Proċedura : 2015/2530(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0132/2015

Testi mressqa :

B8-0132/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 11/02/2015 - 9.18
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0032

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 148kWORD 89k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0122/2015
4.2.2015
PE547.537v01-00
 
B8-0132/2015

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar miżuri kontra t-terroriżmu (2015/2530(RSP))


Monika Hohlmeier, Roberta Metsola, Elissavet Vozemberg, Elmar Brok, Traian Ungureanu, Heinz K. Becker, Barbara Matera, Daniel Buda, David McAllister, Daniel Caspary, Davor Ivo Stier, Andrey Kovatchev, Fernando Ruas, Monica Macovei, Dubravka Šuica, Andrej Plenković, Cristian Dan Preda, Eduard Kukan, Michael Gahler, Tunne Kelam, Gunnar Hökmark, Emil Radev, Arnaud Danjean f'isem il-Grupp PPE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu (2015/2530(RSP))  
B8‑0132/2015

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3, 6, 7 u 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikoli 4, 16, 20, 67, 68, 70, 71, 72, 75, 82, 83, 84, 85, 86, 87 u 88 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–       wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 6, 7, 8, 10(1), 11, 12, 21, 47-50, 52 u 53 tagħha,

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Ġunju 2014 dwar ir-rapport finali dwar l-implimentazzjoni tal-l-Istrateġija tas-Sigurtà Interna tal-UE 2010-2014 (COM(2014)0365),

–       wara li kkunsidra r-Rapport tal-Europol dwar is-Sitwazzjoni u t-Tendenzi tat-Terroriżmu fl-UE (TE-SAT) għas-sena 2014,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni adottata mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fl-24 ta' Settembru 2014 dwar theddid għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali kkaważat minn atti terroristiċi (Riżoluzzjoni 2178 (2014)),

–       wara li kkunsidra l-Istrateġija ta' Sigurtà Interna għall-UE, kif adottata mill-Kunsill fil-25 ta' Frar 2010,

–       wara li kkunsidra d-dibattitu tiegħu fil-plenarja tat-28 ta' Jannar 2015 dwar il-miżuri kontra t-terroriżmu,

–       wara li kkunsidra l-Kunsill ĠAI informali li sar f'Riga, mid-29 sat-30 ta' Jannar 2015,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2014 dwar it-tiġdid tal-Istrateġija ta' Sigurtà Interna tal-UE(1),

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill ĠAI informali tal-11 ta' Jannar 2015,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill ĠAI informali tad-9 ta' Ottubru u l-5 ta' Diċmebru 2014,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Koordinatur tal-UE għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu lill-Kunsill Ewropew tal-24 ta' Novembru 2014 (15799/14),

–       wara li kkunsidra l-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għas-sena 2015 (COM(2014)0910) tas-16 ta' Diċembru 2014,

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Jannar 2014 bit-titolu 'Il-Prevenzjoni tar-Radikalizzazzjoni għat-Terroriżmu u l-Estremiżmu Vjolenti: it-Tisħiħ tar-Reazzjoni tal-UE (COM(2013)0941),,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi t-Trattat ta' Lisbona ħoloq is-sisien għall-iżvilupp ta' politika tas-sigurtà tal-UE li hija kondiviża mill-qrib mill-UE u l-Istati Membri tagħha, abbażi tal-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet fundamentali;

B.     billi l-UE u l-Istati Membri tagħha primarjament għandhom responsabilità komuni li jiżguraw is-sigurtà u l-libertà taċ-ċittadini Ewropej u li jieħdu miżuri xierqa bil-għan li jipprevjenu atti li jipperikolaw il-ħajja; billi l-libertà u s-sigurtà huma objettivi li għandhom jiġu segwiti b'mod parallel, u billi, sabiex jinkisbu l-libertà u s-sigurtà, il-miżuri kontra t-terroriżmu għandhom ikunu msejsa fuq il-prinċipji tan-neċessità, il-proporzjonalità u r-rispett għad-drittijiet fundamentali, u jikkonformaw mal-istat tad-dritt u l-obbligi internazzjonali;

C.     billi t-terroriżmu huwa theddida globali li teħtieġ li tiġi indirizzata fil-livell lokali, nazzjonali, Ewropew u globali sabiex tissaħħaħ is-sigurtà taċ-ċittadini tagħna, jiġu mħarsa l-valuri fundamentali tal-libertà, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem u jiġi onorat id-dritt internazzjonali;

D.     billi l-moviment liberu fiż-żona Schengen huwa wieħed mil-legati l-aktar importanti tal-kostruzzjoni Ewropea; billi l-fruntieri esterni tagħna huma, tabilħaqq, fruntiera esterna waħda komuni;

E.     billi s-sitwazzjoni tas-sigurtà fl-Ewropa nbidlet b'mod drammatiku f'dawn l-aħħar snin minħabba taqlib u kunflitti ġodda fil-viċinat immedjat tal-UE, l-iżvilupp rapidu tat-teknoloġiji l-ġodda, u ż-żieda inkwetanti tar-radikalizzazzjoni li qed twassal għal vjolenza kiefra u terroriżmu;

F.     billi l-bidla paradigmatika fin-natura u l-modalitajiet tat-terroriżmu - minn organizzazzjonijiet internazzjonalizzati, allinjati u ċentralizzati, għal netwerks u ċelloli awtonomi diffużi, imxerrda u deċentralizzati ta' individwi diżinteressati - tirrikjedi reazzjoni multilaterali u ambizzjuża;

G.     billi l-UE, u ċerti Stati Membri b'mod partikolari, qed iħabbtu wiċċhom mat-theddida serja u dejjem tikber tal-hekk imsejħa 'ġellieda barranin', partikolarment individwi li jivvjaġġaw lejn stat li mhuwiex l-istat ta' residenza jew nazzjonalità tagħhom bl-iskop li jwettqu, jippjanaw jew iħejju atti terroristiċi, jew jipprovdu jew jirċievu taħriġ terroristiku, u dan isir ukoll b'rabta ma' kunflitti armati;

H.     billi l-kwistjoni ta' 'ġellieda barranin' mhijiex fenomenu ġdid, iżda l-kobor tiegħu żdied b'mod drammatiku, bi 'l fuq minn 15 000 raġel u mara minn aktar minn 80 pajjiż madwar id-dinja, inklużi bejn 3 500 u 5 000 ċittadini tal-UE, wara li ħallew djarhom biex isiru ġellieda barranin malli faqqgħet il-gwerra u l-vjolenza fis-Sirja, l-Iraq u l-Libja, u b'hekk qed joħolqu sfida kbira għas-sigurtà taċ-ċittadini tal-UE;

I.      billi l-attakki reċenti f'Pariġi kienu atroċi u servew bħala tfakkira oħra tat-theddida tal-estremiżmu u r-radikalizzazzjoni għas-soċjetajiet liberi u miftuħa; billi dawk l-attakki kienu segwiti minn dimostrazzjonijiet min-naħa taċ-ċittadini tal-UE li rreaġixxew biex juru kemm hu importanti għalihom li jiddefendu l-valuri fundamentali tal-Unjoni Ewropea u jżommu l-UE bħala soċjetà sikura u mħarsa tajjeb;

J.      billi l-modus operandi li ntuża fl-attakki terroristiċi reċenti, u t-tagħmir u l-armi tan-nar sofistikati u militari li ntużaw, qajmu l-kwistjoni ewlenija tal-finanzjament li qed jingħata lill-attivitajiet tal-ġellieda barranin, il-faċilitazzjoni tal-ivvjaġġar tagħhom, u l-kummerċ illeċitu tal-armi tan-nar;

K.     billi t-terroriżmu huwa theddida globali, li tolqot għadd kbir ta' pajjiżi, u eżempju reċenti ta' dan huwa l-attakk terroristiku kiefer li sar fuq il-Lukanda Corinthia ta' proprjetà Maltija fi Tripli, il-Libja, fejn il-missjoni ta' sostenn tan-Nazzjonijiet Uniti torganizza l-laqgħat tagħha, attakk li qatel minn tal-inqas disa' persuni;

1.      Jikkundanna bil-qawwa u serjament l-attakki terroristiċi li saru dan l-aħħar f'Pariġi, u jesprimi l-kondoljanzi sinċieri u s-solidarjetà tiegħu lill-familji tal-vittmi ta' dawn l-attakki terroristiċi atroċi; ifakkar fir-responsabilità fundamentali tal-UE li tipproteġi u tappoġġa lill-vittmi tat-terroriżmu kollha fl-Unjoni, u għaldaqstant tappella għall-ġustizzja, ir-rikonoxximent u r-riparazzjoni għall-dawn il-vittmi;

2.      Jisħaq fuq il-fatt li sabiex tiġi indirizzata t-theddida li tal-ġellieda barranin u t-terroriżmu b'mod ġenerali jeħtieġ li jsir patt kontra t-terroriżmu bbażat fuq approċċ multiplu, li jindirizza b'mod komprensiv fatturi fundamentali bħar-radikalizzazzjoni, jiżviluppa l-koeżjoni soċjali u l-inklużività, u jiffaċilita r-riintegrazzjoni billi jippromwovi t-tolleranza politika u reliġjuża, janalizza u jikkontrobilanċja l-inċitament li jsir online biex jitwettqu atti terroristiċi, jipprevjeni t-tluq ta' persuni li għandhom il-ħsieb li jissieħbu ma' organizzazzjonijiet terroristiċi, jipprevjeni u jwaqqaf ir-reklutaġġ u l-parteċipazzjoni f'kunflitti armati, jisfratta s-sostenn finanzjarju li jingħata lil organizzazzjonijiet terroristiċi u individwi li biħsiebhom jissieħbu magħhom, filwaqt li jiżgura li ssir prosekuzzjoni legali serja fejn xieraq u jipprovdi l-għodod adegwati lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi sabiex dawn iwettqu dmirijiethom b'rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali;

3.      Jinnota bi tħassib l-użu dejjem jiżdied tal-internet u t-teknoloġija tal-komunikazzjoni min-naħa tat-terroristi sabiex ixerrdu r-retorika mimlija mibegħda tagħhom, ikomplu jirradikalizzaw persuni diżinteressati u jirreklutaw aktar ġellieda biex jingħaqdu ma' organizzazzjonijiet terroristiċi bħal ISIL (Stat Iżlamiku fl-Iraq u l-Levante), al-Qaeda u d-diversi fergħat tagħha bħal Front al-Nusrah fis-Sirja, u jwettqu atti terroristiċi; iħeġġeġ lill-kumpaniji tal-internet u tal-midja soċjali jtejbu l-kooperazzjoni tagħhom mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi sabiex jillimitaw l-aċċess għal materjal terroristiku online, u jindividwaw u jneħħu l-propaganda terroristika online, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintensifikaw u jippromwovu b'mod urġenti kampanji ta' sensibilizzazzjoni bil-għan li jiġġieldu r-radikalizzazzjoni fuq l-internet permezz ta' sforz aktar b'saħħtu, proattiv u kreattiv maħsub biex jiżviluppa kontronarrattivi pożittivi u mmirati, kif ukoll jagħti bidu għal kampanji kontra l-mibegħda;

4.      Iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkoordinaw b'mod effikaċi r-rispons immedjat tagħhom għat-theddida li dejjem qiegħda tikber tal-"ġellieda barranin" billi jadottaw miżuri komuni bħall-irtirar tal-passaporti f'każ ta' ċittadinanza doppja, il-konfiska tal-passaporti għal perjodu ta' żmien limitat, l-immarkar tal-karti ta' identità tal-ġiħadisti, l-introduzzjoni mill-ġdid tal-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar għall-minuri, l-irfinar tal-prosekuzzjonijiet ġudizzjarji (fejn jidħlu l-konverżjoni bl-iskop ta' sħubija mal-organizzazzjonijiet terroristiċi u t-taħriġ f'kampijiet tat-terroristi), u t-tfassil ta' lista sewda ta' ġiħadisti Ewropej u terroristi ġiħadisti suspetti;

5.      

Jisħaq fuq il-ħtieġa urġenti li tiġi intensifikata l-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u jiġu appoġġati programmi ta' deradikalizzazzjoni billi ssir ħidma mal-komunitajiet u s-soċjetajiet ċivili fil-livell nazzjonali u lokali u lil dawn jingħatalhom il-jedd li jaġixxu bil-għan li jwaqqfu l-firxa ta' ideoloġiji estremisti;

jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ in-Netwerk ta' Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni (RAN), li jlaqqa' flimkien l-atturi kollha involuti fl-iżvilupp ta' kampanji kontra r-radikalizzazzjoni u jwaqqaf strutturi u proċessi ta' deradikalizzazzjoni għal dawk il-ġellieda barranin li jirritornaw, u jisfida l-ideoloġiji estremisti billi jipprovdi alternattivi pożittivi;

6.      Josserva, bi tħassib kbir, il-fenomenu tar-radikalizzazzjoni fil-ħabsijiet; jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw li jimpenjaw ruħhom fil-proċess ta' iżolament ġenerali ta' priġunieri f'ħabsijiet, u jtejbu s-sistemi amministrattivi tal-ħabsijiet bil-għan li jiffaċilitaw id-detezzjoni tad-detenuti li huma involuti fit-tħejjija ta' atti terroristiċi, jimmonitorjaw u jipprevjenu l-proċessi ta' radikalizzazzjoni, u jistabbilixxu programmi speċifiċi ta' deradikalizzazzjoni; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex f'din il-kwistjoni jikkondividu l-aħjar prattiki b'mod dirett jew permezz ta' aġenziji tal-UE relevanti;

7.      Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-fatt li wieħed mill-attakki f'Pariġi twettaq b'mod intenzjonali kontra l-Lhud Ewropej u, għaldaqstant, kien ir-riżultat atroċi ta' forma ġdida ta' anti-Semitiżmu, li qed thedded id-diversità reliġjuża u etnika tal-Unjoni Ewropea; jitlob, għaldaqstant, lill-Kummissjoni teżamina bir-reqqa n-neċessità tal-possibilità li tiġi revista d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/ĠAI, bil-għan li jiġu indirizzati b'mod aktar effikaċi l-kwistjonijiet ta' persuni li qed jippriedkaw il-mibegħda u t-tixrid ta' forom gravi ta' diskors ta' mibegħda;

8.      Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-firxa ta' mibegħda u priedki estremisti f'diversi kmamar tat-talb fi Stati Membri li qed jintużaw abbużivament għal skopijiet ta' radikalizzazzjoni, u jiġbed l-attenzjoni lejn l-effetti drammatiċi tagħha fuq iż-żieda tal-fundamentaliżmu fis-soċjetajiet tagħna; jistieden lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri adegwati sabiex jimmonitorjaw b'mod serju u mill-qrib dan il-fenomenu, u jindirizzaw il-kwistjoni tar-reklutaġġ u l-finanzjament tal-imam minn pajjiżi terzi;

9.      Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi intensifikat id-djalogu mal-komunità Musulmana bil-għan li nwaħħdu l-isforzi tagħna biex niġġieldu l-fundamentaliżmu u l-propaganda terroristika;

10.    Jistieden lill-Istati Membri kollha jipprevjenu l-moviment ta' individwi terroristi billi jsaħħu l-kontrolli mal-fruntieri esterni, jiċċekkjaw id-dokumenti tal-ivvjaġġar b'mod aktar sistematiku u effikaċi, jindirizzaw il-kwistjonijiet tat-traffikar illeċitu ta' armi u l-użu frodulenti tal-identità, u jidentifikaw iż-żoni li jinsabu f'riskju;

11.    Jissottolinja t-tħassib tiegħu fir-rigward ta' rapporti dwar traffikanti tal-bniedem li qed jiffaċilitaw il-moviment tal-fundamentalisti u ċ-ċelloli terroristiċi lejn l-Ewropa, u jitlob lill-UE tagħti prijorità lill-ġlieda kontra n-netwerks ta' traffikar tal-bniedem u tinvestiga dawn in-netwerks bħala wieħed mis-sors li l-aktar iħalli qligħ għall-organizzazzjonijiet terroristiċi; jisħaq ukoll fuq il-fatt li l-organizzazzjonijiet terroristiċi ddiversifikaw il-fluss ta' dħul tagħhom billi jagħmlu użu mill-bejgħ u t-traffikar ta' nisa u tfal sabiex jiffinanzjaw l-operazzjonijiet tagħhom; jikkundanna b'qawwa dawn il-prattiki u jħeġġeġ lill-komunità internazzjonali biex jindirizzaw serjament dawn l-attivitajiet;

12.    Itenni l-impenn tiegħu favur il-prinċipju tal-moviment liberu fl-UE, u għaldaqstant jeskludi kwalunkwe proposta biex tiġi sospiża s-sistema Schengen, u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex alternattivament japplikaw b'mod aktar sever ir-regoli eżistenti li diġà jinkludu l-possibilità li jiġu introdotti temporanjament l-kontrolli tad-dokumenti, u li jsir użu aħjar tas-sistema SIS II; jissottolinja l-importanza tal-Mekkaniżmu ta' Evalwazzjoni ta' Schengen il-ġdid, u jistieden lill-Kummissjoni tagħmel użu sħiħ mill-prerogattivi tiegħu sabiex tiżgura l-implimentazzjoni xierqa tal-acquis ta' Schengen;

13.    Jitlob lill-Kummissjoni tipproponi definizzjoni armonizzata ta' "ġellieda barranin" u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex il-fatt li wieħed jivvjaġġa lejn żona ta' kunflitt biex jingħaqad ma organizzazzjoni terroristika jikklassifikawh fid-dritt intern tagħhom bħala reat kriminali serju, abbażi tad-definizzjoni proposta mir-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, bil-għan li jippermettu lill-awtoritajiet ġudizzjarji jressqu quddiem il-qorti u jippenalizzaw dan ir-reat fejn ikun il-każ;

14.    Jagħti istruzzjonijiet lill-kumitat tiegħu responsabbli, il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, sabiex jipproċedi b'kunsiderazzjoni u adozzjoni ta' natura leġiżlattiva tad-direttiva dwar ir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri tal-UE (PNR) li l-Kummissjoni pproponiet fl-2011, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill sabiex kwalunkwe suġġeriment siewi iqisuh bħala kwistjoni ta' urġenza, bil-għan li jintlaħaq ftehim malajr rigward direttiva dwar PNR tal-UE, li tipprevedi l-ogħla salvagwardji għad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE filwaqt li tiżgura l-effiċjenza u l-effikaċità ta' din l-għodda fil-ġlieda kontra l-kriminalità serja u t-terroriżmu, u jistedinhom ukoll jindirizzaw lill-plenarja b'mod f'waqtu;

15.    Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta, mill-aktar fis possibbli, direttiva ġdida dwar iż-żamma tad-data, u dan filwaqt li tqis kif xieraq id-deċiżjoni reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja rigward id-direttiva dwar iż-żamma, li tirrikjedi konformità mal-proporzjonalità, in-neċessità u l-legalità sabiex tipprevedi qafas ġuridiku xieraq għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi sabiex jinvestigaw, jipprevjenu u jindividwaw netwerks ta' kriminalità serja u terroriżmu;

16.    Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu aħjar mill-kapaċitajiet uniċi tal-Europol billi jiżguraw li l-unitajiet nazzjonali tagħhom jipprovdu lill-Europol bl-informazzjoni relevanti b'manjiera aktar sistematika u regolari; jappella biex l-aġenzija Europol tiġi fdata bil-kompitu speċifiku li tidentifika materjal jew kontenut online ta' natura estremista jew terroristika illegali, u li tgħaddiha direttament lill-kumpaniji tal-internet u lill-midja soċjali sabiex jitneħħa; jappoġġa ulterjorment il-ħolqien fi ħdan l-Europol ta' pjattaforma Ewropea għall-ġlieda kontra t-terroriżmu, bil-għan li jiġu massimizzati l-kapaċitajiet operazzjonali u tekniċi u l-kapaċitajiet ta' skambju ta' intelligence;

17.    Itenni l-impenn tiegħu li jsaħħaħ il-miżuri sabiex jiġi identifikat, illokalizzat u sfrattat il-finanzjament tat-terroriżmu; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tqis ulterjorment li tintroduċi proposta leġiżlattiva għall-istabbiliment ta' sistema Ewropea ta' traċċar ta' finanzjament tat-terroriżmu (TFTS);

18.    Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa, bħala kwistjoni ta' urġenza, ir-regoli eżistenti tal-UE dwar il-moviment tal-armi tan-nar illegali, apparati esplożivi u t-traffikar tal-armi marbut mal-kriminalità organizzata, u sabiex timla l-lakuna legali;

19.    Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiżdiedu l-effikaċità u l-koordinazzjoni tar-ripons tal-ġustizzja kriminali pemrezz tal-Eurojust, tiġi armonizzata l-kriminalizzazzjoni ta' reati fl-UE marbuta mal-ġellieda barranin bil-għan li jiġi provdut qafas ġuridiku u tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni transfruntiera, sabiex jiġu evitati diskrepanzi fil-prosekuzzjoni u jiġu indirizzati l-isfidi prattiċi u legali fil-ġbir u l-ammisibilità tal-evidenza f'każijiet ta' terroriżmu, billi tiġi aġġornata d-Deċiżjoni Kwadru 2008/919/ĠAI;

20.    Jisħaq il-ħtieġa li tittejjeb, tiġi intensifikata u aċċellerata l-kondiviżjoni tal-informazzjoni fl-isfera tal-infurzar tal-liġi globali; jirtira, fid-dawl taċ-ċirkostanzi l-ġodda u t-theddida terroristika imminenti, it-talba tiegħu li l-ftehim PNR bejn l-UE u l-Kanada jingħadda lill-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea għal opinjoni, u jimpenja ruħu għall-adozzjoni ta' dan il-ftehim għal ċertezza ġuridika aktar b'saħħitha għal-linji tal-ajru tal-UE u ċ-ċittadini tagħha; jissottolinja ulterjorment il-merti li jiġu skjerati l-għodod xierqa kollha għal kondivizjoni akbar tal-intelligence u kooperazzjoni akbar bejn l-aġenziji mal-aktar alleati qrib tagħna, bħall-Istati Uniti, il-Kanada, l-Awstralja u New Zealand;

21.    Jemmen li l-UE teħtieġ li tikkunsidra mill-ġdid id-dgħufija prevalenti li kkaratterizzat il-kooperazzjoni għall-ġlieda kontra t-terroriżmu ma' pajjiżi ta' oriġini, tranżitu u destinazzjoni li minnhom għaddew il-ġellieda barranin u r-riżorsi għas-sostenn tagħhom, bħall-Balkani tal-Punent, it-Turkija, il-pajjiżi tal-Golf u l-istati tal-Magreb, sabiex inwaħħdu l-isforzi tagħna fil-ġlieda kontra t-terroriżmu permezz ta' kondiviżjoni akbar tal-informazzjoni u t-tagħlimiet miksuba, niġġieldu t-traffikar illeċitu tal-armi tan-nar, nindividwaw il-finanzjament għat-terroristi, u niżviluppaw narrattiva ġdida biex niġġieldu l-estremiżmu u l-fundamentaliżmu;

22.    Jistieden lill-UE b'mod attiv tippromwovi sħubija globali kontra t-terroriżmu u taħdem mill-qirb mal-atturi reġjonali bħall-Unjoni Afrikana, il-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf u l-Lega Għarbija, b'mod partikolari f'pajjiżi qrib is-Sirja u l-Iraq, kif ukoll man-Nazzjonijiet Uniti, b'mod partikolari l-Kumitat Kontra t-Terroriżmu tan-NU;

23.    Jisħaq fuq il-fatt li strateġija komprensiva tal-UE dwar miżuri kontra t-terroriżmu trid ukoll tagħmel użu sħiħ mill-politiki barranin u ta' żvilupp tagħha, sabiex tiġġieled il-faqar, id-diskriminazzjoni u l-marġinalizzazzjoni, tiġġieled il-korruzzjoni u tippromwovi l-governanza t-tajba u tipprevjeni u ssolvi l-kunflitti, li kollha jikkontribwixxu għall-marġinalizzazzjoni ta' ċerti gruppi u setturi tas-soċjetà, u b'hekk jagħmluhom aktar vulnerabbli għall-propaganda ta' gruppi estremisti;

24.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

 

(1)

Testi adottati, P8_TA(2014)0102.

Avviż legali - Politika tal-privatezza