Proċedura : 2014/2829(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0038/2015

Testi mressqa :

B8-0038/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 15/01/2015 - 11.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 140kWORD 211k
12.1.2015
PE547.461v01-00
 
B8-0038/2015

imressqa wara d-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni

skont l-Artikolu 37(3) tar-Regoli ta' Proċedura u l-ftehim qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea


dwar il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2015 (2014/2829(RSP))


David Borrelli, Fabio Massimo Castaldo, Dario Tamburrano, Valentinas Mazuronis, Rolandas Paksas f'isem il-Grupp EFDD

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2015 (2014/2829(RSP))  
B8‑0038/2015

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2015 (COM(2014)0910),

–       wara li kkunsidra l-ftehim qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Anness IV tiegħu,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 37(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-UE qed tħabbat wiċċha mal-agħar kriżi ekonomika, soċjali u politika mindu ġiet stabbilita 'l hawn;

B.     billi l-kriżijiet ekonomiċi u tad-dejn enfasizzaw il-ħtieġa għal approċċ ġdid, li fih l-Istati Membri jkollhom il-possibilità jimplimentaw il-politiki fiskali u ekonomiċi tagħhom;

C.     billi huwa assolutament meħtieġ li tinħoloq strateġija ta' ħruġ miż-żona tal-euro li tagħti lok lill-Istati Membri jiddeċiedu;

D.     billi l-kriżi globali wasslet għal staġnar u reċessjoni, u dan kellu impatt negattiv enormi fuq l-impjiegi;

E.     billi huwa essenzjali li jkun hemm proċeduri ġodda biex jiġi evitat baġit tal-UE bla kontroll, b'attenzjoni partikolari li jsir iffrankar fejn possibbli;

F.     billi huwa importanti li jitnaqqsu l-ispejjeż amministrattivi tal-UE f'perjodu ta' limitazzjonijiet ekonomiċi;

G.     billi l-politiki tal-UE għall-istabbiliment u l-iżvilupp ta' netwerks trans-Ewropej fis-settur tal-infrastruttura tat-trasport irriżulta li kienu ineffettivi, estremament għoljin u xi drabi saħansitra ta' detriment;

H.     billi għandu jkun hemm aktar enfasi fuq l-għoti ta' appoġġ lill-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SME), li huma s-sors ewlieni tal-impjiegi fl-Ewropa;

I.      billi l-livell tal-qgħad, u speċjalment il-qgħad fost iż-żgħażagħ, qed jibblokka f'bosta Stati Membri t-tisħiħ tal-potenzjal ekonomiku tagħhom, u dan qed jiggrava l-ġustizzja soċjali u l-koeżjoni soċjali inġenerali;

J.      billi l-politiki ta' awsterità imposti mill-UE ma tawx il-frott u rriżulta li kienu dannużi;

K.     billi huwa importanti li jkun garantit xogħol indaqs għal salarju indaqs;

L.     billi xi tip ta' demokrazija diretta li fiha ċ-ċittadini jagħmlu deċiżjonijiet diretti tagħti l-leġittimità u żżid il-parteċipazzjoni fil-proċess ta' teħid tad-deċiżjonijiet;

M.    billi kull trattat ġdid jew kwalunkwe tibdil għat-trattati eżistenti għandhom jiġu sottomessi għall-votazzjoni tal-poplu permezz ta' referendums nazzjonali ħielsa u ġusti fl-Istati Membri;

Prijoritajiet ewlenin

1.      Iħeġġeġ ir-rieżami tal-governanza ekonomika sabiex din timxi minn politiki tal-awsterità, għal libertà ta' azzjoni ġdida u akbar għall-Istati Membri; jemmen li l-indikaturi ekonomiċi u tal-istatistika kollha juru xejra perikoluża u mifruxa ta' reċessjoni fl-Unjoni Ewropea, minħabba r-restrizzjonijiet ekonomiċi imposti fil-livell tal-UE; jindika li huwa assolutament neċessarju li jinbidel kompletament l-approċċ attwali, u li l-Istati Membri jingħataw il-possibilità jimplimentaw il-politiki fiskali u ekonomiċi tagħhom mingħajr restrizzjonijiet;

2.      Jinnota li l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jistipula li Stat Membru jista' jħalli l-Unjoni, iżda ma fihx dispożizzjonijiet rigward il-possibilità li jabbanduna l-munita unika Ewropea; jenfasizza għalhekk l-importanza li l-Istati Membri jingħataw din l-għażla, b'kunsiderazzjoni wkoll tal-għażla li jibqgħu barra garantita lir-Renju Unit u lid-Danimarka;

3.      Jinsisti li huwa fundamentali li l-flus tal-kontribwenti tat-taxxa jintużaw aħjar; jenfasizza l-importanza li jitnaqqsu l-ispejjeż amministrattivi tal-UE f'perjodu ta' limitazzjonijiet ekonomiċi; jindika li mhux aċċettabbli li jkollok baġit tal-UE bla kontroll u jinsisti li jeħtieġ li jsir iffrankar fejn ikun possibbli, u li dan għandu jibda mill-ispejjeż eċċessivi tal-burokrazija tal-UE;

4.      Jitlob kontroll u awditjar ħafna akbar tal-baġit tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tikseb bħala rekwiżit mandatorju, dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni pożittiva mill-Qorti tal-Awdituri fi żmien sentejn; jenfasizza l-importanza ta' responsabbiltà akbar tan-nefqa tal-UE billi jappella lil kull Kummissarju jpoġġi firma mandatorja fir-rapport annwali tal-attività tad-DĠ korrispondenti li huma responsabbli għalih;

5.      Jemmen li li fil-qasam tal-migrazzjoni u l-intern huwa importanti li jkun hemm monitoraġġ u analiżi kostanti ta' kif qed jintnefqu l-fondi tal-UE għall-intern, filwaqt li jitqiesu wkoll il-fondi ta' emerġenza ddedikati għal azzjonijiet fil-qasam tal-migrazzjoni u l-asil, il-kontroll tal-fruntieri, il-ġlieda kontra l-kuntrabandu u t-traffikar, biex b'hekk jiġi osservat l-effikaċja tagħhom u jiġu evitati l-abbużi possibbli u l-ġestjoni ħażina; jappella sabiex din l-analiżi tkun akkumpanjata wkoll minn evalwazzjoni tal-fondi relatati mal-politika għall-affarijiet barranin u l-iżvilupp tal-UE, bil-ħsieb li jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni;

6.      Jinnota li l-politiki Ewropej għall-istabbiliment u l-iżvilupp ta' netwerks trans-Ewropej fis-settur tal-infrastruttura tat-trasport irriżulta li kienu ineffettivi, estremament għoljin u xi drabi saħansitra ta' detriment; iqis li aktar u aktar passiġġieri qed jagħmlu użu mit-trasport bl-ajru meta jivvjaġġaw distanzi twal; jindika li huwa neċessarju li l-proġetti attwali ppjanati jerġgħu jiġu kkunsidrati u rieżaminati, filwaqt li titwarrab l-idea li jiġu appoġġjati proġetti kbar b'impatt ambjentali u finanzjarju qawwi; iħeġġeġ sabiex is-sistemi tat-trasport ikunu bbażati fuq argumenti li jiffavorixxu l-ambjent u li tintuża l-intermodalità bħala mezz sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż u t-tniġġis, u li fl-istess waqt jissaħħu l-interkonnessjonijiet fost il-modi differenti tat-trasport, skont ix-xewqat individwali ta' kull Stat Membru;

7.      Jenfasizza li l-politika attwali tal-UE dwar l-enerġija mhijiex qed tiffunzjona u teħtieġ approċċ differenti; jinnota li s-sorsi tal-enerġija ġodda u alternattivi u t-teknoloġiji innovattivi jagħmluha possibbli li jiġi kkunsidrat mill-ġdid is-sett attwali ta' politiki Ewropej dwar il-klima u l-enerġija, filwaqt li jiġu identifikati pjanijiet ġodda ta' azzjoni għal sistemi sostenibbli u effiċjenti; jindika li huwa neċessarju li tiġi abbandunata l-istrateġija attwali tal-UE u li jiġu adottati forom differenti;

8.      Jiddispjaċih bil-kbir dwar il-fatt li l-approċċ il-ġdid tal-Kummissjoni fir-rigward tal-atti leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi adottati fl-2015, speċjalment f'ċerti oqsma ta' politika ewlenin bħall-ambjent, is-saħħa u t-trasport, wassal sabiex bosta proposti li kienu għadhom għaddejjin jew li diġà kienu ġew adottati, ġew irtirati, bir-riżultat li nħolqu gradi għoljin ta' inċertezza ġuridika u regolatorja u nuqqas ta' fiduċja; jenfasizza li din hija waħda mill-problemi ewlenin li għandha tiġi indirizzata mill-Kummissjoni nnifisha biex tagħlaq il-lakuna tal-investiment fl-Ewropa;

9.      Iħeġġeġ lill-Kummissjoni żżomm il-proposti speċifiċi kollha fil-pakkett dwar l-ekonomija ċirkolari, speċjalment dik dwar l-iskart, kif adottati mill-Kummissjoni fit-2 ta' Lulju 2014, u l-proposti kollha li jinsabu fil-pakkett dwar l-arja nadifa, kif adottati fit-18 ta' Diċembru 2013, fid-dawl tal-potenzjal għoli li għandhom li joħolqu l-impjiegi, itejbu s-sigurtà tar-riżorsi, il-ħarsien ambjentali u joħolqu ċertezza regolatorja akbar;

10.    Jindika li l-kultura u t-turiżmu jistgħu jgħinu lill-ekonomija Ewropea tegħleb il-kriżi attwali, biex b'hekk jiġu stimolati l-SME li jaħdmu f'dawn is-setturi; jinnota li għalkemm il-kultura u t-turiżmu ma jaqgħux taħt l-oqsma ta' kompetenza tal-Unjoni Ewropea lil hinn mill-ambitu ta' sistema ta' koordinazzjoni u ta' appoġġ bażika għall-Istati Membri, huwa neċessarju li jiġi promoss l-iżvilupp ta' wirt kulturali, naturali u turistiku importanti, b'appoġġ akbar u aħjar għall-ħolqien ta' sistema solida ta' intrapriża li kapaċi tiżgura t-tkabbir ekonomiku u impjiegi ġodda u ta' kwalità; jindika li huwa neċessarju li jitqiesu l-karatteristiċi individwali ta' kull Stat Membru, bħal pereżempju differenzi fis-settur gastronomiku; jelenka bl-istess mod, il-fatt li għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-wirt kulturali u lit-turiżmu reliġjuż, biex jiġi promoss it-tkabbir tagħhom;

11.    Jesprimi dispjaċir dwar il-fatt li l-Fond ta' Garanzija Bankarja inkluż fi ħdan il-programm qafas ''Ewropa Kreattiva'' ġarrab dewmien kbir u l-bidu operattiv tiegħu ġie pospost għall-2016, minkejja li l-industriji kulturali u kreattivi, speċjalment l-SME, ilhom ibatu għal żmien twil minn kriżi ta' kreditu, l-aktar minħabba talbiet kbar mill-banek għal garanziji finanzjarji; jappella għal żieda f'riżorsi ekonomiċi li jwessgħu l-għodod ta' garanzija formattivi, operazzjonali u finanzjarji, biex b'hekk is-settur kulturali u kreattiv jiġi appoġġat b'mod effikaċi;

12.    Jindika li sa issa m'hemmx disponibbli statistiki Ewropej kulturali li jippreżentaw data dwar l-intrapriżi fis-setturi kulturali, il-qgħad fis-setturi kulturali, il-kummerċ estern fi prodotti kulturali, il-parteċipazzjoni kulturali u statistiki kulturali oħra, u li dan qed jaffettwa serjament it-tfassil u l-implimentazzjoni ta' strateġiji mfasslin apposta li jindirizzaw l-isfidi enormi relatati ma' kultura Ewropea diversifikata;

13.    Jinnota li l-fenomenu tad-dumping soċjali rriżulta li huwa mifrux u problematiku, speċjalment fid-dawl tal-proċess ta' liberalizzazzjoni attwali u l-moviment ħieles ta' persuni u prodotti madwar iż-żona tal-UE; jinnota li l-esternalizzazzjoni tal-produzzjoni lejn pajjiżi b'liġijiet inqas stretti dwar l-impjiegi jew fejn l-ispejjeż tax-xogħol huma aktar baxxi hija problema importanti, li twassal għal tgħawwiġ fis-suq tax-xogħol; jindika li għaldaqstant, il-fenomenu tad-dumping soċjali jeħtieġ li jiġi eliminat;

14.    Jenfasizza l-fatt li l-moviment ħieles tal-prodotti u tal-persuni ddetermina livell sinifikanti ta' internazzjonalizzazzjoni tal-attivitajiet tat-trasport minn kumpaniji fi Stati Membri differenti; jinnota li l-kabotaġġ illegali jippermetti lill-kumpaniji joperaw f'sitwazzjoni ta' kompetizzjoni inġusta billi dawn jipprovdu l-istess servizzi lil Stat Membru, filwaqt li jieħdu vantaġġ mill-ispejjeż soċjali u tax-xogħol differenti fil-pajjiż tal-oriġini tagħhom; jenfasizza li huwa neċessarju li dan il-fenomenu jiġi miġġieled;

15.    Jesprimi tħassib dwar il-fatt li n-nisa jistgħu jħabbtu wiċċhom ma' diskriminazzjoni fis-suq tal-impjiegi, kem mil-lat ta' aċċess għall-impjiegi u kemm għat-twettiq ta' attivitajiet personali; jinnota li huwa neċessarju li tiġi opposta kull diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol u, partikolarment kontra kull ''saqaf tal-ħġieġ'' li jista' jipprevjeni lin-nisa milli javvanzaw fil-karrieri tagħhom; jenfasizza barra minn hekk, li huwa neċessarju li jiġu miġġielda l-impjiegi illegali tan-nisa u l-isfruttament tagħhom f'karigi ''inviżibbli'' jew f'''korporazzjonijiet finta'', mingħajr involviment reali f'attivitajiet tax-xogħol;

16.    Jinsab imħasseb ħafna dwar ir-rata allarmanti tal-qgħad, u jqis li hu fundamentali li jiġu miġġielda r-rati ta' qgħad għoljin, speċjalment għaż-żgħażagħ; jikkundanna kull leġiżlazzjoni tal-UE li timponi piżijiet amministrattivi u aktar ostakoli burokratiċi għall-SME, li huma s-sors ewlieni tal-impjiegi u tal-ħolqien tat-tkabbir; jenfasizza li għandu jkun hemm aktar enfasi fuq l-għoti ta' appoġġ lill-SME, li huma s-sors ewlieni tal-impjiegi fl-Ewropa;

17.    Jenfasizza l-ħtieġa ta' skemi ta' dħul minimu adegwati biex ikun hemm aktar konverġenza soċjali bejn l-Istati Membri u jingħata kontribut lit-tnaqqis fil-faqar;

18.    Jemmen li l-aħjar mod biex jiġi promoss it-tkabbir u jitkattru l-impjiegi huwa li titnaqqas l-ispiża tat-taxxi fuq ix-xogħol; Jopponi bil-kbir l-awsterità imposta mill-UE fuq l-Istati Membri, li qed titfa' pressjoni fuq is-salarji u l-impjiegi;

19.    Jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta' tqabbil fil-ħiliet li qed jaqta' liż-żgħażagħ mill-futur tagħhom, filwaqt li qed iwassal għal eluf ta' karigi mhux mimlija madwar il-kontinent minħabba lakuna kronika fil-ħiliet; jemmen li għandu jiġi kkunsidrat approċċ ġdid li jiffoka aktar fuq it-tagħlim tas-snajja' u l-ħiliet li teħtieġ l-ekonomija ta' kull Stat Membru;

20.    Jenfasizza l-fatt li l-kriżi finanzjarja kellha effett drammatiku fuq l-investiment pubbliku; jinnota li din b'mod ġenerali naqqsitu b'20 % f'termini reali bejn l-2008 u l-2013 u b'60 % fl-Istati Membri l-aktar affettwati; jesprimi tħassib serju dwar il-kwistjoni tal-kontijiet mhux imħallsa tal-UE (għall-2011-2012 kienu EUR 11-il biljun, għall-2012-2013 EUR 16-il biljun, u għall-2013 -2014 kienu saħansitra EUR 23.4 biljuni) u dwar id-dewmien fl-implimentazzjoni tal-programmi operazzjonali, u jqis li din is-sitwazzjoni inċerta tista' toħloq problemi liċ-ċittadini u lill-kumpaniji individwali; jinsab imħasseb dwar l-inkonsistenza notevoli bejn il-mira li suppost għandha l-Kummissjoni li żżid il-prestazzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej b'riżultati aktar viżibbli, u s-sitwazzjoni attwali;

21.    Jitlob lill-Kummissjoni ssaħħaħ it-trasparenza fin-negozjati kummerċjali li għandhom effett dirett fuq iċ-ċittadini u s-servizzi pubbliċi; jilqa' d-deċiżjoni li d-dokumenti tas-Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment (TTIP) jiġu deklassifikati u jinnota li din l-istess proċedura għandha tintuża għal ftehimiet plurilaterali u bilaterali oħra bħall-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (TiSA) jew il-ftehim ta' investiment mal-Ġappun, il-Vjetnam u ċ-Ċina;

22.    Jemmen li għandha tiġi implimentata forma ta' demokrazija diretta li fiha ċ-ċittadini jieħdu deċiżjonijiet diretti dwar il-Komunità, biex b'hekk tiżdied il-parteċipazzjoni tagħhom; itenni l-fehma tiegħu li tali miżuri huma assolutament neċessarji f'soċjetà demokratika, li jippermettu li tinżamm il-ġustizzja, il-libertà u l-parteċipazzjoni;

23.    Jenfasizza l-importanza li t-trattati ġodda jew kwalunkwe tibdil għat-trattati eżistenti jiġu sottomessi għall-votazzjoni tal-poplu permezz ta' referendums nazzjonali ħielsa u ġusti fl-Istati Membri;

24.    Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

 

Avviż legali - Politika tal-privatezza