Proċedura : 2015/2526(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0131/2015

Testi mressqa :

B8-0131/2015

Dibattiti :

PV 09/02/2015 - 13
CRE 09/02/2015 - 13

Votazzjonijiet :

PV 11/02/2015 - 9.19
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0033

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 144kWORD 70k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0099/2015
4.2.2015
PE547.536v01-00
 
B8-0131/2015

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar it-tiġdid tal-mandat tal-Forum dwar il-Governanza tal-Internet (2015/2526(RSP))


David Borrelli, Dario Tamburrano, Laura Ferrara, Marco Zullo, Isabella Adinolfi, Tiziana Beghin, Rolandas Paksas f'isem il-Grupp EFDD

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-tiġdid tal-mandat tal-Forum dwar il-Governanza tal-Internet (2015/2526(RSP))  
B8‑0131/2015

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ġunju 2005 dwar is-soċjetà tal-informazzjoni(1),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2006 dwar soċjetà tal-informazzjoni Ewropea għat-tkabbir u l-impjiegi(2),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Jannar 2008 dwar it-tieni Forum dwar il-Governanza tal-Internet, li sar f'Rio de Janeiro mit-12 sal-15 ta Novembru 2007(3),

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Prinċipji ta' Ġinevra u l-Pjan ta' Azzjoni tas-Summit Dinji dwar is-Soċjetà tal-Informazzjoni (WSIS), adottati f'Ġinevra fit-12 ta' Diċembru 2003,

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Lulju 2014 bit-titolu "Lejn Sħubija Globali fis-Soċjetà tal-Informazzjoni: Mill-Prinċipji ta' Ġinevra għall-Azzjoni" (COM(2004)0480),

–       wara li kkunsidra l-Impenn ta' Tuneż kif ukoll l-Aġenda ta' Tuneż għas-Soċjetà tal-Informazzjoni fil-qafas tal-WSIS, adottati f'Tuneż fit-18 ta' Novembru 2005,

–       wara li kkunsidra l-kontribut tal-Kunsill tal-Ewropa tal-10 ta' Awissu 2007 għat-tieni Forum dwar il-Governanza tal-Internet, li sar f'Rio de Janeiro, il-Brażil, mit-12 sal-15 ta' Novembru 2007,

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' April 2006 bit-titolu "Lejn Sħubija Globali fis-Soċjetà tal-Informazzjoni: Segwitu għall-Fażi ta' Tuneż tas-Summit Dinji dwar is-Soċjetà tal-Informazzjoni (WSIS)" (COM(2006)0181),

–       wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tas-26 ta' Marzu 2009 lill-Kunsill dwar it-tisħiħ tas-sigurtà u tal-libertajiet fundamentali fuq l-internet(4),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Ġunju 2010 dwar il-governanza tal-internet: il-passi li jmiss(5),

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta mressqa mid-delegazzjoni tal-UE lill-Forum dwar il-Governanza tal-Internet li sar f'Istanbul mit-2 sal-5 ta' Settembru 2014,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-għan tal-Forum dwar il-Governanza tal-Internet (IGF) huwa li jesegwixxi l-mandat ikkonferit lilu mis-Summit Dinji dwar is-Soċjetà tal-Informazzjoni (WSIS), jiġifieri li jiltaqa' sabiex jippermetti djalogu ta' politika demokratiku, trasparenti u bbażat fuq diversi partijiet interessati;

B.     billi r-rwol u l-funzjoni ewlenin tal-IGF huma li jippermetti dibattitu dwar medda wiesgħa ta' kwistjonijiet marbuta mal-governanza tal-internet u, fejn ikun xieraq, li joħroġ rakkomandazzjonijiet lill-komunità internazzjonali bħala kontribut għall-iżvilupp ta' soluzzjonijiet;

C.     billi l-internet qed isir wieħed mill-istrumenti ta' komunikazzjoni fundamentali, b'impatt enormi fuq is-soċjetà kollha kemm hi, u billi, barra minn hekk, jirrappreżenta għodda deċiżiva sabiex jiġu indirizzati b'mod adegwat problemi trasversali li jaqgħu f'oqsma ta' politika differenti, u, jekk jintuża b'mod ġust u xieraq, huwa waħda mill-aktar riżorsi b'saħħithom biex jiġu affrontati b'suċċess l-isfidi soċjali, kulturali, edukattivi u ekonomiċi li qed jiffaċċjaw soċjetà globalizzata;

D.     billi l-aħħar IGF, li sar f'Istanbul mit-2 sal-5 ta' Settembru 2014, ġibed 'il fuq minn 3 300 ruħ u ħafna nies oħra pparteċipaw mill-bogħod;

E.     billi l-IGF 2014 irnexxielu jiżvolġi rwol fl-iffaċilitar ta' dibattiti ta' politika f'waqthom, peress li għaqqad flimkien lil nies mill-gruppi ta' partijiet interessati kollha biex jinvolvu ruħhom fuq livell ta' ugwaljanza fi djalogu dwar kwistjonijiet ta' politika pubblika relatati mal-internet u l-governanza tiegħu;

F.     billi matul id-disa' IGF, li sar f'Settembru 2014, il-prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea kienu l-espansjoni tal-aċċess għall-internet fil-livell globali, iż-żamma tal-internet bħala riżorsa globali, miftuħa u komuni, aċċess nondiskriminatorju għall-għarfien, iċ-ċaħda tal-idea ta' internet ikkontrollat mill-Istat, aktar responsabbiltà u trasparenza fil-mudell għall-governanza tal-internet ibbażat fuq diversi partijiet interessati, mandat stabbli u sigur għat-tkomplija tal-IGF, u r-rikonoxximent tal-fatt li l-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem mhumiex negozjabbli u jridu jiġu protetti online;

G.     billi l-parteċipazzjoni sinifikanti fl-aħħar IGF uriet ir-rieda taċ-ċittadini li jiddiskutu l-isfidi marbuta mal-governanza tal-internet u l-opportunitajiet li toffri biex tagħti spinta lit-tkabbir ekonomiku, lill-kompetittività u lill-benefiċċji soċjetali u kulturali;

H.     billi l-IGF wera li huwa pjattaforma effiċjenti għall-koordinament tal-iskambju ta' informazzjoni, għall-ħolqien tal-għarfien, għall-iskambju tal-aħjar prattiki u għall-attivitajiet ta' implimentazzjoni li jinvolvu lil diversi partijiet interessati;

I.      billi huwa essenzjali li tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili u tal-SMEs, sabiex tittieħed inkonsiderazzjoni d-diversità tas-sitwazzjonijiet tagħhom u jiġu evalwati l-konsegwenzi tal-proposti għan-negozji kkonċernati;

J.      billi ta' min ikompli għaddej bil-mudell tal-IGF, li għandu jippreserva l-karatteristika ewlenija tiegħu bħala forum indipendenti u miftuħ għad-djalogu u għall-iskambju tal-aħjar prattiki bejn il-gvernijiet u bħala wieħed mill-kontributuri ewlenin għall-kompetizzjoni ħielsa fil-kuntest tal-internet;

K.     billi fl-2005, f'Tuneż, il-WSIS ħa impenn favur il-ħolqien ta' soċjetà tal-informazzjoni ffukata fuq il-persuni, inklużiva u orjentata lejn l-iżvilupp, ibbażata fuq l-għanijiet u l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u li tirrispetta għalkollox u tappoġġa d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem;

L.     billi l-ħarsien tad-drittijiet tal-minuri fuq l-internet u l-ħarsien u l-promozzjoni tal-libertà tal-espressjoni għandhom bżonn jiġu ggarantiti;

M.    billi huwa importanti li jiġi ggarantit il-ħarsien tad-dritt għall-privatezza taċ-ċittadini;

1.      Iqis li l-internet irid ikun disponibbli għal kulħadd, bl-istess regoli, peress li huwa strument b'saħħtu ta' komunikazzjoni, u li l-benefiċċji tiegħu għandhom jinqasmu bejn iċ-ċittadini kollha tad-dinja;

2.      Jemmen li l-Forum dwar il-Governanza tal-Internet huwa tabilħaqq pjattaforma siewja għal djalogu internazzjonali dwar kwistjonijiet marbuta mal-internet u huwa ta' min jippreservah; jirrimarka li t-tiġdid tal-mandat kull ħames snin huwa ostakolu għal ippjanar u investiment fit-tul; jemmen li hemm bżonn titwaqqaf pjattaforma stabbli biex tiffaċilita u żżid il-parteċipazzjoni globali; iqis li hemm bżonn ippjanar aktar fit-tul biex tiġi ggarantita l-kredibbiltà u biex jiġu ssodisfati l-bżonnijiet tal-komunità tad-diversi partijiet interessati;

3.      Jisħaq fuq il-fatt li l-IGF huwa forum miftuħ bil-għan li jikseb viżjoni komuni u impenn kondiviż għall-ħolqien ta' soċjetà tal-informazzjoni inklużiva u orjentata lejn l-iżvilupp; jissottolinja l-ħtieġa li jiġi żgurat forum tal-internet miftuħ u indipendenti bbażat fuq l-inizjattivi u l-ħtiġijiet tal-partijiet interessati; jisħaq fuq l-importanza li l-indipendenza tiegħu tiġi ppreservata mill-kumpaniji multinazzjonali;

4.      Jinnota li l-IGF joffri kuntest pożittiv u konkret għal djalogu demokratiku dwar il-ġejjieni tal-internet abbażi ta' aġenda tematika; iqisha ħaġa fundamentali li jkun hemm approċċ inklużiv u kkoordinat fil-livelli nazzjonali, reġjonali u internazzjonali; jisħaq fuq l-importanza li l-gruppi politiċi kollha jkunu rrappreżentati f'forums internazzjonali;

5.      Jenfasizza l-importanza li jsiru konsultazzjonijiet interattivi u trasparenti ma' assoċjazzjonijiet rappreżentattivi, mas-soċjetà ċivili u mal-SMEs, u jemmen li l-intrapriżi ta' daqs medju huma kapaċi joħolqu l-impjiegi u jistimolaw it-tkabbir fis-settur tal-ICT; jisħaq fuq l-importanza li jitneħħew l-ostakoli żejda u li jiġi stimolat l-ispirtu intraprenditorjali;

6.      Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi ggarantita n-newtralità tal-internet u tat-teknoloġija, li jitnaqqas id-distakk diġitali fost l-Istati u r-reġjuni, li jiġu żviluppati l-ICT bis-saħħa ta' kompetizzjoni ġenwina bejn l-operaturi u l-fornituri ta' servizz, li sseħħ armonizzazzjoni komprensiva tad-dritt tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni bil-għan li jiġu salvagwardati d-drittijiet taċ-ċittadini kif minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li jiġu osservati l-prinċipji tad-dritt tal-awtur u li, fi kwalunkwe każ, jiġu protetti d-drittijiet tal-awturi u tal-kreaturi, kif ukoll il-ħtieġa li l-internet jitqies bħala spazju komuni għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa u sħiħa tal-kultura u tal-għarfien;

7.      Jemmen fl-importanza li l-internet jinżamm bħala żona miftuħa u ħielsa miċ-ċensura fejn iċ-ċittadini kollha tad-dinja jistgħu jikkomunikaw bejniethom liberament skont il-prinċipji tat-trasparenza, il-multilateraliżmu, id-demokrazija, il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem, u l-libertà tal-espressjoni;

8.      Jenfasizza l-valur strateġiku tal-internet biex iressaq lill-istituzzjonijiet aktar lejn l-interessi taċ-ċittadini u jtejjeb il-prestazzjoni tagħhom, l-effikaċja u t-trasparenza tagħhom; ifakkar fir-rwol sottostanti tal-internet li jsaħħaħ l-impenn ċiviku u l-parteċipazzjoni demokratika u diretta tas-soċjetà ċivili fil-livelli kollha tal-ħajja komunitarja;

9.      Jappella sabiex tingħata aktar attenzjoni għall-infurzar tal-esplorazzjoni sikura tal-internet mit-tfal u għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni internazzjonali fil-ġlieda kontra l-kontenut dannuż u illegali online, b'mod partikolari fir-rigward tal-abbuż sesswali tat-tfal fuq l-internet;

10.    Jissottolinja l-importanza tal-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità, b'mod partikolari bil-għan li tiżdied il-protezzjoni tas-sigurtà u tal-privatezza tad-data personali, mingħajr ma tiġi ristretta n-natura miftuħa tal-internet;

11.    Jemmen li l-internet jista' jkompli jixpruna d-demokrazija u l-iżvilupp ekonomiku biss kemm-il darba l-libertà tal-espressjoni u l-aċċess għall-informazzjoni jkunu ggarantiti;

12.    Jistieden lill-Assemblea Ġenerali tan-NU ġġedded il-mandat tal-IGF, issaħħaħ ir-riżorsi tiegħu u żżomm il-mudell għall-governanza tal-internet ibbażat fuq diversi partijiet interessati;

13.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

 

(1)

ĠU C 133 E, 8.6.2006, p. 140.

(2)

ĠU C 291 E, 30.11.2006, p. 133.

(3)

ĠU C 41 E, 19.2.2009, p. 80.

(4)

ĠU C 117 E, 6.5.2010, p. 206.

(5)

ĠU C 236 E, 12.8.2011, p. 33.

Avviż legali - Politika tal-privatezza