MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-Memorandum ta’ Qbil bejn l-UE u l-Lega tal-Istati Għarab għal kooperazzjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu
4.3.2015 - (2015/2573(RSP))
imressqa skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta’ Proċedura
Fabio Massimo Castaldo, Laura Ferrara, Rolandas Paksas f’isem il-Grupp EFDD
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0215/2015
B8‑0223/2015
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar Memorandum ta’ Qbil bejn l-UE u l-Lega tal-Istati Għarab biex jikkooperaw kontra t-terroriżmu
(2015/2573(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3 u 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin kontra t-terroriżmu, b’mod partikolari dawk tad-9 ta’ Frar 2015,
– wara li kkunsidra l-Laqgħat Ministerjali tal-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea u tal-Lega tal-Istati Għarab, b’mod partikolari dik ta’ Ateni f’Ġunju 2014,
– wara li kkunsidra l-Memorandum ta’ Qbil bejn is-Servizz Ewropew ta’ Azzjoni Esterna u s-Segretarjat Ġenerali tal-Lega tal-Istati Għarab li ġie ffirmat fid-19 ta’ Jannar 2015,
– wara li kkunsidra r-rimarki tar-Rappreżentant Għoli/Viċi President fil-konferenza stampa wara l-Kunsill Affarijiet Barranin tad-19 ta’ Jannar 2015,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 2178 (2014) tal-24 ta’ Settembru 2014 dwar it-theddidiet għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali kkawżati minn atti terroristiċi,
– wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE kontra t-Terroriżmu, tal-2005,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Diċembru 2011 dwar il-Politika tal-UE kontra t-Terroriżmu: il-kisbiet ewlenin u l-isfidi tal-futur[1],
– wara li kkunsidra l-Istrateġija riveduta tal-UE kontra r-Radikalizzazzjoni u r-Reklutaġġ għat-Terroriżmu,
– wara li kkunsidra l-Istrateġija għas-Sigurtà Interna tal-UE,
– wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE, tas-Sirja u tal-Iraq ta’ Kontra t-Terroriżmu/Ġellieda Barranin (adottata fl-20 ta’ Ottubru 2014) b’enfasi partikolari fuq il-ġellieda terroristiċi barranin u l-Komunikazzjoni tal-Magreb tal-UE,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar ʻIl-Prevenzjoni tar-Radikalizzazzjoni għat-Terroriżmu u l-Estremiżmu Vjolenti: It-Tisħiħ tar-Reazzjoni tal-UE’,
– wara li kkunsidra l-kunsill ĠAI informali li ltaqa' f’Riga fid-29 u t-30 ta' Jannar 2015,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Frar 2015 dwar miżuri kontra t-terroriżmu, billi t-terroriżmu jhedded serjament il-paċi, is-sigurtà u d-demokrazija internazzjonali bil-għan li jimmina soċjetajiet ċivili pluralistiċi,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi t-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti huma theddidiet serji għas-sigurtà u l-libertajiet fuq livell globali u billi r-rispett għad-drittijiet fundamentali huwa element essenzjali tal-politiki kontra t-terroriżmu li jirnexxu;
B. billi kien hemm deterjorament tat-theddida tat-terrur fuq il-livell globali; billi kemm l-Ewropa, id-dinja Għarbija u l-istati membri tal-Lega Għarbija ġew fil-mira tal-attakki terroristiċi;
C. billi l-Ewropa u d-dinja Għarbija qed iħabbtu wiċċhom ma' sfidi komuni, inkluża s-sitwazzjoni kurrenti fid-dinja Għarbija, speċjalment rigward il-Libja, l-Iraq, is-Sirja, il-Jemen, il-Proċess tal-Paċi fil-Lvant Nofsani u notevolment it-theddida terroristika mid-Da'esh;
D. billi l-UE qed tiffaċċja t-theddida serja u li qed tikber maħluqa mill-hekk imsejħa ʻġellieda barranin tal-UE’, jiġifieri l-individwi li jivvjaġġaw lejn stat li mhux l-istat ta' residenza jew ta' nazzjonalità bl-iskop li jwettqu jew jippjanaw atti terroristiċi, jew li jipprovdu jew jirċievu taħriġ terroristiku, fosthom f’konnessjoni ma' kunflitti armati; billi bejn 3500 u 5000 ċittadin tal-UE ħallew djarhom biex isiru ġellieda barranin meta faqqgħu l-gwerer u l-vjolenza fis-Sirja, l-Iraq u l-Libja, u jippreżentaw sfida enormi għas-sigurtà taċ-ċittadini tal-UE; billi l-atti terroristiċi riċenti f’Pariġi u Kopenħagen twettqu minn ċittadini tal-UE;
E. billi l-UE u l-Lega Għarbija għandhom interess komuni f’soluzzjonijiet fit-tul biex ikunu żgurati l-paċi u l-istabbiltà reġjonali;
F. billi hemm il-bżonn li tiġi żgurata kooperazzjoni aktar mill-qrib u djalogu aktar b’saħħtu dwar kwistjonijiet politiċi u tas-sigurtà, il-kooperazzjoni kontra t-terroriżmu, il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-ġestjoni tal-kriżijiet kif ukoll djalogu kulturali aktar sod bejn l-UE u l-Lega Għarbija;
G. billi fid-19 ta’ Jannar 2015 ir-Rappreżentat Għoli u Viċi President tal-UE ltaqgħet mas-Segretarju Ġenerali tal-Lega Għarbija u ffirmaw Memorandum ta’ Qbil li jkompli jsaħħaħ il-kooperazzjoni bejn is-SEAE u l-Lega Għarbija;
H. billi mhux biss l-Ewropa, imma anke d-dinja Għarbija u Musulmana qed isofru mill-konsegwenzi tat-terroriżmu;
I. billi r-reġjun tal-Lega Għarbija jkompli jittebba' bi ksur serju u sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi restrizzjonijiet kbar fuq il-libertà tal-espressjoni, sorveljanza tal-massa min-naħa tal-istat u fastidju tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-attivisti tal-oppożizzjoni, prattiki abbużivi tal-infurzar tal-liġi, nuqqas ta’ ġudikatura indipendenti u ksur tal-proċess dovut;
1. Jenfasizza l-ħtieġa li tiżdied il-ġlieda kontra t-terroriżmu fid-dawl tal-fatt li t-theddida qed tikber iżda jtenni li miżuri effettivi kontra t-terroriżmu u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem mhumiex kontradittorji, iżda pjuttost huma għanijiet komplementari u li jsaħħu lil xulxin;
2. Jenfasizza b’mod partikolari l-ħtieġa li l-UE, l-Istati Membri tagħha u l-pajjiżi sħab tagħha jibbażaw l-istrateġija tagħhom għall-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali fuq l-istat tad-dritt u fuq ir-rispett għad-drittijiet fundamentali; jenfasizza, barra minn hekk, li l-azzjonijiet esterni tal-Unjoni tal-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali għandhom l-ewwel nett ikunu mmirati fuq il-prevenzjoni, u jenfasizza l-bżonn tal-promozzjoni tad-djalogu, it-tolleranza u l-komprensjoni bejn kulturi u reliġjonijiet differenti;
3. Jenfasizza l-fatt li t-terroriżmu huwa theddida multinazzjonali u multidimensjonali u għaldaqstant għandu jiġi miġġieled bi sħab ma' alleati u pajjiżi ewlenin; jilqa’ l-iffirmar tal-Memorandum ta’ Qbil bejn l-UE u l-Lega Għarbija tad-19 ta’ Jannar 2015 u jemmen li dan jirrappreżenta pass 'il quddiem importanti fir-rigward ta' għadd ta’ sfidi komuni għaż-żewġ atturi;
4. Jemmen li hemm bżonn ta’ strateġija komprensiva li tiġbor fiha s-sigurtà interna u esterna fil-ġlieda kontra t-terroriżmu; jitlob għal sorveljanza demokratika u ġudizzjarja tal-politiki kontra t-terroriżmu u jemmen li l-Parlament Ewropew għandu jkollu rwol fl-eżerċizzju tagħha; jisħaq li l-azzjonijiet ripressivi ma jipprovdux soluzzjoni u li d-diskriminazzjoni tista’ ssaħħaħ ir-radikalizzazzjoni u l-mudelli tal-vjolenza;
5. Jistieden lill-UE u l-Lega Għarbija jindirizzaw il-kawżi primarji tal-estremiżmu li ta’ spiss jinstabu fis-sitwazzjoni soċjoekonomika, kulturali u politika tal-pajjiżi, biex ma jinkoraġixxux u ma jappoġġjawx tendenzi ripressivi iżda minflok iżidu l-isforzi tagħhom ta' appoġġ favur stati inklużivi, pluralistiċi u li jiffunzjonaw, li jkunu kapaċi joffru ġustizzja u sigurtà liċ-ċittadini tagħhom u jindirizzaw l-estremiżmu reliġjuż b’mod li jkun kompatibbli mal-liġi tad-dritt tal-bniedem;
6. Jemmen li l-Lega Għarbija, flimkien mal-UE, għandu jkollha rwol prinċipali fil-proċess ta’ medjazzjoni tal-kunflitti li qed iseħħu fid-dinja Għarbija u għandha taħdem mal-membri tagħha biex tnaqqas it-tensjonijiet bejn is-Sunniti u Xiiti;
7. Iwissi kontra t-tentazzjoni ta' ritorn għal prattiċi ta’ kollużjoni b'viżjoni qasira u ineffettivi preċedenti, ma' reġimi awtoritarji, f’isem is-sigurtà, l-istabbiltà u l-ġlieda kontra l-estremiżmu; jemmen li huwa importanti l-enfasi fuq l-appoġġ għal dawk il-pajjiżi u atturi li huma ġenwinament impenjati favur valuri komuni u r-riforma, notevolment it-Tuneżija;
8. Jilqa’ l-kooperazzjoni għas-sigurtà mtejba ma’ pajjiżi terzi u jinsisti li kooperazzjoni bħal din – mill-iskambju tal-intelligence sal-istat tad-dritt, ir-riforma tal-ġustizzja u programmi tal-ġustizzja kriminali – għandha tkun strettament konformi mad-dritt internazzjonali u ma tirbaħx fuq objettivi oħra tal-politika esterna, notevolment il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u d-demokratizzazzjoni;
9. Jenfasizza b’mod partikolari l-ħtieġa li l-UE, l-Istati Membri tagħha u l-pajjiżi sħab tagħha jibbażaw l-istrateġija tagħhom għall-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali fuq l-istat tad-dritt u fuq ir-rispett għad-drittijiet fundamentali; jenfasizza, barra minn hekk, li l-azzjonijiet esterni tal-Unjoni biex tikkumbatti t-terroriżmu internazzjonali għandhom l-ewwel nett ikunu mmirati fuq il-prevenzjoni, il-ġlieda u l-prosekuzzjoni tat-terroriżmu;
10. Jitlob għal aktar djalogu bejn l-esperti tal-iżvilupp u tas-sigurtà tal-UE u tal-Lega Għarbija; ifakkar li huwa kruċjali li jiġu indirizzati fatturi sottostanti tal-vjolenza u l-instabbiltà bħall-kunflitt, il-faqar, il-proliferazzjoni tal-armi u l-fraġilità tal-istat li jipprovdu opportunitajiet għal gruppi terroristiċi li jifjorixxu; jenfasizza l-ħtieġa li wieħed jiffoka fuq il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni fil-pjanijiet ta’ azzjoni u fid-djalogi politiċi bejn l-UE u l-Istati tal-Lega Għarbija u li jsiru politiki li jevitaw l-esklużjoni soċjali u li jiffaċilitaw l-integrazzjoni sabiex jipprevjenu proċessi ta’ radikalizzazzjoni, inkluż billi jaħdmu flimkien mal-atturi tas-soċjetà ċivili biex jiġġieldu l-propaganda terroristika u radikali;
11. Jilqa’ l-intenzjoni tal-Kunsill tal-integrazzjoni sistematika sħiħa tal-ġlieda kontra t-terroriżmu fil-politika barranija tal-UE; jitlob biex l-inizjattivi kollha relatati jiġu implimentati malajr kemm jista’ jkun u dejjem konformi mad-drittijiet tal-bniedem u mar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti;
12. Jemmen li l-iskambju tal-informazzjoni huwa essenzjali għall-ġlieda kontra t-terroriżmu sakemm l-istandards tad-dritt internazzjonali u tad-drittijiet tal-bniedem huma rispettati; jilqa’ l-kooperazzjoni msaħħa bejn l-UE u l-Lega Għarbija u jitlob lill-SEAE, lill-Kummissjoni u lill-aġenziji tal-UE kollha biex jiżviluppaw oqfsa għal skambju ta’ informazzjoni u modi biex l-aġenziji tal-UE jimpenjaw ruħhom b’mod aktar strateġiku mal-pajjiżi fir-reġjun b'konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu;
13. Jistieden lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tipprovdi rapport dwar il-valutazzjonijiet ex-ante u ex-post imwettqa mis-servizzi tal-Kummissjoni dwar l-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem tal-programmi tagħha tal-ġlieda kontra t-terroriżmu mal-pajjiżi tal-Lega Għarbija, kif ukoll dwar is-salvagwardji inklużi f'dawn il-programmi biex jiżguraw il-konformità tagħhom mal-istandards tad-drittijiet tal-bniedem;
14. Jemmen li huwa essenzjali li l-finanzjament tat-terroriżmu jiġi miġġieled b’koordinazzjoni mal-atturi rilevanti inkluża l-Lega Għarbija u l-membri tagħha; jistieden lill-UE timponi sanzjonijiet fuq dawk kollha (gvernijiet u kumpaniji pubbliċi jew privati) involuti fil-finanzjament dirett jew indirett tal-gruppi terroristiċi fosthom permezz tat-trasport, it-trasformazzjoni, ir-raffinament u l-kummerċjalizzazzjoni taż-żejt estratt f’żoni kontrollati mid-Da'esh, flimkien ma' kontrolli stretti tal-flussi finanzjarji sabiex jipprevjenu l-attività ekonomika u l-isfruttament tar-rifuġji fiskali min-naħa tad-Da'esh; jistieden lil-Lega Għarbija tagħmel aktar sforzi biex tiżgura li l-atturi fl-istati membri tagħha ma jiffinanzjawx indirettament il-gruppi terroristiċi u biex timmonitorja l-konformità tal-istati membri tagħha mar-riżoluzzjonijiet 2161 (2014) u 2170 (2014) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li jikkundannaw kwalunkwe kummerċ, dirett jew indirett, mal-IS u l-gruppi assoċjati;
15. Jitlob lil-Lega Għarbija biex timpenja ruħha mal-membri tagħha sabiex jipprevjenu influwenzi diretti jew indiretti li jistgħu jagħmluha aktar diffiċli għall-partijiet tal-kunflitt fil-Libja, is-Sirja, l-Iraq u l-Jemen biex jilħqu soluzzjoni politika; jisħaq li l-gwerer bi prokura għandhom jiġu evitati akkost ta’ kollox;
16. Jemmen li l-PNR jista’ jkun għodda possibbli utli għall-ġlieda kontra t-terroriżmu sakemm ikun implimentat b’mod li ma jiksirx id-drittijiet tal-bniedem, u sakemm jirrispetta kompletament ir-regoli tal-protezzjoni tad-data u ma jipperikolax il-privatezza taċ-ċittadini;
17. Jemmen li progress fil-proċess tal-paċi fil-Lvant Nofsani ikun ta’ benefiċċju għar-reġjun bħala entità sħiħa u jemmen li l-UE u l-Lega Għarbija għandhom jaħdmu flimkien sabiex jiffaċilitaw soluzzjoni ta’ żewġ stati f’konformità mar-riżoluzzjoni tas-17 ta’ Diċembru 2014 dwar ir-rikonoxximent ta' stat sovran Palestinjan;
18. Jitlob lill-UE u l-Lega Għarbija biex jaħdmu flimkien biex jikkumbattu l-kunċett ta’ kunflitt bejn iċ-ċiviltajiet bejn id-Dinja Iżlamika u l-Punent, narrattiva li għandha l-potenzjal li tirradikalizza u tiġbed liż-żgħażagħ lejn organizzazzjonijiet terroristiċi; f’dan il-kuntest jitlob għal kooperazzjoni msaħħa biex jitfasslu politiki u programmi ta’ integrazzjoni u inklużjoni soċjali bil-għan li jiffaċilitaw id-djalogu interkulturali;
19. Jemmen li l-UE għandha tikkoopera mill-qrib mal-komunità Musulmana kollha kemm hi u ma’ atturi importanti oħra bħall-Kunsill tal-Kooperazzjoni tal-Golf, l-Unjoni Afrikana u l-Organizzazzjoni tal-Kooperazzjoni Iżlamika;
20. Jilqa’ d-deċiżjoni li jkun hemm attachés tas-sigurtà fid-Delegazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea fil-pajjiżi rilevanti kif ukoll id-deċiżjoni li titjieb il-komunikazzjoni mal-popolazzjoni li titkellem bl-Għarbi; f’dan il-kuntest jemmen li hija importanti ħafna l-kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili sabiex jisimgħu il-messaġġi li qed jaslu mid-dinja Għarbija;
21. Jemmen bis-sħiħ li kwalunkwe kooperazzjoni u inizjattiva bejn l-UE u l-Lega Għarbija għandha tpoġġi fil-qalba tagħha r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u r-riżoluzzjonijiet rilevanti tan-NU;
22. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u tal-Lega Għarbija.
- [1] Testi adottati, P7_TA(2011)0577