Proċedura : 2015/2573(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0225/2015

Testi mressqa :

B8-0225/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 12/03/2015 - 8.7
CRE 12/03/2015 - 8.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0077

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 139kWORD 73k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0215/2015
4.3.2015
PE552.199v01-00
 
B8-0225/2015

imressqa wara d-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà

imressqa skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta’ Proċedura


dwar il-Memorandum ta’ Qbil bejn l-UE u l-Lega tal-Istati Għarab għal kooperazzjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu (2015/2573(RSP))


Cristian Dan Preda, Arnaud Danjean, Elmar Brok, Andrej Plenković, Tunne Kelam, Michèle Alliot-Marie, Mariya Gabriel, David McAllister, Lara Comi, Ramona Nicole Mănescu, Tokia Saïfi, Dubravka Šuica, Fernando Ruas, Davor Ivo Stier, József Nagy f’isem il-Grupp PPE

riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Memorandum ta’ Qbil bejn l-UE u l-Lega tal-Istati Għarab għal kooperazzjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu (2015/2573(RSP))  
B8-0225/2015

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-11 ta’ Frar 2015 dwar miżuri kontra t-terroriżmu(1),

–       wara li kkunsidra l-memorandum ta’ qbil tad-19 ta’ Jannar 2015 bejn is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u s-Segretarjat Ġenerali tal-Lega tal-Istati Għarab,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni adotatta fit-Tielet Laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea u tal-Lega tal-Istati Għarab tal-10 u l-11 ta’ Ġunju 2014,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni adottata mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fl-24 ta’ Settembru 2014 dwar theddid għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali kkaważat minn atti terroristiċi (Riżoluzzjoni 2178 (2014)),

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.     billi fid-19 ta’ Jannar 2015 il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini, u s-Segretarju Ġenerali tal-Lega tal-Istati Għarab (LAS), Dr Nabil El Araby, iffirmaw memorandum ta’ qbil (MtQ) bejn is-Serivizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u s-Segretarjat Ġenerali tal-LAS;

B.     billi ż-żewġ naħat se jtejbu d-djalogu u l-kooperazzjoni tagħhom bil-għan li jippromwovu d-Djalogu Strateġiku UE-LAS billi: (a) iżidu l-qbil tagħhom dwar kwistjonijiet ta’ politika u sigurtà permezz ta’ skambji differenti, u, (b) jaħdmu b’mod konġunt fil-qasam tal-kompetenza tagħhom għall-fatturament fil-progress u s-suġġetti tad-Djalogu Strateġiku f’laqgħat oħra, u, (c) isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom u jiddiskutu kwistjonijiet politiċi u ta’ sigurtà fl-oqsma tat-twissija bikrija u r-reazzjoni għal kriżijiet, il-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-kriminalità organizzata transnazzjonali u l-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-armi tal-qerda tal-massa (AQM), u, (d) jidentifikaw l-isfidi, l-għanijiet kondiviżi u l-azzjonijiet potenzjali fl-oqsma ta’ interess komuni;

C.     billi ż-żewġ naħat għandhom l-għan li jikkondividu l-esperjenzi, l-informazzjoni u l-aħjar prattiki permezz tal-mekkaniżmi li ġejjin: (a) l-istabbiliment ta’ kanali ta’ komunikazzjoni istituzzjonali, billi jaħtru punti ta’ kuntatt għall-koordinazzjoni tal-attivitajiet taħt l-MtQ, u, (b) l-iżvilupp ta’ laqgħat ta’ konsultazzjoni u t-titjib tal-konsultazzjonijiet, u, (c) l-istabbiliment ta’ gruppi ta’ ħidma konġunti, sessjonijiet ta’ ħidma u/jew konferenzi;

D.     billi l-VP/RGħ iddikjara fid-19 ta’ Jannar 2015 li: "aħna affermajna mill-ġdid l-importanza kruċjali li naħdmu flimkien biex nindirizzaw il-kriżijiet differenti li jaffettwaw ir-reġjun. Dwar il-Libja, dwar il-Proċess tal-Paċi fil-Lvant Nofsani, dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja u l-Iraq, fost oħrajn, aħna nikkondividu interess komuni biex infittxu soluzzjonijiet dejjiema biex niżguraw il-paċi u l-istabilità reġjonali";

E.     billi l-VP/RGħ iddikjara wkoll fid-19 ta’ Jannar 2015 li: "l-Ewropa u d-dinja Għarbija qed iħabbtu wiċċhom ukoll ma’ sfidi komuni. B’mod partikolari, jeħtieġ li niżguraw kooperazzjoni mill-qrib fil-ġlieda kontra t-terroriżmu. Hija theddida kontra ċ-ċittadini u s-soċjetajiet tagħna. L-Ewropa ġiet attakkata l-ġimgħa li għaddiet, iżda d-dinja Għarbija u dik Musulmana jsofru aktar mill-konsegwenzi tat-terroriżmu. Flimkien mad-dinja Għarbija, aħna konxji bis-sħiħ li din mhijiex biss ġlieda militari u ta’ sigurtà, iżda wkoll ġlieda politika u kulturali. It-tisħiħ tad-djalogu jgħinna nindirizzaw din il-firxa ta’ kwistjonijiet";

F.     billi l-ministri tal-affarijiet barranin tal-UE u l-LAS, li ltaqgħu fl-okkażjoni tat-Tielet Laqgħa UE-LAS, miżmuma f’Ateni fl-10 u l-11 ta’ Ġunju 2014, adottaw Dikjarazzjoni biex jesprimu d-determinazzjoni tagħhom li jindirizzaw flimkien sfidi politiċi, ekonomiċi u ta’ sigurtà komuni bil-għan li jikkondividu futur aħjar għal kulħadd; billi l-ministri ħabbru l-istabbiliment ta’ Djalogu Strateġiku UE-LAS;

G.     billi t-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti huma fost it-theddidiet maġġuri għas-sigurtà u l-libertajiet tagħna;

1.      Jilqa’ l-MtQ bejn is-SEAE u s-Segretarjat Ġenerali tal-LAS iffirmat fid-19 ta’ Jannar 2015; jappoġġja x-xewqa espressa miż-żewġ naħat li jiskambjaw opinjonijiet, jiżviluppaw djalogu u kooperazzjoni fl-oqsma ta’ interess komuni, abbażi tal-prinċipji tal-fiduċja u l-benefiċċju reċiproċi;

2.      Jappoġġja l-fatt li ż-żewġ naħat itejbu d-djalogu u l-kooperazzjoni tagħhom bil-għan li jippromwovu d-Djalogu Strateġiku UE-LAS, li jinkludi skambji dwar kwistjonijiet politiċi u ta’ sigurtà, u l-iskambju ta’ laqgħat regolari tal-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà tal-UE u r-Rappreżentanti Permanenti Għarab;

3.      Jilqa’ d-Dikjarazzjoni adotatta fit-Tielet Laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea u tal-Lega tal-Istati Għarab tal-10 u l-11 ta’ Ġunju 2014, jappoġġja l-fatt li l-Ministri laqgħu l-kooperazzjoni Ewro-Għarbija bħala mezz biex jipprovdi reazzjoni reġjonali integrata għall-isfidi strateġiċi, biex jiġi żgurat il-bini tal-kapaċitajiet fi ħdan il-qafas istituzzjonali tal-LAS u l-issoktar tal-iżvilupp ta’ skambji tekniċi; jinnota li l-Ministri faħħru l-progress magħmul fil-qasam tat-twissija bikrija u r-reazzjoni għall-kriżijiet, b’mod partikolari l-implimentazzjoni bis-sħiħ tal-Proġett ta’ Twissija Bikrija u r-Reazzjoni għall-Kriżijiet;

4.      Jenfasizza li l-Ministri kkundannaw l-atti kollha ta’ terroriżmu, u żguraw l-importanza tal-kooperazzjoni konġunta biex jiġi ttrattat dan il-fenomenu, li jinkludi t-theddida ta’ gruppi terroristiċi u l-ġellieda barranin; jilqa’ l-fatt li huma qablu li jikkondividu, kif xieraq, valutazzjonijiet u l-aħjar prattiki, kif ukoll li jikkooperaw fl-identifikazzjoni ta’ passi prattiċi biex jiġi indirizzat it-theddid, u dan se jinkludi azzjoni aktar effettiva kontra r-radikalizzazzjoni, ir-reklutaġġ, l-ivvjaġġar ta’ terroristi u ġellieda barranin kif ukoll it-trattament tal-ġellieda li jmorru lura lejn il-post tat-tluq tagħhom;

5.      Jenfasizza li l-Ministri qablu wkoll li jkomplu jaħdmu fuq l-implimentazzjoni komprensiva tal-Istrateġija Globali Kontra t-Terroriżmu tan-NU; jappoġġja l-fatt li huma laqgħu l-istabbiliment taċ-Ċentru Kontra t-Terroriżmu tan-NU bl-inizjattiva tal-Kustodju taż-żewġ Moskej Imqaddsa, u talab li jingħata appoġġ lil dan iċ-ċentru, u li laqgħu ż-żamma tal-ewwel Konferenza internazzjonali dwar il-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu, f’Bagdad f’Marzu 2014, bħala opportunità biex jiġu diskussi u mfittxija mezzi u modi xierqa għall-promozzjoni tal-kooperazzjoni internazzjonali u l-ġlieda kontra t-terroriżmu fil-livell reġjonali;

6.      Itenni l-istedina tiegħu lill-UE biex b’mod attiv tippromwovi sħubija globali kontra t-terroriżmu u taħdem mill-qirb mal-atturi reġjonali bħall-Unjoni Afrikana, il-Kunsill ta’ Kooperazzjoni tal-Golf u l-Lega tal-Istati Għarab, b’mod partikolari f’pajjiżi qrib is-Sirja u l-Iraq, kif ukoll man-Nazzjonijiet Uniti, b’mod partikolari l-Kumitat Kontra t-Terroriżmu tan-NU; jitlob, f’dan ir-rigward, għal żieda fid-djalogu bejn l-esperti tal-iżvilupp u s-sigurtà bejn l-UE u dawn il-pajjiżi;

7.      Jemmen li l-UE teħtieġ li tikkunsidra mill-ġdid id-dgħufija prevalenti li kkaratterizzat il-kooperazzjoni ta’ qabel għall-ġlieda kontra t-terroriżmu ma’ pajjiżi ta’ oriġini, tranżitu u destinazzjoni li minnhom għaddew il-ġellieda barranin u r-riżorsi għas-sostenn tagħhom, inklużi l-Istati Membri tal-LAS, sabiex ngħaqqdu l-isforzi tagħna fil-ġlieda kontra t-terroriżmu permezz ta’ kondiviżjoni akbar tal-informazzjoni u t-tagħlimiet miksuba, niġġieldu t-traffikar illeċitu tal-armi tan-nar, nindividwaw il-finanzjament għat-terroristi, u niżviluppaw narrattiva ġdida biex niġġieldu l-estremiżmu u l-fundamentaliżmu; jenfasizza li l-kooperazzjoni u l-kondiviżjoni kontra t-terroriżmu għandhom jikkostitwixxu element ewlieni fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-LAS;

8.      Jisħaq fuq il-fatt li strateġija komprensiva tal-UE dwar miżuri kontra t-terroriżmu trid ukoll tagħmel użu sħiħ mill-politiki barranin u ta’ żvilupp tagħha, sabiex tiġġieled il-faqar, id-diskriminazzjoni u l-marġinalizzazzjoni, tiġġieled il-korruzzjoni u tippromwovi l-governanza t-tajba u tipprevjeni u ssolvi l-kunflitti, li kollha jikkontribwixxu għall-marġinalizzazzjoni ta’ ċerti gruppi u setturi tas-soċjetà, u b’hekk jagħmluhom aktar vulnerabbli għall-propaganda ta’ gruppi estremisti;

9.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, u lis-Segretarju Ġenerali tal-Lega tal-Istati Għarab.

(1)

Testi adottati, P8_TA(2015)0032.

Avviż legali - Politika tal-privatezza