Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0044/2015Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0044/2015

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-libertà tal-espressjoni fit-Turkija: arresti reċenti ta' ġurnalisti, diriġenti fis-settur tal-media u pressjoni sistematika kontra l-media fit-Turkija

12.1.2015 - (2014/3011(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Takis Hadjigeorgiou, Neoklis Sylikiotis, Patrick Le Hyaric, Josu Juaristi Abaunz, Curzio Maltese, João Ferreira, Inês Cristina Zuber, Miguel Viegas, Lidia Senra Rodríguez, Javier Couso Permuy, Paloma López Bermejo, Marina Albiol Guzmán, Ángela Vallina, Kostas Chrysogonos, Georgios Katrougkalos, Kostadinka Kuneva, Sofia Sakorafa, Marie-Christine Vergiat f'isem il-Grupp GUE/NGL

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0036/2015

Proċedura : 2014/3011(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0044/2015
Testi mressqa :
B8-0044/2015
Dibattiti :
Testi adottati :

B8‑0044/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-libertà tal-espressjoni fit-Turkija: arresti reċenti ta' ġurnalisti, diriġenti fis-settur tal-media u pressjoni sistematika kontra l-media fit-Turkija

(2014/3011(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–       wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1996, speċjalment l-Artikolu 19 tiegħu;

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-1950, b'mod partikolari dwar id-dritt għal-libertà tal-espressjoni;

–       wara li kkunsidra r-Rapport ta’ Progress tal-2014 tal-Kummissjoni dwar it-Turkija,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2014,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-rapporti ta’ progress tat-Turkija u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar is-sitwazzjoni fit-Turkija[1];

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi f’operazzjonijiet tal-pulizija mwettqa fl-14 ta’ Diċembru 2014 fi 13-il belt fit-Turkija, 31 persuna ġew arrestati, li l-maġġoranza tagħhom huma ġurnalisti, xeneġġjaturi jew edituri, inklużi l-Kap editur tal-gazzetta Zaman u l-President tas-Samanyolu Broadcasting Group; billi erba’ minn dawk arrestati għadhom detenuti;

B.     billi, skont sorsi uffiċjali, l-arresti saru fuq suspetti li waqqfu, li kienu membri ta’ jew li appoġġjaw, organizzazzjoni terroristika, jew li niedu propaganda kontra l-komunità reliġjuża “Tahsiye” fit-Turkija, u li allegatament kienu parti minn organizzazzjoni terroristika;

C.     billi dawn l-arresti tqiesu bħala soppressjoni tal-kritiċi tal-gvern u intoleranza tal-oppożizzjoni politika;

D.     billi l-Artikolu 125 tal-Kodiċi Kostituzzjonali Torka (TCC) li jrendi d-difamazzjoni reat kriminali, l-Artikolu 301, li jikkriminalizza insulti kontra n-nazzjon Tork, reati kontra l-ordni pubbliku, reati kontra l-ordni kostituzzjonali, u l-Liġi Kontra t-Terroriżmu u l-Liġi tal-Istampa ntużaw biex jirrestrinġu l-libertà tal-espressjoni;

E.     billi l-gazzetti li jiktbu dwar il-kwistjoni Kurda jew li jippubblikaw bil-lingwa Kurda huma miri kontinwi ta’ pressjoni, inklużi l-projbizzjoni u l-priġunerija ta’ ġurnalisti taħt akkużi ta' propaganda terroristika;

F.     billi anki l-ġurnalisti barranin huma mhedda b’arresti, l-aktar riċenti huma l-ġurnalisti Olandiżi Frederike Geerdink, ibbażat f’Diyarbakir, li ġie arrestat fis-6 ta’ Jannar 2015 fuq akkużi relatati ma’ “propaganda għal organizzazzjoni terroristika” u Mehmet Ülgur, li ġie arrestat mal-wasla tiegħu fl-ajruport fis-7 ta’ Jannar 2015 talli ħa ritratt fl-awla tal-qorti;

G.     billi din il-kampanja kontinwa ta’ intimidazzjoni u sensja ta’ ġurnalisti meqjusa bħala kritiċi tal-gvern, wasslu għal awtoċensura tal-ġurnalisti u tal-media;

H.     billi t-Turkija huwa wieħed mill-pajjiżi bl-akbar numru ta’ ġurnalisti li ntbagħtu l-ħabs jew li ġew arrestati u skont l-istatistika tal-OSKE sa minn Ġunju 2014 in-numru ta' ġurnalisti li qegħdin l-ħabs huwa 22;

I.      billi l-arresti u l-kampanja kontra kritiċi tal-gvern m’għandhomx jitqiesu bħala każ iżolat, iżda huma relatati mal-politika interna u estera ġenerali tal-gvern Tork; billi dawn l-avvenimenti jikkoinċidu mal-kunflitt bejn l-ex alleati Recep Tayyip Erdogan u Fethullah Gulen u l-moviment tiegħu, u huma direttament konnessi mal-każ Ergenekon u l-każijiet ta' korruzzjoni kontra membri tal-gvern u l-familja ta' Erdogan;

J.      billi l-avvenimenti ta' Ġunju u Lulju 2013 viċin il-park Gezi m'għandhomx jintnessew;

K.     billi 98 ħaddiem ingħataw is-sensja fis-6 ta' Diċembru 2014, mill-Isptar tal-Università Maltepe f’Istanbul, għaliex huma membri tal-Unjoni progressiva tal-Ħaddiema fis-Settur tas-Saħħa;

L.     billi t-Turkija, bħala kandidat għall-adeżjoni fl-UE, hija marbuta mill-kriterji ta' Kopenħagen u għandha l-obbligu li tirrispetta u tippromwovi d-demokrazija u li ssaħħaħ id-drittijiet u l-libertajiet demokratiċi tal-bniedem, fosthom il-libertà tal-espressjoni;

M.    billi d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar ir-Rapport ta' Progress tal-2014 dwar it-Turkija jagħmel referenza kritika estensiva tas-sitwazzjoni tal-libertà tal-espressjoni fil-pajjiż u jesprimi tħassib dwar din is-sitwazzjoni;

N.     billi l-gvern qed isegwi politiki ekonomiċi neoliberali li qed iżidu id-diskrepanza tal-istandard tal-għajxien u qed jikkontribwixxi għall-ftaqir ta' numru li dejjem qed jiżdied ta' nies;

O.     billi l-President tat-Turkija qed isegwi politika reġjonali karatterizzata bħala neo-Ottomana, b'tendenzi ċari ta' espansjoni;

P.     billi t-Turkija għandha rwol negattiv fis-sitwazzjoni interna fis-Sirja għaliex tippermetti ċ-ċirkulazzjoni ħielsa tal-armi u l-hekk imsejħa ġellieda, inklużi minn pajjiżi tal-UE, fis-Sirja; billi t-Turkija ġiet akkużata li qed tikkoopera mal-“Istat Iżlamiku” b’mod partikolari billi ostakolat id-difensuri ta' Kobane;

Q.     billi t-Turkija ppubblikat messaġġ ġdid Navtex vinkolanti għal ċerti partijiet fiż-Żona Ekonomika Esklussiva tar-Repubblika ta' Ċipru, li huwa ekwivalenti għal invażjoni tas-sovranità tar-Repubblika ta' Ċipru u qed tkompli taggrava t-tensjonijiet fil-Lvant tal-Mediterran.

R.     billi t-Turkija ma tirrispettax id-dritt internazzjonali u m'għandhiex relazzjonijiet tajbin mal-ġirien, inklużi mal-Istati Membri tal-UE, li tagħha hija membru kandidat;

1.      Jikkundanna bil-qawwa l-arresti u l-kampanja kontra ġurnalisti, xeneġġjaturi u edituri mmirati biex jagħlqu ħalq il-kritiċi tal-gvern u l-vuċijiet tal-oppożizzjoni, u jappella għar-rilaxx tagħhom kif ukoll għar-rilaxx tal-priġunieri politiċi kollha;

2.      Jikkundanna l-intervent u l-pressjoni mill-awtoritajiet fuq is-sistema ġudizzjarja, u jitlob ir-rispett tal-indipendenza tal-ġudizzjarja;

3.      Ifakkar li t-Turkija bħala kandidat għall-adeżjoni fl-UE hija mpenjata li tikkonforma mal-kriterji ta' Kopenħagen, u jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jsegwu l-konformità stretta min-naħa tat-Turkija;

4.      Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jieqfu jpoġġu l-interessi ekonomiċi u kummerċjali qabel ir-rispett tad-dritt internazzjonali u d-drittijiet u l-libertajiet tal-bniedem;

5.      Jitlob ir-revoka tal-liġi ta’ kontra t-terroriżmu;

6.      Jikkundanna l-intervent tat-Turkija fis-Sirja bħala ksur tad-dritt internazzjonali, u jitlob li dan jieqaf immedjatament;

7.      Jikkundanna l-messaġ il-ġdid Navtex tat-Turkija u jitlob li dan jiġi revokat minnufih, li l-bastimenti Torok kollha jiġu rtirati miż-Żona Ekonomika Esklużiva tar-Republika ta' Ċipru, u li titwettaq il-ħidma tar-relazzjonijiet tajbin bejn il-ġirien u n-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet mal-Istati Membri kollha tal-UE;

8.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, lill-President tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika tat-Turkija.