MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-Memorandum ta’ Qbil bejn l-UE u l-Lega tal-Istati Għarab għal kooperazzjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu
4.3.2015 - (2015/2573(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta’ Proċedura
Javier Couso Permuy, Marie-Christine Vergiat, Sabine Lösing, Paloma López Bermejo, Marina Albiol Guzmán, Sofia Sakorafa, Kostas Chrysogonos, Fabio De Masi, Martina Michels, Kateřina Konečná f’isem il-Grupp GUE/NGL
B8-0224/2015
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Memorandum ta’ Qbil bejn l-UE u l-Lega tal-Istati Għarab għal kooperazzjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Memorandum ta’ Qbil (MtQ) bejn is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u s-Segretarjat Ġenerali tal-Lega tal-Istati Għarab, iffirmat fi Brussell fid-19 ta’ Jannar 2015,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Unjoni Ewropea (UE)-Lega tal-Istati Għarab (LAS) adottata fil-Laqgħa tal-Ministri UE-LAS li saret f’Ateni fil-11 ta’ Ġunju 2014,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill tal-Lega tal-Istati Għarab fil-Livell Ministerjali fis-sessjoni straordinarja tiegħu li saret fil-Kajr fil-15 ta’ Jannar 2015, u b’mod partikolari d-dikjarazzjoni tiegħu bl-isem "Is-Salvagwardja tas-Sigurta Nazzjonali Għarbija u l-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu",
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-UE dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu tad-9 ta’ Frar 2015,
– wara li kkunsidra l-linji gwida tal-OECD dwar il-prevenzjoni tat-terroriżmu,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, b’mod partikolari r-riżoluzzjonijiet 2170 u 2178,
– wara li kkunsidra l-Programm ta’ Ħidma Konġunt UE-LAS adottat f’Novembru 2012 u aġġornat fl-2014,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali tan-NU dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) tal-1966,
– wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,
– wara li kkunsidra l-Karta Għarbija dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Tortura u t-Trattament jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti (UNCAT),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi r-rispett għad-drittijiet fundamentali u l-libertajiet ċivili huwa element essenzjali fil-politiki kontra t-terroriżmu li jirnexxu; billi l-kooperazzjoni bejn l-Istati u l-atturi internazzjonali dwar kwistjonijiet ta’ sigurtà trid isseħħ b’rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt internazzjonali;
B. billi s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u s-Segretarjat Ġenerali tal-Lega tal-Istati Għarab dan l-aħħar iffirmaw Memorandum ta’ Qbil (MtQ UE-LAS) għall-kooperazzjoni dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu;
C. billi l-għan tal-MtQ UE-LAS huwa li jsaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-partijiet u jiddiskuti l-kwistjonijiet politiċi u ta’ sigurtà fl-oqsma tat-twissija bikrija u r-reazzjoni għall-kriżijiet, il-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-kriminalità organizzata transnazzjonali u l-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-armi tal-qerda tal-massa;
D. billi ż-żewġ naħat qablu li jiskambjaw l-esperjenzi, l-informazzjoni u l-prattiki permezz ta’ mekkaniżmi differenti, bħall-istabbiliment ta’ kanali ta’ komunikazzjoni istituzzjonali, l-iżvilupp ta’ laqgħat ta’ konsultazzjoni u t-titjib tal-konsultazzjoni, u l-istabbiliment ta’ gruppi ta’ ħidma konġunti, sessjoniiet ta’ ħidma u/jew konferenzi;
E. billi ż-żieda reċenti fir-razziżmu, inkluża l-Islamofobija u l-anti-Semitiżmu, hija inkwetanti ħafna u ma tgħinx biex ikun hemm dibattitu kostruttiv ta’ inklużività, iżda minflok isservi biss biex toħloq iktar polarizzazzjoni;
F. billi l-Lega tal-Istati Għarab (LAS) tenniet il-kundanna qawwija tagħha tal-Istat Islamiku tal-Iraq u s-Sirja, il-Front al-Nusra, u l-affiljati kollha ta’ al-Qaeda u organizzazzjonijiet u gruppi oħra terroristiċi li joqtlu persuni ċivili innoċenti, jeqirdu siti arkeoloġiċi u reliġjużi, iħarbtu l-istabilità u l-paċi ċivili u jimminaw l-istituzzjonijiet tal-Istati; billi l-LAS affermat mill-ġdid ukoll li t-terroriżmu u l-atti terroristiċi mwettqa minn dawn il-gruppi m’għandhomx jiġu assoċjati ma’ reliġjon, nazzjonalità jew kultura speċifiċi;
G. billi l-LAS se tiddiskuti l-kwistjoni tas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali Għarbija u l-ġlieda kontra t-terroriżmu fil-143 Sessjoni Regolari tagħha, li għandha ssir fil-Kajr fid-9 u l-10 ta’ Marzu 2015;
1. Iwissi kontra t-tentazzjoni li jerġgħu jiġu adottati l-prattiki preċedenti fuq perjodu qasir u ineffettivi ta’ kollużjoni ma’ ċerti reġimi awtoritarji li huma membri tal-Lega tal-Istati Għarab f’isem is-sigurtà, l-istabilità u l-ġlieda kontra l-estremiżmu vjolenti; jesprimi t-tħassib tiegħu minħabba t-tisħiħ tal-kooperazzjoni ma’ Stati repressivi ħafna li jwettqu ħafna ksur tad-drittijiet tal-bniedem f’pajjiżhom, inklużi l-applikazzjoni tal-piena tal-mewt għal varjetà wiesgħa ta’ kriminalità, tortura, pieni fiżiċi, eżekuzzjonijiet u detenzjonijiet arbitrarji, proċessi militari enormi, is-soppressjoni ta’ dimostrazzjonijiet soċjali jew l-okkupazzjoni ta’ territorji oħra;
2. Jiċħad id-dikotomija falza tas-sigurtà kontra l-libertà; huwa tal-fehma li l-libertà individwali u r-rispett tad-drittijiet fundamentali huma s-sisien u prekundizzjoni għas-sigurtà fi kwalunkwe soċjetà;
3. Huwa kritiku ħafna tar-rwol li kellhom id-diversi interventi tal-Punent f’dawn l-aħħar snin fit-trawwim tar-radikalizzazzjoni tal-individwi, speċjalment fil-Lvant Nofsani u fil-pajjiżi tal-viċinat tan-Nofsinhar; jenfasizza li dawn il-politiki qed jippromwovu, mhux qegħdin imorru kontra, it-terroriżmu u għalhekk għandhom jiġu abbandunati;
4. Jistieden lill-Istati Membri tal-UE u l-LAS biex iwaqqfu l-għajnuna politika, ekonomika jew militari tagħhom lir-reġimi jew lill-gruppi terroristiċi li jinvolvu ruħhom f’attività terroristika jew li jaċċettawha; jenfasizza, b’mod partikolari, il-bżonn li l-UE, l-Istati Membri tagħha u l-pajjiżi sħab tagħha tal-Lega tal-Istati Għarab jibbażaw l-istrateġija tagħhom għall-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali, bħal b’kull forma oħra ta’ kriminalità, fuq l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet fundamentali; jenfasizza, barra minn hekk, il-fatt li l-azzjonijiet esterni tal-Unjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali għandhom l-ewwel nett ikunu mmirati lejn il-prevenzjoni, u lejn politika li topponi kull tip ta’ intervent militari, filwaqt li titqies mill-ġdid u b’mod komprensiv il-pożizzjoni tal-UE fin-negozjati internazzjonali, u jenfasizza l-ħtieġa li jiġu promossi d-djalogu politiku, it-tolleranza u l-fehim fost kulturi u reliġjonijiet differenti;
5. Itenni mill-ġdid l-istedina tiegħu liż-żewġ partijiet kontraenti biex iwettqu evalwazzjoni komprensiva tal-miżuri eżistenti kontra t-terroriżmu u ta’ sigurtà, b’mod partikolari rigward ir-rispett tagħhom għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet ċivili, kif stabbilit fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Karta Għarbija dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;
6. Jenfasizza l-importanza tal-ittestjar tal-ħtieġa u l-proporzjonalità ta’ kwalunkwe miżura li tillimita d-drittijiet fundamentali; itenni mill-ġdid it-talba qawwija tiegħu għal sorveljanza demokratika u ġudizzjarja u għal mekkaniżmi ta’ responsabbiltà fir-rigward tal-politiki kontra t-terroriżmu, filwaqt li jenfasizza li l-miżuri li, retrospettivament, ma kinux meħtieġa, effikaċi u proporzjonati għall-ġlieda kontra t-terroriżmu jeħtieġ li jitħassru; jenfasizza wkoll li l-ksur tad-drittijiet fundamentali jeħtieġ li jiġi investigat u korrett u jeħtieġ li jiġu żviluppati forom ġodda ta’ skrutinju demokratiku;
7. Huwa konvint li, sabiex tiġi evitata r-radikalizzazzjoni vjolenti, l-għan ewlieni ta’ kwalunkwe soċjetà għandu jkun li ssir ħidma lejn l-inklużività u l-fehim reċiproku tad-differenzi kulturali u reliġjużi, biex b’hekk titrawwem it-tolleranza dejjiema;
8. Jenfasizza l-fatt li d-diskriminazzjoni tirrinforza tendenzi ta’ radikalizzazzjoni u vjolenza; jenfasizza li l-istandards tal-ugwaljanza u tan-nondiskriminazzjoni jridu jkunu kkumplimentati minn strateġiji ta’ politika speċifika biex jindirizzaw il-forom kollha ta’ razziżmu, inklużi l-anti-Semitiżmu u l-Islamofobija;
9. Jesprimi appoġġ għal miżuri li jagħtu s-setgħa lil minoranzi etniċi u reliġjużi biex jikkontribwixxu għat-titjib tal-istatus soċjali u ekonomiku tal-komunitajiet rispettivi tagħhom fuq terminu medju u twil;
10. Ifakkar li l-miżuri tas-sigurtà kollha, inklużi dawk kontra t-terroriżmu, għandhom jitfasslu bil-ħsieb li tiġi ggarantita l-libertà individwali, għandhom ikunu kompletament konformi mal-istat tad-dritt u soġġetti għall-obbligi tad-drittijiet fundamentali, inklużi dawk relatati mal-privatezza u l-protezzjoni tad-data, u dejjem għandhom jippermettu rimedju ġudizzjarju;
11. Huwa mħasseb dwar l-enfasi fuq “soluzzjonijiet” militari f’politiki kontra t-terroriżmu tal-UE, li jirriżultaw f’għadd kbir ta’ programmi ta’ assistenza militari għal reġimi awtoritarji li għandhom l-għan li jsaħħu l-kapaċitajiet militari tagħhom u b’hekk jappoġġjaw il-politiki ripressivi tagħhom;
12. Iqis li l-UE għandha tirrevedi b’mod drastiku l-politika esterna tagħha, b’mod partikolari l-istrateġija tagħha lejn in-Nofsinhar tal-Mediterran, bħala parti mir-rieżami li għaddej tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV), minħabba l-falliment tagħha; jitlob lill-UE tistabbilixxi qafas ġdid ta’ relazzjonijiet ma’ dawn il-pajjiżi u r-reġjuni abbażi ta’ nuqqas ta’ intervent fl-affarijiet interni tagħhom u rispett għas-sovranità tagħhom, u bl-għan tal-appoġġ tal-iżvilupp tar-reġjuni tal-viċinat u tal-promozzjoni tal-impjiegi u l-edukazzjoni, aktar milli “ftehimiet ta’ assoċjazzjoni” li jservu l-aktar biex jiġu stabbiliti żoni ta’ kummerċ ħieles ta’ benefiċċju għall-interessi tal-kumpaniji fuq in-naħa Ewropea;
13. Jopponi l-atmosfera attwali ta’ ħolqien ta’ biża’ paranojka sabiex jitħaffu iktar miżuri kontra t-terroriżmu qabel ma tiġi valutata l-ħtieġa legali tagħhom jew qabel ma tkun twettqet valutazzjoni tas-sett ta’ miżuri kontra t-terroriżmu attwali;
14. Iqis li l-ġlieda kontra t-traffikar tal-armi tan-nar għandha tkun prijorità tal-UE fil-ġlieda kontra l-kriminalità internazzjonali serja u organizzata; jemmen li, b’mod partikolari, trid tkompli tissaħħaħ dik il-kooperazzjoni rigward il-mekkaniżmi tal-iskambju tal-informazzjoni u t-traċċabilità u l-qerda tal-armi projbiti;
15. Jikkritika bil-qawwa l-kummerċ intensiv fl-armi ta’ ċerti Stati Membri tal-UE ma’ stati membri differenti tal-LAS li huma ripressivi ħafna bħall-Arabja Sawdija, l-Eġittu jew il-Marokk; jistieden f'dan ir-rigward lill-Kunsill jivverifika jekk sarx ksur fil-Kodiċi tal-Kondotta tal-UE fil-qasam tal-esportazzjoni ta’ armi u jadotta miżuri stretti bil-għan li dan il-kodiċi jkun rispettat bi sħiħ mill-Istati Membri kollha; jappella għas-sospensjoni u l-projbizzjoni tal-esportazzjoni ta’ gass tad-dmugħ u ta’ materjal għall-kontroll tal-folol lejn il-pajjiżi tal-LAS sa ma jitwettqu l-investigazzjonijiet dwar l-użu ħażin tagħhom u dawk li wettqu tali użu ħażin jinżammu responsabbli ta’ għemilhom;
16. Itenni mill-ġdid li l-Istati Membri tal-UE u tal-LAS għandhom jindirizzaw il-kawżi oriġinali tal-estremiżmu vjolenti billi jittrattawh b’mod kompatibbli mad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt internazzjonali, minflok ma jħeġġu jew jappoġġjaw ir-reġimi jew il-gruppi ripressivi f’dawn il-pajjiżi;
17. Jiddenunċja l-Proċess ta’ Khartoum, kif ukoll kwalunkwe kooperazzjoni oħra dwar il-migrazzjoni ma’ pajjiżi li jiksru d-drittijiet tal-bniedem; jiddenunċja l-istrumentalizzazzjoni tal-politiki dwar il-migrazzjoni bi pretest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu;
18. Huwa konvint li fil-qasam tas-sigurtà, l-UE għandha tillimita ruħha għal programmi ta’ kooperazzjoni li jiffukaw fuq id-deradikalizzazzjoni u l-ġlieda kontra l-estremiżmu vjolenti, fejn meqjus xieraq, iżda toqgħod lura milli timponi l-ideat ekonomiċi jew politiċi tagħha fuq Stati sovrani permezz tal-politiki tad-dimensjoni esterna tagħha;
19. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Istati Membri tal-UE u l-LAS biex jirrispettaw il-projbizzjoni tat-tortura kif minqux l-aktar fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Tortura u t-Trattament jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti, li l-parti l-kbira minnhom iffirmaw jew irratifikaw; itenni mill-ġdid li l-konfessjonijiet furzati taħt tortura mhumiex validi u jikkundanna din il-pratttika mwettqa mill-Istati Membri tal-UE u l-LAS; jopponi bil-qawwi l-użu tad-drones fil-qtil ekstraġudizzjarju ta’ dawk suspettati b’terroriżmu, u jitlob għal projbizzjoni fuq l-użu tad-drones għal dan il-għan;
20. Jitlob li jkun hemm aktar trasparenza u responsabbiltà fid-deċiżjonijiet ta’ politika barranija relatati mal-ġlieda kontra t-terroriżmu; għaldaqstant, jistieden lill-Viċi President/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà biex jaġġornaw b’mod regolari u eżawrjenti lill-Parlament, b’mod partikolari dwar l-implimentazzjoni ta’ dan il-MtQ;
21. Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, il-Kummissjoni u l-Kunsill, l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u tal-Lega tal-Istati Għarab u l-membri tal-Assemblea Ġenerali tan-NU.