Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0227/2015Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0227/2015

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar immaġnijiet ta' abbuż sesswali tat-tfal online

4.3.2015 - (2015/2564(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Martina Anderson, Kateřina Konečná, Malin Björk, Lynn Boylan, Matt Carthy, Liadh Ní Riada, Dimitrios Papadimoulis, Kostas Chrysogonos, Sofia Sakorafa, Marisa Matias f'isem il-Grupp GUE/NGL

Proċedura : 2015/2564(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0227/2015
Testi mressqa :
B8-0227/2015
Dibattiti :
Testi adottati :

B8‑0227/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar immaġnijiet ta' abbuż sesswali tat-tfal online

(2015/2564(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, tal-20 ta' Novembru 1989, u l-Protokolli tagħha,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar iċ-Ċiberkriminalità, tat-23 ta' Novembru 2001,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Protezzjoni tat-Tfal kontra l-Isfruttament Sesswali u l-Abbuż Sesswali, tal-25 ta' Ottubru 2007,

–       wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE għall-Promozzjoni u l-Protezzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal,

–       wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/68/ĠAI,

–       wara li kkunsidra l-Kumment Ġenerali Nru 14 (2013) tal-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal rigward id-dritt tat-tfal li jkollhom l-aħjar interessi tagħhom meqjusa bħala kunsiderazzjoni primarja,

–       wara li kkunsidra l-Aġenda tal-UE għad-Drittijiet tat-Tfal, adottata fi Frar 2011,

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Post Speċjali għat-Tfal fl-Azzjoni Esterna tal-UE" (COM(2008)0055),

–       wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE għall-Promozzjoni u l-Protezzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal,

–       wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE fir-rigward tal-Qerda tat-Traffikar tal-Bnedmin (2012-2016), b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet dwar il-finanzjament tal-iżvilupp ta' linji gwida dwar is-sistemi ta' protezzjoni tat-tfal u l-iskambju tal-aħjar prattiki,

–       wara li kkunsidra d-dibattitu tas-sessjoni plenarja tat-12 ta' Frar 2015 tiegħu dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal fuq l-internet,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal, inkluża l-pedopornografija, jikkostitwixxu ksur serju tad-drittijiet fundamentali, b'mod partikolari tad-dritt tat-tfal għall-protezzjoni u l-kura meħtieġa għad-difiża tad-drittijiet tagħhom, kif previst mill-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-1989 (UNCRC) u mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

B.     billi reati kriminali serji, bħall-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, jirrikjedu approċċ komprensiv li jkopri l-protezzjoni tal-vittmi tfal, inklużi l-kura, il-prevenzjoni tal-fenomenu, il-prosekuzzjoni tat-trasgressuri, u billi l-istat għandu jimplimenta bis-sħiħ l-UNCRC u b'mod partikolari l-Prinċipji Ġenerali, l-Artikolu 2 (in-nondiskriminazzjoni), l-Artikolu 6 (id-dritt għall-ħajja, is-sopravivenza u l-iżvilupp) u l-Artikolu 12 (id-dritt tat-tfal li jsemmgħu leħinhom u li jittieħed kont ta' dak li jgħidu);

C.     billi, b'mod partikolari, għandu jiġi implimentat l-Artikolu 3 tal-UNCRC, jiġifieri, l-aħjar interessi tat-tfal iridu jitqiesu bħala l-kunsiderazzjoni ewlenija meta jkunu qed jittieħdu miżuri kontra dawn ir-reati u meta jiġi indirizzat il-wirt ta' konsegwenzi ta' dawn l-azzjonijiet, u dan f'konformità sħiħa mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

D.     billi, skont l-Artikolu 13 tal-UNCRC, it-tfal għandhom - soġġett għal restrizzjonijiet legali u neċessarji - id-dritt għal-libertà tal-espressjoni, inkluż id-dritt li jfittxu, jirċievu u jagħtu l-informazzjoni; jirrikonoxxi ulterjorment id-dritt tat-tfal, skont l-Artikolu 17 tal-UNCRC, li jkollhom aċċess għal informazzjoni u materjal minn varjetà ta' għejun nazzjonali u internazzjonali, inkluża l-mezzi ta' komunikazzjoni tal-massa soġġetti għall-isforzi tal-istat li jħeġġeġ l-iżvilupp ta' linji gwida adegwati għall-protezzjoni tat-tfal minn informazzjoni u materjal dannużi għall-benessri tagħhom;

E.     billi l-Kumment Ġenerali Nru 13 tal-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, rigward id-dritt tat-tfal għal-libertà mill-forom kollha ta' vjolenza, jenfasizza li fil-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet kollha għandu jiġi rispettat b'mod sistematiku d-dritt tat-tfal li jinstemgħu u li l-fehmiet tagħhom jingħataw l-attenzjoni xierqa, u li t-tisħiħ tal-pożizzjoni u l-parteċipazzjoni tagħhom għandhom ikunu ċentrali fl-istrateġiji u programmi ta' indukrar u protezzjoni tat-tfal[1];

F.     billi l-Kumment Ġenerali Nru 16 tal-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal dwar l-obbligi rigward l-impatt tal-kummerċ fuq id-drittijiet tat-tfal[2] jenfasizza wkoll il-perikli tal-internet u jimponi obbligi fuq il-komunità tan-negozju biex tipprovdi informazzjoni għat-tfal u ż-żgħażagħ sabiex dawn ikun jistgħu jimmanġjaw ir-riskji b'mod effikaċi u jkunu jafu fejn għandhom ifittxu l-għajnuna, u barra minn hekk, jirrakkomanda li l-komunità tan-negozju taħdem f'koordinazzjoni mal-industrija tal-informazzjoni u t-teknoloġija tal-komunikazzjoni sabiex jiżviluppaw u jadottaw miżuri għall-protezzjoni tat-tfal minn materjal vjolenti u mhux xieraq online;

G.     billi s-solleċitazzjoni tat-tfal għal skopijiet sesswali u sfruttament sesswali hija theddida b'karatteristiċi speċifiċi fil-kuntest tal-internet, peress li dan tal-aħħar jipprovdi anonimità mingħajr preċedenti għall-utenti għax jippermettilhom jostru l-identità vera tagħhom u l-karatteristiċi personali ta' dak li jkun, bħalma hi l-età tagħhom;

H.     billi l-internet jista' jesponi lit-tfal għal riskji speċifiċi, permezz ta' fenomeni bħall-pedopornografija, l-iskambju ta' materjal dwar il-vjolenza, iċ-ċiberkriminalità, l-intimidazzjoni, il-"bullying", il-"grooming", il-fatt li t-tfal jista' jkollhom aċċess jew jixtru oġġetti jew servizzi soġġetti għal restrizzjonijiet ġuridiċi u mhux adatti għall-età tagħhom, l-esponiment għal reklamar li mhux adatt għall-età tagħhom, aggressiv jew qarrieqi, nasbiet kummerċjali (scams), serq ta' identità, frodi u riskji simili ta' natura finanzjarja li jistgħu jwasslu għal esperjenzi trawmatiċi;

I.      billi, minħabba n-natura internazzjonali tiegħu, l-isfruttament tat-tfal u l-isfruttament sesswali tat-tfal online – inklużi l-proliferazzjoni ta' materjal marbut mal-isfruttament sesswali tat-tfal fuq l-internet u l-fenomenu taċ-ċiberpredaturi – għadu jqajjem tħassib kbir fost l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, b'offiżi li jibdew minn estorsjoni sesswali u "grooming", għal materjal ta' produzzjoni proprja marbut mal-abbuż tat-tfal u x-xandir dirett ta' dan il-materjal, li huma sfidi investigattivi partikolari minħabba l-innovazzjoni teknoloġika li, lit-trasgressuri, inklużi ċ-ċiberpredaturi, tipprovdilhom aċċess aktar faċli u rapidu għall-materjali;

J.      billi l-miżuri meħuda mill-Istati Membri għall-prevenzjoni ta' kontenut illegali online mhux dejjem huma effikaċi, ma jingħatawx ir-riżorsi meħtieġa jew mhumiex infurzati bis-sħiħ, u inevitabbilment jinvolvu approċċi differenti fil-prevenzjoni ta' kontenut dannuż; jinnota, barra minn hekk, in-nuqqas fir-riżorsi li jingħataw għall-programmi edukattivi għat-tfal u l-ġenituri fl-Istati Membri biex, huma u jużaw l-internet, it-tfal ma jkunux f'riskju;

K.     billi l-protezzjoni tal-minuri fid-dinja diġitali għandha tiġi indirizzata fil-livell regolatorju permezz tal-iskjerament ta' miżuri aktar effikaċi, inkluż l-għoti ta' riżorsi addizzjonali, u dan jirrikjedi li l-entitajiet tal-Istati Membri jikkoordinaw l-attività għas-salvagwardja tat-tfal li jinsabu f'riskju fuq l-internet, billi jżidu l-għoti ta' riżorsi għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tat-trasgressuri;

1.      Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jimplimentaw din ir-riżoluzzjoni u jimplimentaw bis-sħiħ l-Artikolu 12 tal-UNCRC, u jikkonsultaw direttament lit-tfal u ż-żgħażagħ u jieħdu kont tal-fehmiet tagħhom;

2.      Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jsaħħu l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fi ħdan l-Istati Membri u bejniethom stess, bil-għan li jinvestigaw u jisfrattaw in-netwerks ta' awturi ta' reati sesswali fuq it-tfal b'mod aktar effikaċi, filwaqt li jipprijoritizzaw id-drittijiet u s-sikurezza tat-tfal involuti; f'din l-attività kollha, l-aħjar interessi tat-tfal għandhom ikunu l-kunsiderazzjoni ewlenija;

3.      Jisħaq fuq il-ħtieġa għal approċċ komprensiv fl-Istati Membri u bejn l-Istati Membri sabiex jitħarsu bl-aħjar mod possibbli d-drittijiet u l-aħjar interessi tat-tfal, bil-għan li jiġu żgurati mezzi ta' protezzjoni effikaċi, konsistenza, ġlieda komprensiva kontra l-kriminalità, iċ-ċibersigurtà, il-protezzjoni tal-konsumatur u r-rispett għad-drittijiet fundamentali;

4.      Jirrikonoxxi r-rwoli, id-dmirijiet u r-responsabilitajiet differenti tal-istat u l-industrija privata, inklużi dawk li għandhom x'jaqsmu mal-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni, id-dritt għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data; jitlob li jkun hemm relazzjoni ta' ħidma effikaċi u - soġġett għal sorveljanza legali u ġudizzjarja xierqa u b'rispett għal dak li huwa legali u neċessarju fl-aħjar interessi tat-tfal u għall-protezzjoni tat-tfal mill-abbuż sesswali tat-tfal fuq l-internet - li jkun hemm ukoll skambju ta' informazzjoni bejn l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi, entitajiet oħra adegwati bi dmirijiet tal-istat, awtoritajiet ġudizzjarji u - fejn xieraq u meħtieġ, u f'konformità mal-liġi - l-industrija tal-informatika, il-fornituri tas-servizz tal-Internet (ISP), is-settur bankarju u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, inklużi l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u t-tfal, bil-għan li jiġu żgurati d-drittijiet u l-protezzjoni tat-tfal online u li dawn jitqiesu bħala persuni vulnerabbli skont il-liġi; jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-inizjattiva li titlob lill-Istati Membri kollha jieħdu azzjoni u jindirizzaw il-fenomenu taċ-ċiberpredaturi u l-forom kollha ta' bullying fuq l-internet;

5.      Jisħaq fuq il-fatt li l-miżuri li jillimitaw id-drittijiet fundamentali fuq l-internet jeħtieġu jkunu neċessarji u proporzjonati, f'konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri u l-leġiżlazzjoni Ewropea, u b'rispett ukoll tad-drittijiet tat-tfal skont l-UNCRC; ifakkar li l-kontenut illegali online għandu jitħassar immedjatament abbażi ta' proċess ġuridiku xieraq; ifakkar li t-tneħħija ta' kontenut illegali online, li fiha, l-industrija tal-informatika għandha rwol partikolari, tista' ssir biss wara li tingħata awtorizzazzjoni ġudizzjarja; jenfasizza l-importanza li jiġu rispettati l-prinċipji tal-proċessi dovuti tal-liġi u s-separazzjoni tas-setgħat;

6.      Iħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu u jipprovdu r-riżorsi meħtieġa lill-punti ta' kuntatt nazzjonali biex dawn jirrapportaw kontenuti u kondotti kriminali u dannużi;

7.      Ifakkar li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa u jiggarantixxu r-riżorsi neċessarji biex jiżguraw li l-persuni li jkollhom il-biża' li jistgħu jwettqu kwalunkwe reat marbut mal-abbużi sesswali u l-isfruttament sesswali jista' jkollhom aċċess, fejn xieraq, għal programmi jew miżuri effikaċi ta' intervent, imfassla għall-evalwazzjoni u l-prevenzjoni tar-riskju li jitwettqu dawn ir-reati;

8.      Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta ulterjorment il-mudelli ta' negozju għad-distribuzzjoni kummerċjali fis-servizzi misturin, fosthom billi twettaq monitoraġġ fuq is-swieq kriminali tad-Deep Web u d-Darknet sabiex tiddetermina l-proliferazzjoni tal-isfruttament sesswali għal skopijiet kummerċjali tat-tfal online bħala konsegwenza potenzjali ta' migrazzjoni ulterjuri minn sistema ta' ħlas tradizzjonali għal ekonomija diġitali ġdida li fil-biċċa l-kbira tagħha mhijiex regolata;

9.      Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jimpenjaw ruħhom ulterjorment mar-rappreżentanti ta' sistemi ta' ħlas alternattivi sabiex jiddeterminaw opportunitajiet għal kooperazzjoni aħjar mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, inkluż l-għoti ta' taħriġ komuni għal identifikazzjoni aħjar ta' proċessi ta' ħlas marbuta mad-distribuzzjoni kummerċjali ta' materjal ta' abbuż fuq it-tfal;

10.    Jistieden lill-Kummissjoni tantiċipa l-pubblikazzjoni tal-valutazzjoni tagħha dwar sa liema punt l-Istati Membri ħadu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonformaw mad-Direttiva 2011/93/UE, u tippreżenta r-rapport tagħha lill-Parlament Ewropew mhux aktar tard minn Ġunju 2015;

11.    Jagħti istruzzjonijiet lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern sabiex iwettaq valutazzjoni u monitoraġġ ulterjuri tal-iżviluppi reċenti, kif ukoll analiżi fil-fond tal-qafas ta' politika għall-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal fuq l-internet, f'forma ta' rapport ta' implimentazzjoni dwar id-Direttiva 2011/93/UE, u biex fi żmien sena jagħti rendikont dwar dan lill-plenarja;