MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar miżuri kontra t-terroriżmu
4.2.2015 - (2015/2530(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Birgit Sippel, Jörg Leichtfried, Claude Moraes, Enrique Guerrero Salom, Juan Fernando López Aguilar, Miriam Dalli, Ana Gomes, Christine Revault D'Allonnes Bonnefoy, Viorica Dăncilă f'isem il-Grupp S&D
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0122/2015
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3, 6, 7 u 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikoli 4, 16, 20, 67, 68, 70, 71, 72, 75, 82, 83, 84, 85, 86, 87 u 88 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 6, 7, 8, 10(1), 11, 12, 21, 47-50, 52 u 53 tagħha,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Diċembru 2011 dwar il-linja politika tal-UE kontra t-terroriżmu: il-kisbiet ewlenin u l-isfidi tal-futur[1],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Ottubru 2013 dwar l-allegati trasportazzjoni u żamma illegali ta' priġunieri f'pajjiżi Ewropej mis-CIA[2],
– wara li kkunsidra l-Opinjoni 01/2014 tal-Grupp ta' Ħidma "Artikolu 29" dwar il-Protezzjoni tad-Data dwar l-applikazzjoni tal-kunċetti tan-neċessità u tal-proporzjonalità u l-protezzjoni tad-dejta fi ħdan is-settur tal-infurzar tal-liġi,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-27 ta' Frar 2014 dwar il-qagħda tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea (2012)[3],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2014 dwar il-programm ta' sorveljanza tal-NSA tal-Istati Uniti, il-korpi ta' sorveljanza f'diversi Stati Membri u l-impatt tagħhom fuq id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-UE u dwar il-kooperazzjoni transatlantika fil-Ġustizzja u l-Intern[4],
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI[5],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2014 dwar it-tiġdid tal-Istrateġija ta' Sigurtà Interna tal-UE[6],
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata "It-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE – Għodda għall-promozzjoni ta' ġustizzja u tkabbir effettivi" (COM(2013)0160),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-UE kontra l-korruzzjoni, maħruġ mill-Kummissjoni fit-3 ta' Frar 2014,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu tal-Kunsill “Affarijiet Barranin” tad-19 ta' Jannar 2015, u b'mod partikolari d-deċiżjoni li jissaħħaħ l-iskambju ta' informazzjoni ma' pajjiżi sħab u tkun promossa l-kooperazzjoni msaħħa mal-pajjiżi Għarab u tal-Mediterran inkluż memorandum ta' ftehim mal-Lega Għarbija,
– wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, adottat fil-25 ta' Ġunju 2012,
– wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta' April 2014 fil-każijiet konġunti C-293/12 u C-594/12, Digital Rights Ireland Ltd and Seitlinger and others, u l-opinjoni tas-Servizz Legali tiegħu dwar l-interpretazzjoni ta' din is-sentenza[7],
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 2178 (2014) tal-24 ta' Settembru 2014,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi t-terroriżmu, ir-radikalizzazzjoni u l-estremiżmu vjolenti huma fost it-theddid ewlenin għas-sigurtà u l-libertajiet tagħna; billi l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha għandhom responsabilità komuni li jipproteġu ċ-ċittadini tal-UE;
B. billi r-rispett għad-drittijiet fundamentali huwa element essenzjali fil-politiki kontra t-terroriżmu li jkollhom suċċess;
C. billi ħafna attentati terroristiċi gravi fit-territorju Ewropew minn 9/11 'l hawn, l-aktar reċenti f'Jannar 2015, kellhom impatt sinifikanti fuq is-sens ta' sigurtà fost iċ-ċittadini u r-residenti tal-UE;
D. billi l-attakki terroristiċi globali, u t-telfien ta' ħajjiet ċivili li jirriżulta, huma ta' tħassib kbir ġewwa l-UE wkoll;
E. billi llum il-ġurnata, it-theddida tat-terroristi tinkludi wkoll terroriżmu appoġġjat u sponsorizzat mill-istati, it-terroriżmu ekonomiku, it-terroriżmu tal-informazzjoni u gwerer, u attakki ċibernetiċi;
F. billi ż-żieda fir-razziżmu, inkluż l-anti-Semitiżmu u l-Islamofobija, qed iżidu aktar is-sens ta' insigurtà fost iċ-ċittadini tal-UE;
G. billi minn 9/11 'l hawn l-UE introduċiet 239 miżura kontra t-terroriżmu: 26 pjan ta' azzjoni u dokument ta' strateġija, 25 regolament, 15-il direttiva, 11-il deċiżjoni qafas, 25 deċiżjoni, azzjoni konġunta waħda, 3 pożizzjonijiet komuni, 4 riżoluzzjonijiet, 111-il konklużjoni tal-Kunsill, u 8 ftehimiet internazzjonali[8];
H. billi hemm ħtieġa urġenti għal definizzjoni ġuridika uniformi tal-kunċett tat-"terroriżmu" bil-għan li tiżdied iċ-ċarezza legali;
I. billi hemm ħtieġa urġenti għal definizzjoni ġuridika uniformi tal-kunċett ta' 'tfassil ta' profil' ibbażata fuq id-drittijiet fundamentali relevanti u fuq standards tal-protezzjoni tad-data, bil-għan li titnaqqas l-inċertezza dwar liema attivitajiet huma projbiti u liema mhumiex;
J. billi skont ċifri ppubblikati mill-Kummissjoni Ewropea għall-Effiċjenza tal-Ġustizzja (CEPEJ) hemm diskrepanzi konsiderevoli fil-livell ta' investiment mill-Istati Membri tal-UE f'dak li għandu x'jaqsam mas-sistemi tal-ġustizzja kriminali tagħhom[9];
1. Jesprimi l-kondoljanzi sinċieri tiegħu lill-vittmi tal-attakki terroristiċi riċenti f'Pariġi, fir-reġjun Ile-de-France u madwar id-dinja, u lill-familji tagħhom;
2. Jenfasizza li dimensjoni essenzjali tal-ġlieda kontra t-terroriżmu għandha tkun l-inklużjoni ta' politiki biex jipproteġu u jappoġġaw il-vittmi u l-familji tagħhom; għalhekk, jistieden lill-Istati Membri kollha biex jimplimentaw kif xieraq id-Direttiva 2012/29/UE li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità;
3. Jikkundanna bil-qawwa u b'mod kategoriku l-atti terroristiċi kollha, il-promozzjoni tat-terroriżmu, il-glorifikazzjoni ta' dawk involuti fit-terroriżmu u d-difiża ta' ideoloġiji vjolenti estremisti, kull fejn iseħħu jew jiġu difiżi fid-dinja; jenfasizza li m'hemmx libertà mingħajr is-sigurtà u m'hemmx sigurtà mingħajr il-libertà;
4. Jafferma mill-ġdid li t-terroriżmu fil-forom u l-manifestazzjonijiet kollha tiegħu jikkostitwixxi waħda mill-aktar theddidiet serji għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali, u li kull att ta' terroriżmu huwa kriminali u inġustifikabbli, irrispettivament mill-motivazzjoni, kull meta jitwettaq u minn kull min iwettqu;
5. Jiddikjara mill-ġdid l-impenn tiegħu biex iħares id-dritt fundamentali taċ-ċittadini għas-sigurtà u l-libertà;
6. Jiddikjara mill-ġdid l-impenn tiegħu biex iħares il-libertà tal-espressjoni, id-drittijiet fundamentali, id-demokrazija, it-tolleranza u l-istat tad-dritt;
7. Jenfasizza, b'mod partikolari, il-bżonn li l-UE u l-Istati Membri u l-pajjiżi sħab tagħha jibbażaw l-istrateġija tagħhom għall-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali fuq l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet fundamentali, kif minqux fl-acquis Ewropew fuq id-drittijiet fundamentali u fid-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza, barra minn hekk, li l-azzjonijiet esterni tal-UE fil-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali għandhom ikunu mmirati lejn il-prevenzjoni, il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-prosekuzzjoni tiegħu;
8. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li ħafna drabi l-awturi ta' attakki terroristiċi huma diġà magħrufa mal-awtoritajiet tas-sigurtà u kienu s-suġġett ta' investigazzjonijiet u miżuri ta' superviżjoni; jesprimi tħassib dwar sa liema punt setgħat ġiet skambjata d-dejta eżistenti dwar dawn l-individwi fost l-awtoritajiet tas-sigurtà u, fejn meħtieġ, ma' kollegi minn Stati Membri oħra; jistieden lill-Istati Membri biex itejbu l-iskambju ta' informazzjoni rilevanti għall-ġlieda kontra t-terroriżmu, kemm bejniethom u, fejn meħtieġ, ma' pajjiżi terzi, biex isir użu effettiv tad-databases tal-UE permezz ta' kollaborazzjoni akbar mal-aġenziji tal-UE;
9. Jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw kooperazzjoni sħiħa ma' aġenziji speċjalizzati, b'mod partikolari l-Eurojust u l-Europol, sabiex jipprovdu l-aħjar appoġġ possibbli għal investigazzjonijiet li għadhom għaddejjin ta' attakki terroristiċi fl-Ewropa; huwa mħasseb li l-Istati Membri allegatament jittrasferixxu biss 50 % tal-informazzjoni tagħhom dwar it-terroriżmu u l-kriminalità organizzata lill-Europol u l-Eurojust;
10. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jagħmlu evalwazzjoni komprensiva kontra t-terroriżmu tal-UE u l-miżuri relatati, b'mod partikolari fir-rigward tal-implimentazzjoni tagħhom fil-liġi u fil-prattika fl-Istati Membri u sa liema grad huma jikkooperaw mal-aġenziji tal-UE f'dan il-qasam, b'mod partikolari l-Europol u l-Eurojust, u valutazzjoni korrispondenti tal-lakuni li għad fadal, bl-użu tal-proċedura prevista fl-Artikolu 70 TFUE, u li jippubblika din l-evalwazzjoni flimkien mal-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà f'Mejju 2015; jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex tivvaluta l-lakuni potenzjali li fadal fir-rigward tal-prosekuzzjoni;
11. Jitlob li jkun hemm sorveljanza demokratika u ġudizzjarja b'saħħitha tal-politiki tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u x-xogħol ta' intelligence; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li għandu jkun hemm distinzjoni ċara bejn l-infurzar tal-liġi u l-attivitajiet ta' intelliġenza; jenfasizza li l-miżuri tal-ġlieda kontra t-terroriżmu li retrospettivament ma kinux meħtieġa, effettivi jew proporzjonati jeħtieġu li jiġu rtirati, li l-ksur tad-drittijiet fundamentali għandhom jiġu investigati u indirizzati, u li jeħtieġ li jiġu żviluppati forom ġodda ta' skrutinju demokratiku fuq il-bażi tas-setgħat mogħtija lill-Parlament Ewropew u lill-parlamenti nazzjonali mit-Trattat ta' Lisbona; jinsisti fuq l-inklużjoni ta' klawżoli ta' estinzjoni jew ta' awtorizzazzjoni mill-ġdid perjodika f'tali miżuri u ftehimiet;
12. Iqis li huwa imperattiv li jitħeġġeġ approċċ armonizzat madwar l-UE fir-rigward ta’ reati kriminali ġodda dwar il-fenomenu tant inkwetanti ta’ ċittadini tal-UE li jivvjaġġaw barra mill-pajjiż għal skopijiet ta’ taħriġ u jiġġieldu għal organizzazzjonijiet terroristiċi;
Approċċ komprensiv għall-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni u kontra t-terroriżmu
13. Jinnota li l-leġiżlazzjoni rilevanti għal kontra t-terroriżmu u l-miżuri relatati huma diġà fis-seħħ f'kull Stat Membru:
– dejta tal-passaporti tal-passiġġieri (fis-Sistema ta' Informazzjoni bil-Quddiem dwar il-Passiġġieri, jew APIS) diġà huma ċċekkjata ma' databases ta' kriminali magħrufa u persuni inammissibbli,
– fil-konfront ta' persuni suspettati, jew saħansitra ta' gruppi ta' persuni suspettati, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jistgħu jaċċedu d-dejta telefonika u dik tal-passiġġieri ta' dawn il-persuni, meta dawn ikunu marbuta ma' theddida konkreta, u
– is-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen tipprevedi s-sorveljanza diskreta ta' individwi u l-arrest u l-estradizzjoni rapida tagħhom meta dawn il-persuni jirrappreżentaw theddida għas-sigurtà, ikollhom l-intenzjoni li jikkommettu reat jew ikunu suspettati li wettqu reat;
jitlob lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fi ħdan l-UE biex jużaw dawn il-possibilitajiet bis-sħiħ u biex iżidu l-kooperazzjoni tagħhom, inter alia permezz tal-istabbiliment ta' timijiet ta' investigazzjoni konġunti u bl-assistenza tal-aġenziji tal-UE bħall-Europol, l-Eurojust u l-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija (CEPOL);
14. Iqis li l-ġlieda kontra t-traffikar tal-armi tan-nar għandha tkun prijorità tal-UE fil-ġlieda kontra l-kriminalità internazzjonali serja u organizzata; iqis li, b'mod partikolari, trid tkompli tissaħħaħ il-kooperazzjoni fir-rigward tal-mekkaniżmi tal-iskambju tal-informazzjoni u t-traċċabilità u l-qerda tal-armi pprojbiti; barra minn hekk, huwa tal-opinjoni li l-Istati Membri għandhom iżommu strettament mal-pożizzjoni komuni li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta' esportazzjonijiet ta' teknoloġija u tagħmir militari (2008/944/CFSP); jitlob għal rieżami tad-Direttiva tal-Armi tan-Nar (id-Direttiva 91/477/KEE, kif emendata bid-Direttiva 2008/51/KE);
15. Jappella għall-implimentazzjoni korretta tad-Direttivi Kontra l-Ħasil tal-Flus, sabiex tkun permessa l-identifikazzjoni bikrija tal-finanzjament tat-terroriżmu u n-netwerks u l-organizzazzjonijiet kriminali;
16. Jinnota li kontrolli mmirati fuq il-fruntiera diġà jistgħu jitwettqu fuq individwi li jgawdu mid-dritt tal-moviment liberu hekk kif dawn jaqsmu fruntiera esterna, matul ċertu perjodu ta' żmien, jew fuq ċerti rotot, jew f'ċerti punti tal-qsim tal-fruntiera, skont il-livell tat-theddida; jinsisti li l-Istati Membri għandhom jagħmlu użu sħiħ u aħjar mill-qafas eżistenti ta' Schengen u jiddedikaw ir-riżorsi meħtieġa għalih, minflok ma jippruvaw jerġgħu jdaħħlu l-kontrolli mal-fruntieri lil hinn mill-possibilitajiet li diġà jeżistu;
17. Jitlob li l-Kummissjoni teżamina mill-ġdid b'mod formali l-proposta tal-UE dwar ir-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri fid-dawl tal-kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha dwar id-Direttiva għaż-Żamma tad-Dejta; jagħti istruzzjonijiet biex is-Servizz Legali tiegħu jwettaq eżami mill-ġdid simili fi żmien sitt ġimgħat mill-adozzjoni ta' din ir-riżoluzzjoni; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jirrevedu s-sistemi għall-awtorizzazzjoni għall-ajruplani privati ċivili biex jidħlu fiż-żona Schengen;
18. Jistieden lill-Kummissjoni biex tevalwa l-perikli li jirriżultaw mill-adozzjoni ta' politiki ta' "viża tad-deheb" minn diversi Stati Membri, li jiffaċilitaw id-dħul u l-istabbiliment ta' organizzazzjonijiet kriminali u jistgħu jiġu strumentalizzati għal finijiet terroristiċi;
19. Jissottolinja li l-miżuri li jillimitaw id-drittijiet fundamentali fuq l-internet għal finijiet ta' ġlieda kontra t-terroriżmu jeħtieġ li jkunu neċessarji u proporzjonati, f'konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE u l-Istati Membri u b'mod partikolari, li jkunu bbażati fuq definizzjoni xierqa tat-terroriżmu, li hija attwalment nieqsa; jenfasizza, barra minn hekk, li t-tneħħija tal-kontenut kriminali għandha titwettaq fuq il-bażi ta' awtorizzazzjoni ġudizzjarja u mhux permezz ta' sorveljanza privata min-naħa tal-fornituri tas-servizzi tal-internet;
20. Jiċħad il-projbizzjoni tal-ikkriptar bħala għodda fil-ġlieda kontra t-terroriżmu; itenni t-talba tiegħu għall-promozzjoni ta' kkriptar tal-komunikazzjoni inġenerali inklużi l-komunikazzjoni bl-email u bl-SMS[10]; jenfasizza li projbizzjoni dwar l-ikkriptar tista' tkun ta' detriment għall-protezzjoni ta' dejta personali trasferita permezz ta' komunikazzjoni, netwerks kummerċjali u finanzjarji, u sistemi tal-gvern u tal-infrastruttura kritika, li tiftaħ il-possibilità ta' interċettazzjoni kriminali u oħrajn;
21. Jitlob għall-adozzjoni rapida tal-pakkett tal-protezzjoni tad-dejta, inkluż permezz tal-adozzjoni ta' approċċ ġenerali fil-Kunsill li jkun konsistenti mal-istandards minimi stabbiliti fid-Direttiva 95/46/UE;
22. Jistieden lill-Istati Membri biex iżidu l-kooperazzjoni ġudizzjarja bejniethom abbażi tal-istrumenti disponibbli tal-UE, bħas-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni ta' Rekords Kriminali (ECRIS), il-Mandat ta' Arrest Ewropew u l-Ordni ta' Investigazzjoni Ewropea, filwaqt li jirrispettaw il-proporzjonalità u d-drittijiet fundamentali; jistieden lill-Istati Membri biex jaqblu malajr dwar il-miżuri kollha proposti, f'konformità mal-pjan direzzjonali dwar id-drittijiet proċedurali, u biex jindirizzaw deċiżjonijiet dwar id-detenzjoni ta' qabel il-proċess u l-kundizzjonijiet fil-ħabs bħala l-pass li jmiss;
23. Jenfasizza li huwa aċċettat b'mod wiesa' li l-ħabsijiet iservu ta' inkubaturi għar-radikalizzazzjoni u l-fehmiet estremisti, u jistieden lill-Istati Membri biex jinvestu aktar riżorsi kapitali u umani biex jiżguraw li s-sistemi tal-ħabs tagħhom – u s-sistemi tal-ġustizzja kriminali in ġenerali – jfittxu r-riabilitazzjoni tat-trasgressuri u jgħinuhom jersqu lil hinn mill-kriminalità u l-estremiżmu vjolenti u mhux iħaddnuhom aktar;
24. Jenfasizza l-fatt li l-politiki ekonomiċi u soċjali jistgħu jgħinu fil-ġlieda kontra l-esklużjoni, is-segregazzjoni u l-impatt tal-bidla soċjoekonomika mgħaġġla, li jagħtu lok għal ilmenti li huma ta' spiss sfruttati minn estremisti vjolenti; jitlob, għalhekk, għal soluzzjonijiet politiċi mmirati biex isibu modi ġodda biex titħeġġeġ l-inklużjoni ekonomika u soċjali, l-integrazzjoni u l-ugwaljanza;
25. Jistieden lill-Istati Membri biex jinvestu fi skemi tal-edukazzjoni li jippromwovu r-rispett għad-dinjità tal-bniedem, it-tolleranza u l-opportunitajiet ugwali u li jnaqqsu d-diskriminazzjoni soċjali minn età bikrija; jenfasizza li dan jinkludi t-taħriġ ta' għalliema fi kwistjonijiet soċjali u fid-diversità;
26. Iwissi li n-nuqqas ta' prospettivi fit-tul minħabba l-faqar, il-qgħad u l-esklużjoni soċjali jista' jwassal lill-individwi jħossuhom bla setgħa, u saħansitra jgħaddu għal imġiba distruttiva li biha jagħtu s-setgħa lilhom infushom, billi jingħaqdu ma' organizzazzjonijiet ġiħadisti jew movimenti tal-lemin estrem; jistieden lill-Istati Membri biex iżidu l-isforzi tagħhom għat-tnaqqis tal-faqar, joffru opportunitajiet ta' impjieg u jagħtu s-setgħa u r-rispett lill-individwi u l-komunitajiet;
27. Jenfasizza li d-diskriminazzjoni tista' ssaħħaħ ix-xejriet tar-radikalizzazzjoni u l-vjolenza; jenfasizza li l-istandards tal-ugwaljanza u tan-nondiskriminazzjoni jridu jkunu kkumplimentati minn strateġiji ta' politika li jindirizzaw il-forom kollha ta' razziżmu, inklużi l-anti-Semitiżmu u l-Islamofobija, u d-diskors ta' mibegħda; jitlob lill-Kummissjoni, għalhekk, biex jeżaminaw bir-reqqa l-ħtieġa possibbli għal reviżjoni tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/JHA dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali, sabiex jiġi indirizzat b'mod aktar effettiv it-tixrid ta' forom serji ta' diskors ta' mibegħda, speċjalment kontra minoranzi reliġjużi jew oħrajn fl-UE;
28. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-effetti sproporzjonati fuq il-komunitajiet fil-mira ta' prattiki post–9/11, b'mod partikolari l-użu ta' tfassil ta' profili razzjali;
29. Jenfasizza li l-introduzzjoni u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni ma' komunitajiet rilevanti fi Stati Membri individwali huma essenzjali, kemm biex jiġu identifikati riskji speċifiċi u bħala parti minn strateġiji ta' deradikalizzazzjoni ġenerali; jenfasizza l-ħtieġa għal investiment b'saħħtu f'dawn il-programmi; jagħti l-appoġġ tiegħu għal programmi li jagħtu s-setgħa lil minoranzi etniċi u reliġjużi biex sabiex jitjieb l-istatus soċjali u ekonomiku tal-komunitajiet rispettivi tagħhom fuq perjodu medju u twil, kemm fil-livell lokali kif ukoll f'dak reġjonali; jinnota f'dan ir-rigward li r-radikalizzazzjoni fl-UE mhijiex limitata għal gruppi etniċi jew reliġjużi speċifiċi;
30. Jenfasizza l-ħtieġa għal miżuri aktar speċjalizzati biex jindirizzaw il-problema ta' ċittadini tal-UE li jsiefru biex jiġġieldu għal organizzazzjonijiet terroristiċi barra mill-pajjiż; jafferma li filwaqt li f'ċerti każijiet tkun tista' ssir prosekuzzjoni, għandhom jiġu applikati miżuri oħra biex tiġi evitata r-radikalizzazzjoni, biex jitfixkel l-ivjaġġar ta' ġellieda Ewropej u barranin oħrajn u biex jiġi indirizzat il-fatt ta' persuni li jirritornaw; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jiżviluppaw l-aħjar prattiki bbażati fuq dawk ta' Stati Membri li adottaw strateġiji ta' suċċess, pjanijiet u programmi ta' azzjoni f'dan il-qasam;
Id-dimensjoni esterna
31. Jisħaq fuq il-fatt li l-ġlieda kontra t-terroriżmu hija sfida dinjija u li l-UE, flimkien ma' atturi ewlenin u sħab reġjonali oħrajn, għandha tkun forza ta' tmexxija fl-indirizzar ta' din it-theddida madwar id-dinja;
32. Jenfasizza l-ħtieġa għal politika barranija komuni koerenti, ikkonsolidata u proattiva b'enfasi qawwija fuq il-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi li għandhom il-potenzjal li jsiru sħab prezzjużi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu;
33. Jenfasizza li l-UE għandha ssaħħaħ id-djalogu politiku tagħha ma' diversi komunitajiet reliġjużi sabiex iżarmaw ir-rabtiet bejn it-terroriżmu u r-reliġjon li attwalment qed jiddominaw id-dibattitu pubbliku; itenni li l-ġlieda kontra t-terroriżmu għandu jkun marbut aktar mill-qrib ma' kwistjonijiet ta' fraġilità, żvilupp u inklużjoni soċjali;
34. Jafferma mill-ġdid li, fil-qafas tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK), jeħtieġ li naqblu dwar approċċ komuni, u ninforzawh, sabiex jiġġieled it-terroriżmu mill-għeruq ideoloġiċi tiegħu u biex tittieħed pożizzjoni ċara dwar kif jintemm il-finanzjament tat-terroriżmu; jitlob, għaldaqstant, għal kooperazzjoni eqreb tal-UE biex ikun hemm ġustizzja u sigurtà u jiġi indirizzat l-estremiżmu reliġjuż mal-azzjoni esterna kollha tal-UE, jiġifieri permezz tal-politika barranija u ta' sigurtà komuni, il-PSDK, il-politika ta' żvilupp, l-għajnuna umanitarja u l-politika kummerċjali, b'mod li huwa kompatibbli mal-istandards tal-UE u l-liġi tad-drittijiet tal-bniedem;
35. Jenfasizza l-ħtieġa li jiżdiedu l-isforzi ta' bini ta' kapaċità esterni, b'enfasi fuq il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni, u biex ikun żgurat li dan ix-xogħol ikun integrat fil-pjanijiet ta' azzjoni u fid-djalogi politiċi li jinvolvu l-UE u l-pajjiżi sħab tagħha billi tiġi stabbilita kooperazzjoni internazzjonali, filwaqt li jsir użu minn programmi u kapaċità eżistenti, u permezz ta' ħidma ma' atturi tas-soċjetà ċivili f'pajjiżi ta' interess dwar il-ġlieda kontra l-propaganda radikali u terrorista permezz tal-Internet u mezzi oħra ta' komunikazzjoni;
36. Iħeġġeġ lill-UE u l-Istati Membri tagħha biex itejbu l-iskambju tal-informazzjoni fil-livell internazzjonali dwar l-armi tan-nar illegali;
37. Jenfasizza l-importanza li tinkorpora strateġiji biex tiġi evitata r-radikalizzazzjoni u l-estremiżmu vjolenti f'għodod u strumenti ta' kooperazzjoni ta' żvilupp tradizzjonali, inkluż programmi edukattivi, b'mod partikolari f'dawk l-Istati Membri li qed jiffaċċjaw l-ikbar sfidi rigward l-estremiżmu vjolenti;
38. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jevalwaw il-possibilità li jiġu adottati sanzjonijiet kontra dawk l-Istati u l-gvernijiet responsabbli għall-finanzjament tat-terroristi u/jew l-organizzazzjonijiet terroristiċi;
39. Jenfasizza l-ħtieġa għal proċeduri xierqa u f'waqthom fir-rigward ta' deċiżjonijiet li jdaħħlu individwu jew grupp fuq il-lista ta' terroristi tal-UE; jinsisti dwar l-introduzzjoni ta' reviżjoni ġudizzjarja xierqa ta' tali deċiżjonijiet għal individwi u organizzazzjonijiet affettwati, sabiex il-proċedura ssir konformi mal-każistika tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja;
40. Jenfasizza li l-miżuri kontra t-terroriżmu għandhom jiffukaw ukoll fuq il-potenzjal ta' attakki terroristiċi fuq l-assi tal-Istati Membri tal-UE barra l-UE;
41. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.
- [1] ĠU C 168 E, 14.6.2013, p. 45.
- [2] Testi adottati, P7_TA(2013)0418.
- [3] Testi adottati, P7_TA(2014)0173.
- [4] Testi adottati, P7_TA(2014)0230.
- [5] ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57.
- [6] Testi adottati, P8_TA(2014)0102.
- [7] SJ-0890/14.
- [8] Ara http://secile.eu/catalogue-eu-counter-terrorism-measures/
- [9] Studju dwar il-funzjonament tas-sistemi ġudizzjarji fl-Istati Membri, disponibbli fuq http://ec.europa.eu/justice/effective-justice/files/cepj_study_scoreboard_2014_en.pdf
- [10] Ara r-riżoluzzjoni msemmija qabel tal-Parlament tal-12 ta' Marzu 2014, paragrafu 107.