ambjent, il-governanza tal-internet, il-kummerċ, l-investiment, it-teknoloġija u n-negozju;
56. Jesprimi tħassib serju dwar is-sitwazzjoni umanitarja tar-rifuġjati Sirjani; ifakkar li l-politiki tal-ażil u l-għajnuna lir-rifuġjati huma strumenti ewlenin tad-drittijiet tal-bniedem, speċjalment fil-każ tan-nies li jkunu qed jaħarbu minn konflitt, u jistieden lill-Kummissjoni tvara strateġija Ewropea komuni biex tiggarantixxi l-għajnuna meħtieġa lir-rifuġjati Sirjani permezz ta' pjan Ewropew għall-provvediment ta' kenn u għat-tqassim tar-rifuġjati fost l-Istati Membri fuq bażi proporzjonali;
57. Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tieħu l-opportunità offruta mill-importanza tas-sena 2015 għall-iżvilupp internazzjonali sabiex tiżgura koerenza politika sħiħa għall-iżvilupp fil-Programm ta’ Ħidma tagħha kollu; jitlob b’insistenza li l-Kummissjoni tkun koerenti u serja dwar l-impenn tagħha li tiġġieled lill-epidemija tal-Ebola, li enfasizzat il-ħtieġa urġenti li l-Programm għall-Azzjoni dwar is-Saħħa Globali (Programme for Action on Global Health) jiġi ppreżentat u implimentat;
58. Għadu mħasseb serjament dwar il-limitazzjonijiet, b’mod partikolari dawk ta’ natura baġitarja, li l-Kummissjoni qed tiffaċċja biex tindirizza l-għadd storiku ta’ kriżijiet umanitarji li qed iseħħu fl-istess ħin, u jitlob li jsir segwitu immedjat tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE tal-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja;
Trasparenza u relazzjoni ta’ ħidma bejn il-Parlament u l-Kummissjoni
59. Ifakkar lill-President tal-Kummissjoni fl-impenn tiegħu li jaħdem b’mod trasparenti mal-Parlament fi spirtu ta’ lealtà, fiduċja reċiproka u kooperazzjoni, u li jirrispetta l-ugwaljanza ta’ bejn il-koleġiżlaturi tal-UE;
60. Jesprimi d-diżappunt tiegħu għall-mod kif il-Kummissjoni kienet qed tikkomunika, b’mod partikolari meta beda joqrob iż-żmien tal-preżentazzjoni tal-Programm ta' Ħidma tagħha lis-seduta plenarja tas-16 ta' Diċembru 2014; iqis li huwa ta’ dispjaċir in-nuqqas ta' trasparenza tal-Kummissjoni u jiddeplora l-konfużjoni u n-nuqqas ta' informazzjoni rilevanti li kien hemm qabel il-pubblikazzjoni u l-preżentazzjoni tal-PĦK; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, treġġa’ għal li kienet il-fiduċja ta’ bejn il-Kummissjoni u l-Parlament, li b’dispjaċir ġiet mittiefsa;
61. Jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni li jiġi stabbili reġistru mandatarju tal-lobbies abbażi ta’ ftehim interistituzzjonali u jesprimi r-rieda tiegħu li jinbdew in-negozjati, iżda jfakkar ukoll fit-talba insistenti tiegħu li l-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva għall-istabbiliment ta’ reġistru mandatarju abbażi tal-Artikolu 352 tat-TFUE u tinkludi proposta li tippermetti li jiġi stabbilit reġistru mandatarju skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja;
62. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kumissjoni u lill-Kunsill.