Proċedura : 2014/3011(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0040/2015

Testi mressqa :

B8-0040/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 15/01/2015 - 11.10
CRE 15/01/2015 - 11.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0014

ABBOZZ TA' MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 136kWORD 67k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0036/2015
12.1.2015
PE547.463v01-00
 
B8-0040/2015

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-libertà tal-espressjoni fit-Turkija: l-arresti reċenti ta’ ġurnalisti u ta' eżekuttivi tal-media u l-pressjoni sistematika fuq il-media (2014/3011(RSP))


Ignazio Corrao, Fabio Massimo Castaldo, Marco Affronte, Daniela Aiuto, Dario Tamburrano, Kristina Winberg, Peter Lundgren, Rolandas Paksas f'isem il-Grupp EFDD

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-libertà tal-espressjoni fit-Turkija: l-arresti reċenti ta’ ġurnalisti u ta' eżekuttivi tal-media u l-pressjoni sistematika fuq il-media (2014/3011(RSP))  
B8‑0040/2015

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-Rapport ta’ Progress tal-2014 dwar it-Turkija tal-Kummissjoni,

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Ottubru 2013 bl-isem 'Strateġija tat-Tkabbir u Sfidi Ewlenin 2013-2014' (COM(2013)0700),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, b'mod partikolari dawk tat-13 ta' Ġunju 2014 dwar is-sitwazzjoni fit-Turkija(1) u tat-12 ta' Marzu 3013 dwar ir-Rapport ta' Progress tal-2013 dwar it-Turkija(2),

–       wara li kkunsidra l-Qafas ta’ Negozjar għat-Turkija tat-3 ta’ Ottubru 2005,

–       wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/157/KE tat-18 ta’ Frar 2008 dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kondizzjonijiet li jinsabu fis-Sħubija għall-Adeżjoni mar-Repubblika tat-Turkija ('is-Sħubija għall-Adeżjoni'), kif ukoll id-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kunsill dwar is-Sħubija għall-Adeżjoni tal-2001, l-2003 u l-2006,

–       wara li kkunsidra l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA),

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2014 dwar it-tkabbir u l-proċess ta’ stabbilizzazzjoni u ta’ assoċjazzjoni,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-14 ta' Diċembru 2014 tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, Federica Mogherini, u tal-Kummissarju għall-Politika Ewropea tal-Viċinat u n-Negozjati ta’ Tkabbir, Johannes Hahn, dwar ir-raids tal-pulizija u l-arresti ta' rappreżentanti tal-media fit-Turkija,

–       wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-15 ta' Diċembru 2014 tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi r-reazzjoni tal-gvern wara l-allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni li saru f’Diċembru 2013 tat lok għal tħassib serju rigward l-indipendenza tal-ġudikatura u s-separazzjoni tal-poteri;

B.     billi nhar il-Ħadd 14 ta' Diċembru 2014 32 ġurnalist inżammu f'raids madwar it-Turkija kollha, inklużi ġurnalisti mlaħħqa, eżekuttivi tal-media u kittieba tax-xandir, fuq akkużi li ffurmaw, mexxew u kienu membri ta’ organizzazzjoni terroristika armata;

C.     billi mezzi tal-media li kienu kkritikaw bil-miftuħ il-Gvern Tork tal-lum huma fost dawk li huma fil-mira ta' dawn l-azzjonijiet tal-forzi Torok tal-infurzar tal-liġi;

D.     billi l-libertà tal-media ilha problema fit-Turkija, li diġà xehdet mewġiet ta' arresti ta' ġurnalisti fl-2011 u projbizzjoni ta' Twitter u arresti ta' utenti tal-media soċjali;

E.     billi uffiċjali tal-istat għadhom jagħmlu dikjarazzjonijiet li għandhom effett intimidanti fuq il-media;

F.     billi d-dimostranti fit-Turkija dejjem aktar qed jesprimu tħassib dwar nuqqas perċeput ta' rappreżentanza ta’ ilħna minoritarji, dwar governanza awtoritarja u dwar nuqqas tal-istat tad-dritt, ta’ governanza tajba, u ta’ proċessi ġusti u proċeduri ġudizzjarji regolari fit-Turkija;

G.     billi emendi għal-liġi dwar l-internet irrestrinġew il-libertà tal-espressjoni fuq l-internet; billi tentattivi ta' projbizzjoni tal-media soċjali, li sussegwentement tħassru mill-Qorti Kostituzzjonali, u pressjoni fuq l-istampa li twassal għal awtoċensura mifruxa, jirriflettu approċċ restrittiv lejn il-libertà tal-espressjoni;

H.     billi l-libertà tal-istampa, proċeduri ġudizzjarji regolari u l-indipendenza tal-ġudikatura huma elementi ċentrali fi kwalunkwe demokrazija sana u huma minquxa fil-Kostituzzjoni Torka, b'mod partikolari fl-Artikolu 26 tagħha li jiggarantixxi l-libertà tal-espressjoni, u fl-Artikoli 27 u 28 tagħha li jiggarantixxu 'l-libertà tal-espressjoni' u 'd-disseminazzjoni tal-ħsieb bla xkiel';

I.      billi t-Turkija, bħala kandidat għall-adeżjoni mal-UE, għandha l-obbligu li tirrispetta u tippromwovi d-demokrazija u ssaħħaħ id-drittijiet u l-libertajiet demokratiċi u tal-bniedem; billi dawn l-obbligi għandhom jitqiesu bħala opportunità biex it-Turkija tkompli l-proċess tagħha ta' modernizzazzjoni;

J.      billi fl-2013 it-Turkija rċeviet allokazzjoni finanzjarja ta' EUR 902,9 miljun permezz tal-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA) bħala sostenn għar-riformi politiċi u ekonomiċi, li twitti t-triq għad-drittijiet u l-obbligi li ġġib magħha l-adeżjoni mal-UE;

K.     billi l-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-istampa huma prinċipji fundamentali tal-UE;

L.     billi, bl-introduzzjoni ta' restrizzjonijiet ulterjuri tal-libertà tal-espressjoni online, it-Turkija qiegħda tikser il-Kapitolu 10 tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Turkija;

1.      Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar l-arresti ta' ġurnalisti u ħaddiema tal-media; jemmen li dawn l-azzjonijiet jirrappreżentaw daqqa ta' ħarta inaċċettabbli għal-libertà tal-media fil-pajjiż; huwa mħasseb dwar l-għadd kbir ta’ ġurnalisti li jinsabu l-ħabs u l-bosta proċessi li għaddejjin bħalissa fil-konfront ta' ġurnalisti u ta' attivisti tal-media soċjali;

2.      Jiddeplora l-fatt li l-miżuri meħuda mill-awtoritajiet Torok huma sproporzjonati u bla ħtieġa f'demokrazija moderna u pluralista; jemmen li miżuri bħal dawn jimminaw il-pedamenti demokratiċi proprji tat-Turkija, u li x’aktarx se jkomplu jippolarizzaw is-soċjetà Torka, b'tali mod li jkabbru n-nuqqas ta' fiduċja tal-pubbliku rigward kemm l-istat huwa kapaċi jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem;

3.      Jitlob li jinħelsu l-ġurnalisti, l-attivisti tal-media soċjali u l-ħaddiema tal-media kollha li bħalissa jinsabu fid-detenzjoni; jitlob li jiġi appikat il-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza; jappella għal investigazzjonijiet indipendenti u trasparenti u jinsisti li l-persuni kollha fid-detenzjoni jingħataw aċċess bla restrizzjonijiet għal avukati tal-għażla tagħhom;

4.      Huwa mħasseb dwar id-deterjorament serju tal-libertà tal-istampa fil-pajjiż kollu kemm hu, u dwar iċ-ċensura sistematika tal-media fit-Turkija, inkluża dik tal-internet; jitlob li l-Gvern Tork jirrispetta l-prinċipju tal-libertà tal-istampa; jenfasizza li libertà reali tal-espressjoni u stampa ħielsa, flimkien ma' internet ħieles u mhux iċċensurat, huma elementi kruċjali ta’ soċjetà tassew demokratika, ħielsa u pluralista;

5.      Jitlob li l-awtoritajiet Torok jiggarantixxu u jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, b'mod partikolari l-libertà tal-espressjoni u l-liberta tal-istampa, u jiggarantixxu kultura politika parteċipattiva li tinkludi fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet l-ilħna tal-oppożizzjoni, tal-minoranzi, tas-soċjetà ċivili u tan-nisa, biex b'hekk joħolqu kultura politika tassew demokratika, b'rispett sħiħ għal fehmiet u opinjonijiet differenti;

6.      Jirrimarka, f'dan ir-rigward, ir-rwol essenzjali tal-ġudikatura fil-protezzjoni u t-titjib tal-liberta tal-istampa u tal-media; ifakkar fir-rwol kruċjali li l-prinċipju tas-separazzjoni tal-poteri għandu jkollu fi stat modern u demokratiku; jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar l-indħil tal-gvern fl-eżerċizzju tas-setgħat tal-ġudikatura; jitlob li l-awtoritajiet Torok jiggarantixxu bilanċ reali bejn il-funzjonijiet eżekuttivi, leġiżlattivi u ġudizzjarji;

7.      Iħeġġeġ lill-UE biex tieħu azzjonijiet konkreti b'reazzjoni għat-trażżin tal-media, għall-użu eċċessiv tal-forza mill-pulizija Torka fil-konfront tad-dimostranti, għat-trasferimenti u t-tkeċċijiet mifruxa ta’ uffiċjali tal-pulizija, imħallfin u prosekuturi wara li saru allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni li jinvolvu membri prominenti tal-gvern; jitlob li l-UE twaqqaf in-negozjati ta’ adeżjoni mat-Turkija dment li ma jkunux rispettati fil-pajjiż l-istituzzjonijiet demokratiċi tiegħu, l-istat tad-dritt u l-osservanza tal-libertajiet fundamentali;

8.      Iħeġġeġ lill-Gvern Tork biex jaħdem f'kooperazzjoni mal-atturi politiċi kollha, b'tali mod li jtejjeb il-libertà tal-media u l-pluralità politika fl-istituzzjonjiet tal-istat, u jaġixxi b'mod li jaqbel mal-istat tad-dritt u mad-drittijiet tal-bniedem; itenni l-appell tiegħu għal liġi ġdida dwar il-media li tkun fil-qagħda li tiggarantixxi l-liberta tal-espressjoni u l-pluraliżmu fil-media;

9.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà / Viċi-President tal-Kummissjoni, lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, lill-President tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tat-Turkija.

 

(1)

Testi adottati, P7_TA(2013)0277.

(2)

Testi Adottati, P(_TA(2014)0235.

Avviż legali - Politika tal-privatezza