Proċedura : 2015/2573(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0221/2015

Testi mressqa :

B8-0221/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 12/03/2015 - 8.7
CRE 12/03/2015 - 8.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0077

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 139kWORD 73k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0215/2015
4.3.2015
PE550.022v01-00
 
B8-0221/2015

imressqa wara d-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni /ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà

imressqa skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta’ Proċedura


dwar il-Memorandum ta’ Qbil bejn l-UE u l-Lega tal-Istati Għarab għal kooperazzjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu (2015/2573(RSP))


Geoffrey Van Orden, Beatrix von Storch, Charles Tannock, Daniel Hannan, Marcus Pretzell, Hans-Olaf Henkel f’isem il-Grupp ECR

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Memorandum ta’ Qbil bejn l-UE u l-Lega tal-Istati Għarab għal kooperazzjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu (2015/2573(RSP))  
B8-0221/2015

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni adottata mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti fl-24 ta’ Settembru 2014 dwar theddid għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali kkawżat minn atti terroristiċi (riżoluzzjoni 2178 (2014)),

–       wara li kkunsidra l-Istqarrija Konġunta ta’ Riga li segwiet il-laqgħa informali tal-Ministri tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni f’Riga tad-29 u t-30 ta’ Jannar 2015,

–       wara li kkunsidra l-Komunikat ta’ Malta adottat fl-Ewwel Laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin bejn l-Unjoni Ewropea u l-Lega tal-Istati Għarab (Malta, 11 ta’ Frar 2008),

–       wara li kkunsidra l-attivitajiet tal-uffiċċju ta’ kollegament bejn l-UE u l-Lega tal-Istati Għarab f’Malta, immirati lejn is-simplifikazzjoni tad-djalogu bejn il-Kummissjoni u l-Lega Għarbija,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Kajr adottata fit-Tieni Laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin bejn l-Unjoni Ewropea u l-Lega tal-Istati Għarab (il-Kajr, 13 ta’ Novembru 2012),

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta’ Ateni adottata fit-Tielet Laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin bejn l-Unjoni Ewropea u l-Lega tal-Istati Għarab (Ateni, mill-10 sal-11 ta’ Ġunju 2014),

–       wara li kkunsidra l-Memorandum ta’ Qbil (MtQ) konkluż bejn is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u s-Segretarjat Ġenerali tal-Lega tal-Istati Għarab (Brussell, 19 ta’ Jannar 2015),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Frar 2015 dwar miżuri kontra t-terroriżmu,(1),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Jannar 2015 dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu,(2),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Diċembru 2014 dwar it-tiġdid tal-Istrateġija ta’ Sigurtà Interna tal-UE,(3),

–       wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta’ April 2014 dwar l-eżami ta’ nofs il-perjodu tal-Programm ta’ Stokkolma,(4),

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.     billi l-attakki terroristiċi reċenti fi Franza, il-miżuri kontra t-terroriżmu li ttieħdu fil-Belġju u fil-Ġermanja, u t-theddida li qiegħda tikber minħabba l-fenomenu tal-ġellieda terroristiċi barranin madwar id-dinja kollha tibgħat messaġġ ċar u b’saħħtu li l-isforzi kontra t-terroriżmu jeħtieġu jkunu rinfurzati kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll tal-UE;

B.     billi l-Lega tal-Istati Għarab, grupp ta’ 22 stat Għarbi li ġie stabbilit fl-1945, għandha l-potenzjal li jkollha rwol kostruttiv fl-appoġġ għal tranżizzjoni fin-nofsinhar tal-Mediterran;

C.     billi l-UE u l-Istati Membri tagħha jixtiequ jintensifikaw ir-relazzjonijiet mal-Lega Għarbija billi jistabbilixxu struttura li tiffunzjona u djalogu politiku regolari sabiex jikkumbattu l-isfidi komuni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u t-titjib ta’ sħubija tas-sigurtà;

D.     billi l-fenomenu tal-ġellieda mill-Ewropa li jivvjaġġaw lejn postijiet differenti biex jiġġieldu fil-ġiħad, u t-theddida għas-sigurtà li dawn jistgħu ikunu fl-UE meta jerġgħu lura, x’aktarx li jkomplu fis-snin li ġejjin;

E.     billi r-responsabbiltà primarja fil-ġlieda kontra t-terroriżmu tinsab f’idejn l-Istati Membri, u l-UE tista’ u għandha jkollha rwol ta’ appoġġ li jgħin fir-rispons għan-natura transkonfinali tat-theddida;

F.     billi l-UE hija devota għall-iżvilupp ta’ kooperazzjoni ma’ msieħba reġjonali dwar ir-rispons għal kriżijiet u l-avviż bikri bħala parti mill-azzjoni esterna tal-UE;

G.     billi d-dinja Għarbija kienet il-qofol ta’ serje ta’ laqgħat u avvenimenti koorganizzati mill-Parlament Ewropew u mil-Lega tal-Istati Għarab bħala parti mis-Sena tad-Djalogu Interkulturali 2008;

H.     billi l-Parlament Ewropew avvanza l-kooperazzjoni interparlamentari mal-Parlament Għarbi permanenti kompost minn rappreżentanti ta’ parlamenti nazzjonali;

I.      billi l-Memorandum ta’ Qbil huwa intenzjonat li jappoġġja u jsaħħaħ relazzjonijiet bejn l-Istati Membri tal-UE u l-Membri tal-Lega tal-Istati Għarab sabiex isaħħu d-djalogu tagħhom b’tali mod li jirnexxielhom jiksbu miri u objettivi komuni f’oqsma fejn għandhom interessi reċiproċi;

J.      billi d-djalogu u l-kooperazzjoni taħt dan il-Memorandum ta’ Qbil huwa intenzjonat li jippromwovi l-iskambju tal-informazzjoni, ikattar il-ftehim reċiproku, konsultazzjonijiet u l-istabbiliment ta’ punti ta’ kuntatt, u biex jappoġġja u jsaħħaħ ir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ imsieħba;

1.      Jesprimi d-dispjaċir profond tiegħu dwar il-livell mingħajr preċedent ta’ tbatija umana u telf tal-ħajja minħabba attakki terroristiċi u jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-familji tal-vittmi innoċenti kollha; jikkundanna bil-qawwa l-attakki terroristiċi kollha, b’mod partikolari immirati lejn il-komunitajiet Lhud, imwettqa minn ċittadini tal-Istati Membri tal-UE li rritornaw minn żoni ta’ kunflitt fid-dinja Għarbija;

2.      Jafferma mill-ġdid il-ħtieġa li jinżamm bilanċ bejn il-ħelsien u s-sigurtà bħala risposta għat-theddid terroristiku u li jkunu kkunsidrati l-miżuri kollha li għandhom jittieħdu mill-perspettiva tal-kompatibbiltà ta’ dawn il-miżuri mal-istat tad-dritt u r-rekwiżiti tad-drittijiet fundamentali;

3.      Jilqa’ l-Memorandum ta’ Qbil iffirmat fid-19 ta’ Jannar 2015 bejn l-UE u l-Lega tal-Istati Għarab għall-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu;

4.      Jinkoraġġixxi bil-qawwa lill-Istati Membri tal-UE u lill-Membri tal-Lega tal-Istati Għarab sabiex isaħħu d-djalogu u l-kooperazzjoni tagħhom bil-għan li jippromwovu d-Djalogu Strateġiku bejn l-UE u l-Lega tal-Istati Għarab billi:

a)      jżidu l-għarfien tagħhom dwar kwistjonijiet politiċi u ta’ sigurtà permezz ta’ skambji permanenti u ad hoc differenti;

b)     jaħdmu flimkien fil-qasam ta’ kompetenza tagħhom b’ħarsa lejn il-fatturar tal-progress u s-suġġetti tad-Djalogu Strateġiku f’laqgħat oħrajn bħalma huma l-laqgħat tal-Ministri bejn l-UE u l-Lega tal-Istati Għarab u laqgħat oħrajn ibbażati fuq il-kostitwenza;

c)      isaħħu l-kooperazzjoni u jiddiskutu kwistjonijiet politiċi u ta’ sigurtà fl-oqsma tat-twissija bikrija u r-rispons għal kriżijiet, jikkumbattu t-terroriżmu, l-kriminalità organizzata transnazzjonali u l-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-armi ta’ distruzzjoni massiva (ADM);

d)     jidentifikaw l-isfidi, l-għanijiet reċiproċi u l-azzjonijiet potenzjali f’oqsma ta’ interess komuni;

5.      Jirrikonoxxi l-Lega tal-Istati Għarab bħala organizzazzjoni reġjonali importanti fil-Lvant Nofsani usa’ u jistieden l-SEAE u l-Istati Membri sabiex jgħollu l-livell ta’ kooperazzjoni tagħhom, kemm bilateralment u multilateralment ma’ pajjiżi Għarab u pajjiżi Mediterranji, primarjament il-Lega tal-Istati Għarab;

6.      Jenfasizza l-importanza tal-koerenza bejn l-aspetti interni u esterni tas-sigurtà; jemmen li għandhom jissaħħu s-sinerġiji bejn l-għodod tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK) u l-Ġustizzja u Affarijiet Interni (ĠAI), inklużi l-iskambju ta’ informazzjoni u l-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja ma’ pajjiżi terzi, speċjalment permezz tal-użu ta’ ftehimiet ta’ assistenza legali reċiproka, f’konformità sħiħa mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 2, 3, 6 u 21 TUE; jenfasizza f’dan il-kuntest li l-atturi rilevanti kollha, inkluż il-Koordinatur tal-UE għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu, għandhom jaħdmu flimkien mill-qrib, filwaqt li jintegraw l-aspetti interni u esterni;

7.      Jistieden lill-UE sabiex tipprevjeni l-immigrazzjoni mhux ikkontrollata fl-Istati Membri billi timmonitorja l-fruntieri esterni tal-UE;

8.      Jinkoraġġixxi bil-qawwa lill-Istati Membri sabiex jippromwovu kuntatti regolari fost l-uffiċjali tal-intelligence sabiex itejbu l-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet tas-sigurtà u kontra t-terroriżmu, u skambju aħjar ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u l-aġenziji tal-UE, filwaqt li jiffokaw fuq ġellieda barranin Iżlamiċi li jirritornaw lura lejn darhom u joħolqu sfida mingħajr preċedent għas-sigurtà;

9.      Jistieden lill-UE, lil-Lega ta’ Stati Għarab u speċifikament lill-Istati Membri tagħha sabiex jirrispondu għall-isfida ideoloġika tat-terroriżmu u l-isfida maħluqa minn dawk li jippromwovuha, jipprevjenu ċittadini milli jispiċċaw fit-terroriżmu u jiżguraw li huma mogħtijin pariri u appoġġ xieraq; u sabiex jaħdmu mas-setturi u istituzzjonijiet rilevanti kollha fejn hemm riskji ta’ radikalizzazzjoni li jeħtieġu jkunu indirizzati;

10.    Itenni l-pożizzjoni tiegħu li fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, huwa kruċjali li ma jkunux indirizzati biss il-konsegwenzi iżda wkoll il-fatturi sottostanti tar-radikalizzazzjoni u jenfasizza l-ħtieġa għal approċċ transsettorjali komprensiv li jiggarantixxi l-involviment tal-politiki kollha kkonċernati, inkluż l-importanza tal-promozzjoni ta’ kultura ta’ inklużjoni u tolleranza permezz ta’, pereżempju, politiki edukattivi, soċjali u reġjonali;

11.    Itenni l-pożizzjoni tiegħu li d-drittijiet tal-minoranzi reliġjużi huma marbuta b’mod indissoċjabbli mar-rispett għal drittijiet u libertajiet tal-bniedem fundamentali oħrajn, bħad-dritt għal-libertà, sigurtà, ugwaljanza u l-libertà tal-espressjoni, u jistieden lil-Lega tal-Istati Għarab, lis-SEAE u l-Istati Membri tagħha sabiex jipproteġu minoritajiet reliġjużi fid-dinja Għarbija u jimplementaw b’mod sħiħ il-Linji Gwida tal-UE dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà ta’ reliġjon jew ta’ twemmin;

12.    Itenni l-pożizzjoni tiegħu li miżuri kontra t-terroriżmu għandhom jittrattaw il-forom kollha ta’ terroriżmu u mhux biss l-Al Qa’ida u individwi li jaqsmu l-istess ideoloġija Iżlamika vjolenti li hija assoċjata magħha, iżda li l-allokazzjoni tar-riżorsi tkun proporzjonata għat-theddid li l-Istati Membri jaffaċċjaw;

13.    Itenni l-pożizzjoni tiegħu li l-Għarabja Sawdita għandha rwol ċentrali fl-iffinanzjar, id-disseminazzjoni u l-promozzjoni ta’ interpretazzjoni partikolarment estrema tal-Iżlam madwar id-dinja, li, fil-viżjoni l-iktar settarja tagħha, ispirat organizzazzjonijiet terroristiċi bħall-hekk imsejjaħ Stat Iżlamiku u al Qaeda;

14.    Itenni s-sejħa tiegħu għal valutazzjoni komuni tal-fenomenu ta’ Ewropej żgħażagħ li jmorru s-Sirja għall-ġiħad u l-ħtieġa li tinkiseb stampa aħjar tal-gruppi differenti li qegħdin jiġġieldu fis-Sirja, u għal miżuri li jipprevjenu żgħażagħ milli jmorru s-Sirja jew li tkun offruta assistenza mar-ritorn tagħhom, u għad-detezzjoni ta’ ċaqliq tal-ivvjaġġar u r-rispons mill-ġustizzja kriminali, kif ukoll il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi;

15.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lil-Lega tal-Istati Għarab u l-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)

Testi adottati, P8_TA(2015)0032.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2015)0012.

(3)

Testi adottati, P8_TA(2014)0102.

(4)

Testi adottati, P7_TA(2014)0276.

Avviż legali - Politika tal-privatezza