Proċedura : 2015/2559(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0142/2015

Testi mressqa :

B8-0142/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 12/02/2015 - 4.6
CRE 12/02/2015 - 4.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0040

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 150kWORD 224k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0136/2015
9.2.2015
PE549.935v01-00
 
B8-0142/2015

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-kriżi umanitarja fl-Iraq u s-Sirja, b'mod partikolari fil-kuntest tal-IS (2015/2559(RSP))


Elena Valenciano, Richard Howitt, Josef Weidenholzer, Ana Gomes, Vincent Peillon, Goffredo Maria Bettini, Nikos Androulakis, Gilles Pargneaux, Tonino Picula, Kati Piri, Nicola Caputo, Alessia Maria Mosca, Andi Cristea, Simona Bonafè, Viorica Dăncilă, Victor Negrescu, Marlene Mizzi, David Martin, Arne Lietz, Zigmantas Balčytis, Brando Benifei, Javi López f'isem il-Grupp S&D

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kriżi umanitarja fl-Iraq u s-Sirja, b'mod partikolari fil-kuntest tal-IS (2015/2559(RSP))  
B8‑0142/2015

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Iraq u s-Sirja,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar l-Iraq u s-Sirja, b'mod partikolari dawk tal-15 ta' Diċembru 2014,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar l-Iraq u s-Sirja tat-30 ta' Awwissu 2014,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar l-Iraq u s-Sirja,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet 2139 (2014), 2165 (2014) u 2170 (2014) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u r-riżoluzzjoni S-22/1 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti,

–       wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni ta' Inkjesta Internazzjonali Indipendenti dwar ir-Repubblika Għarbija Sirjana tan-NU, intitolat "Rule of Terror: Living under ISIS in Syria", tal-14 ta' Novembru 2014,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iraq u s-Sirja,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tas-Summit tan-NATO tal-5 ta' Settembru 2014,

–       wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin, adottati fl-24 ta' Ġunju 2013,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Paċi u s-Sigurtà fl-Iraq, li saret f'Pariġi fil-15 ta' Settembru 2014,

–       wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Iraq, min-naħa l-oħra, u r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tas-17 ta' Jannar 2013 dwar tali sħubija(1),

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-kriżi vjolenti li għadha għaddejja fis-Sirja rriżultat f'katastrofi umanitarja bla preċedent fl-istorja reċenti, b'aktar minn 200 000 ruħ maqtula, il-biċċa l-kbira minnhom ċivili, aktar minn 7,6 miljun ruħ spostati internament, u 'l fuq minn 12,2 miljun persuna fi bżonn iddisprat ta' assistenza fis-Sirja; billi aktar minn 3,5 miljun Sirjan ħarbu minn pajjiżhom, prinċipalment lejn il-Libanu (1 160 468 rifuġjat), it-Turkija (1 623 839), il-Ġordan (621 773), l-Iraq (235 563) u l-Eġittu/l-Afrika ta' Fuq (160 772);

B.     billi s-sitwazzjoni umanitarja fl-Iraq qed tkompli sejra għall-agħar u l-bżonnijiet qed jiżdiedu; billi aktar minn 5,2 miljun ruħ għandhom bżonn għajnuna umanitarja urġenti u aktar minn 2,1 miljun Iraqi huma spostati internament; billi hemm 3,6 miljun ruħ li qed jgħixu f'żoni kkontrollati mill-IS – 2,2 miljun minnhom fi bżonn urġenti ta' għajnuna – u billi l-aċċess għal dawn in-nies huwa partikolarment diffiċli; billi l-Iraq qed jilqa' wkoll aktar minn 233 000 rifuġjat Sirjan;

C.     billi l-Kummissjoni qed twieġeb għall-bżonnijiet umanitarji billi tassisti lill-Iraqin spostati internament u lir-rifuġjati Iraqin fil-Ġordan, fil-Libanu u fit-Turkija, kif ukoll lir-rifuġjati Sirjani fl-Iraq; billi fl-2014 l-UE u l-Istati Membri kienu t-tieni l-akbar donatur umanitarju, b'għotja ta' EUR 163 miljun; billi ġie attivat ukoll il-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili biex tiġi ffaċilitata d-distribuzzjoni rapida ta' għajnuna u kompetenzi fir-reġjun;

D.     billi l-IS/Daesh ħadu taħt idejhom partijiet mill-Majjistral tal-Iraq, inkluża t-tieni l-akbar belt Iraqina, Mosul, u billi dan kien segwit minn eżekuzzjonijiet sommarji ta' ċittadini Iraqin, l-impożizzjoni ta' interpretazzjoni ħarxa tal-liġi tax-Xarija, fosthom kastigi krudili u inumani kontra l-irġiel, in-nisa u t-tfal, il-qerda ta' postijiet ta' qima u santwarji Xiiti, Sufi, Sunniti u Nsara, u atroċitajiet oħra kontra l-popolazzjoni ċivili, b'mod partikolari fil-konfront tan-nisa u t-tfal;

E.     billi l-IS/Daesh nieda kampanji sistematiċi ta' tindif etniku fit-Tramuntana tal-Iraq u fis-Sirja, u kkommetta delitti tal-gwerra, fosthom massakri u serq ta' persuni, fil-konfront ta' minoranzi etniċi u reliġjużi; billi n-NU diġà rrapportaw każijiet ta' qtil immirat, konverżjoni furzata, serq ta' persuni, bejgħ ta' nisa, skjavitù ta' nisa u tfal, reklutaġġ ta' minuri għal attentati suwiċida, abbuż ta' natura sesswali u fiżika u tortura; billi l-komunitajiet Insara, Jeżidi, Turkmeni, Xabaki, Kaka'i, Sabej u Xiiti, kif ukoll ħafna Musulmani Sunniti, spiċċaw fil-mira tal-IS/Daesh;

F.     billi l-UNHCR iddikjara li kważi 50 % tas-Sirjani kollha tilfu djarhom u 40 % tar-rifuġjati qed ikollhom jissaportu kundizzjonijiet ta' għajxien inadegwati; billi skont in-NU, tlieta minn kull erba' Sirjani jgħixu fil-faqar u r-rata tal-qgħad hija ta' aktar minn 50 %; billi żewġ terzi tar-rifuġjati Sirjani fil-Ġordan qed jgħixu taħt is-soll tal-faqar u 55 % tar-rifuġjati fil-Libanu jgħixu f'xelters inadegwati; billi fil-pajjiżi ospitanti żdiedu l-vjolenza u d-diskriminazzjoni kontra r-rifuġjati;

G.     billi l-Lvant Nofsani nħakem minn xitwa qalila u l-UNHCR intensifika l-assistenza tiegħu għax-xitwa billi nieda pjan tax-xitwa ta' USD 206 miljun biex jgħin miljuni ta' nies vulnerabbli fir-reġjun; billi, minkejja l-isforzi li saru, ħafna rifuġjati huma mġiegħla jgħixu f'bini mhux lest u f'xelters inadegwati li jesponuhom għal temperaturi taħt iż-żero, ħafna borra u riħ qawwi; billi madwar 740 000 Iraqi spostat internament qed jistkennu f'akkomodazzjoni inadegwata, u l-UNHCR qed jieħu provvedimenti biex jagħti lil 600 000 mill-persuni spostati għajnuna għax-xitwa fl-Iraq;

H.     billi l-UNICEF qiegħed jagħti assistenza għax-xitwa fis-Sirja, fl-Iraq, fil-Libanu, fil-Ġordan u fit-Turkija lil 916 000 mill-1,3 miljun tifel u tifla kkonċernati; billi l-UNICEF u l-Programm Dinji tal-Ikel f'Jannar 2015 nedew kampanja ta' assistenza fi flus għax-xitwa bil-għan li jagħtu JOD 14 lill-41 000 tifel u tifla rifuġjati vulnerabbli tal-kampijiet Za'atari u Azraq biex il-familji tagħhom ikunu jistgħu jixtrulhom ħwejjeġ tax-xitwa;

I.      billi f'Novembru 2014 il-Human Rights Watch kien qed jistma li, mill-attakki tal-IS/Daesh fil-bidu ta' Awwissu 2014 'l hawn, aktar minn 3 133 Jeżida, fosthom tfal, inħatfu u/jew inqatlu mill-IS/Daesh; billi aktar minn 50 000 Jeżida ġew spostati u billi 300 minn dawk li nħatfu, il-biċċa l-kbira nisa u tfal, irnexxielhom jaħarbu l-jasar tal-IS; billi n-nisa Jeżidi qegħdin isofru vjolenza sesswali u tjassir sistematiċi; billi skont rapporti reċenti, xi nisa kkommettew suwiċidju wara li ġew stuprati jew imġiegħla jiżżewġu militanti tal-IS/Daesh;

J.      billi, minkejja d-diversi appelli, il-komunità internazzjonali mhux qed jirnexxilha tissodisfa l-bżonnijiet tas-Sirjani u tal-Iraqin u tal-pajjiżi li jagħtu kenn lir-rifuġjati; billi skont Kyung-wha Kang, Assistent Segretarju Ġenerali għall-Affarijiet Umanitarji tan-NU, l-operazzjonijiet tan-NU m'għandhomx biżżejjed finanzjament, u waslu biss 39 % miż-USD 2,3 biljun meħtieġa; billi l-UNHCR iddikjara li għadu diffiċli ferm li wieħed jopera fl-inħawi biex liċ-ċivili u lir-rifuġjati tingħatalhom l-għajnuna li għandhom bżonn;

1.      Jikkundanna bil-qawwa l-abbużi u l-ksur sistematiċi u mifruxa tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa mill-IS/Daesh fl-Iraq u s-Sirja, inkluż il-qtil ta' ostaġġi, l-atti kollha ta' vjolenza kontra l-persuni minħabba l-affiljazzjoni reliġjuża u etnika tagħhom, u l-vjolenza fuq in-nisa u t-tfal; jesprimi s-solidarjetà qawwija tiegħu mal-vittmi tal-atroċitajiet imwettqa mill-IS/Daesh u jappella għall-ħelsien immedjat tal-ostaġġi kollha;

2.      Jenfasizza li l-IS/Daesh jirrappreżenta theddida serja għall-poplu tal-Iraq u tas-Sirja, u għal-Lvant Nofsani u l-madwar; jenfasizza l-bżonn ta' approċċ integrat, li jgħaqqad id-dimensjonijiet militari, politiċi, umanitarji u ta' żvilupp, sabiex tiġi indirizzata t-theddida rappreżentata mill-IS/Daesh;

3.      Huwa tal-fehma li, fid-dawl tan-natura ġenoċida u espansjonistika tal-IS/Daesh u t-theddida li dan jirrappreżenta fuq livell globali, u għas-sigurtà Ewropea b'mod partikolari, it-trażżin ta' din it-theddida mhuwiex biżżejjed, u li t-territorji kollha li bħalissa qegħdin taħt il-kontroll tal-IS/Daesh għandhom jiġu liberati; jappoġġja, għalhekk, il-kampanja dinjija kontra l-IS/Daesh, u jenfasizza l-bżonn li ssir ħidma fil-qafas ta' strateġija komuni, pluridimensjonali u fit-tul mal-atturi reġjonali u lokali kollha li ħadu l-impenn li jegħlbuh; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li kwalunkwe kampanja militari ta' liberazzjoni tat-territorji taħt il-kontroll tal-IS/Daesh għandha tosserva rigorożament id-dritt umanitarju internazzjonali u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, sabiex jiġu evitati aktar imwiet u ma tissaħħaħx l-aġenda estremista, u anke biex jiġu evitati mewġiet ġodda ta' rifuġjati u persuni spostati internament;

4.      Huwa tal-fehma li biex jiġi miġġieled it-terroriżmu ġewwa l-Unjoni Ewropea hu kruċjali li tingħeleb it-theddida terroristika estremista li qed taqbad sew fir-reġjun tal-Lvant Nofsani u l-Afrika ta' Fuq u lil hinn minnu, peress li l-avvanz tagħha fil-fatt jistimula r-radikalizzazzjoni mrawma internament;

5.      Jenfasizza li fuq medda twila ta' żmien huwa biss proċess ġenwin u inklużiv ta' rikonċiljazzjoni nazzjonali bejn gruppi etniċi u reliġjużi differenti fis-Sirja u l-Iraq, inklużi l-Musulmani Sunniti, li jista' joħloq kundizzjonijiet li jċaħħdu lill-IS/Daesh, lill-al-Qaeda, lill-al-Nusra u lill-organizzazzjonijiet estremisti assoċjati magħhom appoġġ fost il-popolazzjoni Għarbija Sunnita; jistieden lill-awtoritajiet Iraqin u lill-komunità internazzjonali jevitaw li jivvendikaw ruħhom mill-popolazzjoni Sunnita fl-inħawi li bħalissa qegħdin taħt il-kontroll tal-IS/Daesh meta dawn l-inħawi jkunu ġew liberati mill-IS/Daesh;

6.      Jenfasizza l-bżonn li l-komunità internazzjonali żżid l-isforzi tagħha biex tipprovdi assistenza umanitarja lill-popolazzjonijiet fil-bżonn; iħeġġeġ lid-donaturi kollha jwettqu l-wegħdiet tagħhom u jipprovdu l-għajnuna malajr kemm jista' jkun; jilqa' l-impenji li ħadu l-Istati Membri, li flimkien jikkostitwixxu l-akbar donatur ta' għajnuna finanzjarja u ta' wegħdiet ta' assistenza fil-futur; jappella biex l-UE żżid il-kontribuzzjonijiet tagħha lill-programmi umanitarji tan-NU u ssaħħaħ il-kooperazzjoni tagħha mal-organizzazzjonijiet internazzjonali;

7.      Jenfasizza li, fid-dawl tal-kobor bla preċedent tal-kriżi, it-tafja tat-tbatija ta' miljuni ta' Sirjani u Iraqin li għandhom bżonn prodotti u servizzi bażiċi għandha tkun prijorità għall-UE u għall-komunità internazzjonali kollha kemm hi; jikkundanna t-tfixkil konsistenti ta' tentattivi ta' tqassim tal-għajnuna umanitarja u jitlob lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt jiffaċilitaw il-forniment ta' għajnuna u assistenza umanitarja b'kull mezz possibbli, inkluż bil-qsim tal-fruntieri u l-linji ta' kunflitt, u jiżguraw is-sikurezza tal-persunal mediku kollu u l-ħaddiema umanitarji kollha, f'konformità mad-diversi riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;

8.      Jistieden lill-partijiet kollha fil-kunflitt jikkonformaw mad-dritt umanitarju internazzjonali u jiżguraw li ċ-ċivili jkunu protetti, li jkollhom aċċess bla xkiel għal faċilitajiet mediċi u għajnuna umanitarja, u li jkunu jistgħu jitilqu miż-żoni milquta mill-vjolenza b'mod sikur u dinjituż;

9.      Jinsab konvint li l-għajnuna u l-protezzjoni umanitarja ta' natura immedjata hemm bżonn jiġu kkomplementati minn strateġiji fit-tul b'appoġġ għad-drittijiet soċjali, ekonomiċi u kulturali u għall-opportunitajiet ta' għajxien tal-persuni rimpatrijati, tal-persuni spostati internament u tar-rifuġjati, kif ukoll għal tmexxija u parteċipazzjoni msaħħa, bil-għan li jingħataw il-possibbiltà li jagħżlu soluzzjonijiet dejjiema li jikkontribwixxu għall-iżvilupp u s-sigurtà tal-bniedem; iqis li hemm bżonn jiġu indirizzati r-riskji speċifiċi u l-bżonnijiet partikolari ta' gruppi differenti ta' nisa u tfal li huma soġġetti għal forom differenti u trasversali ta' diskriminazzjoni;

10.    Huwa partikolarment diżgustat biż-żieda f'kull xorta ta' vjolenza kontra n-nisa, li qed jisfaw mitfugħa l-ħabs, stuprati, abbużati sesswalment u traffikati mill-membri tal-IS/Daesh; jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw speċifikament il-bżonnijiet tan-nisa Jeżidi li qegħdin jew kienu taħt il-jasar tal-IS/Daesh u, b'mod partikolari, jistabbilixxu mekkaniżmu li, permezz tiegħu, nisa trawmatizzati mis-Sirja u l-Iraq ikunu jistgħu jirċievu trattament post-trawmatiku speċjali u konsulenza mfassla apposta għall-bżonnijiet tagħhom, inkluż fl-Istati Membri; jinsisti li għandha ssir aktar pressjoni fuq il-pajjiżi li fihom ittieħdu xi wħud minn dawn in-nisa, bħall-Arabja Sawdija, sabiex jiġi żgurat li dawn jinħelsu u jiġu rilokati f'pajjiżi fejn jistgħu jgħixu fil-libertà u fis-sigurtà;

11.    Jilqa' l-isforzi tal-uffiċċju tad-dipartiment għall-Għajnuna Umanitarja u l-Protezzjoni Ċivili (ECHO) tal-Kummissjoni f'Erbil, il-belt kapitali tar-Reġjun tal-Kurdistan fl-Iraq, biex jindirizza s-sitwazzjoni umanitarja fir-reġjun; jenfasizza li hemm bżonn tiżdied u titjieb il-koordinazzjoni bejn l-ECHO u d-Direttorat Ġenerali għall-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp (DEVCO), sabiex il-popolazzjonijiet fil-bżonn jinqdew bl-aħjar mod possibbli u bl-aktar mod effikaċi;

12.    Itenni mill-ġdid il-kundanna tiegħu għall-vjolenza u l-qtil mill-IS/Daesh u fir-reġjun kollu fil-konfront ta' persuni LGBT, atti li kienu qed jitwettqu b'impunità sħiħa; jirrimarka li l-persuni LGBT fir-reġjun qegħdin f'sitwazzjoni partikolarment vulnerabbli, minħabba l-appoġġ limitat mill-familja u mill-komunità u l-protezzjoni limitata mill-gvern u l-fatt li s-sikurezza tagħhom għadha f'riskju f'komunitajiet ta' rifuġjati u f'ċerti soċjetajiet ospitanti; jistieden lill-Gvern Iraqi, lid-delegazzjoni tal-UE għall-Iraq u lill-ambaxxati tal-Istati Membri fir-reġjun biex jipprovdu protezzjoni lill-persuni LGBT u jħaffu r-risistemazzjoni diretta ta' dawk l-individwi LGBT li qegħdin jaħarbu minħabba preokkupazzjonijiet dwar is-sikurezza;

13.    Jistieden lill-Istati Membri jħaffu l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-asil mill-għadd dejjem jiżdied ta' rifuġjati Sirjani li qed jaħarbu miż-żoni tal-kunflitt; jitlob lill-UE tindirizza l-kwistjoni tal-vjaġġi – bosta drabi fatali – minn naħa għal oħra tal-Mediterran u timplimenta strateġija kkoordinata maħsuba biex issalva l-ħajjiet u, ukoll, tipprovdi appoġġ lill-Istati Membri l-aktar affettwati mill-wasla ta' migranti irregolari u persuni li jfittxu asil fi xtuthom;

14.    Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri juru solidarjetà mal-pajjiżi ġirien, fost l-oħrajn billi: jipprovdu u jżidu l-assistenza tas-salvataġġ lir-rifuġjati permezz tar-risistemazzjoni u forom oħra ta' ammissjoni legali; iqis li l-aktar rifuġjati vulnerabbli għandhom jingħataw prijorità u jiġu garantiti d-drittijiet sħaħ tagħhom f'konformità mal-Konvenzjoni tar-Rifuġjati tal-1951;

15.    Jappoġġja t-talba li għamel il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem lill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem biex tintbagħat b'urġenza missjoni fl-Iraq sabiex tinvestiga d-delitti kontra l-umanità, il-ksur u l-abbużi tad-dritt umanitarju internazzjonali u tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem imwettqa mill-IS u minn gruppi terroristiċi assoċjati, u tistabbilixxi l-fatti u ċ-ċirkustanzi ta' tali abbużi u ksur, bil-għan li tiġi evitata l-impunità u tiġi żgurata reponsabilità sħiħa;

16.    Jappella biex jinfetaħ l-uffiċċju tal-UE f'Erbil ħalli jitjiebu l-effikaċja u l-viżibilità tal-azzjoni tal-UE fuq il-post, inkluż permezz ta' koordinazzjoni aħjar tal-assistenza umanitarja u l-għajnuna għall-iżvilupp;

17.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Kunsill tar-Rappreżentanti tal-Iraq, lill-Gvern Reġjonali tal-Kurdistan, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt fis-Sirja.

 

(1)

Testi adottati, P7_TA(2013)0023.

Avviż legali - Politika tal-privatezza