Proċedura : 2014/3011(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0041/2015

Testi mressqa :

B8-0041/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 15/01/2015 - 11.10
CRE 15/01/2015 - 11.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0014

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 136kWORD 61k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0036/2015
12.1.2015
PE547.464v01-00
 
B8-0041/2015

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-libertà tal-espressjoni fit-Turkija: arresti reċenti ta' ġurnalisti, diriġenti fis-settur tal-media u pressjoni sistematika kontra l-media fit-Turkija (2014/3011(RSP))


Alexander Graf Lambsdorff, Johannes Cornelis van Baalen, Marietje Schaake, Ramon Tremosa i Balcells, Beatriz Becerra Basterrechea, Ivan Jakovčić, Jozo Radoš, Petr Ježek, Ivo Vajgl, Louis Michel, Gérard Deprez, Pavel Telička, Fredrick Federley, Marielle de Sarnez f'isem il-Grupp ALDE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-libertà tal-espressjoni fit-Turkija: arresti reċenti ta' ġurnalisti, diriġenti fils-settur tal-media u pressjoni sistematika kontra l-media fit-Turkija (2014/3011(RSP))  
B8‑0041/2015

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-Turkija, b’mod partikolari dawk tat-12 ta’ Marzu 2014 dwar ir-rapport ta’ progress 2013 dwar it-Turkija(1), tat-13 ta’ Ġunju 2013 dwar is-sitwazzjoni fit-Turkija(2) u tat-13 ta' Novembru 2014 dwar azzjonijiet Torok li joħolqu tensjonijiet fiż-żona ekonomika esklussiva ta' Ċipru(3),

–       wara li kkunsidra l-arresti ta’ għadd ta’ ġurnalisti, diriġenti tal-media u oħrajn fit-Turkija kollha nhar il-Ħadd 14 ta’ Diċembru 2014;

–       wara li kkunsidra l-fatt li t-Turkija f'dawn l-aħħar snin kienet wieħed mill-agħar pajjiżi rigward il-libertà tal-istampa u tal-media, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam man-numru ta’ ġurnalisti mitfugħin il-ħabs, peress li madwar 70 ġurnalist jinsabu l-ħabs, kotba ġew ipprojbiti, u l-awtoċensura u l-multi fiskali fuq media kritika huma kawża ta’ tħassib kbir;

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-arresti riċenti huma parti mid-dgħufija sistematika tal-istat tad-dritt, l-indipendenza tal-ġudikatura, is-separazzjoni tas-setgħat u r-rispett għall-valuri demokratiċi u l-libertajiet fundamentali; billi membri tal-gvern preċedenti tal-Prim Ministru Erdogan ġew akkużati bil-polarizzazzjoni tal-korruzzjoni, u l-irvelli intensifikaw;

B.     billi jidher li dawn l-arresti huma parti mill-kunflitt tal-President Erdogan mal-moviment Hizmet, immexxi mill-istudjuż Islamiku Fathullah Gulen, li huwa bbażat fl-Istati Uniti tal-Amerika, u seħħew sena wara li pulizija u prosekuturi kienu ħadu azzjonijiet immirati kontra membri tal-gvern tas-Sur Erdogan, fuq akkużi ta' korruzzjoni;

C.     billi t-Turkija diġà għandha numru kbir ta’ ġurnalisti l-ħabs u l-pressjoni kontra l-media żdiedet tul dawn l-aħħar snin, inkluż kontra propjetarji u diriġenti ta’ gruppi tal-media kif ukoll pjattaformi onlajn u ta’ media soċjali;

D.     billi Freedom House ikklassifikat l-istampa tat-Turkija bħala “mhux libera” fl-2014, filwaqt li fl-2013 kienet “parzjalment libera”.

E.     billi d-detenzjonijiet ta' qabel il-proċessi jistgħu jdumu x-xhur fit-Turkija u ġew estiżi fil-passat biex jikkastigaw b’mod effettiv lil persuni suspettati qabel ma saħansitra jiffaċċjaw ġuri;

1.      Jiddeplora l-arresti ta' massa fit-Turkija fl-14 ta' Diċembru 2014, u jistieden lil-awtoritajiet biex jipproduċu b'mod urġenti evidenza kredibbli biex isostnu l-akkuża li l-individwi arrestati wettqu r-reati kriminali kkonċernati u biex jipproċedu malajr bil-proċedimenti ġudizzjarji, bi trasparenza sħiħa u b'salvagwardji legali adegwati li jiżguraw proċess korrett u smigħ ġust; jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) biex jintensifika l-parteċipazzjoni tiegħu matul proċessi ta’ ġurnalisti u ta’ difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

2.      Jiddeplora l-arrest provokattiv u r-raid tad-dar tal-ġurnalist Olandiż Frederike Geerdink minn unitajiet tal-ġlieda kontra t-terroriżmu fis-6 ta' Jannar 2015 filwaqt li l-Ministru għall-Affarijiet Barranin Koenders kien qiegħed it-Turkija; jitlob trasparenza sħiħa fir-rigward ta' dan il-każ;

3.      Ifakkar lill-awtoritajiet Torok li għandhom joqogħdu attenti ħafna meta jkunu qed jittrattaw mal-media u mal-ġurnalisti, peress li l-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-media jibqgħu ċentrali għall-funzjonament ta’ soċjetà demokratika u miftuħa;

4.      Jinnota bi tħassib kbir li s-soċjetà Torka għadha polarizzata ħafna, u dibattiti politiċi ta’ spiss jinkludu għajdut spekulattiv, interċezzjonijiet telefoniċi u reġistrazzjonijiet miksuba b'mod illeġittimu, konspirazzjonijiet u komplotti irrazzjonali; jenfasizza li huma biss stat tad-dritt u soċjetà ċivili trasparenti u li jiffunzjonaw sew li jistgħu jibnu l-fiduċja bejn l-istituzzjonijiet differenti u fost il-persuni f’soċjetà matura u demokratika;

5.      Jinnota li l-arresti fl-14 ta’ Diċembru 2014 huma parti minn tendenza deplorevoli ta’ pressjoni akbar u restrizzjonijiet fuq l-istampa u l-media, inklużi media soċjali u fora bbażati fuq l-internet, li għalihom il-Gvern Tork u l-ogħla mexxejja Torok għandhom ir-responsabbiltà aħħarija;

6.      Jilqa’ d-dikjarazzjonijiet mill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u mill-Kummissarju responsabbli għan-negozjati ta' adeżjoni, li ssottolinjaw l-fatt li d-deterjorament tal-libertà tal-istampa u tal-media fit-Turkija jmorru kontra l-valuri tal-UE u bħala tali jirrappreżentaw pass ’il bogħod mill-adeżjoni;

7.      Jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm approċċ ġdid għar-relazzjonijiet bejn l-UE u t-Turkija, b'mod parallel man-negozjati ta' adeżjoni li bħalissa huma mwaqqfa, b'enfażi fuq il-kooperazzjoni prammatika f'ħafna oqsma ta' interess komuni bejn l-UE u t-Turkija bħall-politika barranija u l-kummerċ; Itenni, madankollu, li r-rispett tal-istat tad-dritt, il-valuri demokratiċi u d-drittijiet fundamentali huma kriterji ewlenin għall-UE; iħeġġeġ lill-Gvern Tork biex jirriforma s-sistema ġudizzjarja tiegħu lejn ir-rispett għall-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali;

8.      Jistieden lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE u lill-atturi kollha fit-Turkija biex itejbu serjament u jegħlbu l-impass attwali fir-relazzjonijiet bejn l-UE u t-Turkija permezz ta’ azzjonijiet konkreti u punti ta’ riferiment f’perijodu ta’ żmien stabbilit, filwaqt li l-UE tagħmilha kompletament ċara li r-rigressjoni tal-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali taħt it-tmexxija tal-Gvern għandha konsegwenzi negattivi konkreti;

9.      Ifakkar lit-Turkija bl-obbligi tagħha bħala Membru tal-Kunsill tal-Ewropa, u bil-ħtieġa għal aktar riformi ġudizzjarji. ifakkar fil-ħafna kawżi kontra t-Turkija quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem;

10.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Parlament u lill-Gvern tat-Turkija, lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.

 

(1)

Testi adottati, P7_TA(2014)0235,

(2)

Testi adottati, P7_TA(2013)0277.

(3)

Testi adottati, P8_TA(2014)0052.

Avviż legali - Politika tal-privatezza