MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar miżuri kontra t-terroriżmu
4.2.2015 - (2015/2530(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Timothy Kirkhope, Charles Tannock f'isem il-Grupp ECR
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0122/2015
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3, 6, 7 u 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikoli 4, 16, 20, 67, 68, 70, 71, 72, 75, 82, 83, 84, 85, 86, 87 u 88 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 6, 7, 8, 10(1), 11, 12, 21, 47-50, 52 u 53 tagħha,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Ġunju 2014 dwar ir-rapport finali dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tas-Sigurtà Interna tal-UE 2010-2014 (COM(2014)0365),
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-Europol dwar is-Sitwazzjoni u t-Tendenzi tat-Terroriżmu fl-UE (TE-SAT) għas-sena 2014,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 2178 (2014) tal-24 ta' Settembru 2014 dwar it-theddid għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali kkawżati minn atti terroristiċi,
– wara li kkunsidra l-Istrateġija ta' Sigurtà Interna għall-UE, kif adottata mill-Kunsill fil-25 ta' Frar 2010,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2013 dwar it-tieni rapport ta' implimentazzjoni tal-Istrateġija ta' Sigurtà Interna għall-UE[1],
– wara li kkunsidra l-Valutazzjoni ta’ Theddid mill-Kriminalità Organizzata Faċilitat mill-Internet (iOCTA) 2014 tal-Europol,
– wara li kkunsidra l-Valutazzjoni tal-Europol dwar it-Theddid mill-Kriminalità Serja u Organizzata fl-UE (SOCTA) 2013,
– wara li kkunsidra s-sessjoni plenarja tiegħu tat-28 ta' Jannar 2015 dwar miżuri kontra t-terroriżmu,
– wara li kkunsidra l-Kunsill informali tal-Ġustizzja u Affarijiet Interni (ĠAI) li seħħ f'Riga fid-29 u fit-30 ta' Jannar 2015,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2014 dwar l-Istrateġija mġedda dwar is-Sigurtà Interna tal-UE[2],
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill informali tal-ĠAI tal-11 ta' Jannar 2015,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-ĠAI tad-9 ta' Ottubru u tal-5 ta' Diċembru 2014,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Koordinatur tal-UE għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu lill-Kunsill Ewropew tal-24 ta'Novembru 2014 (15799/14),
– wara li kkunsidra l-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2015 ippubblikat fis-16 ta' Diċembru 2014 (COM (2014)0910),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Jannar 2014 intitolata "l-Prevenzjoni tar-Radikalizzazzjoni għat-Terroriżmu u l-Estremiżmu Vjolenti: It-Tisħiħ tar-Reazzjoni tal-UE (COM (2013)0941),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29 dwar il-Protezzjoni tad-Data dwar l-applikazzjoni tal-kunċetti ta' bżonn u ta' proporzjonalità u l-protezzjoni tad-data fi ħdan is-settur tal-infurzar tal-liġi (Opinjoni 01/2014),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-UE u l-Istati Membri tagħha primarjament, għandhom responsabilità komuni biex jiżguraw is-sikurezza u l-libertà taċ-ċittadini Ewropej u li jieħdu kwalunkwe miżura adegwata biex jipprevjenu atti ta' theddid għall-ħajja; billi l-libertà u s-sigurtà huma objettivi li għandhom jiġu mfittxija b'mod parallel, u billi sabiex tinkiseb il-libertà, il-miżuri ta' sigurtà u ta' kontra t-terroriżmu għandhom ikunu bbażati fuq il-priniċipji ta' neċessità, proporzjonalità u r-rispett għad-drittijiet fundamentali u għandhom jikkonformaw mal-istat tad-dritt u mal-obbligi internazzjonali;
B. billi t-terroriżmu jirrappreżenta theddida globali li għandha tiġi ttrattata fil-livelli lokali, nazzjonali, Ewropej u globali sabiex tissaħħaħ is-sigurtà taċ-ċittadini tagħna, biex jiġu difiżi il-valuri fundamentali tal-libertà, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem u biex ikun rispettat id-dritt internazzjonali;
C. billi f'dawn l-aħħar snin, kien hemm bdil drammatiku fis-sitwazzjoni tas-sigurtà fl-Ewropa minħabba kunflitti ġodda u taqlib fil-viċinat tal-UE, l-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda u ukoll il-qawmien preokkupanti tar-radikaliżmu għal finijiet ta' vjolenza kemm fi ħdan l-UE u ukoll fil-pajjiżi ġirien;
D. jinnota n-natura u l-modalitajiet dejjem jinbidlu tat-terroriżmu, minn organizzazzjonijiet ċentralizzati lejn netwerks deċentralizzati u awtonomi, jitolbu approċċ multilaterali;
E. billi l-UE qed tiffaċċja theddida dejjem akbar ta' terroriżmu domestiku minn "ġellieda barranin", partikolarment minn individwi li jivvjaġġaw lejn stat ieħor, li ma jkunx l-istat ta' residenza jew nazzjonalità tagħhom, bil-għan li jwettqu, jippjanaw, jew jippreparaw atti terroristiċi jew biex jipprovdu jew jirċievu taħriġ terroristiku, inkluż dak marbut mal-kunflitti armati; billi hu stmat li bejn it-3500 u l-5000 persuna ħallew l-UE biex isiru ġellieda barranin fis-Sirja, l-Irak u l-Libja;
F. billi l-firxa tat-terroriżmu ġiet semplifikata u intensifikata bl-użu tal-internet u tal-midja soċjali, li wasslu biex l-istruttura, il-metodi u l-mezzi tan-netwerks terroristiċi jsiru aktar kumplessi u aktar diffiċli biex jintgħarfu; billi ċ-ċiberterroriżmu jippermetti lill-gruppi terroristiċi li jistabbilixxu u jżommu kuntatt mingħajr ostakoli fiżiċi ta' fruntieri, biex b'hekk jnaqqsu l-bżonn ta' bażijiet jew santwarji fil-pajjiżi;
G. billi l-internet u n-netwerks soċjali qegħdin jintużaw dejjem aktar mill-organizzazzjonijiet terroristiċi biex jirreklutaw, jiffinanzjaw u jħarrġu lill-utenti tal-internt u biex jinċitawhom jifirxu t-terroriżmu u jwettqu atti terroristiċi;
1. Jikkundanna bl-iktar mod qawwi l-atroċitajiet f'Pariġi, u jtenni l-kondoljanzi u s-sens ta' unità mal-poplu Franċiż fil-ġlieda tiegħu kontra t-terroriżmu u ukoll għall-attakk fuq il-valuri demokratiċi u l-libertajiet tagħna;
2. Billi l-politiki u l-miżuri kontra t-terroriżmu jistgħu jkun effikaċi biss meta jitwettqu b'konformità mad-dritt internazzjonali, partikolarment mad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;
3. Jenfasizza li hemm bżonn ta' strateġija kontra t-terroriżmu bbażata fuq approċċ fuq livelli differenti sabiex tiġi ndirizzata t-theddida minn ġellieda barranin u mit-terroriżmu b'mod ġenerali, li tindirizza b'mod komprensiv il-fatturi sottostanti bħar-radikalizzazzjoni, l-iżvilupp tal-koeżjoni soċjali u l-inklużività, it-tolleranza politika u reliġjuża, l-analiżi u l-kontrobilanċjar tal-inċitament onlajn għat-twettiq ta' atti terroristiċi, tevita t-tluq bi skop ta' għaqda f'organizzazzjonijiet terroristiċi, il-prevenzjoni u l-waqfien tar-reklutaġġ u l-parteċipazzjoni f'kunflitti armati, it-tħarbit tal-appoġġ finanzjarju lill-organizzazzjonijiet terroristiċi u lil individwi li qed jippjanaw li jingħaqdu magħhom, il-garanzija ta' prosekuzzjoni legali qawwija fejn xieraq, u billi l-awtoritajiet għall-infurzar tal-liġi jingħataw l-għodod adegwati biex iwettqu d-dmirijiet tagħhom filwaqt li jiġu rispettati bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali;
4. Jinnota bi tħassib in-numru dejjem akbar ta' ċittadini tal-UE li jivvjaġġaw f'żoni ta' kunflitt biex jingħaqdu ma' organizzazzjonijiet terroristiċi u li aktar tard jirritornaw fit-territorju tal-UE, u li qegħdin joħolqu riskji għas-sigurtà interna tal-Unjoni u għall-ħajjiet taċ-ċittadini tal-UE;
5. Jinnota bi tħassib l-użu dejjem akbar ta' teknoloġija tal-internet u tal-komunikazzjoni minn organizzazzjonijiet terroristiċi sabiex jikkomunikaw, jippjanaw attakki u jxerrdu l-propaganda; jitlob lill-kumpaniji tal-internet u tal-midja soċjali jaħdmu flimkien mal-gvernijijet u mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi sabiex jiġġieldu din il-problema, filwaqt li jiżguraw li l-prinċipji ġenerali tal-libertà tal-kelma u l-privatezza jiġu rispġettati f'kull mument;
6. Jenfasizza l-bżonn urġenti li tkun intensifikata l-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u biex jiġu promossi programmi ta' deradikalizzazzjoni bl-għoti tas-setgħa u l-parteċipazzjoni flimkien mal-komunitajiet u mas-soċjetà ċivili fil-livell nazzjonali u lokali sabiex tintemm il-firxa ta' ideoloġiji estremisti; jitlob lill-Kummissjoni ssaħħaħ in-Netwerk ta' Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni (RAN);
7. Jenfasizza l-bżonn li l-Istati Membri jistabbilixxu inizjattivi li jindirizzaw il-kwistjonijiet ta' radikalizzazzjoni fil-livell lokali u li jħeġġu l-integrazzjoni komunitarja, it-tolleranza, il-programmi edukattivi u ta' deradikalizzazzjoni u l-azzjoni soċjali, b'ħidma parallela mal-infurzar tal-liġi u mal-azzjoni ġudizzjarja;
8. Jinnota bi tħassib serju l-fenomenu ta' radikalizzazzjoni fil-ħabsijiet u jħeġġeġ lill-Istati Membri jiskambjaw l-aħjar prattiki dwar il-kwistjoni;
9. Jistieden lill-Istati Membri jipprevjenu ċ-ċaqlieq ta' terroristi bit-tisħiħ tal-kontrolli fil-fruntieri esterni, il-kontroll aktar sistematiku ta' dokumenti ta' vvjaġġar, il-ġlieda kontra t-traffikar illegali tal-armi u l-użu frodolenti tal-identità u l-identifikazzjoni ta' żoni ta' riskju;
10. Jenfasizza l-bżonn li l-aġenziji u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi nazzjonali jattakkaw is-sorsi ewlenin ta' introjtu tal-organizzazzjonijiet terroristiċi, inkluż il-ħasil tal-flus, it-traffikar tal-bnedmin u l-kummerċ illegali tal-armi; jitlob, f'dan ir-rigward, l-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni tal-UE f'dan il-qasam, sabiex ikun hemm approċċ ikkoordinat madwar l-UE kollha;
11. Iħeġġeġ bil-qawwa skambju aħjar tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u l-aġenziji tal-UE; barra minn hekk jenfasizza l-bżonn li jiġi mtejjeb, intesifikat u mħaffef il-qsim ta' informazzjoni tal-infurzar tal-liġi globali; jistieden kooperazzjoni operattiva aktar effikaċi fost l-Istati Membri bl-użu akbar ta' strumenti ta' valur eżistenti bħall-Iskwadri ta' Investigazzjoni Konġunta, il-ftehimiet dwar Programm għat-Traċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu u r-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR), kif ukoll qsim aktar rapidu u effiċjenti tad-data u l-informazzjoni relevanti, li jkun soġġett għas-salvagwardji adegwati tal-protezzjoni tad-data u l-privatezza;
12. Jitlob l-adozzjoni ta' Direttiva UE PNR li għandha tipprovdi qafas legali għall-iskambju ta' informazzjoni dwar il-passiġġieri filwaqt li jkunu żgurati l-ogħla standards ta' drittijiet ta' protezzjoni tad-data u rimedju u fl-istess waqt jitnaqqsu d-diskrepanzi fl-iskambju ta' data bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi li jistgħu jiġu sfruttati minn kriminali u terroristi perikolużi;
13. Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu aħjar tal-Europol u taċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità billi jiskambjaw informazzjoni rilevanti mill-awtoritajiet nazzjonali tagħhom b'mod aktar effikaċi, f'waqtu u sistematiku;
14. Jitlob li tkun imħeġġa komunikazzjoni u kooperazzjoni aħjar bejn l-aġenziji eżistenti tal-UE, inkluż il-Europol, SITCHEN u l-FRONTEX, sabiex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni;
15. Jitlob lill-UE tippromwovi b'mod attiv, sħubija globali kontra t-terroriżmu u taħdem mill-qrib mal-atturi reġjonali bħall-Unjoni Afrikana, il-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf u l-Lega Għarbija, u partikolarment mal-pajjiżi li huma ġirien tas-Sirja u l-Irak u l-pajjiżi li ġarrbu impatt drammatiku mill-kunflitt, bħall-Ġordan, il-Libanu u t-Turkija, kif ukoll man-NU u partikolarment mal-Kumitat Kontra t-Terroriżmu; jitlob, f'dan ir-rigward, għal żieda fid-djalogu bejn l-esperti tal-iżvilupp u s-sigurtà bejn l-UE u dawk il-pajjiżi;
16. Jitlob lill-Kummissjoni sabiex minnufih tevalwa l-istrumenti attwali u biex twettaq valutazzjoni korrispondenti tad-diskrepanzi pendenti fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, u biex tevalwa b'mod komprensiv l-implimentazzjoni tal-miżuri adottati fil-qasam tas-sigurtà interna qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona;
17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, u lill-parlamenti tal-Istati Membri.
- [1] Testi adottati, P7_TA(2013)0384.
- [2] Testi adottati, P8_TA(2014)0102.