Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0133/2015Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0133/2015

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar ir-rapport fil-qosor tas-Senat tal-Istati Uniti dwar l-użu tat-tortura mis-CIA

4.2.2015 - (2014/2997(RSP))

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Monika Hohlmeier, Elmar Brok, Barbara Matera, David McAllister, Daniel Caspary, Monica Macovei, Dubravka Šuica, Andrej Plenković, Cristian Dan Preda, Francisco José Millán Mon, Eduard Kukan, Michael Gahler, Gunnar Hökmark f'isem il-Grupp PPE <<<

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0123/2015

Proċedura : 2014/2997(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0133/2015
Testi mressqa :
B8-0133/2015
Dibattiti :
Testi adottati :

B8‑0133/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-rapport fil-qosor tas-Senat tal-Istati Uniti dwar l-użu tat-tortura mis-CIA

(2014/2997(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b'mod partikolari l-Artikoli 2, 3, 4, 6, 7 u 21 tiegħu,

–       wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-protokolli tagħha,

–       wara li kkunsidra l-istrumenti relevanti tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU, b'mod partikolari l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tas-16 ta' Diċembru 1966, il-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti tal-10 ta' Diċembru 1984 u l-protokolli relevanti tagħhom, u l-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni tal-Persuni Kollha mill-Għajbien Sfurzat tal-20 ta' Diċembru 2006,

–       wara li kkunsidra l-Linji Gwida għall-Politika tal-UE Lejn Pajjiżi Terzi dwar it-Tortura u Trattament jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti u l-Linji Gwida tal-UE dwar il-Piena tal-Mewt,

–       wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kunsill għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tar-Rapporteur Speċjali dwar it-tortura jew trattamenti jew pieni oħra krudili, inumani jew degradanti, li jiffoka fuq kummissjonijiet ta' inkjesta b'risposta għal mudelli jew prattiki ta' tortura jew forom oħra ta' trattament ħażin[1],

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-UE-Stati Uniti dwar l-għeluq tal-Bajja ta' Guantánamo u l-Kooperazzjoni Futura Kontra t-Terroriżmu tal-15 ta' Ġunju 2009,

_       wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-każijiet al-Nashiri v. Il-Polonja, Nru 28761/11 tal-24 ta' Lulju 2014, u Husayn (Abu Zubaydah) v. Il-Polonja, Nru 7511/13 tal-24 ta' Lulju 2014,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 2178 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-24 ta' Settembru 2014 dwar theddid għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali kkawżat minn atti terroristiċi,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-14 ta' Frar 2007[2] u tad-19 ta' Frar 2009[3] dwar l-użu allegat ta' pajjiżi Ewropej mis-CIA għat-trasport u d-detenzjoni illegali ta' priġunieri,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Settembru 2012 dwar l-allegat trasport u detenzjoni illegali ta' priġunieri f'pajjiżi Ewropej mis-CIA: segwitu tar-rapport tal-Kumitat tat-TDIP tal-Parlament Ewropew[4],

–       wara li kkunsidra l-Ordni Eżekuttiva 13491 tal-President Obama dwar l-iżgurar ta' interrogazzjoni legali, iffirmata fit-22 ta' Jannar 2009,

–       wara li kkunsidra d-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni tal-President Obama tal-20 ta' Jannar 2015,

–       wara li kkunsidra d-dibattitu tas-sessjoni plenarja tas-17 ta' Diċembru 2014 dwar ir-Rapport tas-Senat tal-Istati Uniti dwar l-użu tat-tortura mis-CIA,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-Unjoni Ewropea hija stabbilita fuq impenn għad-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem u d-dritt internazzjonali, mhux biss fil-politiki interni tagħha, iżda wkoll fid-dimensjoni esterna tagħha; billi l-impenn tal-UE għad-drittijiet tal-bniedem, imsaħħaħ bid-dħul fis-seħħ tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u l-proċess ta' adeżjoni mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem għandu jiġi rifless fl-oqsma kollha tal-politika sabiex il-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem issir effikaċi;

B.     billi l-Parlament talab b'mod ripetut biex il-ġlieda kontra t-terroriżmu tirrispetta d-dinjità tal-bniedem, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, inkluż fil-kuntest tal-kooperazzjoni internazzjonali f'dan il-qasam, fuq il-bażi tat-Trattati tal-UE, il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, kostituzzjonijiet nazzjonali u leġiżlazzjoni tad-drittijiet fundamentali;

C.     billi l-Parlament ikkundanna bil-qawwa l-programm dwar il-konsenja u d-detenzjoni sigrieta tas-CIA mmexxija mill-Istati Uniti li jinvolvi diversi ksur tad-drittijiet tal-bniedem, fosthom id-detenzjoni illegali u arbitrarja, it-tortura u trattament ħażin ieħor bħala riżultat tal-Kumitat Temporanju tiegħu dwar l-użu allegat ta' pajjiżi Ewropej mis-CIA għat-trasport u d-detenzjoni illegali ta' priġunieri;

D.     billi proċess xieraq ta' responsabbiltà huwa essenzjali sabiex tkun miżmuma l-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet demokratiċi, ikunu mħarsa u promossi b'mod effikaċi d-drittijiet tal-bniedem fil-politiki interni u esterni tal-UE, u jkunu żgurati politiki ta' sigurtà leġittimi u effikaċi bbażati fuq l-istat tad-dritt;

E.     billi fil-11 ta' Settembru 2001, l-Istati Uniti sabet ruħha taħt attakki bla preċedent minn terroristi tal-Al-Qaida, li qatlu aktar minn 3 000 persuna, meta ajruplani ttajru fiż-żewġ torrijiet tal-World Trade Centre, fil-Pentagon u f'għalqa f'Pennsylvania;

F.     billi r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti huma bbażati fuq sħubija b'saħħitha u kooperazzjoni f'ħafna oqsma, abbażi ta' valuri komuni ta' demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali; billi l-UE u l-Istati Uniti saħħu l-impenn tagħhom fil-ġlieda kontra t-terroriżmu minn meta seħħew l-attakki terroristiċi tal-11 ta' Settembru 2001, iżda billi huwa neċessarju li jingħelbu d-diverġenzi bejn il-politiki tal-UE u tal-Istati Uniti fil-ġlieda kontra t-terroriżmu;

G.     billi fil-15 ta' Ġunju 2009, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u l-Istati Uniti tal-Amerika ffirmaw Dikjarazzjoni Konġunta dwar l-għeluq tal-faċilità ta' detenzjoni tal-Bajja ta' Guantánamo u l-kooperazzjoni futura kontra t-terroriżmu, ibbażata fuq valuri kondiviżi, id-dritt internazzjonali, u r-rispett lejn l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem,

H.     billi l-għajnuna tal-Istati Membri tal-UE biex xi wħud mill-priġunieri jingħataw appoġġ qabel il-ħelsien kienet bil-mod u limitata;

I.      billi fit-3 ta' Diċembru 2014, wara sitt snin ta' investigazzjonijiet, il-Kumitat Magħżul dwar l-Intelligence tas-Senat irrilaxxa sommarju eżekuttiv rigward l-Istudju tal-Kumitat tal-programm tal-Aġenzija Ċentrali tal-Intelligence dwar id-detenzjoni u l-interrogazzjoni;

J.      billi r-rapport tal-Kumitat tas-Senat jiġbor aktar minn 6 000 paġna iżda jibqa' klassifikat, u sommarju ta' 525 paġna ġie rilaxxat li jikkonferma li sitt ijiem wara l-attakki ta' 9/11 ġie ffirmat Memorandum ta' Notifika (MON) li jawtorizza lid-Direttur tal-intelligence ċentrali (DCI) biex "iwettaq ħidmiet imfassla biex jaqbdu u jżommu arrestati persuni li jkunu ta' theddida serja u kontinwa tal-vjolenza jew tal-mewt lil persuni u interessi tal-Istati Uniti jew li qed jippjanaw attivitajiet terroristiċi";

K.     billi r-rapport isib li t-tekniki msaħħa ta' interrogazzjoni tas-CIA ddikjarati illegali mill-Istati Uniti u trattati internazzjonali li jipprojbixxu l-użu tat-tortura, li l-Istati Uniti hija firmatarja tagħhom;

1.      Jissottolinja l-fatt li l-kooperazzjoni transatlantika bbażata fuq valuri komuni bħall-promozzjoni tal-libertà u s-sigurtà, id-demokrazija u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem hija u għandha tkun prijorità ewlenija f'relazzjonijiet barranin tal-UE; itenni l-pożizzjoni ċara stabbilita fid-dikjarazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti tal-2009 b'tali mod li l-isforzi konġunti biex jiġġieldu t-terroriżmu jeħtieġu jkunu konformi mal-obbligi skont id-dritt internazzjonali, b'mod partikolari d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju, u li dan se jwassal sabiex il-pajjiżi tagħna jsiru aktar b'saħħithom u siguri;

2.      Jilqa' b'sodisfazzjon ir-rapport tal-Kumitat tas-Senat bħala pass pożittiv biex jikkonfronta pubblikament u b'mod kritiku l-programm tal-Aġenzija Ċentrali tal-Intelligence dwar id-detenzjoni u l-interrogazzjoni, li juri r-rieda tal-organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet politiċi Amerikani, bl-appoġġ ta' membri miż-żewġ partiti politiċi tal-Kungress, biex issir kontabbiltà pubblika b'mod raġonevoli u onest tal-programm tas-CIA;

3.      Itenni l-impenn deċiżiv tiegħu li jikkoopera mal-Istati Uniti fil-ġlieda globali kontra t-terroriżmu, filwaqt li tiġi żgurata l-konformità sħiħa u stretta mal-obbligi tad-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt, u jenfasizza wkoll li miżuri effikaċi ta' kontra t-terroriżmu u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem mhumiex kontradittorji iżda huma għanijiet komplementari li jsaħħu lil xulxin b'mod reċiproku; jirrimarka li r-rispett tad-drittijiet fundamentali huwa parti essenzjali għas-suċċess tal-politiki kontra t-terroriżmu; ifakkar li l-ġlieda kontra t-terroriżmu teħtieġ approċċ multilaterali u għalhekk tippromwovi b'mod attiv alleanza globali kontra t-terroriżmu fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti, bl-involviment tal-atturi internazzjonali kollha;

4.      Itenni l-kundanna qawwija tiegħu tal-prattiki ta' tekniki msaħħa ta' interrogazzjoni, li huma projbiti skont il-leġiżlazzjoni tal-Istati Uniti u dik internazzjonali u li jiksru fost l-oħrajn id-drittijiet għal-libertà, is-sigurtà, it-trattament uman, il-libertà mit-tortura, il-preżunzjoni ta' innoċenza, il-proċess ġust, il-konsulenza legali u l-protezzjoni ugwali skont il-liġi; jilqa' f'dan ir-rigward l-ordnijiet eżekuttivi maħruġa mill-President Obama li jipprojbixxu t-tortura, jippromwovu t-trattament uman tad-detenuti u jiżguraw li l-Istati Uniti tirrispetta d-drittijiet domestiċi u internazzjonali li jipprojbixxu t-tortura u t-trattament krudili, inuman u degradanti;

5.      Jilqa' l-passi pożittivi reċenti tal-President Obama bl-isforzi kontinwi u ripetuti tiegħu biex tingħalaq il-faċilità ta' detenzjoni fil-bażi militari tal-Istati Uniti fil-Bajja ta' Guantánamo, Kuba, u biex jiġi previst il-ħelsien tad-detenuti li ma ġewx akkużati; jenfasizza li l-President Obama tenna d-determinazzjoni tiegħu li jwettaq il-wegħda tal-kampanja tiegħu tal-2008 li jagħlaq il-ħabs fil-Bajja ta' Guantánamo fid-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni tal-20 ta' Jannar 2015;

6.      Iqis li l-Istati Membri ddikkjaraw ir-rieda tagħhom li jimxu skont id-dritt internazzjonali; konsegwentement jenfasizza li Stati Membri li jagħmlu stħarriġ indipendenti u effikaċi dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem konnessi mal-programm tas-CIA għandhom jibbażaw l-investigazzjoni tagħhom fuq evidenza ġudizzjarja konkreta u fuq ir-rispett għas-sistemi ġudizzjarji nazzjonali u l-liġi tal-UE, mhux biss fuq l-ispekulazzjoni tal-midja u dik pubblika;

7.      Jistieden lill-Istati Membri biex, fid-dawl tal-kooperazzjoni msaħħa u tal-iskambju ta' informazzjoni bejn l-intelligence sigrieta u l-aġenziji tas-sigurtà tagħhom, jiżguraw skrutinju demokratiku ta' dawk l-aġenziji u tal-attivitajiet tagħhom permezz ta' sorveljanza parlamentari interna, eżekuttiva, ġudizzjarja u indipendenti xierqa;

8.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-parlamenti nazzjonali.