MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar ir-rapport tas-Senat tal-Istati Uniti dwar l-użu tat-tortura mis-CIA
4.2.2015 - (2014/2997(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Charles Tannock, Timothy Kirkhope, Jørn Dohrmann f'isem il-Grupp ECR <<<
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0123/2015
B8‑0123/2015
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-rapport tas-Senat tal-Istati Uniti dwar l-użu tat-tortura mis-CIA
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat tal-Intelligence tas-Senat tal-Istati Uniti tad-9 ta' Diċembru 2014 dwar il-Programm tal-Aġenzija Ċentrali tal-Intelligence dwar id-Detenzjoni u l-Interrogazzjoni,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni dwar il-ħtieġa għall-Istati Membri kkonċernati li jwettqu investigazzjonijiet dwar l-allegazzjonijiet ta' involviment fil-programm ta' konsenja u detenzjoni sigrieta tas-CIA,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-UE tas-7 ta' Marzu 2011 matul is-16-il Kunsill dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fir-rigward tal-istudju konġunt tan-NU dwar id-detenzjoni sigrieta,
– wara li kkunsidra l-bosta inizjattivi u investigazzjonijiet pendenti fil-livell nazzjonali,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-inkjesti nazzjonali li twettqu diġà f'xi Stati Membri,
– wara li kkunsidra n-nota tad-DĠ IPOL bl-isem "Ir-riżultati tal-inkjesti dwar il-programm tas-CIA ta’ rendimenti straordinarji u ħabsijiet sigrieti fl-Istati Ewropej fid-dawl tal-qafas legali ġdid wara t-Trattat ta’ Lisbona",
– wara li kkunsidra l-mistoqsijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar allegazzjonijiet ta' trasportazzjoni u detenzjoni sigrieti tal-priġunieri f'pajjiżi Ewropej mis-CIA (O‑000079/2013 – B7-0215/2013 u O-000080/2013 – B7-0216/2013),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-UE hija bbażata fuq impenn favur id-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, kif ukoll ir-rispett tad-dinjità umana u d-dritt internazzjonali;
B. billi diversi Stati Membri wettqu jew qed jagħmlu iniedu inkjesti dwar akkużi tal-involviment tagħhom fit-trasportazzjoni u d-detenzjoni illegali ta' priġunieri f'pajjiżi Ewropej mis-CIA;
C. billi l-UE żviluppat politiki ta’ sigurtà interna u politiki kontra t-terroriżmu bbażati fuq il-kooperazzjoni bejn il-pulizija u l-ġudikatura, u l-promozzjoni tal-kondiviżjoni tal-intelligence;
D. billi r-rispett għad-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt kif ukoll is-sorveljanza effettiva demokratika parlamentari tas-servizzi ta' intelligence huma elementi importanti ta' din il-kooperazzjoni;
E. billi r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti huma bbażati fuq sħubija b’saħħitha u fuq kooperazzjoni f’ħafna oqsma, inkluża l-ġlieda kontra t-terroriżmu, abbażi tal-valuri komuni ta’ demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali;
F. billi r-rapport tal-Kumitat tal-Intelligence tas-Senat tal-Istati Uniti tad-9 ta' Diċembru 2014 huwa r-riżultat ta' investigazzjoni fuq ħames snin tal-Programm tal-Aġenzija Ċentrali tal-Intelligence dwar id-Detenzjoni u l-Interrogazzjoni wara l-attakki terroristiċi tal-11 ta' Settembru 2011;
G. billi l-emerġenza tal-ISIS, u b'mod partikolari l-preżenza ta' bosta ċittadini Ewropej fi ħdan din l-organizzazzjoni, u r-ritorn sussegwenti tagħhom lejn pajjiżhom ħolqu sitwazzjoni ġdida ta' emerġenza ta' sigurtà fl-UE;
1. Jieħu nota tal-kontenut tar-rapport tal-Kumitat tal-Intelligence tas-Senat tal-Istati Uniti;
2. Itenni li miżuri effikaċi kontra t-terroriżmu u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem mhumiex kontradittorji, iżda kumplimentari u jsaħħu l-objettivi reċiproċi;
3. Jenfasizza li r-rispett tad-drittijiet fundamentali huwa parti essenzjali mis-suċċess tal-politiki b'rabta mal-ġlieda kontra t-terroriżmu;
4. Jirrikonoxxi li l-Istati Membri ddikkjaraw ir-rieda tagħhom li jimxu skont id-dritt internazzjonali;
5. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex, fejn possibbli, imexxu inkjesti indipendenti u effettivi tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem;
6. Jirrikonoxxi li l-investigazzjonijiet tal-Istati Membri għandhom ikunu bbażati fuq provi ġudizzjarji solidi, u fuq ir-rispett tas-sistemi ġudizzjarji nazzjonali, id-dritt tal-UE u dak internazzjonali, il-prinċipju tas-sussidjarjetà fi kwistjonijiet ta' sigurtà nazzjonali, u l-elementi sensittivi ta' investigazzjonijiet kriminali li jafu jkunu qed isiru;
7. Jistieden lill-Istati Membri biex, fid-dawl tal-kooperazzjoni msaħħa u tal-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi, jiżguraw skrutinju demokratiku ta' dawk l-aġenziji u tal-attivitajiet tagħhom permezz ta' sorveljanza parlamentari interna, eżekuttiva, ġudizzjarja u indipendenti xierqa;
8. Jafferma mill-ġdid il-fehma tiegħu li l-ġlieda internazzjonali kontra t-terroriżmu, u l-kooperazzjoni internazzjonali bilaterali u multilaterali f'dan il-qasam, inkluż bħala parti min-NATO jew bejn servizzi ta' intelligence u ta' sigurtà, għandha sseħħ f'rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem u tad-drittijiet fundamentali, u permezz ta' sorveljanza demokratika u ġudizzjarja xierqa;
9. Jenfasizza l-fatt li, fis-sitwazzjoni attwali diffiċli f'termini ta' sigurtà, hija essenzjali kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri u bejn l-UE u l-Istati Uniti b'rabta mal-ġlieda kontra t-terroriżmu;
10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa, lin-NATO, lin-Nazzjonijiet Uniti u lill-Gvern u ż-żewġ Kmamar tal-Kungress tal-Istati Uniti.