Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0045/2015Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0045/2015

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-libertà tal-espressjoni fit-Turkija: arresti reċenti ta' ġurnalisti, diriġenti fis-settur tal-media u pressjoni sistematika kontra l-media

12.1.2015 - (2014/3011(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Charles Tannock, Mark Demesmaeker, Angel Dzhambazki f'isem il-Grupp ECR

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0036/2015

Proċedura : 2014/3011(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0045/2015
Testi mressqa :
B8-0045/2015
Dibattiti :
Testi adottati :

B8‑0045/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-libertà tal-espressjoni fit-Turkija: arresti reċenti ta' ġurnalisti, diriġenti fis-settur tal-media u pressjoni sistematika kontra l-media

(2014/3011(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-Turkija,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tas-16 ta' Diċembru 2014,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u tal-Kummissarju għall-Politika Ewropea tal-Viċinat u n-Negozjati ta' Tkabbir tal-14 ta’ Diċembru 2014,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju tal-Kunsill tal-Ewropa għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-15 ta' Diċembru 2014,

–       wara li kkunsidra r-Rapport ta' Progress tal-2014 dwar it-Turkija tat-8 ta' Ottubru 2014,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi fl-14 ta' Diċembru 2014 il-pulizija Torka arrestat ġurnalisti u diriġenti tal-media, fosthom Ekrem Dumanlı, kap editur tal-gazzetta Zaman, u Hidayet Karaca, maniġer ġenerali tas-Samanyolu Broadcasting Group; billi mandat, maħruġ minn imħallef f’Istanbul, jiddikjara li kienu qed isirulhom investigazzjonijiet kriminali fuq akkużi li kienu ffurmaw organizzazzjoni li "bi pressjoni, intimidazzjoni u theddid ippruvat taħtaf il-poter tal-istat" u li dan kienu għamluh "billi gidbu, ċaħħdu lil persuni mil-libertà tagħhom u ffalsifikaw id-dokumenti";

B.     billi għadd ta' persuni li sfaw arrestati f'Diċembru 2014 inħelsu; billi fid-19 ta’ Diċembru 2014, il-Qorti ta’ Istanbul ħabbret ir-rilaxx ta’ Ekrem Dumanlı, soġġett għal probation u għal projbizzjoni tal-ivvjaġġar sakemm tintemm investigazzjoni kriminali; billi, madankollu, Hidayet Karaca għadha miżmuma sa ma l-investigazzjoni tintemm;

C.     billi dawn l-arresti huma parti minn repressjoni ġenerali mill-awtoritajiet Torok kontra n-netwerk ta’ membru tal-kleru bbażat fl-Istati Uniti Fethullah Gulen, akkużat bit-tmexxija ta’ "stat parallel" fit-Turkija, u s-sostenituri allegati tiegħi;

D.     billi f’dawn l-aħħar snin it-Turkija kompliet tinżel 'l isfel fl-indiċi tal-libertà tal-istampa u tal-media hekk kif aktar u aktar ġurnalisti, bloggers, sidien tal-mezzi tax-xandir u oħrajn huma mhedda, intimidati u anke mitfugħin il-ħabs talli kkritikaw lill-President Tork Erdogan u l-gvern Davotuğlu;

E.     billi l-UE u l-Istati Membri tagħha kkritikaw bil-qawwa l-arresti li saru fl-14 ta’ Diċembru 2014, u qalu li l-arresti huma "inkompatibbli mal-valuri Ewropej" u "inkompatibbli mal-libertà tal-media"; billi, madankollu, il-President Erdogan qal lill-UE biex “ma tindaħalx u biex iżżomm l-opinjonijiet tagħha għaliha”;

F.     billi fir-Rapport ta' Progress tal-2014 dwar it-Turkija l-Kummissjoni tinnota li ttieħdu passi pożittivi bl-adozzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar Vjolazzjonijiet tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u bi tnaqqis tat-tul tad-detenzjoni ta’ qabel il-proċess, wara liema passi ħafna ġurnalisti nħelsu mill-kustodja; billi, madankollu, il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-leġiżlazzjoni li tkompli tillimita l-libertà tal-espressjoni, inkluż fuq l-internet, ġiet adottata u l-eżerċizzju effettiv ta’ din il-libertà, u l-libertà tal-istampa, ġie ristrett fil-prattika;

G.     billi t-Turkija ilha pajjiż kandidat għas-sħubija fl-UE sa mill-1999 u n-negozjati tal-adeżjoni bdew fl-2005; billi l-pajjiż huwa ekonomija emerġenti maġġuri, membru tan-NATO u l-G20 u kkunsidrat bħala sieħeb ewlieni għall-UE;

1.      Jikkundanna r-raids tal-pulizija ta' dan l-aħħar u d-detenzjoni ta’ għadd ta’ ġurnalisti u rappreżentanti tal-media fit-Turkija; jenfasizza li dawn l-azzjonijiet iqajmu dubji rigward ir-rispett tal-libertà tal-media, libertà li hija prinċipju ċentrali tad-demokrazija;

2.      Jissottolinja li għadd ta’ dispożizzjonijiet tal-qafas ġuridiku Tork u l-interpretazzjoni tagħhom minn membri tal-ġudikatura għadhom ixekklu l-libertà tal-espressjoni, inkluża l-libertà tal-media; ifakkar li l-libertà tal-espressjoni u l-pluraliżmu tal-media huma kruċjali għal soċjetá demokratika, għax jippermettu liċ-ċittadini jieħdu sehem attiv fil-proċessi deċiżjonali kollettivi fuq bażi informata u għaldaqstant isaħħu d-demokrazija; jesprimi t-tħassib profond tiegħu rigward l-għadd ta’ ġurnalisti li qed jinżammu arrestati qabel is-smigħ tal-kawża, u jistieden lill-awtoritajiet ġudizzjarji tat-Turkija biex jerġgħu jeżaminaw dawn il-każijiet u jindirizzawhom mill-aktar fis possibbli; jirrimarka li l-progress fin-negozjati tal-adeżjoni jiddependi fuq ir-rispett tal-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali;

3.      Jinnota li, kif ġie enfasizzat fir-Rapport ta' Progress tal-2014 dwar it-Turkija, każijiet tal-qorti kontra ġurnalisti u kittieba, flimkien ma’ għadd kbir ta’ sensji tal-ġurnalisti, għadhom sors mifrux ta’ awtoċensura mis-sidien tal-media u l-ġurnalisti, inkluż dwar kwistjonijiet ta’ interess pubbliku, bħalma huma allegazzjonijiet ta' korruzzjoni;

4.      Iħeġġeġ lill-Gvern Tork biex ibiddel id-direzzjoni tiegħu u biex jaħdem fuq ir-riformi li għandhom jipprevedu kontrolli u bilanċi adegwati li jiggarantixxu bis-sħiħ il-libertà, fosthom il-libertà tal-ħsieb, tal-espressjoni u tal-media, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, li jankraw lit-Turkija fl-isfera demokratika, ekonomika u tas-sigurtà tal-Punent;

5.      Jirrimarka li, kif ġie konkluż mill-Kunsill fis-16 ta' Diċembru 2014, l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA II) għall-perjodu 2014-2020 iqis l-introduzzjoni ta’ koerenza msaħħa bejn l-assistenza finanzjarja tal-UE u l-progress ġenerali li jsir fl-implimentazzjoni tal-istrateġija ta’ qabel l-adeżjoni;

6.      Jinnota l-adozzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Prevenzjoni ta’ Vjolazzjonijiet tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, li jipprevedi r-reviżjoni ta’ xi dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Kriminali Tork li jirrestrinġu l-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-istampa f’oqsma fejn il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem sabet li t-Turkija kienet fi ksur tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;

7.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, kif ukoll lill-Gvern u lill-Parlament tat-Turkija.