MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-prijoritajiet tal-UE tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fl-2015
4.3.2015 - (2015/2572(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Renate Weber, Marietje Schaake, Nathalie Griesbeck, Angelika Mlinar f'isem il-Grupp ALDE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0228/2015
B8‑0228/2015
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-prijoritajiet tal-UE tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fl-2015 (UNHRC)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-konvenzjonijiet tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-protokolli fakultattivi tagħhom, inkluża l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW),
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 60/251 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti li tistabbilixxi l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem (UNHRC),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, il-Karta Soċjali Ewropea u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE,
– wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, adottati fil-25 ta' Ġunju 2012,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi r-riżoluzzjonijiet ta’ urġenza tiegħu dwar kwistjonijiet bħal dawn,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta' ... dwar ir-Rapport Annwali tal-2013 dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja u l-politika tal-UE dwar il-kwistjoni[1],
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tad-9 ta’ Frar 2015 dwar il-prijoritajiet tal-UE fil-fora tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3(5), 18, 21, 27 u 47 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra t-28 sessjoni li jmiss tal-UNHRC li se ssir mit-2 sas-27 ta’ Marzu 2015,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi r-rispett għall-universalità tad-drittijiet tal-bniedem u l-promozzjoni u l-protezzjoni tagħha jagħmlu parti mill-acquis etiku u legali tal-Unjoni Ewropea u huma wieħed mill-elementi ewlenin tal-għaqda u tal-integrità Ewropea;
B. billi d-drittijiet tal-bniedem huma inerenti għall-bnedmin kollha irrispettivament min-nazzjonalità, ir-razza, is-sess, l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew kwalunkwe status ieħor tagħhom, u billi r-rispett għal dawn id-drittijiet huwa minqux fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, u f’konvenzjonijiet, dikjarazzjonijiet u riżoluzzjonijiet sussegwenti internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;
C. billi d-drittijiet kollha tal-bniedem, kemm jekk ċivili, politiċi, ekonomiċi, soċjali jew kulturali, huma indiviżibbli, interrelatati u interdipendenti, u billi ċ-ċaħda ta’ kwalunkwe wieħed minn dawn id-drittijiet għandha impatt dirett u ħażin fuq l-oħrajn;
D. billi n-nuqqas li jiġu rispettati d-drittijiet tal-bniedem u n-nuqqas ta’ parteċipazzjoni demokratika leġittima jwasslu għal instabbiltà, stati falluti, kriżijiet umanitarji u kunflitti armati;
E. billi l-azzjoni tal-Unjoni fir-relazzjonijiet tagħha ma’ pajjiżi terzi hija ggwidata mill-Artikolu 21 tat-Trattat ta’ Lisbona, li jafferma mill-ġdid l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u jipprevedi r-rispett tad-dinjità tal-bniedem, il-prinċipji tal-ugwaljanza u s-solidarjetà, u l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u d-dritt internazzjonali;
F. billi l-istati kollha għandhom l-obbligu li jirrispettaw id-drittijiet bażiċi tal-popolazzjonijiet rispettivi tagħhom u d-dmir li jieħdu azzjoni konkreta biex jiffaċilitaw ir-rispett ta’ dawn id-drittijiet fil-livell nazzjonali, u biex jikkooperaw f’livell internazzjonali bil-għan li jiġu eliminati l-ostakli għar-realizzazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-oqsma kollha;
G. billi s-sessjonijiet regolari tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-ħatra ta’ Rapporteurs Speċjali, il-mekkaniżmu ta’ Eżami Perjodiku Universali u l-Proċeduri Speċjali li jindirizzaw sitwazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż jew kwistjonijiet tematiċi jikkontribwixxu għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt u l-promozzjoni tagħhom;
H. billi, sfortunatament, xi membri attwali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem huma rikonoxxuti bħala wħud mill-agħar fost dawk li jiksru d-drittijiet tal-bniedem u għandhom rekords ħżiena f’termini ta’ aderenza għall-Proċeduri Speċjali tan-NU u l-konformità ma’ rekwiżiti ta’ rappurtar tagħhom fir-rigward tal-korpi tat-trattat tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU;
Il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU
1. Jilqa' l-prijoritajiet tal-UE għat-28 sessjoni regolari li jmiss tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHRC), kif stabbilit fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-9 ta' Frar 2015;
2. Jilqa' l-ħatra tal-Ambaxxatur Joachim Rücker bħala President tal-UNHRC għall-2015;
3. Jifraħ lil Zeid Ra’ ad Al Hussein għall-ħatra tiegħu bħala Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem (UNHCHR), u jtenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-isforzi u l-mandat tiegħu;
4. Jilqa’ l-preżenza tal-VP/RGħ Federica Mogherini fis-sessjoni ta’ livell għoli tal-UNHRC, peress li dan jibgħat is-sinjal posittiv meħtieġ rigward l-impenn qawwi tal-UE lis-sistema multilaterali tad-drittijiet tal-bniedem;
5. Jilqa' r-rapport annwali tal-UNHCHR lill-Assemblea Ġenerali tan-NU, li jkopri l-perjodu minn Diċembru 2013 sa Novembru 2014, u jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-indipendenza u l-integrità tal-kariga tiegħu; jenfasizza li huwa importanti li wieħed jiddefendi din l-indipendenza, sabiex jiġi żgurat li l-UNHCHR jista' jkompli jeżerċita l-kompiti tiegħu b'mod effikaċi u imparzjali; itenni li l-UNHCHR jeħtieġ li jiġi ffinanzjat b'mod adegwat;
6. Ifakkar l-impenn tal-Parlament Ewropew u tas-Sottokumitat tiegħu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem li jappoġġaw sistema multilaterali u b'saħħitha għad-drittijiet tal-bniedem taħt il-patroċinju tan-NU, inkluż it-Tielet Kumitat tal-Assemblea Ġenerali, il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem, u l-ħidma tal-aġenziji speċjalizzati relatati tan-NU bħall-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), kif ukoll tal-Proċeduri Speċjali tan-NU;
7. Jinkoraġġixxi lis-SEAE, b'mod partikolari permezz tad-Delegazzjonijiet tal-UE fi New York u f'Ġinevra, iżid il-koerenza tal-UE permezz ta' konsultazzjoni f'waqtha u sostantiva sabiex jippreżenta l-pożizzjoni tal-UE b'vuċi waħda; jafferma mill-ġdid l-importanza tal-integrazzjoni tal-ħidma li qed issir fi New York u f'Ġinevra fil-kuntest tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, tat-Tielet Kumitat u tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem fl-attivitajiet interni u esterni rilevanti tal-UE sabiex tiġi żgurata l-koerenza;
8. Iqis li l-fastidju kontinwu u d-detenzjoni ta’ difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u ta' personalitajiet tal-oppożizzjoni minn għadd ta’ membri tal-UNHRC, bħalma huma l-Alġerija, iċ-Ċina, Kuba, l-Etjopja, l-Arabja Sawdija, ir-Russja, l-Emirati Għarab Magħquda, il-Gabon, il-Kazakistan, il-Qatar u l-Vjetnam, idgħajjef il-kredibilità tal-UNHRC; itenni l-pożizzjoni tiegħu li l-membri tal-UNHRC għandhom jiġu eletti minn fost l-istati li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u d-demokrazija u li qablu li jestendu l-istediniet permanenti għall-Proċeduri Speċjali kollha, u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem u jadottaw kriterji ta’ prestazzjoni, li għandhom japplikaw għal kwalunkwe stat li jkun elett bħala membru tal-UNHRC; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jinkoraġġixxu proċessi trasparenti, miftuħa u kompetittivi għall-elezzjoni ta’ membri tal-UNHRC;
9. Itenni l-appoġġ tiegħu għall-mekkaniżmu ta’ Eżami Perjodiku Universali (EPU) u l-apprezzament tiegħu għall-ħidma siewja tal-Eżami Perjodiku Universali, u jistieden lill-pajjiżi membri jħejju b’mod attiv l-EPU tagħhom, inkluż permezz tal-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, biex jimpenjaw ruħhom f’djalogu interattiv matul is-sessjoni tal-EPU, u biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-EPU u jieħdu miżuri konkreti biex itejbu u jżommu t-twettiq tal-obbligi tagħhom tad-drittijiet tal-bniedem;
10. Jibqa’ jopponi l-‘block voting” fi ħdan il-UNHRC; iħeġġeġ lill-pajjiżi membri fil-UNHRC jibqgħu trasparenti fil-votazzjoni tagħhom;
11. Jitlob lill-UE u l-Istati Membri tagħha biex ikomplu jsegwu r-rakkomandazzjonijiet tal-EPU fid-djalogi ta’ politika kollha tal-UE mal-pajjiżi kkonċernati biex ifittxu modi li bihom jiġu appoġġati l-pajjiżi fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet;
12. Itenni l-appoġġ tiegħu għall-Proċeduri Speċjali u l-istatus indipendenti tad-detenturi tal-mandat, li jippermettulhom jwettqu l-funzjoni tagħhom b’imparzjalità sħiħa, u jappella lill-istati kollha biex jikkooperaw ma’ dawn il-proċeduri; iħeġġeġ ukoll lill-Istati Membri biex jikxfu każijiet ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni minn stati li għandhom mandat ta' Proċedura Speċjali;
13. Iqis li huwa importanti li jibgħat delegazzjonijiet parlamentari għas-sessjonijiet tal-UNHCR u sessjonijiet rilevanti oħra tal-Assemblea Ġenerali tan-NU;
14. Iqis li huwa ta' dispjaċir li l-ispazju għall-interazzjoni bejn is-soċjetà ċivili u l-UNHRC qed ikompli jiċkien u li l-NGOs qegħdin jingħataw inqas opportunitajiet biex jitkellmu f’dawn is-sessjonijiet; iħeġġeġ lill-UE u lill-UNHRC jiżguraw li r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili jitħallew jikkontribwixxu bl-aktar mod sħiħ possibbli għat-28 sessjoni tal-UNHRC, kif ukoll għall-proċess tal-Eżami Perjodiku Universali u l-mekkaniżmi l-oħra tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem, mingħajr il-biża’ ta’ tpattija meta jmorru lura f’pajjiżhom;
Id-drittijiet ċivili u politiċi
15. Jafferma mill-ġdid li l-libertà tal-espressjoni, li hija l-pedament ta’ kull soċjetà libera u demokratika, hija dritt fundamentali ta’ kull individwu; jikkundanna bil-qawwa l-qtil fi Franza f’Jannar 2015 ta’ 12-il persuna, inklużi kartunisti fil-bini tal-gazzetta Charlie Hebdo u ta' 4 persuni f’supermarket Lhudi, flimkien mal-qtil ta’ direttur tal-films u gwardjan ta' sinagoga f’Kopenħagen, minn terroristi li għandhom fil-mira l-libertà tal-espressjoni u tar-reliġjon;
16. Jikkundanna l-użu tar-reliġjon minn gruppi estremisti u ġiħadisti fil-pajjiżi kollha, u b’mod partikolari fis-Sirja, l-Iraq, il-Libja, il-Mjanmar, in-Niġerja u l-Afrika Ċentrali, fejn l-azzjonijiet jinkludu attakki b'armi tan-nar u l-bombi, attakki suwiċida, ħtif ta' persuni u atti vjolenti oħra li qed jitterrorizzaw lill-popolazzjonijiet; huwa tal-fehma li l-ġlieda kontra t-terroriżmu titlob azzjoni biex jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tiegħu, li jinkludu l-esklużjoni soċjali, l-emarġinazzjoni politika u l-inugwaljanza; jitlob li jsiru sforzi akbar biex jitħarsu d-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi reliġjużi;
17. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar ir-restrizzjonijiet kollha fuq il-libertà ta’ għaqda u ta’ assoċjazzjoni, inklużi projbizzjonijiet fuq l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-użu aggressiv ta’ liġijiet ta’ malafama kriminali u liġijiet restrittivi oħra, rekwiżiti ta’ reġistrazzjoni u ta' rappurtar eċċessivi, u regoli restrittivi żżejjed dwar finanzjament barrani, u jerġa’ jafferma li l-libertà ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni paċifika huma elementi fundamentali tad-drittijiet tal-bniedem;
18. Jistieden lill-gvernijiet kollha biex jippromwovu u jappoġġaw lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u li jippermettulhom jagħmlu xogħolhom mingħajr biża’, ripressjoni jew intimidazzjoni, biex jikkooperaw mal-UNHRC fil-mekkaniżmu tal-EPU u biex jiżguraw li l-pajjiżi responsabbli għar-ritaljazzjoni kontra attivisti tad-drittijiet tal-bniedem jagħtu kont ta' għemilhom, b’mod partikolari għal ritaljazzjonijiet fatali bħal dik li wasslet għall-mewt f’Marzu 2014 tal-attivist tad-drittijiet tal-bniedem Cao Shunli fiċ-Ċina talli pprova jitla' fuq titjira biex jattendi l-UNHRC f’Ġinevra f’Settembru 2013;
19. Jerġa' jafferma l-kundanna tiegħu kontra l-użu tal-piena tal-mewt, u jappoġġa b'mod b'saħħtu l-moratorju b'rabta ma' dan, u dan hu pass favur it-tneħħija tagħha;
20. Ifakkar fl-importanza tal-ġlieda kontra t-tortura u forom oħra ta’ trattament ħażin, u l-fatt li l-UE impenjat ruħha li din il-kwistjoni tkun ta' prijorità, inkluż fir-rigward tat-tfal, u li jiġi ffaċilitat ix-xogħol tar-Rapporteur Speċjali tan-NU; iħeġġeġ lis-SEAE, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri juru l-impenn komuni tagħhom biex tiġi eradikata t-tortura u biex jingħata appoġġ lill-vittmi, partikolarment billi jkomplu jew, fejn ikun xieraq, jibdew jikkontribwixxu għall-Fond Volontarju tan-NU għall-Vittmi tat-Tortura u għall-Fond Speċjali stabbilit mill-Protokoll Fakultattiv tal-Konvenzjoni kontra t-Tortura;
21. Jesprimi tħassib dwar diskriminazzjoni kontinwa u mifruxa kontra migranti, inklużi dawk li jfittxu l-asil u refuġjati kif ukoll il-ksur tad-drittijiet tagħhom; jitlob lill-UE u l-Istati Membri tagħha biex jappoġġaw il-ħidma tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-migranti, flimkien mal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tiegħu; jistieden lill-gvernijiet jirrispettaw id-dinjità u d-drittijiet tal-bniedem tal-migranti, biex iwaqqfu l-arrest arbitrarju u d-detenzjoni u, sabiex jevitaw detenzjoni eċċessiva ta’ migranti irregolari, jirrivedu l-perjodi ta’ detenzjoni fejn meħtieġ u jużaw alternattivi għad-detenzjoni; jistieden lill-gvernijiet jirrispettaw, f’kull ċirkostanza, il-prinċipju ta’ non refoulement kif ukoll jirrispettaw bis-sħiħ l-obbligi legali internazzjonali tagħhom fir-rigward tal-espulsjoni ta’ migranti; jappella lill-Istati Membri, jekk għadhom m’għamlux hekk, biex jistabbilixxu sistemi u proċeduri li jiżguraw konformità sħiħa mal-obbligi legali internazzjonali tagħhom fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem fil-programmi u l-istituzzjonijiet kollha tagħhom fil-qasam tal-migrazzjoni;
22. Jappoġġa l-aħħar rapport u l-konklużjonijiet tar-Rapporteur Speċjali tal-UNHRC dwar forom kontemporanji ta’ razziżmu, diskriminazzjoni razzjali, ksenofobija u intolleranza relatata; jitlob lill-UE u l-Istati Membri tagħha biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tar-Rapporteur Speċjali fil-politika interna tagħhom biex jikkumbattu t-tixrid ta’ mibegħda razzjali, etnika u ksenofobika u t-tixwix minn fuq l-internet u permezz ta’ netwerks tal-midja soċjali billi jieħdu miżuri leġiżlattivi xierqa, b’rispett sħiħ għal drittijiet fundamentali oħra bħal-libertà tal-espressjoni u tal-opinjoni;
23. Jirrikonoxxi li l-evoluzzjoni rapida tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni ttrasformat l-ambjent għall-eżerċizzju tal-libertà tal-espressjoni fid-dinja kollha, u ġġenerat kemm vantaġġi profondi kif ukoll tħassib serju; jilqa’, f’dan il-kuntest, l-adozzjoni mill-Kunsill f’Mejju 2014 tal-Linji Gwida tal-UE dwar il-libertà tal-espressjoni online u offline, u jikkundanna r-restrizzjonijiet kollha fuq il-komunikazzjoni diġitali, inklużi dawk immirati lejn l-atturi tas-soċjetà ċivili; itenni l-ħtieġa li tingħata attenzjoni partikolari għad-drittijiet ta’ ġurnalisti u bloggers;
24. Iħeġġeġ lill-UNHRC biex ikompli d-dibattitu dwar id-dritt għall-privatezza u, għal dan l-għan, biex jinħatar Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-dritt għall-privatezza, speċjalment fil-kuntest tal-komunikazzjoni diġitali;
Drittijiet soċjali u ekonomiċi
25. Jieħu nota tal-fatt li l-Aġenda għall-Iżvilupp tan-NU għal wara l-2015 sabiex jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju għandha l-mira li jinqered il-faqar sal-2030 permezz ta’ approċċ olistiku għal kwistjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali; jilqa’ r-rapport ta’ sintesi tas-Segretarju Ġenerali tan-NU qabel is-Summit Speċjali tan-NU dwar l-Aġenda tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli għal wara l-2015; jappoġġa s-sejħiet tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għal approċċ iffukat fuq il-ħtiġijiet u d-drittijiet tan-nies biex jintemm il-faqar;
26. Iqis li hu importanti li jiġu indirizzati l-inugwaljanzi estremi li qed jiżdiedu sabiex jiġi miġġieled il-faqar b’mod ġenerali u biex jiġu promossi d-drittijiet soċjali u ekonomiċi billi jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-ikel, l-ilma, l-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa u l-akkomodazzjoni adegwata, b’mod partikolari; jenfasizza, f’dan il-kuntest, il-problema li qed tikber tal-ħtif tal-art, li jeħtieġ li tiġi indirizzata;
27. Huwa tal-opinjoni li l-korruzzjoni, l-evażjoni tat-taxxa, il-ġestjoni ħażina ta’ beni pubbliċi u n-nuqqas ta’ responsabbiltà jikkontribwixxu għall-ksur tad-drittijiet taċ-ċittadini, minħabba li dawn jiddevjaw il-fondi minn investiment tant meħtieġ f’servizzi pubbliċi bħall-edukazzjoni, servizzi bażiċi tas-saħħa u infrastruttura soċjali oħra, u b’hekk jibqa' jitkompla l-faqar tal-popolazzjonijiet; ifakkar li skont il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, il-gvernijiet għandhom obbligu li jirrispettaw id-drittijiet taċ-ċittadini tagħhom billi jagħmlu disponibbli riżorsi adegwati; jenfasizza, f’dan ir-rigward, li jeħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari għall-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jaħdmu fuq il-promozzjoni tad-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali;
28. Itenni l-appoġġ tiegħu biex jitwaqqaf Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-kriminalità finanzjarja, il-korruzzjoni u d-drittijiet tal-bniedem;
In-negozju u d-drittijiet tal-bniedem
29. Jappoġġa bil-qawwa t-tixrid u l-implimentazzjoni effettivi u komprensivi tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem fi ħdan u barra l-UE; jistieden lill-partijiet interessati kollha biex iwettqu rwol attiv fil-11-il sessjoni tal-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar il-kwistjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-korporazzjonijiet transnazzjonali u impriżi kummerċjali oħrajn u biex jappoġġaw sforzi li jallinjaw il-politiki tagħhom mal-Linji Gwida tal-OECD għall-Impriżi Multinazzjonali u mal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tirrapporta sa tmiem l-2015 dwar l-implimentazzjoni tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem mill-Istati Membri tal-UE;
30. Jistieden lill-UE u l-Istati Membri tagħha biex jimpenjaw ruħhom fid-dibattitu emerġenti dwar strument internazzjonali legalment vinkolanti dwar in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem fi ħdan is-sistema tan-NU;
Id-drittijiet tan-nisa
31. Jistieden lill-UE tipparteċipa b'mod attiv fid-59 sessjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istatus tan-Nisa, u tkompli tiġġieled kontra kull attentat li jimmina l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Pekin tan-NU, li ser tiġi riveduta fl-okkażjoni tal-20 anniversarju tar-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa fir-rigward tal-aċċess għall-edukazzjoni u s-saħħa bħala drittijiet bażiċi tal-bniedem, u tad-drittijiet sesswali u riproduttivi, fost elementi oħrajn;
32. Josserva b'mod kritiku li minkejja l-progress li sar s'issa fil-kisba tal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-għoti tas-setgħa lin-nisa, f'ħafna pajjiżi għad hemm fis-seħħ liġijiet diskriminatorji, b'mod partikolari fil-qasam tal-familja u tal-aċċess għall-proprjetà; josserva li n-nisa għadhom ferm sottorappreżentati f'pożizzjonijiet ta' teħid ta' deċiżjonijiet u li l-vjolenza kontra n-nisa għadha mifruxa, filwaqt li l-aċċess għall-ġustizzja għadu limitat minkejja l-għadd ta' nisa li jmutu kuljum minħabba l-vjolenza domestika; jesprimi t-tħassib serju tiegħu li f'xi pajjiżi ġie osservat rigress, b'mod partikolari fil-qasam tad-drittijiet sesswali u riproduttivi;
33. Jikkundanna bil-qawwa l-użu tal-vjolenza sesswali fuq in-nisa bħala tattika tal-gwerra, inklużi reati bħalma huma l-istupru tal-massa, l-iskjavitù sesswali, il-prostituzzjoni furzata, forom ta' persekuzzjoni abbażi tal-ġeneru inkluża l-mutilazzjoni ġenitali femminili, it-traffikar, iż-żwieġ bikri u furzat, id-delitti tal-unur u kwalunkwe forma oħra ta' vjolenza sesswali ta' gravità komparabbli; jerġa' jistieden lill-UE u l-Istati Membri tagħha jiffirmaw u jirratifikaw il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika;
34. Ifakkar fl-impenn tal-UE li tintegra d-drittijiet tal-bniedem u l-aspetti dwar il-ġeneru fil-missjonijiet tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni, f'konformità mar-Riżoluzzjonijiet storiċi 1325 u 1820 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà; itenni, f'dan ir-rigward, it-talba tiegħu biex l-UE u l-Istati Membri tagħha jappoġġjaw, fil-proċess tal-bini ta' rikonċiljazzjoni sostenibbli, il-parteċipazzjoni sistematika tan-nisa bħala komponent vitali fil-proċessi tal-paċi, u jirrikonoxxu l-ħtieġa li jintegraw il-perspettivi tal-ġeneru fil-prevenzjoni ta' kunflitti, fl-operazzjonijiet ta' żamma tal-paċi, fl-għajnuna umanitarja u fil-proċessi ta' rikostruzzjoni wara kunflitt u ta' tranżizzjoni demokratika;
Id-drittijiet tat-tfal
35. Jesprimi t-tħassib tiegħu li, filwaqt li sar progress minn mindu ġiet adottata l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal fl-1989, mill-inqas 58 miljun tifel u tifla, b'mod partikolari tfal bniet, tfal minn familji foqra, tfal b'diżabilità u tfal f'żoni ta' kunflitt, ma jmorrux skola, u ħafna tfal għadhom ibatu minn mard li jista' jiġi evitat faċilment, filwaqt li oħrajn huma involuti fit-tħaddim tat-tfal;
36. Jistieden lill-Istati kollha jimpenjaw ruħhom biex jeliminaw l-agħar forom ta' tħaddim tat-tfal kif definiti fl-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni tal-ILO Nru 182, li jinkludu l-iskjavitù tat-tfal, it-traffikar, il-prostituzzjoni u xogħol perikoluż li jaffettwa s-saħħa fiżika u mentali tat-tfal;
37. Ifakkar li wieħed mill-obbligi primarji tal-Istat huwa li jipprovdi edukazzjoni lit-tfal kollha billi jżid l-opportunitajiet, joħloq istituzzjonijiet adegwati u jindirizza l-kawżi strutturali ta' impedimenti kbar għal edukazzjoni primarja universali, inkluż it-tnaqqis tar-rati tal-abbandun bikri mill-iskola, li jibqa' ostaklu kbir għal edukazzjoni primarja universali;
38. Jitlob li jkun hemm finanzjament adegwat għal programmi ta' demobilizzazzjoni u riintegrazzjoni għat-tfal assoċjati mal-kunflitti armati u għal tfal li kienu suldati; ifakkar l-appoġġ qawwi tiegħu għall-kampanja "Tfal, mhux Suldati", kif espress waqt is-seduta dwar l-istess suġġett li saret fis-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem fit-3 ta' Diċembru 2014; jilqa' r-rapporti annwali ppreżentati mir-Rappreżentant Speċjali tan-NU għat-Tfal u l-Kunflitti Armati u r-Rappreżentant Speċjali tan-NU dwar il-Vjolenza fuq it-Tfal, flimkien mar-rapport tar-Rapporteur Speċjali dwar il-bejgħ tat-tfal, il-prostituzzjoni tat-tfal u l-pornografija tat-tfal;
Id-drittijiet tal-persuni LGBTI
39. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar iż-żieda reċenti fl-għadd ta' liġijiet u prattiki diskriminatorji, kif ukoll atti ta' vjolenza kontra individwi abbażi tal-orjentament sesswali u l-identità tal-ġeneru tagħhom; iħeġġeġ il-monitoraġġ mill-qrib tas-sitwazzjoni tal-persuni LGBTI, inkluż fin-Niġerja u l-Gambja, fejn liġijiet anti-LGBTI introdotti reċentement jheddu l-ħajjiet tal-minoranzi sesswali; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-hekk imsejħa liġijiet "kontra l-propaganda", li jillimitaw il-libertà ta' espressjoni u ta' għaqda, bħal dawk li jeżistu fir-Russja u fil-Litwanja u bħal dawk li qed jiġu kkunsidrati bħalissa fil-Parlament Kirgiż; jilqa' r-riżoluzzjoni tal-UNHRC dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza u d-diskriminazzjoni bbażati fuq l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tas-sessi, adottata fis-26 ta' Settembru 2014; jiddispjaċih dwar l-adozzjoni mill-UNHRC, fis-26 ta' Ġunju 2014, tar-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-ħarsien tal-familja, li potenzjalment timmina l-prinċipju ta' drittijiet tal-bniedem universali u indiviżibbli; jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għat-tkomplija tal-ħidma tal-UNHCHR għall-promozzjoni u l-protezzjoni tat-tgawdija tad-drittijiet kollha tal-bniedem minn persuni LGBTI, b'mod partikolari permezz ta' dikjarazzjonijiet, rapporti u l-kampanja tan-NU 'Free & Equal'; iħeġġeġ lill-UNHCHR ikompli jiġġieled kontra liġijiet u prattiki diskriminatorji;
It-tibdil fil-klima u d-drittijiet tal-bniedem
40. Jenfasizza li l-impatt tat-tibdil fil-klima fuq gruppi vulnerabbli u individwi huwa għoli, speċjalment f'pajjiżi b'introjtu baxx u f'reġjuni kostali u stati gżejjer li jinsabu fil-baxx u li għandhom nuqqas ta' riżorsi ekonomiċi biex jadattaw għal bidliet ambjentali serji;
41. Jilqa' r-rikonoxximent tal-UNHRC li l-bidliet ambjentali għandhom impatt negattiv fuq l-għajxien tal-popolazzjonijiet, u huma ostakoli għar-realizzazzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem rikonoxxuti internazzjonalment; iħeġġeġ, għalhekk, lill-Istati Partijiet jadottaw miżuri urġenti u ambizzjużi ta' mitigazzjoni u adattament fil-Konferenza dwar it-Tibdil fil-Klima 2015 li se ssir aktar tard din is-sena f'Pariġi;
42. Jinnota bi tħassib li l-popli indiġeni huma affettwati b'mod partikolari minn inċidenti relatati mat-tibdil fil-klima; jinnota, f'dan ir-rigward, li ħafna nies indiġeni jgħixu taħt is-soll tal-faqar u għandhom ftit jew xejn aċċess għal sistemi ta' rappreżentanza, ta' teħid ta' deċiżjonijiet politiċi jew sistemi ġudizzjarji;
43. Jitlob li l-Kummissjoni u s-SEAE jipparteċipaw b'mod attiv fid-dibattitu dwar it-terminu "rifuġjat tal-klima", inkluża d-definizzjoni legali possibbli tiegħu fid-dritt internazzjonali jew fi kwalunkwe ftehim internazzjonali li jorbot legalment;
Il-ġlieda kontra l-impunità u l-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI)
44. Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-ħidma tal-QKI fir-rwol tagħha biex tintemm l-impunità għall-awturi tal-aktar delitti serji li huma ta' tħassib għall-komunità internazzjonali u biex tagħmel ġustizzja mal-vittmi ta' delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u ġenoċidji; jibqa' viġilanti rigward kwalunkwe attentat biex tiġi mminata l-leġittimità jew l-indipendenza tagħha; iħeġġeġ lill-UE u l-Istati Membri jikkooperaw mal-Qorti u jipprovdulha appoġġ diplomatiku, politiku u finanzjarju b'saħħtu, inkluż fin-NU; jitlob lill-UE, lill-Istati Membri u lir-Rappreżentanti Speċjali jippromwovu b'mod attiv il-QKI, l-infurzar tad-deċiżjonijiet tagħha, u l-ġlieda kontra l-impunità għad-delitti elenkati fl-Istatut ta' Ruma;
Il-popli indiġeni
45. Jistieden lill-partijiet ikkonċernati kollha jappoġġjaw ir-rieżami tal-mandat tal-Mekkaniżmu Espert tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni, skont id-Dokument tal-Eżitu tal-Konferenza Dinjija dwar il-Popli Indiġeni (Riżoluzzjoni 69/2 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU), bil-għan li jsir monitoraġġ, evalwazzjoni u titjib fl-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni; iħeġġeġ lill-Istati Membri jitolbu li d-detenturi ta' mandat ta' Proċedura Speċjali jagħtu attenzjoni speċjali lill-kwistjonijiet li jolqtu lin-nisa u l-bniet indiġeni, u jirrapporta b'mod sistematiku dwar dawn il-kwistjonijiet lill-UNHRC; iħeġġeġ lis-SEAE u lill-Istati Membri jappoġġjaw b'mod attiv l-iżvilupp ta' pjan ta' azzjoni fis-sistema kollha għall-popli indiġeni, kif mitlub mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fir-riżoluzzjoni ta' Settembru 2014, speċjalment f'dak li jirrigwarda l-organizzazzjoni ta' konsultazzjoni regolari mal-popli indiġeni bħala parti minn dak il-proċess;
Avvenimenti kulturali u sportivi internazzjonali u d-drittijiet tal-bniedem
46. Jikkundanna l-prattika dejjem tikber minn stati awtoritarji li jospitaw avvenimenti sportivi jew kulturali kbar bil-għan li jsaħħu l-leġittimità internazzjonali tagħhom filwaqt li jirrestrinġu b'mod ulterjuri d-dissens domestiku; jitlob lill-UE u l-Istati Membri jqajmu din il-kwistjoni b'mod attiv, inkluż fil-UNHRC, u jimpenjaw ruħhom mal-federazzjonijiet sportivi nazzjonali, l-atturi korporattivi u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili dwar l-aspetti prattiċi tal-parteċipazzjoni tagħhom f'avvenimenti bħal dawn, inkluż fir-rigward tal-ewwel Logħob Ewropew f'Baku fl-2015 u t-Tazza tad-Dinja tal-FIFA fir-Russja fl-2018;
Drones
47. Itenni t-talba tiegħu li tiġi żviluppata pożizzjoni komuni tal-UE dwar l-użu ta' drones armati, li tagħti importanza kbira lir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali u tindirizza kwistjonijiet bħall-qafas legali, il-proporzjonalità, ir-responsabbiltà, il-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili u t-trasparenza; iħeġġeġ lill-UE, għal darb'oħra, tipprojbixxi l-iżvilupp, il-produzzjoni u l-użu ta' armi kompletament awtonomi li jippermettu li jsiru attakki mingħajr intervent uman; jistieden lill-UE tappoġġja l-isforzi fil-livell reġjonali u internazzjonali li għandhom l-għan li jopponu u jipprojbixxu l-prattika ta' qtil immirat u extraġudizzjarju, u tieħu miżuri legali kull fejn individwu jew entità jistgħu jkunu relatati ma' qtil immirat illegali barra l-pajjiż; jinsisti li d-drittijiet tal-bniedem ikunu inklużi fid-djalogi kollha ma' pajjiżi terzi dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu;
Prijoritajiet tal-UE dwar kwistjonijiet relatati mal-pajjiżi
L-Ukraina
48. Jikkundanna bil-qawwa l-politika aggressiva u espansjonista tar-Russja, li tikkostitwixxi theddida għall-unità u l-indipendenza tal-Ukraina u toħloq theddida potenzjali għall-paċi fid-dinja; jikkundanna l-atti ta' terroriżmu u ta' mġiba kriminali tas-separatisti u ta' forzi irregolari oħra fil-Lvant tal-Ukraina; jikkundanna l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq fuq skala kbira mill-partijiet kollha fil-kunflitt, u jappoġġja bis-sħiħ il-Missjoni ta' Monitoraġġ tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u l-Missjoni Speċjali ta' Monitoraġġ tal-OSKE fl-Ukraina; jikkundanna l-annessjoni illegali tal-Krimea mir-Russja u jibqa' mħasseb dwar id-diskriminazzjoni u l-ksur mifrux tad-drittijiet tal-bniedem fil-konfront tal-popolazzjoni lokali f'dan ir-reġjun, b'mod partikolari t-Tatari tal-Krimea; jitlob lill-Istati Membri tal-UE jappoġġjaw l-isforzi kollha possibbli fil-livell tan-NU għall-ġlieda kontra l-impunità u jwettqu investigazzjonijiet imparzjali dwar l-avvenimenti vjolenti u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem b'rabta mad-dimostrazzjonijiet ta' Maidan, l-annessjoni tal-Krimea, u l-kunflitti armati fir-reġjuni tal-Lvant;
Is-Sirja
49. Jesprimi tħassib serju dwar is-sitwazzjoni fraġli tas-sigurtà u l-kriżi umanitarja li rriżultaw mill-użu tal-vjolenza kontra l-popolazzjoni ċivili mir-reġim ta' Assad, mill-IS u minn milizzji oħrajn; jinsab imħasseb ħafna dwar il-ksur sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali fis-Sirja, li jista' jammonta għal delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità; iħeġġeġ lill-partijiet kollha jikkonformaw mad-dritt umanitarju internazzjonali applikabbli sabiex jipproteġu lill-popolazzjoni ċivili, jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u jissodisfaw il-bżonnijiet bażiċi tagħhom; jitlob għall-ħelsien immedjat u bla ebda kundizzjoni tal-persuni kollha li nżammu jew inħatfu b'mod arbitrarju talli eżerċitaw id-drittijiet tagħhom jew ħadu sehem f'attivitajiet politiċi paċifiċi oħra;
L-Iraq
50. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar is-sitwazzjoni fraġli tas-sigurtà u l-kriżi umanitarja fl-Iraq; jinnota li s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem sejra għall-agħar hekk kif l-IS/Da'esh u milizzji oħrajn qed jikkommettu ħtif u eżekuzzjonijiet fuq skala kbira u jippersegitaw il-minoranzi reliġjużi u etniċi tal-Iraq;
L-Azerbajġan
51. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar ir-repressjoni fil-konfront ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ġurnalisti u attivisti fl-Azerbajġan; jinnota li r-rekord tal-Gvern Azerbajġani fejn tidħol il-libertà ta' espressjoni, ta' għaqda u assoċjazzjoni sejjer għall-agħar, hekk kif għexieren ta' attivisti politiċi ġew arrestati u ġurnalisti importanti ntefgħu l-ħabs;
It-Turkija
52. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar id-deterjorament tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fit-Turkija, hekk kif l-indipendenza tal-ġudikatura u s-separazzjoni tas-setgħat qed jiddgħajfu sistematikament; jinnota bi tħassib serju li l-gvern qed jimbotta favur liġi ġdida dwar is-sigurtà li żżid bil-kbir is-setgħat tal-pulizija; jinnota li fit-Turkija l-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-mezzi tal-komunikazzjoni qegħdin taħt pressjoni, bl-impożizzjoni ta' multi fiskali esaġerati fuq l-organizzazzjonijiet tal-mezzi tax-xandir, u qed tiġi osservata t-tendenza li jitkeċċew edituri u ġurnalisti importanti u li tiġi ppratikata l-awtoċensura; jenfasizza l-fatt li l-gvern għandu jappoġġja r-riforma ġudizzjarja fit-Turkija biex isaħħaħ l-istat tad-dritt u r-rispett għall-valuri demokratiċi u l-libertajiet fundamentali;
Ir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea (RDPK)
53. Jilqa' favorevolment il-pjan li l-mandat tar-Rapporteur Speċjali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea (RDPK) jiġi estiż għal sena oħra; jilqa' wkoll ir-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU li tħeġġeġ lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jieħu azzjoni xierqa biex tiġi żgurata r-responsabbiltà, inkluż li jiġi kkunsidrat li s-sitwazzjoni fir-RDPK tiġi riferuta lill-QKI;
L-Iran
54. Jilqa' r-riżoluzzjoni tal-UNHRC ta' Marzu 2014 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Iżlamika tal-Iran, u l-estensjoni tal-mandat tar-Rapporteur Speċjali, u jistieden lill-Iran jippermetti lir-Rapporteur Speċjali tan-NU jidħol fil-pajjiż bħala indikatur kruċjali tar-rieda tiegħu li jieħu passi lejn il-ftuħ ta' djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem; itenni l-kundanna tiegħu rigward il-piena tal-mewt fl-Iran u r-rata għolja ta' eżekuzzjonijiet mingħajr proċess jew proċess ġust; jappoġġja d-dikjarazzjoni konġunta ta' Awwissu 2014 tad-detenturi ta' mandat tas-sistema ta' Proċeduri Speċjali tan-NU li tikkundanna l-mewġa ta' arresti u pieni fil-konfront ta' atturi tas-soċjetà ċivili fl-Iran; jistieden lill-UE u lill-UNHRC jkomplu jissorveljaw mill-qrib l-abbuż sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem, u jiżguraw li d-drittijiet tal-bniedem jibqgħu prijorità ewlenija fid-diskussjonijiet kollha mal-Gvern Iranjan;
Il-Mjanmar/Burma
55. Jappoġġja r-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU għad-69 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Mjanmar, li tirrikonoxxi l-progress li sar s'issa waqt li tidentifika l-oqsma ta' tħassib importanti li fadal; jistieden lill-Gvern tal-Mjanmar biex jintegra d-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet tal-minoranzi fl-oqsma istituzzjonali, legali u politiċi kollha u jirrispetta l-libertà ta' espressjoni u ta' għaqda b'tali mod li n-nies ikunu jistgħu jesprimu l-opinjonijiet tagħhom liberament fuq il-politiki tal-gvern mingħajr biża', intimidazzjoni jew fastidju;
Il-Bjelorussja
56. Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar il-ksur kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem fil-Bjelorussja; jikkundanna t-tliet eżekuzzjonijiet imwettqa fl-2014, il-fastidju fil-konfront tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-persekuzzjoni ta' ġurnalisti indipendenti, iċ-ċensura tal-komunikazzjonijiet kollha permezz tal-Internet u l-leġiżlazzjoni restrittiva dwar l-organizzazzjonijiet mhux governattivi; jitlob li jiġġedded il-mandat tar-Rapporteur Speċjali tan-NU, u jistieden lill-Gvern tal-Bjelorussja jagħti aċċess sħiħ lid-detenturi ta' mandat ta' Proċedura Speċjali tan-NU, inkluż ir-Rapporteur Speċjali;
Il-Baħrejn
57. Jesprimi t-tħassib kontinwu tiegħu dwar ir-repressjoni fil-konfront tal-mexxejja tal-oppożizzjoni, l-atturi tas-soċjetà ċivili u l-attivisti fil-Baħrejn, u s-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-attivisti politiċi tal-oppożizzjoni fil-pajjiż; jistieden lill-awtoritajiet tal-Baħrejn jagħtu bidu għal taħditiet kostruttivi u inklużivi bil-għan ta' rikonċiljazzjoni ġenwina u rispett għad-drittijiet tal-bniedem tal-komunitajiet kollha tal-Baħrejn; jitlob il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjoni tal-priġunieri kollha ta' kuxjenza, ġurnalisti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u dimostranti paċifiċi, u jesprimi l-appoġġ tiegħu għad-dikjarazzjoni konġunta tal-4 ta' Frar 2015 tad-detenturi ta' mandat tas-sistema ta' Proċeduri Speċjali tan-NU dwar l-arrest ta' politiku ewlieni tal-oppożizzjoni u l-iżbandament tad-dimostrazzjonijiet sussegwenti; jitlob lill-Istati Membri tal-UE u lill-membri l-oħra tal-UNHRC biex ikompli jsegwi mill-qrib is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Baħrejn, b'enfasi fuq l-implimentazzjoni tal-impenji magħmula mill-Baħrejn matul il-proċess tal-EPU u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Indipendenti ta' Inkjesta tal-Baħrejn, li ntlaqgħu tajjeb mir-Re tal-Baħrejn;
L-Eġittu
58. Jilqa' b'sodisfazzjon il-proċeduri tal-EPU għall-Eġittu f'Novembru 2014 u jistenna bil-ħerqa l-adozzjoni tiegħu fis-sessjoni li jmiss tal-UNHRC; iħeġġeġ lill-Eġittu jeħles immedjatament u bla kundizzjoni lill-attivisti u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll lil dawk miżmuma arrestati talli eżerċitaw b'mod paċifiku d-drittijiet tagħhom tal-libertà ta' espressjoni, ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni; jesiġi, barra minn hekk, li l-Gvern tal-Eġittu jintroduċi leġiżlazzjoni f'konformità ma' standards internazzjonali u jissalvagwardja d-dritt ta' assoċjazzjoni mħaddan fil-Kostituzzjoni Eġizzjana, inkluż id-dritt li jittieħed u jingħata finanzjament, u li jirrevoka l-Liġi dwar il-Protesti ta' Novembru 2013 u jintroduċi leġiżlazzjoni ġdida li tiggarantixxi l-libertà tal-għaqda; iħeġġeġ lill-Gvern Eġizzjan jiftaħ investigazzjoni ġudizzjarja biex jiddetermina l-identità ta' dawk responsabbli mill-ordnijiet u t-twettiq ta' qtil illegali matul ir-repressjoni eżerċitata fil-konfront tad-dimostrazzjonijiet prinċipalment paċifiċi li saru mit-3 ta' Lulju 2013 'l hawn, inkluż it-tixrid tal-14 ta' Awwissu 2013 fi Pjazza Raba'a u fi Pjazza Nahda, fejn inqatlu mill-inqas 1 000 dimostrant;
Mali
59. Jilqa' l-ħidma tal-Espert Indipendenti tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f'Mali, u jistieden lill-UNHRC jestendi l-mandat tiegħu; jilqa' l-progress li sar mill-Gvern ta' Mali biex jerġa' jistabbilixxi l-ġudikatura f'xi partijiet tal-pajjiż, u fl-investigazzjonijiet dwar it-tortura u l-qtil ta' 21 suldat superjuri fl-2012, flimkien mat-twaqqif ta' Kummissjoni għall-Verità, il-Ġustizzja u r-Rikonċiljazzjoni; jibqa' mħasseb dwar is-sitwazzjoni tas-sigurtà li qed tiddeterjora u l-użu kontinwu u r-reklutaġġ ta' suldati tfal, u jistieden lill-Gvern ta' Mali jinvestiga u jżomm responsabbli lil dawk il-fazzjonijiet rivali kollha li kienu responsabbli għall-vjolazzjonijiet tal-gwerra mwettqa matul il-kunflitt armat ta' bejn l-2012 u l-2013, u jiżgura li kwalunkwe ftehim ta' paċi fil-ġejjieni jitlob għar-responsabbiltà, għat-tisħiħ tal-kummissjoni dwar il-verità u għall-iskrutinju tal-persunal tal-forzi tas-sigurtà;
Is-Sudan t'Isfel
60. Jistieden lill-Unjoni Afrikana toħroġ għall-pubbliku r-rapport tal-Kummissjoni ta' Inkjesta tagħha dwar ksur u abbużi tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa mill-partijiet kollha fis-Sudan t'Isfel, bħala pass lejn il-promozzjoni tal-ġustizzja fil-konfront tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem li ilu jsir sa mill-bidu tal-kunflitt;
Is-Sri Lanka
61. Jinnota l-wegħdiet li saru mill-gvern elett dan l-aħħar fis-Sri Lanka, u jistiednu jieħu miżuri konkreti lejn ir-responsabbiltà, inklużi investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet serji, flimkien ma' miżuri oħra biex tiġi indirizzata l-problema wiesgħa tal-impunità u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, u jikkoopera b'mod sħiħ mal-Uffiċċju tal-UNHCHR u l-investigazzjoni internazzjonali tiegħu dwar is-Sri Lanka;
62. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-President tad-69 Assemblea Ġenerali tan-NU, lill-President tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, u lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem.
- [1] Testi adottati, P7_TA (2015)...