Proċedura : 2015/2559(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0138/2015

Testi mressqa :

B8-0138/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 12/02/2015 - 4.6
CRE 12/02/2015 - 4.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0040

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 141kWORD 73k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0136/2015
9.2.2015
PE549.931v01-00
 
B8-0138/2015

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-kriżi umanitarja fl-Iraq u s-Sirja, b'mod partikolari fil-kuntest tal-IS (2015/2559(RSP))


Cristian Dan Preda, Arnaud Danjean, Jacek Saryusz-Wolski, Elmar Brok, Andrej Plenković, David McAllister, Tunne Kelam, Barbara Matera, Davor Ivo Stier, Lara Comi, Philippe Juvin, Fernando Ruas, József Nagy f'isem il-Grupp PPE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kriżi umanitarja fl-Iraq u s-Sirja, b'mod partikolari fil-kuntest tal-IS (2015/2559(RSP))  
B8‑0138/2015

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar l-Iraq u s-Sirja,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-15 ta' Diċembru 2014,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar l-Iraq u s-Sirja tat-30 ta' Awwissu 2014,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar l-Iraq u s-Sirja,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iraq u s-Sirja,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-vjolenza kontinwa fis-Sirja rriżultat fi kriżi umanitarja, b'aktar minn 200 000 ruħ maqtula, li l-biċċa l-kbira minnhom huma ċivili, aktar minn 7 miljun ruħ spustati internament, u aktar minn 12-il miljun Sirjan fil-bżonn ta' assistenza; billi aktar minn 3 miljun Sirjan ħarbu mill-pajjiż, prinċipalment lejn il-Libanu, it-Turkija, il-Ġordan, l-Iraq u l-Eġittu;

B.     billi s-sitwazzjoni umanitarja fl-Iraq qiegħda tmur għall-agħar; billi aktar minn 5 miljun ruħ jeħtieġu għajnuna umanitarja urġenti u aktar minn 2 miljun Iraqi huma spostati internament;

C.     billi l-organizzazzjoni terroristika tal-Istat Iżlamiku (IS) tat bidu għal kampanji sistematiċi ta' tindif etniku fil-parti tat-Tramuntana tal-Iraq u tas-Sirja, u wettaq delitti tal-gwerra, fosthom qtil sommarju tal-massa u serq ta' persuni, kontra minoranzi etniċi u reliġjużi; billi n-Nazzjonijiet Uniti (NU) diġà rrapportaw il-qtil immirat, il-konverżjoni furzata, il-serq ta' persuni, bejgħ ta' nisa, l-iskjavitù ta' nisa u tfal, ir-reklutaġġ ta' minuri għal attentati suwiċidi, abbuż sesswali u fiżiku u tortura; billi l-komunitajiet Insara, Kurdi, Jeżidi, Turkmeni, Shabak, Kaka'i, Sabej u Xiiti, kif ukoll ħafna Għarab u Musulmani Sunniti, kienu fil-mira tal-IS;

D.     billi l-IS stabbilixxa l-hekk imsejħa "qrati tax-Sharia" illeġittimi fit-territorju taħt il-kontroll tiegħu, li kkommettew pieni krudili u diżumani kontra rġiel, nisa u tfal; billi l-IS ippubblika kodiċi penali li jelenka r-reati punibbli b'amputazzjoni, tħaġġir jew kruċifissjoni; billi dawk li jiġu kkastigati huma akkużati li kisru l-interpretazzjonijiet estremisti Iżlamiċi tal-grupp tal-liġi tax-Sharia, jew li huma suspettati bi żlealtà;

E.     billi nisa edukati u professjonisti, u b'mod partikolari nisa li kkontestaw bħala kandidati f'elezzjonijiet għal kariga pubblika, jidhru li huma f'riskju; billi fil-bidu tal-2015 rapporti indikaw li tliet avukati nisa ġew ġustizzjati;

F.     billi erba' tobba reċentement inqatlu fiċ-ċentru ta' Mosul, allegatament wara li rrifjutaw li jikkuraw kumbattenti tal-IS; billi fl-1 ta' Jannar 2015, l-IS allegatament iġġustizzja 15-il ċivil mit-tribù Għarbija Sunnita Jumaili f'Fallujah minħabba li kienu suspettati li kkooperaw mal-Forzi tas-Sigurtà Iraqin ; billi fid-9 ta' Jannar 2015, l-IS iġġustizzja mill-inqas 14-il raġel fi pjazza pubblika f'Dour għax irrifjutaw li jwiegħdu lealtà lejh; billi fl-2015 l-IS iġġustizzja l-ostaġġi Ġappuniżi Haruna Yukawa u Kenji Goto, u l-pilota Ġordaniż Muath al‑Kasaesbeh;

1.      Jikkundanna bil-qawwa ksur u abbużi sistematiċi u mifruxa tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa mill-IS fl-Iraq u s-Sirja, fosthom il-qtil ta' ostaġġi u l-vjolenza kontra minoranzi reliġjużi u etniċi u gruppi vulnerabbli; jirrifjuta mingħajr riżervi, u jqis bħala illeġitima, id-dikjarazzjoni mit-tmexxija tal-IS li twaqqaf kalifat fiż-żoni li issa huma kkontrollati minnu; jiddeplora t-twaqqif tal-hekk imsejħa "qrati tax-Sharija" illeġittimi fit-territorju taħt il-kontroll tal-IS; jesprimi s-simpatija profonda u l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi kollha tal-kunflitt; jappella għall-ħelsien immedjat tal-ostaġġi kollha;

2.      Jenfasizza li l-attakki fuq skala wiesgħa jew sistematiċi mmirati kontra iċ-ċivili, minħabba l-appartenenza etnika jew politika, ir-reliġjon, it-twemmin u s-sess tagħhom, jistgħu jikkostitwixxu delitt kontra l-umanità; jikkundanna bil-qawwa l-forom kollha ta' persekuzzjoni, diskriminazzjoni u intolleranza abbażi ta' reliġjon u twemmin, u l-atti ta' vjolenza kontra l-komunitajiet reliġjużi kollha; jisħaq, għal darb'oħra, fuq il-fatt li d-dritt għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon huwa dritt fundamentali tal-bniedem;

3.      Jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-vittmi tal-intolleranza reliġjuża u l-mibegħda; jesprimi s-solidarjetà tiegħu lejn il-membri tal-komunitajiet Insara li huma ppersegwitati u li qegħdin jħabbtu wiċċhom mal-periklu ta' estinzjoni f'art twelidhom, l-Iraq u s-Sirja, kif ukoll lejn minoranzi reliġjuzi oħra li huma ppersegwitati; jisħaq li d-delitti li saru kontra l-minoranzi Nsara, bħall-Assirjani, is-Sirijaċi u l-Kaldej, kif ukoll il-Jeżidi u l-Musulmani Xiiti, jirrapreżenta sforz finali mill-IS għal tindif reliġjuż komplet fir-reġjun; jenfasizza li għal sekli sħaħ membri ta' gruppi reliġjużi differenti kkoeżistew b'mod paċifiku f'dan ir-reġjun;

4.      Jenfasizza li l-IS mhux biss huwa ta' theddida serja għall-poplu tal-Iraq u tas-Sirja, u għal-Lvant Nofsani b'mod ġenerali, iżda huwa wkoll theddida diretta għas-sigurtà tal-pajjiżi Ewropej; jenfasizza li l-Iran u ċertu Stati tal-Golf, li huma partijiet sinifikanti, għandhom responsabilità li jikkontribwixxu għall-isforzi ta' tnaqqis tat-tensjoni fl-Iraq u s-Sirja; ifaħħar ir-rwol ta' pajjiżi ġirien, inkluż il-Ġordan u l-Libanu, li aċċettaw ir-rifuġjati; jappella lill-UE biex tippreżenta strateġija reġjonali komprensiva dwar is-Sirja u l-Iraq u dwar it-theddida tal-IS, mingħajr dewmien; jenfasizza li l-UE teħtieġ strateġija li tikkumplimenta l-attivitajiet tan-NU u tal-koalizzjoni kontra l-IS, u li immirata li tinvolvi s-sħab reġjonali sabiex jiġi indirizzat il-finanzjament tat-terroriżmu, il-forniment tal-armi u l-fluss ta' ġellieda barranin transnazzjonali;

5.      Jappoġġa l-kampanja globali kontra l-IS, u jilqa' l-impenn tas-sħab fil-koalizzjoni biex jikkollaboraw fl-ambitu ta' strateġija komuni, multidimensjonali,u fit-tul, biex jiġi degradat u jingħeleb l-IS; jilqa' t-telfa tal-IS fil-belt Sirjana ta' Kobani

6.      Jinsab serjament imħasseb bl-espansjoni tal-IS fit-Tramuntana tal-Afrika u speċjalment fil-Libja, fejn il-grupp ħa vantaġġ tal-vojt politiku u l-eskalazzjoni tal-vjolenza fil-pajjiż; ifakkar li l-IS diġà jikkontrolla l-belt ta' Darna, fil-Lvant, u għandu għeruq fi bliet ewlenin fosthom Tripli, Bengażi u Sirte; jemmen li r-reġjun qiegħed fir-riskju li jispiċċa f'kaos qerriedi simili għal dak li qed jiġri fis-Sirja u fl-Iraq; jikkundanna bil-qawwa l-qtil mill-IS fl-2015 ta' żewġ Eġizzjani, ir-riporter Sofien Chourabi u l-operatur tal-kamera Nadhir Ktari; jikkundanna bis-saħħa wkoll l-attakk tas-27 ta' Jannar 2015 fuq il-Corintha Hotel fi Tripli, li sewa disa' ħajjiet, inkluż dawk ta' kuntrattur tas-sigurtà Amerikan u ċittadin Franċiż; jiddenunzja wkoll is-sekwestru min-naħa tal-IS u gruppi terroristiċi affiljati oħra (Ansar al-Sharia) ta' 21 Insara Kopti Eġizzjani f'Sirte; jappella għall-ħelsien immedjat ta' dawn l-ostaġġi;

7.      Jikkundanna l-użu tal-isfruttament tal-bjar taż-żejt u l-infrastruttura relatata min-naħa tal-IS u gruppi assoċjati, li jippermetti lill-IS jiġġenera introjtu sostanzjali, u jħeġġeġ lill-istati kollha josservaw ir-riżoluzzjonijiet 2161 (2014) u 2170 (2014) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, li jikkundannaw kull kummerċ, dirett jew indirett, mal-IS u l-gruppi assoċjati;

8.      Jesprimi t-tħassib tiegħu rigward l-involviment li dejjem qed jikber ta' gruppi estremisti Iżlamisti u ġellieda barranin transnazzjonali fil-kunflitt fis-Sirja; jenfasizza li soluzzjoni dejjiema teħtieġ transizzjoni politika permezz ta' proċess politiku inklużiv immexxi mis-Sirjani bl-appoġġ tal-komunità internazzjonali; jilqa' u jappoġġa x-xogħol tal-Mibgħut Speċjali tal-NU għas-Sirja, Staffan de Mistura, u l-isforzi tiegħu għal kisba ta' waqfien mill-ġlied qalil f'Aleppo; jappella lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt fis-Sirja biex jiżguraw il-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili, jonoraw l-obbligi tagħhom skont id-dritt umanitarju internazzjonali u tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, jiffaċilitaw il-forniment tal-għajnuna umanitarja u l-assistenza permezz tal-kanali kollha possibbli, inkluż min-naħa għall-oħra tal-fruntieri u l-linji tal-kunflitt, u jiżguraw is-sikurezza tal-persunal mediku kollu u tal-ħaddiema umanitarji;

9.      Jappella lill-Gvern Iraqi biex ikun verament rappreżentattiv, b'aġenda inklużiva; jenfasizza li l-gvern għandu jirrappreżenta kif xieraq id-diversità politika, reliġjuża u etnika tas-soċjetà Iraqina, fosthom il-minoranza Sunnita, sabiex jieqaf it-tixrid tad-demm u l-frammentazzjoni tal-pajjiż; jappella lill-parteċipanti kollha biex jaħdmu flimkien fl-interess tal-istabbiltà politika u l-paċi, u sabiex tiġi miġġielda l-IS; jissottolinja l-fatt li l-unità, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Iraq huma essenzjali biex ikun hemm stabbiltà u jsir żvilupp ekonomiku fil-pajjiż u fir-reġjun;

10.    Jappoġġa t-talba tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem lill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem biex tintbagħat b'urġenza missjoni fl-Iraq sabiex tinvestiga l-ksur u l-abbużi tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem mwettqa mill-IS u l-gruppi terroristiċi assoċjati, u biex tistabbilixxi l-fatti u ċ-ċirkostanzi ta' dawn l-abbużi u l-ksur, bil-għan li tiġi evitata l-impunità u tiġi żgurata reponsabbiltà sħiħa;

11.    Jibqa' konvint li ma jistax ikun hemm paċi sostenibbli fis-Sirja u fl-Iraq jekk il-partijiet kollha ma jieħdux ir-responsabblità tad-delitti li twettqu miż-żewġ naħat matul il-kunflitt, b'mod partikolari dawk imwettqa għal raġunijiet reliġjużi jew etniċi; itenni l-appell tiegħu sabiex dawk suspettati li wettqu delitti kontra l-umanità fis-Sirja u fl-Iraq jitressqu quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali, u jappoġġa kull inizjattiva f'dan ir-rigward;

12.    Itenni t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li eluf ta' ġellieda barranin transnazzjonali, inklużi ċittadini tal-Istati Membri, issieħbu mal-IS fil-ġlieda tiegħu; jappella lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri xierqa sabiex ma jħallux lill-kumbattenti jivvjaġġaw minn arthom, f'konformità mar-riżoluzzjoni 2170 (2014) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, u jiżviluppaw strateġija komuni għas-servizzi ta' sigurtà u l-aġenziji tal-UE biex iwettqu monitoraġġ u kontroll fuq il-ġiħadisti; jappella għal kooperazzjoni fl-UE u fuq livell internazzjonali sabiex tittieħed azzjoni legali xierqa kontra kwaunkwe individwu suspettat b'involviment f'atti ta' terroriżmu; jappella lill-Istati Membri biex jintensifikaw il-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni bejniethom, kif ukoll mal-korpi tal-UE;

13.    Jappella lill-komunità internazzjonali biex tipprovdi aktar għajnuna u assistenza umanitarja lill-persuni milquta mill-kriżi fl-Iraq u s-Sirja, u biex jipprovdu appoġġ finanzjarju dirett lill-pajjiżi ospitanti; jilqa' l-impenji li ħadu l-Istati Membri tal-UE, bħala l-akbar donaturi ta' għajnuna finanzjarja, u l-wegħdiet tagħhom għall-futur; jappella lill-UE biex tagħmel pressjoni fuq id-donaturi kollha biex iwettqu l-wegħdiet u l-impenji tagħhom malajr;

14.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Gvern u lill-Kunsill tar-Rappreżentantital-Iraq, lill-Gvern Reġjonali tal-Kurdistan, u lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt fi s-Sirja.

 

 

Avviż legali - Politika tal-privatezza