Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0219/2015Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0219/2015

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal fuq l-internet

4.3.2015 - (2015/2564(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Timothy Kirkhope, Julie Girling, Jørn Dohrmann, Helga Stevens, Beatrix von Storch, Emma McClarkin, Jussi Halla-aho, Ruža Tomašić, Daniel Dalton, Vicky Ford, Evžen Tošenovský, Kazimierz Michał Ujazdowski, Marek Józef Gróbarczyk, Anna Elżbieta Fotyga, Zdzisław Krasnodębski, Janusz Wojciechowski, Jadwiga Wiśniewska, Branislav Škripek, Beata Gosiewska f'isem il-Grupp ECR

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0217/2015

Proċedura : 2015/2564(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0219/2015
Testi mressqa :
B8-0219/2015
Dibattiti :
Testi adottati :

B8‑0219/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal fuq l-internet

(2015/2564(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-20 ta' Novembru 1989, u l-Protokolli tagħha,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar iċ-Ċiberkriminalità, tat-23 ta' Novembru 2001,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Protezzjoni tat-Tfal kontra l-Isfruttament Sesswali u l-Abbuż Sesswali, tal-25 ta' Ottubru 2007,

–       wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/68/ĠAI,

–       wara li kkunsidra l-Kumment Ġenerali Nru 14 (2013) tal-Kumitat dwar id-Drittijiet tat-Tfal tan-NU rigward id-dritt tat-tfal li jkollhom l-aħjar interessi tagħhom meqjusa bħala kunsiderazzjoni primarja,

–       wara li kkunsidra l-Aġenda tal-UE għad-Drittijiet tat-Tfal, adottata fi Frar 2011,

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Post Speċjali għat-Tfal fl-Azzjoni Esterna tal-UE" (COM(2008)0055),

–       wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE għall-Promozzjoni u l-Protezzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal,

–       wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE għall-Qerda tat-Traffikar tal-Bnedmin (2012-2016), b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet dwar il-finanzjament tal-iżvilupp ta' linji gwida dwar is-sistemi ta' protezzjoni tat-tfal u l-iskambju tal-aħjar prattiki,

–       wara li kkunsidra d-dibattitu fis-sessjoni plenarja tiegħu tat-12 ta' Frar 2015 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal fuq l-internet,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal, inklużi l-immaġnijiet ta' abbuż tat-tfal, jikkostitwixxu ksur serju tad-drittijiet fundamentali, b'mod partikolari d-drittijiet tat-tfal għall-protezzjoni u l-kura meħtieġa għall-benesseri tagħhom, kif previst fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1989 dwar id-Drittijiet tat-Tfal u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

B.     billi reati kriminali serji bħall-isfruttament sesswali tat-tfal u l-immaġnijiet ta' abbuż tat-tfal jeħtieġu approċċ komprensiv li jkopri l-prosekuzzjoni tat-trasgressuri, il-protezzjoni ta' vittmi tfal u l-prevenzjoni tal-fenomenu;

C.     billi l-aħjar interessi tat-tfal jeħtieġ ikunu kunsiderazzjoni primarja meta tittieħed kwalunkwe miżura biex jiġu miġġielda dawn ir-reati, skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal;

D.     billi l-internet jista' jesponi lit-tfal għal riskji speċifiċi, permezz ta’ fenomeni bħall-immaġnijiet ta’ abbuż mit-tfal, l-iskambju ta’ materjal dwar vjolenza, iċ-ċiberkriminalità, l-intimidazzjoni, il-bullying, it-tħejjija għall-abbuż sesswali (grooming), u l-possibilità li t-tfal jaċċessaw jew jixtru oġġetti jew servizzi li huma legalment ristretti jew li mhumiex xierqa għalihom fl-età tagħhom; billi dan l-esponiment tat-tfal għal riskji ta’ dan it-tip ikompli jikber minħabba l-użu mifrux tat-teknoloġija mobbli u l-internet, u l-aċċess għalihom;

E.     billi l-protezzjoni tal-minorenni fid-dinja diġitali trid tiġi indirizzata fil-livell regolatorju u lokali bl-użu ta' miżuri iktar effettivi, inkluż permezz ta' awtoregolazzjoni bl-involviment tal-industrija biex din tassumi r-responsabbiltà kondiviża tagħha, kif ukoll fil-livell edukattiv u ta’ taħriġ permezz ta' taħriġ lit-tfal, lill-ġenituri u lill-għalliema sabiex ikun evitat li l-minorenni jkollhom aċċess għall-kontenut illegali;

F.     billi minħabba n-natura internazzjonali tagħha – l-isfruttament tat-tfal u l-isfruttament sesswali tat-tfal fuq l-internet huma mifruxa f'mijiet ta’ pajjiżi u jinvolvu mijiet ta’ ġurisdizzjonijiet legali u aġenziji tal-infurzar tal-liġi – din il-problema teħtieġ soluzzjoni internazzjonali;

G.     billi sa livell ogħla minn dak ta' forom oħra ta’ kriminalità, bosta oqsma ta’ sfruttament u abbuż sesswali tat-tfal ma jiġux rapportati lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi; billi, għalhekk, id-data disponibbli dwar l-għadd ta’ delitti mwettqa ma jirriflettux b’mod preċiż id-daqs tal-problema;

H.     billi għadd kbir ta' trasgressuri qegħdin jużaw id-Darknet, fejn huma stabbilixxew komunitajiet anonimi bl-użu ta' fora moħbija, servizzi ta' websajts, pjattaformi ta' netwerking soċjali u fornituri tal-ħżin iddedikati għall-materjal tal-abbuż tat-tfal, u b'hekk jippermettu u jiffaċilitaw sfruttament sesswali tat-tfal b'mod li prattikament ma jistax jiġi traċċat;

I.      billi ħafna persuni kriminali jużaw kriptaġġ, flus virtwali u miżuri difensivi oħra għas-sigurtà tal-attivitajiet tagħhom, u dan jirrappreżenta sfida serja lill-investigazzjonijiet tal-infurzar tal-liġi;

J.      billi d-Direttiva 2011/93/KE dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija kellha tiġi trasposta mill-Istati Membri sat-18 ta' Diċembru 2013, u billi s'issa inqas minn nofs l-Istati Membri implimentawha kompletament;

K.     billi l-aħħar rapport tal-Europol dwar iċ-ċiberkriminalità juri li l-parti l-kbira tal-materjal ta’ abbuż tat-tfal (CAM) għadha titqassam b’mod mhux kummerċjali permezz tal-internet miftuħ, bl-użu tat-teknoloġija peer-to-peer (P2P); billi l-live streaming ta’ abbuż għal ħlas hija xejra emerġenti li toħloq tħassib partikolari, u għaldaqstant titlob aktar attenzjoni min-naħa tal-korpi tal-infurzar tal-liġi, ġbir sistematiku tal-intelligence u kollaborazzjoni effettiva dwar miżuri ta’ prevenzjoni;

L.     billi l-Europol osservat li hemm xejra inkwetanti fil-gruppi tal-età kkonċernati - il-vittmi huma iżgħar minn dawk tas-snin preċedenti - u billi l-volum ta’ immaġnijiet li jiġu rapportati lill-Aġenzija u l-livell sofistikat tal-kriptaġġ tagħhom ifisser li l-Europol m’għandhiex biżżejjed għarfien espert tekniku jew riżorsi biex tindirizza l-firxa tal-problema; billi f’dan ir-rigward l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi qed jiġu ssuperati mill-kriminali;

M.    billi analiżi mill-Internet Watch Foundation turi li sempliċiment tmienja mid-distributuri fl-ogħla livell kienu responsabbli għal 513 ditta ta' distribuzzjoni kummerċjali ta' materjal ta' abbuż tat-tfal fl-2012, u li l-aktar għaxar ditti prolifiċi rreġistrati fl-2012 kienu kollha assoċjati ma' distributur wieħed tal-ogħla livell;

1.      Jenfasizza bil-qawwa li l-protezzjoni u l-iżgurar ta' ambjent sikur għat-tfal u l-iżvilupp tagħhom huwa wieħed mir-rwoli primarji tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha;

2.      Huwa tal-fehma li jeħtieġ li d-data personali tat-tfal fuq l-internet tkun imħarsa kif jixraq u li t-tfal ikunu informati b'mod faċli u adattat għalihom dwar ir-riskji tal-użu tad-data personali tagħhom fuq l-internet, u l-konsegwenzi ta' dan;

3.      Jenfasizza bl-aktar mod qawwi li d-drittijiet u l-protezzjoni tat-tfal fuq l-internet għandhom jiġu ssalvagwardjati, u li jeħtieġ jittieħdu passi biex jiġi żgurat li kwalunkwe kontenut illeċitu jitneħħa minnufih u jiġi rrappurtat lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, u li hemm biżżejjed strumenti legali għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tat-trasgressuri;

4.      Jenfasizza l-ħtieġa ta' approċċ komprensiv u kkoordinat madwar l-UE kollha sabiex tiġi żgurata l-konsistenza fit-tfassil tal-politika u l-azzjoni, li jinkludi fih il-ġlieda kontra l-kriminalità, iċ-ċibersigurtà, il-protezzjoni tal-konsumatur, id-drittijiet fundamentali u l-protezzjoni tad-data, u l-kummerċ elettroniku;

5.      Iqis li għandhom jittieħdu aktar passi biex tiġi miġġielda t-tħejjija għall-abbuż sesswali (grooming) fuq l-internet, u li l-Kummissjoni, flimkien mal-gvernijiet nazzjonali, is-soċjetà ċivili, il-kumpaniji tal-midja soċjali, il-ġenituri, l-għalliema, il-ħaddiema soċjali, l-uffiċjali tal-ħarsien tat-tfal, il-pedjatri u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u t-tfal jeħtiġilhom jiżvolġu rwol attiv biex iqajmu l-kuxjenza dwar din il-kwistjoni permezz ta' linji gwida definiti, anke permezz tal-iskambju tal-aħjar prattiki u t-twaqqif ta' pjattaformi soċjali għall-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni dwar din il-kwistjoni sabiex jiġu identifikati r-riskji u t-theddidiet potenzjali għat-tfal;

6.      Jenfasizza l-ħtieġa ta' kooperazzjoni internazzjonali mas-sħab strateġiċi tal-UE u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi madwar id-dinja għall-ġlieda kontra l-immaġnijiet ta' abbuż tat-tfal; jenfasizza l-ħtieġa li tittejjeb il-kooperazzjoni internazzjonali u l-investigazzjonijiet transnazzjonali f'dan il-qasam permezz ta' ftehimiet ta' kooperazzjoni u billi jiġi faċilitat l-iskambju ta' data internazzjonali dwar dawn id-delitti u dwar it-trasgressuri, anke permezz tal-Europol;

7.      Jilqa', f'dan ir-rigward, l-inizjattiva konġunta tal-UE u 55 pajjiż minn madwar id-dinja miġbura fl-Alleanza Dinjija kontra l-Abbuż Sesswali tat-Tfal Fuq l-Internet bil-għan li jsalvaw aktar vittmi, jiżguraw prosekuzzjoni aktar effettiva u jiksbu tnaqqis ġenerali fl-għadd ta' immaġnijiet ta' abbuż sesswali tat-tfal disponibbli fuq l-internet; jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta b'mod aktar regolari dwar il-progress li sar permezz ta' din l-Alleanza;

8.      Jemmen li huwa essenzjali li tintuża terminoloġija korretta għad-delitti kontra t-tfal, inkluża d-deskrizzjoni ta' immaġnijiet ta' abbuż sesswali tat-tfal, u biex jintuża t-terminu xieraq, jiġifieri "materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal" aktar milli "pornografija tat-tfal";

9.      Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jrawmu u jsaħħu r-riżorsi ddedikati għall-identifikazzjoni tal-vittmi u servizzi ffukati fuqhom, u jitlob li jiġu stabbiliti pjattaformi relatati bħala kwistjoni ta’ urġenza u biex dawk li diġà jeżistu fi ħdan l-Europol jiġu msaħħa;

10.    Iqis li l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, inkluża l-Europol, jeħtieġ jiksbu l-għarfien espert tekniku u l-ħila investigattiva biex jiżviluppaw kapaċitajiet ġodda tal-aqwa teknoloġija sabiex jiġu indirizzati l-isfidi tal-analiżi ta’ volumi enormi ta’ immaġnijiet ta’ abbuż tat-tfal jew materjal kriptat jew moħbi fuq id-"dark web" u biex it-trasgressuri jiġu rintraċċati u mressqa quddiem il-qrati, sabiex jitħarsu s-sikurezza u d-drittijiet tat-tfal;

11.    Iħeġġeġ b'qawwa lil dawk l-Istati Membri li għadhom m'għamlux dan biex jittrasponu d-Direttiva 2011/93/UE dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tissorvelja strettament l-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tagħha u biex tirrapporta lura fil-ħin lill-Parlament u lill-Kumitat responsabbli tiegħu dwar ir-riżultati miksuba;

12.    Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tagħhom bil-fondi, riżorsi umani, setgħat ta' investigazzjoni u kapaċitajiet tekniċi meħtieġa biex jindirizzaw serjament lit-trasgressuri u jressquhom quddiem il-qrati, inkluż taħriġ xieraq għall-bini tal-kapaċità fil-ġudikatura u fl-unitajiet tal-pulizija;

13.    Jinnota bi tħassib l-iżvilupp u l-espansjoni ta’ xejriet ta’ sfruttament sesswali kummerċjali tat-tfal fuq l-internet, fosthom mezzi ġodda ta’ distribuzzjoni u tranżazzjoni għal materjali ta’ abbuż tat-tfal, b’mod partikolari permezz tad-Deep Web u d-Darknet, u b’mod partikolari l-fenomenu ta’ live streaming ta’ abbuż għall-ħlas; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, għalhekk, biex ikomplu jimpenjaw ruħhom ma’ rappreżentanti ta’ sistemi ta’ pagament alternattivi biex jiġu identifikati opportunitajiet għal kooperazzjoni aħjar mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, inkluż taħriġ komuni għall-identifikazzjoni aħjar tal-proċessi ta’ pagament marbuta mad-distribuzzjoni kummerċjali ta’ materjal ta’ abbuż mit-tfal;

14.    Jistieden lill-UE, lill-Istati Membri u lill-Alleanza Dinjija jaħdmu aktar mill-qrib mal-industrija tal-internet u l-kumpaniji tal-midja soċjali bħall-Google u l-Yahoo u s-siti ta’ netwerking soċjali bħall-Facebook biex jgħinu f’din il-ħidma;

15.    Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-parlamenti tal-Istati Membri.