Proċedura : 2015/2530(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0124/2015

Testi mressqa :

B8-0124/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 11/02/2015 - 9.18
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 165kWORD 93k
4.2.2015
PE547.529v01-00
 
B8-0124/2015

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar miżuri kontra t-terroriżmu (2015/2530(RSP))


Cornelia Ernst, Barbara Spinelli, Marie-Christine Vergiat, Marina Albiol Guzmán f'isem il-Grupp GUE/NGL

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar miżuri kontra t-terroriżmu (2015/2530(RSP))  
B8‑0124/2015

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3 u 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–       wara li kkunsidra l-artikoli rilevanti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Diċembru 2011 dwar il-politika tal-UE kontra t-terroriżmu: kisbiet ewlenin u sfidi futuri(1),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Ottubru 2013 dwar l-allegati trasportazzjoni u żamma illegali ta' priġunieri f'pajjiżi Ewropej mis-CIA(2),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta’ Frar 2014 dwar il-qagħda tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea (2012)(3),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tat-12 ta’ Marzu 2014 dwar il-programm ta’ sorveljanza tal-NSA tal-Istati Uniti, il-korpi ta’ sorveljanza f’diversi Stati Membri u l-impatt tagħhom fuq id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-UE u fuq il-kooperazzjoni transatlantika fil-Ġustizzja u l-Intern(4),

–       wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI(5),

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) tas-27 ta’ Ottubru 2010 intitolat “Esperjenza ta’ diskriminazzjoni, marġinalizzazzjoni soċjali u vjolenza: Studju komparattiv ta' żgħażagħ Musulmani u żgħażagħ mhux Musulmani fi tliet Stati Membri tal-UE”,

–       wara li kkunsidra s-sentenza tat-8 ta' April 2014 tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li ħassret id-Direttiva għaż-Żamma tad-Data,

–       wara li kkunsidra riferiment reċenti tiegħu lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea dwar il-Ftehim PNR bejn l-UE u l-Kanada,

–       wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi r-rispett għad-drittijiet fundamentali u l-libertajiet ċivili huwa element essenzjali fil-politiki kontra t-terroriżmu li jirnexxu;

B.     billi ż-żieda reċenti fir-razziżmu, inkluża l-islamofobija u l-anti-Semitiżmu, hija inkwetanti ħafna u ma tgħinx biex ikun hemm dibattitu kostruttiv ta’ inklużività, iżda minflok isservi biss biex toħloq iktar polarizzazzjoni;

C.     billi r-riċerka turi li l-fatt li ssir diskriminazzjoni kontrihom u li huma soċjalment emarġinati huwa wieħed mill-fatturi ewlenin li jwasslu għal imġiba vjolenti; billi r-riċerka reċenti tindika li l-isfond reliġjuż ma għandux x'jaqsam mal-ispjegazzjoni tal-imġiba vjolenti(6);

D.     billi hemm ħtieġa urġenti għal definizzjoni ġuridika ċara tal-kunċett ta’ ‘tfassil ta’ profili’ ibbażata fuq id-drittijiet fundamentali rilevanti u fuq standards tal-protezzjoni tad-data, bil-għan li titnaqqas l-inċertezza dwar liema attivitajiet huma projbiti u liema mhumiex;

E.     billi l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea dan l-aħħar iddikjarat li d-Direttiva dwar iż-Żamma tad-Data hija invalida minħabba n-nuqqas ta’ proporzjonalità, li tistipula fis-sentenza tagħha kundizzjonijiet ċari li magħhom, kwalunkwe miżura tal-ġbir u ż-żamma tad-data fuq skala kbira għandha tkun konformi sabiex tgħaddi t-test tal-legalità;

1.      Jikkundanna l-attakki terroristiċi kollha li qed iseħħu madwar id-dinja; jesprimi l-kondoljanzi sinċieri tiegħu mal-vittmi tal-attakki terroristiċi reċenti f’Pariġi u l-familji tagħhom, u l-vittmi tat-terroriżmu fid-dinja kollha;

2.      Jistieden lill-Istati Membri kollha biex jimplimentaw kif xieraq id-Direttiva 2012/29/UE tal-25 ta’ Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi ta’ kriminalità;

3.      Jiddikjara mill-ġdid l-impenn tiegħu biex iħares il-libertà tal-espressjoni, id-drittijiet fundamentali, id-demokrazija, it-tolleranza u l-istat tad-dritt u prinċipji ewlenin oħra riflessi fil-Karta tan-NU u fid-dritt internazzjonali;

4.      Jistieden lill-Istati Membri kollha biex iwaqqfu l-għajnuna politika, ekonomika jew militari tagħhom lir-reġimi jew lill-gruppi terroristiċi li jinvolvu ruħhom f’attività terroristika jew li jaċċettawha; jenfasizza, b’mod partikolari, il-bżonn li l-UE, l-Istati Membri tagħha u l-pajjiżi sħab tagħha jibbażaw l-istrateġija tagħhom għall-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali, bħal b'kull forma oħra ta’ kriminalità, fuq l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet fundamentali; jenfasizza, barra minn hekk, li l-azzjonijiet esterni tal-Unjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali għandhom l-ewwel nett ikunu mmirati lejn il-prevenzjoni, u lejn politika li topponi kull tip ta’ intervent militari, filwaqt li nikkunsidraw mill-ġdid u b'mod komprensiv il-pożizzjoni tal-UE fin-negozjati internazzjonali, u jenfasizza l-ħtieġa li jiġu promossi d-djalogu, it-tolleranza u l-fehim fost kulturi u reliġjonijiet differenti;

5.      Jirrimarka li, bħal fil-każ ta’ attakki preċedenti, dawk li wettqu l-attakki ta’ Pariġi kienu diġà magħrufa lill-awtoritajiet tas-sigurtà u kienu s-suġġett ta’ investigazzjonijiet u miżuri ta’ superviżjoni; jinsisti li dan il-fatt iqajjem il-kwistjoni dwar il-limitu sa fejn dawn l-awtoritajiet setgħu jużaw id-data eżistenti dwar dawn l-individwi, li diġà kienet fil-pussess tagħhom;

6.      Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jagħmlu evalwazzjoni komprensiva tal-miżuri eżistenti tal-UE kontra t-terroriżmu u dawk tas-sigurtà, b’mod partikolari fir-rigward tar-rispett tagħhom għad-drittijiet tal-bniedem u għal-libertajiet ċivili, kif imnaqqxa fit-Trattati, fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, bl-użu tal-proċedura prevista fl- Artikolu 70 TFUE, u biex jippubblikaw din l-evalwazzjoni flimkien mal-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà;

7.      Itenni t-talba qawwija tiegħu għal sorveljanza demokratika u ġudizzjarja u għal mekkaniżmi ta’ responsabbiltà fir-rigward tal-politiki kontra t-terroriżmu tal-UE, filwaqt li jenfasizza li l-miżuri li, retrospettivament, ma kinux meħtieġa, effikaċi u proporzjonati għall-ġlieda kontra t-terroriżmu jeħtieġ li jitħassru; jenfasizza wkoll li l-ksur tad-drittijiet fundamentali għandu jiġi investigat u rranġat u jeħtieġ li jiġu żviluppati forom ġodda ta’ skrutinju demokratiku bbażati fuq is-setgħat mogħtija lill-Parlament Ewropew u lill-parlamenti nazzjonali mit-Trattat ta’ Lisbona;

Approċċ komprensiv għall-ġlieda kontra t-terroriżmu u kontra r-radikalizzazzjoni

8.      Huwa konvint li, sabiex tiġi evitata r-radikalizzazzjoni vjolenti, l-għan ewlieni ta’ kwalunkwe soċjetà għandu jkun li ssir ħidma lejn l-inklużività u l-fehim reċiproku ta' twemmin kulturali, etniku u reliġjuż, biex b’hekk titrawwem it-tolleranza dejjiema;

9.      Jistieden lill-Istati Membri biex jinvestu fi skemi edukattivi li jirrispettaw l-ugwaljanza tal-opportunitajiet, inaqqsu d-diskriminazzjoni soċjali li tibda mill-età mela t-tfal jibdew l-iskola, inkluż permezz tat-taħriġ tal-għalliema dwar kwistjonijiet soċjali u d-diversità;

10.    Iwissi li n-nuqqas ta’ perspettivi fit-tul minħabba l-faqar, il-qgħad, l-iżolazzjoni f'gettos f'subborgi u l-aljenazzjoni ta’ nħawi suburbani sħaħ jista’ jwassal biex l-individwi jħossuhom bla setgħa u saħansitra jgħaddu għal imġiba distruttiva li biha jagħtu lilhom infushom is-setgħa, permezz tas-sħubija f'organizzazzjonijiet ġiħadisti jew movimenti tal-lemin estrem; jistieden lill-Istati Membri biex iżidu l-isforzi tagħhom fit-tnaqqis tal-faqar, biex jipprovdu perspettivi ta’ impjieg, jagħtu s-setgħa u jirrispettaw lill-individwu, iwaqqfu t-tnaqqis tal-benessri soċjali u tas-servizzi pubbliċi, li għandhom riperkussjonijiet drastiċi fuq il-kapaċità tal-awtoritajiet lokali, reġjonali u statali biex jaħdmu lejn soċjalizzazzjoni mill-ġdid, u biex jipprovdu assistenza soċjali adegwata lil individwi u familji li jgħixu fiż-żoni suburbani li l-aktar jiġu ttraskurati;

11.    Jenfasizza l-fatt li d-diskriminazzjoni tirrinforza tendenzi ta’ radikalizzazzjoni u vjolenza; jenfasizza li l-istandards tal-ugwaljanza u tan-nondiskriminazzjoni jridu jkunu kkumplimentati minn strateġiji ta' politika biex jindirizzaw il-forom kollha ta' razziżmu, inklużi l-anti-Semitiżmu u l-Islamofobija;

12.    Jirrifjuta kull użu ta’ tfassil ta' profili razzjali, etniċi u reliġjużi li jindirizza gruppi speċifiċi b’konnessjoni ma’ miżuri kontra t-terroriżmu peress li jmur kontra l-prinċipji demokratiċi bażiċi tal-ugwaljanza quddiem il-liġi u n-nondiskriminazzjoni; jenfasizza l-effetti sproporzjonati tal-prattiki ta' wara n-9/11 fuq il-komunitajiet Musulmani;

13.    Jesprimi appoġġ għal programmi ffinanzjati minn Stati f’kooperazzjoni ma’ assoċjazzjonijiet tas-soċjetà ċivili lokali li jagħtu s-setgħa lil minoranzi etniċi u reliġjużi biex jikkontribwixxu għat-titjib tal-istatus soċjali u ekonomiku tal-komunitajiet rispettivi tagħhom fuq terminu medju u twil;

Il-miżuri ta’ sigurtà mmirati sew li jirrispettaw l-istat tad-dritt

14.    Jiċħad id-dikotomija falza tas-sigurtà kontra l-libertà; huwa tal-fehma li l-libertà individwali u r-rispett tad-drittijiet fundamentali huma s-sisien u prekundizzjoni għas-sigurtà fi kwalunkwe soċjetà;

15.    Ifakkar li l-miżuri tas-sigurtà kollha, inklużi dawk kontra t-terroriżmu, għandhom jitfasslu bil-ħsieb li tiġi ggarantita l-libertà individwali, għandhom ikunu kompletament konformi mal-istat tad-dritt u soġġetti għall-obbligi tad-drittijiet fundamentali, inklużi dawk relatati mal-privatezza u l-protezzjoni tad-data, u dejjem għandhom jippermettu rimedju ġudizzjarju;

16.    Jenfasizza li l-eżami tan-neċessità u tal-proporzjonalità ta’ kwalunkwe miżura li tillimita d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali jieħu l-forma ta’ rekwiżiti legali imposti mill-Karta; jopponi, f’dan il-kuntest, it-tendenza ta’ ġustifikazzjonijiet ġenerali ta’ kwalunkwe miżura tas-sigurtà permezz ta’ referenza ġenerali għall-'utilità' tagħha fil-ġlieda kontra t-terroriżmu jew delitti serji;

17.    Itenni li l-miżuri kollha ta’ ġbir ta' data għandhom ikunu bbażati esklużivament fuq qafas ġuridiku koerenti għall-protezzjoni tad-data li joffri standards ta' protezzjoni tad-data personali legalment vinkolanti, speċjalment fir-rigward tal-limitazzjoni tal-iskop, il-minimizzazzjoni tad-data, l-informazzjoni, l-aċċess, il-korrezzjoni, it-tħassir u r-rimedju ġudizzjarju;

18.    Jopponi l-atmosfera attwali ta’ ħolqien ta' biża’ paranojka sabiex jitħaffu iktar miżuri kontra t-terroriżmu, bħal dawk tal-PNRs tal-UE, qabel ma tiġi valutata l-ħtieġa legali tagħhom jew qabel ma tkun twettqet valutazzjoni tas-sett ta' miżuri kontra t-terroriżmu attwali; jenfasizza l-fatt li diġà hemm korp sinifikanti ta’ leġiżlazzjoni kontra t-terroriżmu u miżuri relatati f’kull Stat Membru, li jinvolvu:

–  Id-data tal-passaporti tal-passiġġieri, li diġà tiġi ċċekkjata ma' databases ta' kriminali magħrufa u persuni inammissibbli;

–  L-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, li jistgħu jaċċedu d-data telefonika u dik tal-passiġġieri tal-persuni suspettati jew saħansitra ta' gruppi ta' persuni suspettati meta dawn ikunu konnessi ma' theddida konkreta;

–  Is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen, li tippermetti s-sorveljanza ta' individwi u l-arrest u l-estradizzjoni rapida tagħhom meta dawn ikunu jirrappreżentaw theddida għas-sigurtà jew ikollhom l-intenzjoni li jikkommettu reat;

19.    Jenfasizza, għalhekk, il-fatt li l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jeħtieġu li jużaw il-possibbiltajiet li diġà jeżistu u jżidu, bħala prijorità, il-kooperazzjoni tagħhom;

20.    Iqis li l-ġlieda kontra t-traffikar tal-armi tan-nar għandha tkun prijorità tal-UE fil-ġlieda kontra l-kriminalità internazzjonali serja u organizzata; jemmen li, b'mod partikolari, trid tkompli tissaħħaħ dik il-kooperazzjoni rigward il-mekkaniżmi tal-iskambju tal-informazzjoni u t-traċċabilità u l-qerda tal-armi projbiti; jenfasizza, f’dan ir-rigward, l-istandards doppji kundannabbli ta’ bosta Stati Membri fil-bejgħ tal-armi u tat-tagħmir militari lil gruppi speċifiċi f’ċerti żoni ta’ kunflitt, filwaqt li fl-istess ħin jikkundanna l-użu tal-forza;

21.    Jitlob l-implimentazzjoni rapida tad-Direttiva Kontra l-Ħasil tal-Flus li sar qbil dwarha reċentement;

22.    Jenfasizza l-fatt li kontrolli mmirati fuq il-fruntiera diġà jistgħu jitwettqu fuq individwi li jgawdu mid-dritt tal-moviment liberu hekk kif dawn jaqsmu fruntiera esterna matul ċerti perjodi ta’ żmien, fuq ċerti rotot, jew f'ċerti punti tal-qsim tal-fruntiera, skont il-livell tat-theddida; jinsisti li l-Istati Membri għandhom jagħmlu użu sħiħ u aħjar mill-qafas eżistenti ta' Schengen, minflok ma jippruvaw jerġgħu jdaħħlu, lil hinn mill-possibilitajiet li diġà jeżistu, kontrolli fil-fruntieri;

23.    Jitlob li l-Kummissjoni tirrieżamina formalment il-proposta għal PNR tal-UE fid-dawl tal-kriterji dwar il-ħtieġa u l-proporzjonalità stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fis-Sentenza dwar id-Direttiva taż-Żamma ta' Data; jagħti istruzzjonijiet biex is-Servizz Legali tiegħu jwettaq eżami simili fi żmien sitt ġimgħat mill-adozzjoni ta’ din ir-riżoluzzjoni;

24.    Ifakkar, f’dan il-kuntest, li ma hemm l-ebda definizzjoni komuni ta’ terroriżmu, li żżid biss ambigwità ta’ miżuri proposti kontra t-terroriżmu;

Is-sigurtà tal-IT

25.    Ifakkar li l-miżuri li jillimitaw id-drittijiet fundamentali fuq l-Internet għall-finijiet tal-ġlieda kontra t-terroriżmu għandhom ikunu neċessarji u proporzjonati; jenfasizza li kull tneħħija ta’ xi kontenut kriminali allegat għandu jitwettaq biss fuq il-bażi ta’ kriterji espliċiti stabbiliti mil-liġi, wara awtorizzazzjoni ġudizzjarja u f’konformità mas-salvagwardji proċedurali xierqa, u mhux permezz ta’ kontroll privat mill-fornituri tas-servizz tal-Internet; ifakkar, f’dan ir-rigward, fid-dritt għal-libertà tal-espressjoni previst taħt il-Karta u l-użu perikoluż ta’ ċensura f’pajjiżi terzi u fl-Istati Membri, li x’aktarx jirriżulta f’effett skoraġġanti fuq l-involviment demokratiku ħieles u miftuħ taċ-ċittadini;

26.    Jenfasizza l-fatt li l-użu tal-kriptaġġ mill-gvernijiet, l-impriżi u ċ-ċittadini huwa pilastru kruċjali fis-sigurtà Ewropea tal-IT; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex iżommu lura minn kull tentattiv biex idgħajfu is-sigurtà tal-IT permezz tar-regolazzjoni tal-użu ta’ kriptaġġ; jenfasizza li l-projbizzjoni tal-użu tal-kriptaġġ jirriskja li jbaxxi s-sigurtà u jżid il-vulnerabbiltà tagħna għal attakki ċibernetiċi;

27.    Jenfasizza l-importanza ta’ softwer bla ħlas u minn sors miftuħ fil-kuntest tas-sigurtà tal-IT, fejn il-kodiċi sors li huwa pubblikament disponibbli jista' jiġi skrutinizzat faċilment u indipendentement;

28.    Ifakkar fl-impenn tal-UE u tal-Istati Membri tagħha fl-implimentazzjoni tal-prinċipju tal-privatezza fid-disinn fil-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data;

29.    Jitlob l-adozzjoni rapida tal-pakkett tal-protezzjoni tad-data, inkluż permezz tal-adozzjoni ta’ approċċ ġenerali fil-Kunsill b’rispett lejn l-istandards minimi stabbiliti fid-Direttiva 95/46/UE;

Id-dimensjoni ġudizzjarja

30.    Jistieden lill-Istati Membri biex iżidu l-kooperazzjoni ġudizzjarja bejniethom ibbażata fuq l-istrumenti disponibbli tal-UE, bħas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali (ECRIS), il-Mandat ta’ Arrest Ewropew u l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea, filwaqt li jirrispettaw il-proporzjonalità u d-drittijiet fundamentali; jistieden lill-Istati Membri biex jaqblu malajr dwar il-miżuri kollha proposti, f’konformità mal-pjan direzzjonali dwar id-drittijiet proċedurali, u biex jindirizzaw deċiżjonijiet dwar id-detenzjoni ta’ qabel il-proċess u l-kundizzjonijiet fil-ħabs bħala l-pass li jmiss;

31.    Jesprimi t-twemmin tiegħu li l-għan tas-sistema ta’ ġustizzja kriminali tagħna għandu jkun ir-riabilitazzjoni ta' individwi sabiex ma jibqgħux joħolqu riskju għas-soċjetà meta jirritornaw; jistieden lill-Istati Membri jinvestu r-riżorsi umani neċessarji sabiex jgħinu biex jiġu riabilitati u soċjalizzati mill-ġdid individwi li ħarġu mill-ħabs;

32.    Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jinstallaw jew isaħħu l-iskemi ta’ protezzjoni tal-informaturi, partikolarment fil-qasam tas-sigurtà nazzjonali u l-attivitajiet ta’ intelligence;

Id-dimensjoni esterna

33.    Iwissi kontra t-tentazzjoni li wieħed jerġa’ lura għall-prattiki ta' kollużjoni ma' reġimi awtoritarji preċedenti, li ma jaħsbux fil-ġejjieni u li mhumiex effikaċi għall-finijiet ta' sigurtà, stabbiltà u l-ġlieda kontra l-estremiżmu vjolenti;

34.    Huwa kritiku ħafna dwar ir-rwol li kellhom id-diversi interventi tal-Punent f’dawn l-aħħar snin fit-trawwim tar-radikalizzazzjoni tal-individwi, speċjalment fil-Lvant Nofsani u fil-pajjiżi tal-viċinat tan-Nofsinhar; jenfasizza li dawn il-politiki qed jippromwovu, mhux qegħdin imorru kontra, it-terroriżmu u għalhekk għandhom jiġu abbandunati;

35.    Huwa mħasseb dwar l-enfasi fuq “soluzzjonijiet” militari f’politiki kontra t-terroriżmu tal-UE, li jirriżulta f’għadd kbir ta’ programmi ta’ assistenza militari għal reġimi awtoritarji li għandhom l-għan li jsaħħu l-kapaċitajiet militari tagħhom u b’hekk jappoġġjaw il-politiki ripressivi tagħhom;

36.    Jirrimarka li l-użu ta’ forzi militari ġewwa l-pajjiż huwa ġeneralment ipprojbit f'diversi Stati Membri; jenfasizza li l-Klawżola ta’ Solidarjetà (l-Artikolu 222 TFUE) ma tistax tkun invokata bħala għodda biex tevita tali restrizzjonijiet nazzjonali; jindika r-riskju li l-Klawżola ta’ Solidarjetà tista’ wkoll tintuża bħala għodda biex jiġu skjerati bħala suldati fi Stat Membru bl-iskuża tal-ġlieda kontra t-terroriżmu għall-ġlieda kontra “diżastri kkawżati mill-bniedem”, li jistgħu potenzjalment jinvolvu wkoll persuni li jipprotestaw eċċ.; jenfasizza li tali interpretazzjoni tal-Klawżola ta’ Solidarjetà għandha tkun irrifjutata bil-qawwa;

37.    Iqis li l-UE għandha tirrevedi b’mod drastiku l-politika esterna tagħha, b’mod partikolari l-istrateġija tagħha lejn in-Nofsinhar tal-Mediterran, bħala parti mir-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV), minħabba l-falliment tagħha; jitlob lill-UE tistabbilixxi qafas ġdid ta’ relazzjonijiet ma’ dawn il-pajjiżi u r-reġjuni abbażi ta’ nuqqas ta’ intervent fl-affarijiet interni tagħhom u rispett għas-sovranità tagħhom, u bl-għan tal-appoġġ tal-iżvilupp tar-reġjuni tal-viċinat u tal-promozzjoni tal-impjieg u l-edukazzjoni, aktar milli “ftehimiet ta’ assoċjazzjoni” li jservu l-aktar biex jiġu stabbiliti żoni ta’ kummerċ ħieles ta’ benefiċċju għall-interessi tal-kumpaniji fuq in-naħa Ewropea;

38.    Itenni li l-Istati Membri u, fejn xieraq, l-UE għandhom jindirizzaw il-kawżi primarji tal-estremiżmu vjolenti billi jindirizzaw l-estremiżmu reliġjuż f’mod li huwa kompatibbli mad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt internazzjonali, minflok ma jħeġġu jew jappoġġaw lil reġimi ripressivi jew gruppi f’dawn il-pajjiżi;

39.    Jinsisti li l-kooperazzjoni fis-sigurtà - mill-kondiviżjoni tal-intelligence għall-istat tad-dritt, ir-riforma tal-ġustizzja u l-programmi ta’ ġustizzja kriminali għall-esternalizzazzjoni tal-politika tal-ażil bħal fil-proċess ta’ Khartoum - għandha tkun strettament f’konformità mad-dritt internazzjonali;

40.    Huwa konvint li fil-qasam tas-sigurtà, l-UE għandha tillimita ruħha għal programmi ta’ kooperazzjoni li jiffukaw fuq id-deradikalizzazzjoni u l-ġlieda kontra l-estremiżmu vjolenti, fejn meqjus xieraq, iżda toqgħod lura milli timponi l-ideat ekonomiċi jew politiċi tagħha fuq stati sovrani permezz tal-politiki tad-dimensjoni esterna tagħha;

41.    Ifakkar, f’dan ir-rigward, fiċ-ċaħda tagħha tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Iżrael, meta wieħed iqis ir-rwol doppju li l-UE u ħafna mill-Istati Membri tagħha għandhom fil-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina, li jkompli jżid perċezzjonijiet ta’ standards doppji u l-aġenda anti-Musulmana/anti-Għarbija;

42.    Jitlob li jkun hemm aktar trasparenza u responsabbiltà fid-deċiżjonijiet ta' politika barranija relatati mal-ġlieda kontra t-terroriżmu; jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm proċeduri ġudizzjarji xierqa biex l-individwi jew l-organizzazzjonijiet jitolbu r-rieżami ġudizzjarju ta’ kwalunkwe deċiżjoni tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK) taffettwahom;

43.    Jopponi bil-qawwa l-użu ta' drones fil-qtil extraġudizzjarju ta’ persuni suspettati bit-terroriżmu, u jitlob projbizzjoni fuq l-użu ta’ drones għall-finijiet tas-sorveljanza u l-kontroll ta’ ċivili;

44.    Jitlob li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jinvestigaw aktar bir-reqqa l-parteċipazzjoni Ewropea fil-programm imfassal mill-Istati Uniti ta’ tortura u estradizzjoni u biex il-pubbliku jkun jaf dwar il-livell ta’ involviment u kompliċità tal-gvernijiet tagħhom f’dawn il-prattiki illegali tal-waħx, bl-eżempju tar-Rapport ta' Intelligence tas-Senat tal-Istati Uniti;

45.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

 

(1)

ĠU C 168 E, 14.6.2013, p. 45.

(2)

Testi adottati, P7_TA(2013)0418.

(3)

Testi adottati, P7_TA(2013)0173.

(4)

Testi adottati, P7_TA(2014)0230.

(5)

ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57.

(6)

Ara r-rapport tal-FRA intitolat “Esperjenza ta’ diskriminazzjoni, marġinalizzazzjoni soċjali u vjolenza: Studju komparattiv ta' żgħażagħ Musulmani u żgħażagħ mhux Musulmani fi tliet Stati Membri tal-UE”.

 

Avviż legali - Politika tal-privatezza