MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar it-tiġdid tal-mandat tal-Forum dwar il-Governanza tal-Internet
4.2.2015 - (2015/2526(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Evžen Tošenovský, Ashley Fox, Hans-Olaf Henkel, Marek Józef Gróbarczyk f'isem il-Grupp ECR
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0099/2015
B8‑0130/2015
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-tiġdid tal-mandat tal-Forum dwar il-Governanza tal-Internet
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ġunju 2005 dwar is-soċjetà tal-informazzjoni[1],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Jannar 2008 dwar it-tieni Forum dwar il-Governanza tal-Internet[2],
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Prinċipji u l-Pjan ta' Azzjoni tas-Summit Dinji dwar is-Soċjetà tal-Informazzjoni (WSIS), adottata f'Ġinevra fit-12 ta' Diċembru 2003,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Lejn Sħubija Globali fis-Soċjetà tal-Informazzjoni: Mill-Prinċipji ta' Ġinevra għall-Azzjoni' (COM(2004)0480),
– wara li kkunsidra l-Impenn ta' Tuneż u l-Aġenda ta' Tuneż għas-Soċjetà tal-Informazzjoni, adottati fit-18 ta' Novembru 2005,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni b'segwitu tad-WSIS fl-2006 (COM(2006)181),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Ġunju 2010 dwar il-governanza tal-internet: il-passi li jmiss[3],
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni fin-NETmundial tad-Diversi Partijiet Interessati, ippreżentata fl-24 ta' April 2014,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar 'Il-Politika u l-Governanza tal-Internet – ir-rwol tal-Ewropa fid-definizzjoni tal-futur tal- Governanza tal-Internet' (COM(2014)072),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta mressqa mid-delegazzjoni tal-UE lill-Forum dwar il-Governanza tal-Internet li sar mit-2 sal-5 ta' Settembru 2014 f'Istanbul,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-għan tal-Forum dwar il-Governanza tal-Internet (IGF) hu li jesegwixxi l-mandat tas-Summit Dinji dwar is-Soċjetà tal-Informazzjoni (WSIS) fir-rigward tat-tlaqqigħ ta' fora għal djalogu politiku demokratiku, trasparenti u li jinvolvi diversi partijiet interessati;
B. billi r-rwol ewlieni u l-funzjoni tal-IGF hu li jiddiskuti medda wiesgħa ta' kwistjonijiet marbuta mal-Governanza tal-Internet u, fejn ikun xieraq, li jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-komunità internazzjonali;
C. billi fl-20 ta' Diċembru 2010 l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti ddeċidiet li testendi l-mandat tal-IGF għal ħames snin oħra;
D. billi d-diskussjoni u d-deċiżjoni dwar tiġdid ulterjuri tal-mandat tal-IGF se jsiru fl-2015 fl-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjoniijiet Uniti;
E. billi l-Parlament bagħat delegazzjoni ad hoc lis-Summit Dinji dwar is-Soċjetà tal-Informazzjoni (WSIS) fl-2005 u minn dakinhar għamel hekk għal kull laqgħa annwali tal-IGF;
F. billi d-delegazzjonijiet ad hoc li bagħat il-Parlament kellhom sehem ewlieni fil-promozzjoni tal-valuri Ewropej u fl-interazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u r-rappreżentanti tal-parlamenti nazzjonali li attendew għal dawn l-avvenimenti, b'koperazzjoni mal-Istati Membri u mal-Kummissjoni;
G. billi l-internet jikkostitwixxu pilastru fundamentali tas-Suq Diġitali Uniku, u jrawwem l-innovazzjoni, it-tkabbir, il-kummerċ, id-demokrazija, id-diversità kulturali u d-drittijiet tal-bniedem;
H. billi l-prijoritajiet ewlenin tal-Unjoni Ewropea matul id-disa' IGF li sar f'Settembru 2014 bit-tema ġenerali "Ngħaqqdu l-Kontinenti biex Tissaħħaħ il-Governanza tal-Internet ibbażata fuq Diversi Partijiet Interessati" kienu: l-espansjoni tal-aċċess għall-internet fil-livell globali, iż-żamma tal-internet bħala riżorsa globali, miftuħa u komuni, l-aċċess nondiskriminatorju għall-għarfien, responsabbiltà u trasparenza akbar fil-mudell għall-governanza tal-internet ibbażat fuq "diversi partijiet interessati", iċ-ċaħda tal-idea ta' internet ikkontrollat mill-istat, kif ukoll ir-rikonoxximent li l-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem tagħna mhumiex negozjabbli u jridu jiġu protetti online;
I. billi f'Marzu 2014, in-National Telecommunications and Information Administration (NTIA) tad-Dipartiment tal-Kummerċ tal-Istati Uniti ħabbret l-intenzjoni tagħha li tittrasferixxi l-funzjonijiet tas-superviżjoni tal-internet tal-IANA (Internet Assigned Numbers Authority) lill-komunità globali tad-diversi partijiet interessati qabel ma jiskadi l-kuntratt attwali bejn l-NTIA u l-ICANN f'Settembru 2015; billi maż-żmien trid tinstab soluzzjoni għal din it-tranżizzjoni u għandha twassal għal sistema li ma tistax tkun suġġetta għall-approprjazzjoni jew għall-manipulazzjoni u li tibqa' tiggarantixxi internet stabbli;
J. billi f'April 2014 il-Laqgħa Dinjija tad-Diversi Partijiet Interessati NETmundial dwar il-futur tal-Governanza tal-Internet fasslet sett ta' prinċipji għall-governanza tal-internet u pjan direzzjonali għall-iżvilupp fil-ġejjieni tal-ekosistema tal-internet li tista' tgħid ġew approvati mill-partijiet kollha interessati;
K. billi t-tkabbir relatat mal-ekonomija tal-internet huwa mbassar li huwa kważi 11 % fl-UE, b'kontribuzzjoni għall-PDG mistenni li jiżdied minn 3.8 % fl-2010 għal 5.7 % fl-2016;
L. billi internet miftuħ, li fih id-drittijiet u l-libertajiet kollha li n-nies għandhom offline japplikaw ukoll online, jiffaċilita l-progress soċjali u demokratiku mad-dinja kollha;
M. billi fis-27 ta' Novembru 2014 il-ministri tat-trasport, telekomunikazzjonijiet u enerġija (TTE) tal-UE approvaw il-konklużjonijiet tal-Kunsill li jissottolinjaw l-importanza ta' pożizzjoni Ewropea kkoordinata dwar il-governanza tal-internet u tal-appoġġ għat-tisħiħ tal-IGF bħala pjattaforma tad-diversi partijiet interessati;
1. Jistieden lill-Assemblea Ġenerali tan-NU iġġedded il-mandat tal-IGF, issaħħaħ ir-riżorsi tagħha u żżomm fil-mudell għall-governanza tal-internet ibbażat fuq diversi partijiet interessati;
2. Iqis li, għalkemm l-IGF mhux se jadotta konklużjonijiet formali, ir-responsabilità tal-Unjoni Ewropea hi li tagħti appoġġ lil dan il-proċess u li tispira ruħha mill-iskambji li jsiru fi ħdanu, billi dan jagħti kuntest pożittiv u konkret lit-tiswir tal-ġejjieni tal-internet fuq il-bażi ta' approċċ ibbażat fuq diversi partijiet interessati;
3. Jistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet konċernati tal-UE jagħtu prijorità lill-IGF fl-aġendi tagħhom u biex ikomplu jagħtu appoġġ lill-IGF u lis-segretarjat tiegħu; jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattivi bħall-"Ħbieb tal-Fond tal-IGF" tat-Tides Foundation u l-"assoċjazzjoni ta' Appoġġ għall-IGF", tal-fondi addizzjonali li kisbu;
4. Jenfasizza li l-Parlament għandu jkompli jipparteċipa fil-laqgħat tal-IGF fil-ġejjieni sabiex jikkontribwixxi b'mod effettiv għad-dibattitu dwar il-governanza tal-internet, flimkien mal-Istati Membri u mal-Kummissjoni;
5. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jżidu l-isforzi tagħhom biex jappoġġjaw il-mudell għall-governanza tal-internet ibbażat fuq diversi partijiet interessati;
6. Jistieden lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni Ewropea u l-partijiet interessati rilevanti kollha biex isaħħu aktar is-sostenibilità tal-mudell ibbażat fuq diversi partijiet interessati billi jagħmlu l-atturi u l-proċessi fil-livell nazzjonali, reġjonali u internazzjonali aktar inklużivi, trasparenti u responsabbli;
7. Jenfassiza l-importanza tat-tlestija tal-globalizzazzjoni tal-funzjonijiet ewlenin u l-organizzazzjonijiet tal-internet; jilqa' l-impenn mogħti mill-Gvern tal-Istati Uniti f'Marzu 2014 li jittrasferixxi t-tmexxija tal-funzjonijiet tal-IANA; jenfassiza l-importanza tar-responsabbiltà sħiħa tal-Korporazzjoni tal-Internet dwar l-Ismijiet u n-Numri Assenjati (ICANN);
8. Jenfasizza l-eżistenza ta' skadenza rigoruża għat-tlestija tan-negozjati dwar governanza tal-internet imsaħħa li għandha tipprovdi soluzzjoni fuq perjodu twil għall-istabbiltà u s-sigurtà tal-internet, billi f'Settembru 2015 il-ftehim attwali bejn l-ICANN u l-Gvern tal-Istati Uniti dwar is-superviżjoni tal-funzjoni tal-IANA se jiskadi;
9. Jenfasizza li diġà jistgħu jittieħdu tagħlimiet mill-iskambji produttivi li kien hemm fil-kuntest tal-IGFs s'issa, u li dawn it-tagħlimiet jistgħu jibdew jitħaddmu, l-aktar fl-aspetti regolatorji tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u l-kwistjonijiet dwar is-sigurtà tad-data u l-privatezza; jissottolinja l-ħtieġa li fil-ġejjieni jiġi żgurat li jkun hemm internet miftuħ u indipendenti bħala riżorsa globali, kif ukoll l-aċċess nondiskriminatorju għall-għarfien, abbażi tal-inizjattivi u l-ħtiġiet tal-partijiet interessati, flimkien mal-libertà tal-espressjoni;
10. Jenfasizza li huwa kruċjali li jitkomplew l-isforzi sabiex tiġi ggarantita l-protezzjoni legali tal-internet miftuħ u tal-kunċett tan-newtralità tal-internet, bħala prekundizzjoni indispensabbli għas-salvagwardja tal-libertà tal-informazzjoni u tal-espressjoni, biex tingħata spinta lit-tkabbir u lill-impjiegi billi jiġu żviluppati opportunitajiet għall-innovazzjoni u għan-negozju relatati mal-internet, u biex tiġi promossa u salvagwardjata d-diversità kulturali u lingwistika;
11. Jenfasizza li l-libertajiet u d-drittijiet tal-bniedem fundamentali mhumiex negozjabbli u jridu jitħarsu online; jiddispjaċih li xi stati jippruvaw irażżnu l-konnettività globali taċ-ċittadini tagħhom permezz taċ-ċensura u restrizzjonijiet oħrajn, u jiċħad l-idea ta' internet ikkontrollat mill-istat;
12. Jisħaq fuq l-importanza ekonomika u soċjali tad-drittijiet online għall-privatezza u għall-kontroll tal-utenti tad-data personali tagħhom; jikkunsidra dawn id-drittijiet bħala fundamentali għal internet miftuħ u newtrali u għal kundizzjonijiet indaqs għan-negozji fuq l-internet;
13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Istati Membri u lill-parlamenti nazzjonali.