Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0222/2015Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0222/2015

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Lega tal-Istati Għarab għall-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu

4.3.2015 - (2015/2573(RSP))

imressqa wara d-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Knut Fleckenstein, Tanja Fajon, Victor Boștinaru, Richard Howitt, Birgit Sippel, Claude Moraes, Liisa Jaakonsaari, Jeppe Kofod, Marlene Mizzi, Alessia Maria Mosca, Kashetu Kyenge, Victor Negrescu, Viorica Dăncilă f’isem il-Grupp S&D

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0215/2015

Proċedura : 2015/2573(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0222/2015
Testi mressqa :
B8-0222/2015
Dibattiti :
Testi adottati :

B8-0222/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Lega tal-Istati Għarab għall-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu

(2015/2573(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Istati Għarab,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (AĠNU) dwar l-Istrateġija Globali tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra t-Terroriżmu (Riżoluzzjonijiet 60/288 tal-20 ta’ Settembru 2006, A/RES/62/272 tal-5 ta’ Settembru 2008, u 64/297 tat-8 ta’ Settembru 2010);

–       wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali tan-NU dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi adottat fl-1966,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu, b’mod partikolari dawk ta’ Frar 2015,

–       wara li kkunsidra l-Laqgħat tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea u l-Lega tal-Istati Għarab, b’mod partikolari dik li saret f’Ateni f’Ġunju 2014,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (VP/RGħ) dwar il-ġlieda kontra l-estremiżu u t-terroriżmu,

–       wara li kkunsidra l-Memorandum ta’ Qbil bejn is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u s-Segretarjat Ġenerali tal-Lega tal-Istati Għarab (LAS) iffirmat fid-19 ta’ Jannar 2015 fi Brussell, u d-dikjarazzjonijiet mill-VP/RGħ wara l-laqgħa tagħha mas-Segretarjat Ġenerali tal-LAS, Dr Nabil El Araby,

–       wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE dwar is-Sirja u l-Iraq u Kontra t-Terroriżmu u l-Ġellieda Barranin adottata fl-20 ta’ Ottubru 2014, b’referenza partikolari għall-ġellieda terroristiċi barranin u l-Komunikazzjoni tal-UE dwar il-Magreb,

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta dwar l-istrateġija reġjonali tal-UE għas-Sirja u l-Iraq kif ukoll it-theddida tad-Da’esh (l-Istat Iżlamiku),

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-membri tal-Kunsill Ewropew, b’mod partikolari wara l-laqgħa informali tal-Kapijiet tal-Istat u l-Gvern tat-12 ta’ Frar 2015,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, b’mod partikolari r-Riżoluzzjonijiet 2170 u 2178 (2014),

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tas-Summit tan-NATO tal-5 ta’ Settembru 2014,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.     billi t-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti huma theddidiet kbar għas-sikurezza u l-libertajiet fuq livell globali;

B.     billi t-terroriżmu mhux biss għandu fil-mira s-sigurtà tal-persuni, iżda wkoll il-libertà tal-espressjoni u d-diversità tas-soċjetajiet;

C.     billi t-terroriżmu huwa theddida globali li jeħtieġ li tiġi indirizzata bi sforz koordinat mill-gvernijiet nazzjonali u l-organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali; jenfasizza li alleanza globali biss tista’ tindirizza din it-theddida b’mod effettiv, f’konformità sħiħa mad-dritt internazzjonali, il-valuri fundamentali u l-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;

D.     billi f’dawn l-aħħar snin, kien hemm bdil drammatiku fis-sitwazzjoni tas-sigurtà fl-Ewropa minħabba kunflitti ġodda u taqlib fil-viċinat immedjat tal-UE, l-iżvilupp rapidu ta’ teknoloġiji ġodda, u l-qawmien preokkupanti tar-radikaliżmu li qed iwassal għal vjolenza u terroriżmu fi ħdan l-UE, fil-pajjiżi ġirien u fuq livell globali;

E.     billi l-politiki esterni tal-UE għandhom jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra t-theddida terroristika, li qed tikber f’ċerti partijiet tal-viċinat tagħha, b’mod partikolari fis-Sirja u l-Libja; billi l-istrateġiji ta’ prevenzjoni biex jiġi miġġieled it-terroriżmu għandhom ikunu bbażati fuq approċċ plurali mmirat direttament kontra t-tħejjija ta’ attakki fuq it-territorju tal-Unjoni, iżda wkoll li jintegra l-ħtieġa li jiġu indirizzati l-kawżi tat-terroriżmu;

F.     billi ġie ffirmat Memorandum ta’ Qbil bejn is-SEAE u s-Segretarjat Ġenerali tal-LAS fid-19 ta’ Jannar 2015, li għandu l-għan, fost oħrajn, li jsaħħaħ il-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet politiċi u ta’ sikurezza fl-oqsma ta’ twissija bikrija u reazzjoni għall-kriżijiet, li jiġġieled kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata transnazzjonali, u jiġġieled kontra l-proliferazzjoni tal-armi ta’ qerda tal-massa;

G.     billi l-UE qed tħabbat wiċċha ma’ theddida terroristika kontinwa u li qed tevolvi, li fl-aħħar għaxar snin laqtet serjament bosta Stati Membri, b’attakki kontra ċ-ċittadini tagħha kif ukoll kontra l-valuri u l-libertajiet li fuqhom hija bbażata l-Unjoni;

H.     billi t-tixrid tal-propaganda terrorista qed tkun iffaċilitata mill-użu tal-internet u tal-midja soċjali; billi ċ-ċiberterroriżmu jippermetti lill-gruppi terroristiċi jistabbilixxu u jżommu kuntatt mingħajr l-ostakolu fiżiku tal-fruntieri, u b’hekk inaqqas il-bżonn ta’ bażijiet jew santwarji fil-pajjiżi;

I.      billi l-UE qed tħabbat wiċċha mat-theddida serja u li qed tikber li jirrappreżentaw l-hekk imsejħa "ġellieda barranin tal-UE", partikolarment individwi li jivvjaġġaw lejn stat li mhuwiex l-istat ta’ residenza jew nazzjonalità tagħhom bl-iskop li jwettqu jew jippjanaw atti terroristiċi, jew biex jagħtu jew jirċievu taħriġ terroristiku, fosthom b’rabta ma’ konflitti armati; billi hu stmat li bejn 3 500 sa 5 000 ċittadin tal-UE ħallew darhom biex isiru ġellieda barranin wara t-tfaqqigħ tal-gwerra u tal-vjolenza fis-Sirja, l-Iraq u l-Libja, u b'hekk qed joħolqu sfida enormi għas-sigurtà taċ-ċittadini tal-UE;

1.      Jilqa’ l-isforzi konġunti kostanti tal-UE u tal-Istati Għarab sabiex jaħdmu flimkien biex jindirizzaw aspetti ta’ interess komuni, filwaqt li f’dan il-kuntest isemmi l-Laqgħat regolari għall-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea u l-Lega tal-Istati Għarab u l-Memorandum ta’ Qbil bejn is-SEAE u s-Segretarjat Ġenerali tal-Lega tal-Istati Għarab;

2.      Jilqa’ l-istabbiliment ta’ Djaloġu Strateġiku EU-LAS, inklużi skambji dwar kwistjonijiet politiċi u ta’ sigurtà, l-iskambju ta’ laqgħat regolari tal-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà tal-UE u r-Rappreżentanti Permanenti Għarab, u jfaħħar il-progress li sar fil-qasam tat-twissija bikrija u r-reazzjoni għall-kriżijiet, b’mod partikolari l-implimentazzjoni sħiħa tal-Proġett ta’ Twissija Bikrija u Reazzjoni għall-Kriżijiet;

3.      Jilqa’ n-numru li qed jiżdied ta’ inizjattivi fl-Ewropa li jgħaqqdu flimkien komunitajiet u gruppi reliġjużi differenti kontra l-estremiżmu u favur il-valuri fundamentali, il-libertà u s-sigurtà taċ-ċittadini kollha, u jilqa’ l-Memorandum bejn l-UE u l-Lega Għarbija, li jwassal dan id-djalogu u l-kooperazzjoni fuq livell multilaterali;

4.      Jinnota li l-estremiżmu ġiħadist huwa wieħed mill-kawżi prinċipali tat-theddida terroristika attwali fl-UE u fl-Istati Għarab; jappoġġa l-fehma li politika ta’ deradikalizzazzjoni u li tiġġieled kontra t-terroriżmu ma tistax tkun effettiva mingħajr rwol attiv min-naħa tal-komunitajiet Musulmani fl-Ewropa u d-djalogu u l-koordinazzjoni mill-qrib mal-pajjiżi Musulmani barra l-Ewropa;

5.      Jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni fi kwistjonijiet ta’ assistenza umanitarja permezz tal-iskambju ta’ informazzjoni dwar sitwazzjonijiet ta’ kriżi; jiġbed l-attenzjoni lejn l-importanza li jiġu kondiviżi, kif xieraq, il-valutazzjonijiet u prattiki tajbin, kif ukoll tal-kooperazzjoni fl-identifikazzjoni ta’ passi prattiċi li jgħinu fl-indirizzar tat-theddid, inklużi azzjoni iktar effikaċi għall-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni, ir-reklutaġġ u l-ivvjaġġar tat-terroristi u l-ġellieda barranin, kif ukoll il-ġestjoni tal-kwistjoni tal-ġellieda li qed jirritornaw fil-post ta’ tluq tagħhom;

6.      Jitlob kooperazzjoni fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata transnazzjonali, inkluż it-traffikar tal-bniedem u tad-drogi, u fit-titjib tas-sigurtà fil-fruntieri; jitlob il-konformità mar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 2133 dwar il-ħlas ta’ fidwa lil gruppi terroristiċi;

7.      Jerġa’ jsostni l-importanza tal-kooperazzjoni bejn l-UE u l-LAS fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, billi jenfasizza s-sinifikat tat-tkomplija tal-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u taż-żamma tad-drittijiet kollha tal-bniedem għal kulħadd, inklużi d-dritt għal żvilupp ekonomiku u soċjali, il-libertà tal-espressjoni u l-libertà tar-reliġjon jew it-twemmin, filwaqt li jiġu promossi wkoll il-valuri tat-tolleranza u l-koeżistenza bejn reliġjonijiet differenti u jiġu rrifjutati l-esklużjoni, l-estremiżmu, l-inċitament u d-disseminazzjoni tal-mibegħda u l-vjolenza;

8.      Jikkundanna bil-qawwa l-attakki reċenti mwettqa minn gruppi u individwi terroristiċi fl-Ewropa, fil-Lvant Nofsani, fl-Afrika u fl-Asja; jenfasizza li t-terroriżmu joħloq theddida diretta għall-pajjiżi kollha u għall-persuni kollha irrispettivament mill-ambjent etniku, ir-reliġjon jew it-twemmin tagħhom;

9.      Jappoġġa l-bżonn li tiġi integrata l-ġlieda kontra t-terroriżmu fid-djalogu politiku tal-UE mal-pajjiżi terzi, partikolarment fid-Dinja Għarbija u fl-Afrika, u li jiġu promossi l-kooperazzjoni internazzjonali u l-implimentazzjoni tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU rilevanti;

10.    Ifakkar li l-komunità internazzjonali impjenat ruħha sabiex tadotta miżuri li jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem għal kulħadd u l-istat tad-dritt bħala l-bażi fundamentali tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, permezz tal-adozzjoni tal-Istrateġija Globali tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra t-Terroriżmu fir-riżoluzzjoni tagħha 60/288, li fiha l-Istati Membri ħadu l-impenn li jieħdu miżuri bl-għan li jindirizzaw il-kundizzjonijiet li jwasslu għat-tixrid tat-terroriżmu, inkluż in-nuqqas tal-istat tad-dritt u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, u li jiżguraw li kwalunkwe miżura li tittieħed kontra t-terroriżmu tkun konformi mal-obbligi tagħhom taħt id-dritt internazzjonali, partikolarment id-dritt dwar id-drittijiet tal-bniedem, id-dritt dwar ir-rifuġjati u d-dritt umanitarju internazzjonali;

11.    Jappoġġa l-ħtieġa li l-isforzi tal-UE jiġġieldu kontra t-terroriżmu kif ukoll li jidentifikaw sew u jiffukaw ukoll fuq l-għeruq soċjoekonomiċi u kulturali profondi ta’ dan il-fenomenu; jippromwovi bil-qawwa l-eżaminazzjoni tan-natura tas-sistema politika fil-pajjiżi li jikkoopera magħhom sabiex jiġi salvagwardjat ir-rispett tal-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u d-demokrazija;

12.    Jitlob lill-UE tiżviluppa, flimkien mal-Lega tal-Istati Għarab, mekkaniżmu ddedikat bl-għan li jrażżan il-fenomenu tat-traffikar tal-armi, b’mod partikolari billi jkollu fil-mira l-pajjiżi fejn joriġina t-terroriżmu jew fejn jiġu mħarrġa t-terroristi; jitlob lill-UE tissorvelja mill-qrib l-implimentazzjoni tal-esportazzjonijiet tal-armi, b’mod partikolari tat-teknoloġija b’użu doppju li tista’ tiġi strumentalizzata mit-terroristi;

13.    Jitlob djalogi mmirati u mtejba dwar is-sigurtà u dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu mal-Alġerija, l-Eġittu, l-Iraq, l-Iżrael, il-Ġordan, il-Marokk, il-Libanu, l-Arabja Sawdija, it-Tuneżija u l-Kunsill ta’ Kooperazzjoni tal-Golf; jitlob li jissaħħaħ id-djalogu politiku mal-Lega tal-Istati Għarab, l-Organizzazzjoni tal-Kooperazzjoni Iżlamika, l-Unjoni Afrikana u strutturi reġjonali oħra rilevanti ta’ koordinazzjoni, bħall-G5 tas-Saħel;

14.    Jitlob il-kooperazzjoni kontra t-terroriżmu sabiex tindirizza espliċitament it-theddida tal-ISIS, li żviluppat f’faċilitatur prinċipali tat-terroriżmu ġewwa u barra t-territorji taħt il-kontroll tagħha; jenfasizza li l-ġlieda kontra t-terroriżmu tfisser il-ġlieda kontra l-ISIS kull fejn hu attiv;

15.    Jappoġġa inizjattivi internazzjonali għall-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni u t-terroriżmu bħall-ewwel Ċentru Internazzjonali ta’ Eċċellenza għall-Ġlieda kontra l-Estremiżmu Vjolenti (“Hedayah”) f’Abu Dhabi u l-Fond tal-Komunità Globali għall-Impenn u r-Reżiljenza (GCERF) f’Ġinevra; jinnota li n-Netwerk tal-UE ta’ Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni (RAN) joffri għarfien espert biex ikun hemm involviment ma’ komunitajiet lokali kif ukoll ma’ pajjiżi terzi;

16.    Jitlob lill-Kummissjoni u lis-SEAE, f’kooperazzjoni mas-sħab internazzjonali, sabiex jaġixxu biex itaffu t-theddid terroristiku u t-theddid għall-istabbiltà fuq il-bażi ta’ approċċ komprensiv li jgħaqqad għodod diplomatiċi, soċjoekonomiċi, tal-iżvilupp, tal-prevenzjoni tal-konflitti, il-konsolidazzjoni tal-paċi u l-ġestjoni tal-kriżijiet;

17.    Jitlob it-tisħiħ tal-kooperazzjoni ma’ sħab u pajjiżi ewlenin fil-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu; jitlob lill-UE sabiex timpenja ruħha mal-pajjiżi terzi fi djalogu dwar il-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, b’mod partikolari dak tad-Da’esh, u tikkoopera mill-qrib mas-sħab, inkluż fil-koalizzjoni kontra l-ISIL, fir-rigward ta' dan l-aspett ewlieni;

18.    Jafferma l-bżonn li jiġu indirizzati l-fatturi sottostanti tar-radikalizzazzjoni billi jiġu appoġġati inizjattivi fid-dinja Għarbija fir-rigward taż-żgħażagħ, l-edukazzjoni, it-taħriġ vokazzjonali, l-opportunitajiet tax-xogħol, is-soċjetà ċivili, ir-riforma tas-settur tas-sigurtà u r-rwol tan-nisa;

19.    Jenfasizza l-importanza tat-titjib tal-komunikazzjoni strateġika, l-iżvilupp ta’ strateġija ta’ sensibilizzazzjoni għad-dinja Għarbija, inkluż l-iżvilupp ta’ kontrodiskorsi għall-propaganda terrorista, il-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali, u b’kont meħud tal-użu ħażin dejjem aktar frekwenti tal-internet fir-radikalizzazzjoni, l-involviment permezz tal-mezzi tal-informazzjoni soċjali u t-tisħiħ tal-komunikazzjoni bl-Għarbi;

20.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, lis-SEAE, il-parlamenti tal-Istati Membri, il-Lega tal-Istati Għarab, l-Organizzazzjoni tal-Kooperazzjoni Iżlamika u l-Unjoni Afrikana.