Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0036/2015Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0036/2015

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-libertà tal-espressjoni fit-Turkija: l-arresti reċenti ta’ ġurnalisti u ta' eżekuttivi tal-media u l-pressjoni sistematika fuq il-media

12.1.2015 - (2015/3011(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Kati Piri, Knut Fleckenstein, Victor Boștinaru, Tanja Fajon, Miroslav Poche, Victor Negrescu, Richard Howitt, Alessia Maria Mosca, Goffredo Maria Bettini, Alessandra Moretti, Liisa Jaakonsaari, Sorin Moisă, Tonino Picula, Javi López, Marlene Mizzi, Nicola Caputo, Pier Antonio Panzeri, Michela Giuffrida, Arne Lietz, Zigmantas Balčytis, Afzal Khan f'isem il-Grupp S&D

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0036/2015

Proċedura : 2014/3011(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0036/2015
Testi mressqa :
B8-0036/2015
Dibattiti :
Testi adottati :

B8‑0036/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-libertà tal-espressjoni fit-Turkija: l-arresti reċenti ta’ ġurnalisti u ta' eżekuttivi tal-media u l-pressjoni sistematika fuq il-media

(2015/3011(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-Turkija,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tas-16 ta' Diċembru 2014,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju tal-Kunsill tal-Ewropa għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-15 ta' Diċembru 2014,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà/Viċi President tal-Kummissjoni u tal-Kummissarju għall-Politika Ewropea tal-Viċinat u n-Negozjati ta' Tkabbir tal-14 ta’ Diċembru 2014,

–       wara li kkunsidra r-Rapport ta' Progress tal-2014 dwar it-Turkija tat-8 ta' Ottubru 2014,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi fl-14 ta' Diċembru 2014 il-pulizija Torka arrestat ġurnalisti u eżekuttivi tal-media, fosthom Ekrem Dumanlı, kap editur tal-gazzetta 'Zaman', u Hidayet Karaca, maniġer ġenerali tas-Samanyolu Broadcasting Group; billi mandat, maħruġ minn imħallef f’Istanbul, jiddikjara li kienu qed isirulhom investigazzjonijiet kriminali fuq akkużi li kienu ffurmaw organizzazzjoni li 'bi pressjoni, intimidazzjoni u theddid ippruvat taħtaf il-poter tal-istat' u li dan kienet għamlitu 'billi gidbet, ċaħħdet lil persuni mil-libertà tagħhom u ffalsifikat id-dokumenti';

B.     billi raids tal-pulizija u l-arrest ta’ għadd ta’ ġurnalisti u rappreżentanti tal-media xejn mhuma kompatibbli mal-libertà tal-media; billi dawk li sfaw arrestati 'jistennew li l-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza jipprevali u jfakkru fid-dritt inaljenabbli għal investigazzjoni indipendenti u trasparenti f’każ ta’ kwalunkwe aġir illeċitu allegat, b’rispett sħiħ tad-drittijiet tal-konvenuti';

C.     billi għadd ta' persuni li sfaw arrestati f'Diċembru 2014 inħelsu; billi fid-19 ta’ Diċembru 2014 il-Qorti ta’ Istanbul ħabbret ir-rilaxx ta’ Ekrem Dumanlı, soġġett għal probation u għal projbizzjoni tal-ivvjaġġar sakemm tintemm investigazzjoni kriminali, iżda li Hidayet Karaca kienet se tibqa' fid-detenzjoni sa ma l-investigazzjoni tintemm; billi fil-31 ta’ Diċembru 2014 qorti ta’ Istanbul irrifjutat l-oġġezzjoni ta' prosekutur għar-rilaxx ta’ Ekrem Dumanlı u ta' seba’ persuni oħra;

D.     billi dikjarazzjonijiet intimidanti minn politiċi u proċedimenti istitwiti kontra ġurnalisti li esprimew kritika, flimkien mal-istruttura tas-sjieda tas-settur tal-media, kienu fatturi li wasslu biex ħafna sidien tal-media u ġurnalisti ħaddmu l-awtoċensura, u wkoll għat-tkeċċija ta' xi ġurnalisti;

E.     billi s-sjieda tal-media hija kkonċentrata ħafna f’idejn konglomerati tan-negozju b’interessi li jmorru ferm lil hinn miċ-ċirkolazzjoni ħielsa tal-informazzjoni;

F.     billi r-reazzjoni tal-gvern għall-allegazzjonijiet ta' korruzzjoni f’Diċembru 2013 qajmet dubji serji dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tal-ġudikatura, u wriet intolleranza dejjem akbar rigward l-oppożizzjoni politika, il-protesti min-naħa tal-pubbliku u l-media kritika;

G.     billi l-Gvern tat-Turkija għandu jindirizza l-libertà tal-midja bħala kwistjoni ta’ prijorità u jipprovdi qafas ġuridiku adegwat li jiggarantixxi l-pluraliżmu bi qbil mal-istandards internazzjonali; ifakkar fl-isforzi tal-Gvern Tork biex jipprojbixxi l-aċċess għall-midja soċjali, fl-approċċ restrittiv tiegħu għal-libertà tal-espressjoni, u fil-pressjoni eżerċitata fuq il-mezzi tal-media u l-ġurnalisti;

1.      Jikkundanna r-raids tal-pulizija ta' dan l-aħħar u d-detenzjoni ta’ għadd ta’ ġurnalisti u rappreżentanti tal-media fl-14 ta' Diċembru 2014 fit-Turkija; ifakkar li stampa ħielsa u pluralista hija komponent essenzjali ta’ kwalunkwe demokrazija, bħalma huma wkoll il-proċessi ġust u l-indipendenza ġudizzjarja; jisħaq fuq il-ħtieġa, għalhekk, li fir-rigward ta' dan l-aħħar ċiklu ta’ arresti, fil-każijiet kollha (i) tingħata informazzjoni abbundanti u trasparenti dwar l-allegazzjonijiet kontra l-akkużati, (ii) l-akkużati jingħataw aċċess sħiħ għall-evidenza inkriminatorja flimkien ma' drittijiet sħaħ ta’ difiża, u (iii) jiġi żgurat li l-każijiet jitmexxew sewwa b'tali mod li jistabbilixxu l-veraċità tal-akkużi bla dewmien u lil hinn minn kull dubju raġonevoli; jenfasizza li dawn l-azzjonijiet iqajmu dubji dwar ir-rispett tal-libertà tal-midja, libertà li hija prinċipju ċentrali tad-demokrazija;

2.      Jesprimi t-tħassib tiegħu li l-gvern sejjer lura mill-impenji tiegħu rigward riformi demokratiċi, u b’mod partikolari li t-tolleranza tal-gvern rigward protesti mill-pubbliku u rigward il-midja kritika qiegħda tonqos; jissottolinja l-importanza tal-libertà tal-istampa u tar-rispett tal-valuri demokratiċi għall-proċess ta’ tkabbir tal-UE, u jsostni t-twemmin tiegħu fil-ħtieġa li n-negozjati dwar l-adeżjoni tal-UE mat-Turkija jibqgħu għaddejjin;

3.      Jenfasizza li għadd ta’ dispożizzjonijiet tal-qafas ġuridiku Tork u l-interpretazzjoni tagħhom minn membri tal-ġudikatura għadhom ixekklu l-libertà tal-espressjoni, inkluża l-libertà tal-media; ifakkar li l-libertà tal-espressjoni u l-pluraliżmu tal-midja jinsabu fil-qalba tal-valuri Ewropej, u li stampa indipendenti hija kruċjali għal soċjetà demokratika, għax tati lok li ċ-ċittadini jieħdu sehem attiv fil-proċessi kollettivi tat-teħid tad-deċiżjonijiet fuq bażi informata u għaldaqstant issaħħaħ id-demokrazija;

4.      Jesprimi t-tħassib profond tiegħu rigward l-għadd ta’ ġurnalisti li qed jinżammu arrestati qabel is-smigħ tal-kawżi tagħhom, u jistieden lill-awtoritajiet ġudizzjarji tat-Turkija biex jerġgħu jeżaminaw dawn il-każijiet u jindirizzawhom mill-aktar fis possibbli;

5.      Jenfasizza li l-kawżi kontra ġurnalisti u kittieba, flimkien ma’ għadd kbir ta’ sensji, każijiet ta' intimidazzjoni, fastidju u forom oħrajn ta’ pressjoni kontra mezzi tal-espressjoni tal-kritika u kontra l-ġurnalisti, jeħtieġ li jieqfu; jenfasizza li azzjonijiet bħal dawn ixekklu l-kapaċità tal-ġurnalisti li jaqdu d-dmirijiet professjonali tagħhom, inkluż billi jinfurmaw lill-pubbliku dwar każijiet ta’ korruzzjoni u kwistjonijiet oħra ta’ interess pubbliku, kif ixekklu wkoll l-eżerċizzju tal-libertà tal-espressjoni, fatt li jwassal għal ħafna awtoċensura mis-sidien tal-media u mill-ġurnalisti; ifakkar li d-dritt li dak li jkun ixandar, jaqsam u jirċievi l-informazzjoni huwa minqux fil-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Politiċi u Soċjali, li t-Turkija hija firmatarja tiegħu;

6.      Jitlob li l-awtoritajiet Torok jerġgħu jeżaminaw id-dispożizzjonijiet tal-qafas ġuridiku li jintużaw biex jirrestrinġu d-drittijiet tal-libertà tal-espressjoni, tal-assoċjazzjoni u tal-għaqda, u d-dritt ta' aċċess għall-informazzjoni, u li dawk id-dispożizzjonijiet iġibuhom konformi mal-istandards internazzjonali; jitlob ukoll li l-pressjoni u l-intimidazzjoni kontra l-mezzi tal-espressjoni tal-kritika u l-ġurnalisti jintemmu;

7.      Jinnota li l-projibizzjonijiet ta' siti tal-internet għandha portata sproporzjonata, fid-dawl tal-fatt li, f’Awwissu 2014, aktar minn 50 000 sit ma kinux aċċessibbli fit-Turkija, filwaqt li biss 6 000 minnhom kienu ġew projbiti b’ordni tal-qorti;

8.      Jinnota li l-Pjan ta’ Azzjoni għall-Prevenzjoni ta’ Vjolazzjonijiet tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem ma jipprevedix reviżjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti kollha tal-Liġi kontra t-Terroriżmu jew tal-Kodiċi Kriminali, li intużaw biex jillimitaw il-libertà tal-espressjoni; jisħaq fuq il-ħtieġa li ssir riforma ta’ dawn il-liġijiet bħala kwistjoni ta’ prijorità;

9.      Iqis li l-iżviluppi reċenti li jirrestrinġu l-libertà tal-media u tal-espressjoni jissottolinjaw il-ħtieġa għal aktar, u mhux anqas, ħidma bejn it-Turkija u l-UE, b'mod partikolari dwar l-istat tad-dritt u dwar riformi fil-qasam tad-drittijiet fundamentali;

10.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà/Viċi President tal-Kummissjoni, kif ukoll lill-Gvern u lill-Parlament tat-Turkija.