Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0229/2015Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0229/2015

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-prijoritajiet tal-Unjoni Ewropa għall-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti fl-2015

4.3.2015 - (2015/2572(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Marie-Christine Vergiat, Dimitrios Papadimoulis, Kostas Chrysogonos, Javier Couso Permuy, Marina Albiol Guzmán, Paloma López Bermejo, Ángela Vallina, Sofia Sakorafa f'isem il-Grupp GUE/NGL

Proċedura : 2015/2572(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0229/2015
Testi mressqa :
B8-0229/2015
Dibattiti :
Testi adottati :

B8‑0229/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-prijoritajiet tal-Unjoni Ewropa għall-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti fl-2015

(2015/2572(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948 u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-1953,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Millennju tan-Nazzjonijiet Uniti tat-8 ta' Settembru 2000 (A/Res/55/2) u r-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tagħha,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHRC),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet ta' urġenza tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija,

–       wara li kkunsidra t-28 sessjoni li jmiss tal-UNHRC, li se ssir mit-2 sas-27 ta' Marzu 2015 fl-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti f'Ġinevra,

–       wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà, il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW), il-Programm ta' Azzjoni tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popli u l-Iżvilupp (Rio +20) u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Pekin,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi, sittin sena wara li ġiet ipprokklamata d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-ġlieda kontra d-diskriminazzjonijiet u l-ġlieda favur l-eżerċizzju sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem – soċjali, ekonomiċi, kulturali, ċivili u politiċi – għadhom ġlieda ta' kuljum;

 

B. billi d-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali huma parti integrali mid-drittijiet tal-bniedem u r-rispett tagħhom minn tal-anqas iwassal biex jiġu implimentati b'mod sħiħ it-tmien għanijiet tad-Dikjarazzjoni tal-Millennju tas-sena 2000 għall-iżvilupp, jiġifieri: il-qerda tal-faqar estrem u tal-ġuħ, l-aċċess universali għall-edukazzjoni primarja, il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-emanċipazzjoni tan-nisa, it-tnaqqis tal-mortalità tat-trabi, it-titjib tal-aċċess għas-saħħa għall-ommijiet, il-ġlieda kontra l-HIV, l-STDs, il-malarja u mard ieħor, l-impenn favur l-iżvilupp sostenibbli, u l-implimentazzjoni tal-kooperazzjoni globali għall-iżvilupp; billi twaqqaf kalendarju ambizzjuż biex jintlaħqu dawn l-għanijiet minn issa sal-2015, iżda s'issa għadhom 'il bogħod ferm milli jintlaħqu;

 

C. billi minħabba l-kriżi finanzjarja fil-pajjiżi tal-OECD, id-dinja qed tħabbat wiċċha mal-agħar tnaqqis fir-ritmu ekonomiku sa mit-tletinijiet; billi skont l-estimi tad-WHO, minħabba żidiet fil-prezzijiet tal-ikel u tal-enerġija fil-passat, aktar minn 100 miljun ruħ sabu ruħhom f'sitwazzjoni ta' faqar; billi dik li llum il-ġurnata tissejjaħ komunement "il-kriżi finanzjarja u ekonomika" hija fil-verità kriżi sistemika globali li tolqot is-setturi kollha tas-soċjetà, b'konsegwenzi fl-oqsma kollha: politiċi, soċjali, ambjentali, alimentari, tal-enerġija, eċċ.;

 

D. billi l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha għandhom jiggarantixxu r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fil-politiki tagħhom kollha, kemm interni kif ukoll esterni, u jiżguraw il-konsistenza ta' tali politiki, sabiex isaħħu l-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha fi ħdan il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem u jagħmluha aktar kredibbli;

 

E. billi delegazzjoni tas-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Parlament Ewropew se tmur Ġinevra għat-28 sessjoni ordinarja tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (KDB), bħalma għamlet fis-snin ta' qabel għas-sessjonijiet preċedenti tal-KDB, u qabel dan, għal dawk tal-Kummissjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti;

 

F. billi fil-preżent tmien Stati Membri għandhom siġġu fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem, jiġifieri l-Ġermanja (sal-2015), l-Estonja (sal-2015), Franza (sal-2016), l-Irlanda (sal-2015), il-Latvja (sal-2017), il-Pajjiżi l-Baxxi (sal-2017), il-Portugall (sal-2017) u r-Renju Unit (sal-2017); billi, barra minn hekk, fis-sessjoni organizzattiva tiegħu, fit-8 ta' Diċembru 2014, il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem eleġġa l-membri tal-Bureau għad-disa' ċiklu, li se jsir mill-1 sal-31 ta' Diċembru 2015, u b'mod partikolari l-President tal-Kunsill, Joachim Rücker (il-Ġermanja);

 

G. billi l-ħidma tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha mal-KDB u fi ħdanu trid tissaħħaħ, mhux biss biex tasserixxi viżjoni indiviżibbli tad-drittijiet tal-bniedem iżda wkoll biex tqis u timplimenta aħjar ir-rakkomandazzjonijiet tal-KDB fil-politika tad-drittijiet tal-bniedem tal-UE, kemm fil-livell intern kif ukoll f'dak estern;

 

H. billi kkunsidra l-aġenda ta' din it-28 sessjoni u b'mod partikolari l-punt 3 tagħha (promozzjoni u protezzjoni tad-drittijiet kollha tal-bniedem, jiġifieri dawk ċivili, politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali, inkluż id-dritt għall-iżvilupp) u l-punt 7 tagħha (is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Palestina u fit-territorji Għarab okkupati l-oħra);

 

Ix-xogħol u l-organizzazzjoni tal-KDB

 

1.  Jistieden mill-ġdid lill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea biex jopponu attivament kull tentattiv li jhedded il-kunċetti tal-universalità, l-indiviżibbiltà u l-interdipendenza tad-drittijiet tal-bniedem, u biex iħeġġu attivament lill-KDB jiġġieled bl-istess mod it-tipi kollha ta' diskriminazzjoni, tkun xi tkun il-bażi tagħhom;

 

2.  Iwissi kontra l-istrumentalizzazzjoni tal-KDB; jissottolinja l-importanza tar-riżoluzzjonijiet tiegħu li jirreferu għal pajjiżi speċifiċi biex jiġu indirizzati każijiet serji ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem; jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem issir b'mod oġġettiv, trasparenti, mhux selettiv, kostruttiv, mhux kunfliġġenti, abbażi ta' informazzjoni affidabbli u bħala frott ta' djalogu interattiv u f'kundizzjonijiet ta' universalità u ta' trattament ugwali tal-Istati kollha; jistieden lill-Istati Membri jieħdu sehem attiv fl-implimentazzjoni ta' dawn il-prinċipji li kien hemm qbil dwarhom fir-rigward tal-KDB;

 

3.  Jissottolinja kemm hu importanti li l-kawżi profondi tal-instabbiltà politika f'ċerti pajiżi jiġu indirizzati permezz ta' politiki għall-iżvilupp konformi mal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju u miżuri oħra soċjoekonomiċi, politiċi u kulturali li kapaċi joħolqu ambjent favorevoli biex jiġi evitat li kunflitti jinbdew mill-ġdid u maħsuba biex jeqirdu l-faqar, jippromwovu l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u kulturali, joħolqu kapaċitajiet istituzzjonali u amministrattivi, itejbu l-kwalità tal-ħajja tal-popolazzjoni u jsaħħu l-istat tad-dritt b'mezzi esklużivament paċifiċi;

 

4.  Jieħu nota tal-lista ta' kandidati li se tiġi ppreżentata mill-grupp konsultattiv għall-karigi tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem; jiddeplora r-riżenja ta' membru tal-grupp ta' ħidma dwar il-kwistjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-korporazzjonijiet transnazzjonali u impriżi oħrajn u jissottolinja l-importanza ta' dan il-grupp ta' ħidma biex jistabbilixxi standards vinkolanti għan-negozji fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; jilqa' l-prijoritajiet tematiċi ppreżentati fir-rapport tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem: l-issudar tal-mekkaniżmi relatati mad-drittijiet internazzjonali tal-bniedem; it-tisħiħ tal-ugwaljanza u tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni; il-ġlieda kontra l-impunità u t-tisħiħ tar-responsabbiltà u l-istat tad-dritt; l-integrazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-iżvilupp u fl-isfera ekonomika; it-twessigħ taż-żona ekonomika u tal-mekkaniżmi ta' twissija bikrija kif ukoll tal-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt, ta' vjolenza jew ta' insigurtà; jissottolinja l-importanza li tingħata prijorità lill-migrazzjoni;

 

5.  Jilqa' l-ħolqien ta' mekkaniżmu sussidjarju ta' esperti, magħmul minn ħames esperti indipendenti, li jikkonferilu kompetenza tematika fil-qasam tad-drittijiet tal-popli indiġeni; jieħu nota li l-grupp konsultattiv se jipproponi lista ta' kandidati lill-President tal-Kunsill biex ikun jista' jiġi sostitwit wieħed mill-ħames esperti indipendenti tal-mekkaniżmu li ġej mill-grupp tal-Istati Afrikani, li l-mandat tiegħu jiskadi f'Marzu 2015;

 

6.  jikkonstata li l-Arabja Sawdija hija membru tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem sal-2016; jikkundanna bil-qawwa l-ksur mifruxatad-drittijiet tal-bniedem imwettaq mir-Renju tal-Arabja Sawdija; itenni l-appell tiegħu favur it-tneħħija universali tal-piena tal-mewt u jitlob moratorju immedjat fuq l-eżekuzzjoni tal-pieni tal-mewt f'dan il-pajjiż; jikkundanna l-fatt li l-Arabja Sawdija qed tkompli tapplika l-piena tal-mewt għal firxa wiesgħa ta' raġunijiet meqjusin f'dan il-pajjiż bħala delitti, u b'mod partikolari l-omosesswalità, reati li għandhom x'jaqsmu mad-droga, l-apostasija u l-użu tal-maġija; jistieden bil-ħrara lill-awtoritajiet tal-Arabja Sawdija jtemmu kull kastig korporali fil-pajjiż u jittrasponu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali l-istandards internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; jitlob, bl-istess mod, lill-awtoritajiet tal-Arabja Sawdija jeħilsu minnufih lill-priġunieri kollha ta' kuxjenza, b'mod partikolari lill-blogger Raif Badaoui;

 

7.  Jikkonstata li bl-istess mod il-Kazakistan huwa membru tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem sal-2015; jinsab profondament imħasseb dwar ir-rapporti ta' pressjoni kontinwa fuq organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u organizzazzjonijiet sindakalisti indipendenti fil-Kazakistan, kif indikat fid-dikjarazzjoni tar-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet għal-libertà ta' għaqda paċifika u ta' assoċjazzjoni, is-Sur Maina Kiai, wara ż-żjara reċenti tiegħu fil-Kazakistan f'Jannar 2015; jiddeplora d-detenzjoni kontinwa ta' priġunieri politiċi, b'mod partikolari Vladimir Kozlov, il-mexxej tal-partit tal-oppożizzjoni ALGA, Vadim Kuramshin, avukat tad-drittijiet tal-bniedem u difensur tad-drittijiet tal-priġunieri kif ukoll il-poeta u kittieb Aron Atabek; jistieden lill-KDB jappoġġa b'mod attiv il-ħelsien immedjat tagħhom, kif ukoll il-ħelsien tal-priġunieri kollha arrestati u akkużati għal raġunijiet politiċi; jistieden lill-KDB jieħu pożizzjoni soda dwar id-drittijiet tal-priġunieri; jistieden lill-awtoritajiet tal-Kazakistan, b'mod partikolari minħabba l-fatt li l-Kazakistan huwa membru tal-Bureau tal-KDB fit-28 sessjoni tiegħu, biex jimplimentaw bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tal-Eżami Perjodiku Universali (EPU) reċenti tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-Kumitat kontra t-Tortura (CAT), u biex jesprimu l-impenn tagħhom favur it-titjib tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż;

 

Ir-rapport annwali tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonalijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem u r-rapporti tal-Kummissarju Għoli u tas-Segretarju Ġenerali

 

8.  Jilqa' r-rapport annwali tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem; iqis bħala partikolarment essenzjali l-punt 5 ta' dan ir-rapport, li jgħid dan li ġej: "L-inugwaljanzi dejjem jikbru u l-esklużjoni politika, ekonomika u soċjali tal-gruppi emarġinati kkawżaw ħsara lid-dinjità u d-drittijiet tal-popli f'ħafna pajjiżi u huma fil-biċċa l-kbira l-kaġun tal-inkwiet u tal-kunflitti msemmija hawn fuq. Id-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali u d-dritt għall-iżvilupp sofrew minħabba l-politiki ta' awsterità imposti b'mod sproporzjonat fuq il-foqra u l-emarġinati, kif ukoll il-korruzzjoni; ġie rrifjutat li tingħata prijorità lis-servizzi pubbliċi u li jiġi rikonoxxut id-dritt tal-popli li jieħdu sehem fid-deċiżjonijiet li jaffettwawlhom ħajjithom. Il-migranti komplew iġarrbu tbatija profonda u l-avvenimenti reċenti fuq il-baħar jixhdu stmellija ċinika fil-konfront tal-ħajja umana u tad-drittijiet tal-bniedem."; jitlob lill-Unjoni u lill-Istati Membri jagħmlu disponibbli riżorsi umani, materjali u finanzjarji biżżejjed għal operazzjonijiet li l-għan waħdieni tagħhom huwa s-salvataġġ fuq il-baħar; jitlob lill-Unjoni u lill-Istati Membri jiftħu mezzi legali għal dawk li jfittxu l-ażil, b'mod partikolari permezz ta' żieda sostanzjali tal-postijiet għar-risistemazzjoni tar-rifuġjati u l-ħruġ ta' viżi umanitarji, u jiżviluppaw kanali għall-immigrazzjoni legali ekonomika;

 

9.  Iqis ukoll essenzjali l-attenzjoni mogħtija fir-rapport għat-tisħiħ tal-ugwaljanza u tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, tkunx ibbażata fuq ir-razza, l-appartenenza għal minoranza, is-sess, l-orjentazzjoni jew l-identità sesswali, jew inkella fuq id-diżabbiltà; jissottolinja li f'dan il-qasam ukoll l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jeħtiġilhom jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem;

 

10. Jieħu nota tar-rapport ta' attività tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kolombja (A/HRC/28/3/Add.1 sa 3); jilqa' l-issoktar tat-taħditiet ta' paċi f'Diċembru li għadda u r-rwol li qed tiżvolġi Kuba biex il-gwerra ċivili tintemm f'dan il-pajjiż; jikkonstata, madankollu, li l-Kolombja għadha wieħed mill-aktar pajjiżi perikolużi tad-dinja għall-eżerċizzju tal-attività sindakalista u politika u li l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, li jolqot ukoll lill-istudenti, lill-attivisti tal-partiti tal-oppożizzjoni, lill-bdiewa, lin-nisa u lit-tfal, igawdi impunità kważi totali; bħala konsegwenza, jopponi r-ratifika tal-ftehim ta' kummerċ ħieles ma' dan il-pajjiż; jikkundanna bis-sħiħ il-fatt li d-Dipartiment tal-Intelligence (DAS), li jaqa' direttament taħt il-President tar-Repubblika, wettaq spjunaġġ sistematiku u azzjonijiet illegali bl-għan li jiskredita lill-maġistrati superjuri, lid-deputati tal-oppożizzjoni u lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; ifakkar li s-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Parlament Ewropew, persuni residenti fl-Ewropa u NGOs kienu wkoll fil-mira ta' dan l-aġir; jitlob li dawn ir-reati gravi ma jibqgħux ma jiġux ikkastigati; jitlob lill-Unjoni tapplika r-rakkomandazzjonijiet relatati mal-Kolombja li jinsabu fir-rapport tal-Kumitat kontra t-Tortura;

 

11. Jilqa' l-fatt li r-rapport tal-Kummissarju Għoli dwar il-kwistjoni tad-drittijiet tal-bniedem f'Ċipru jitressaq quddiem il-Kunsill; jikkundanna mill-ġdid il-ksur rikorrenti tad-drittijiet tal-bniedem ikkawżat mill-okkupazzjoni kontinwa ta' 37 % tat-territorju tar-Repubblika ta' Ċipru u l-ksur kontinwu tad-dritt umanitarju internazzjonali matul erbgħin sena min-naħa tat-Turkija kontra ċ-Ċiprijotti Griegi u ċ-Ċiprijotti Torok; jinsab imħasseb speċjalment dwar is-sitwazzjoni tar-rifuġjati, tal-persuni li jgħixu f'enklavi u tal-qraba tal-persuni li għebu; jikkundanna l-privazzjoni tal-aċċess għall-proprjetà immobbli u għall-użu tagħha; jikkundanna l-impożizzjoni ta' miżuri ta' awsterità kontra ċ-Ċiprijotti Torok mit-Turkija fiż-żoni taħt il-kontroll militari Tork, bi ksur tad-drittijiet ekonomiċi u soċjali fundamentali tagħhom; jitlob lid-delegazzjonijiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri jiddenunzjaw dan il-ksur kontinwu, jikkundannaw il-preżenza tat-truppi Torok u tal-insedjaturi, u jappellaw sabiex jintemmu minnufih l-okkupazzjoni tat-territorju Ċiprijott mill-armata Torka u l-politika maħsuba biex timmodifika d-demografija tar-Repubblika ta' Ċipru; jissottolinja li dan il-ksur jikkostitwixxi delitti tal-gwerra; jiddenunzja r-rilokazzjoni, min-naħa tat-Turkija, ta' oqbra tal-massa ta' persuni li għebu; jitlob lit-Turkija tawtorizza l-aċċess għaż-żoni militari kollha u għall-arkivji tal-battalji sabiex tkun tista' titwettaq verifika dwar il-persuni li għebu;

 

12. Jieħu nota tal-punt immirat lejn "L-inkoraġġiment tar-rikonċiljazzjoni u tal-istabbiliment tar-responsabbiltajiet u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fis-Sri Lanka"; ifakkar li, f'Marzu 2014, il-KDB ħatar kummissjoni ta' inkjesta dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fis-Sri Lanka, b'mod partikolari f'dak li jikkonċerna l-aħħar stadji tal-gwerra ċivili, waqt liema gwerra 40 000 ċittadin (prinċipalment Tamil) inqatlu brutalment; huwa tal-fehma li kummissjoni ta' inkjesta ġenwina u indipendenti li tipprova tressaq lill-awturi tad-delitti quddiem il-ġustizzja, inkluż fi ħdan il-livelli għoljin tal-forzi armati, hija prerekwiżit għal proċess ta' rikonċiljazzjoni ġenwin fis-Sri Lanka; jesprimi d-diżappunt kbir tiegħu għall-fatt li l-pubblikazzjoni tar-rapport, ippjanata għal Marzu 2015, ġiet posposta għal tmiem l-2015; jissottolinja li dan in-nuqqas ta' sodisfazzjon jiżdied ma' dak tal-vittmi u l-familji tagħhom fil-konfront tan-nuqqas ta' determinazzjoni min-naħa tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni biex jinvestigaw allegazzjonijiet serji ta' ġenoċidju u ta' impunità fis-Sri Lanka; ifakkar, f'dan ir-rigward, fil-protesti kbar li saru fit-Tramuntana tas-Sri Lanka u fi bnadi oħra, filwaqt li jitlob il-pubblikazzjoni immedjata tar-rapport u jistieden lill-KDB jirrevedi d-deċiżjoni tiegħu; jieħu nota tal-impenn meħud mill-Gvern tas-Sri Lanka, li għadu kif ġie elett, li jikkoopera mal-KDB; jinsisti, madankollu, biex din il-kollaborazzjoni tkun utli u tikkontribwixxi għall-proċess ta’ rikonċiljazzjoni; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Gvern tas-Sri Lanka jieħu miżuri urġenti biex itemm il-militarizzazzjoni tat-Tramuntana u tal-Lvant tal-gżira, li jeħles lill-priġunieri politiċi kollha u jħassar ir-restrizzjonijiet kollha, inkużi l-projbizzjoni tal-ivvjaġġar u l-pressjoni fuq l-attivisti politiċi, u li jiżgura l-eżerċizzju liberu tad-drittijiet demokratiċi;

 

13. Jieħu nota tas-sitwazzjoni attwali tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iraq fid-dawl tal-ksur imwettaq mill-hekk imsejjaħ "Stat Iżlamiku tal-Iraq u tal-Lvant" u mill-gruppi assoċjati ma' din l-organizzazzjoni; jikkundanna bil-qawwa l-attakki mwettqa minn din l-organizzazzjoni kontra l-popli u l-Istati tal-Iraq u tas-Sirja, l-eżekuzzjonijiet sommarji, il-qerda u l-vjolenza kontra l-popolazzjonijiet ċivili; jesprimi s-solidarjetà profonda u l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi; jitlob il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet ta' dawk kollha miżmuma ostaġġi minn dan il-grupp terroristiku;

 

14. Iqis bħala partikolarment importanti r-rapport li rriżulta mil-laqgħa ta' diskussjoni dwar id-dritt għall-privatezza fl-era diġitali; jiddeplora li t-teknoloġiji u s-servizzi tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, inklużi dawk Ewropej, qed jintużaw f'pajjiżi terzi biex jiksru d-drittijiet tal-bniedem, speċjalment permezz taċ-ċensura u s-sorveljanza tal-massa; jikkundanna bl-istess mod l-ispjunaġġ tal-massa mwettqa fuq miljuni ta' persuni min-National Security Agency tal-Istati Uniti; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar it-tixrid tat-teknoloġiji ta' sorveljanza u ta' filtrazzjoni, li jirrappreżentaw theddida dejjem akbar għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u spiss jippreġudikaw id-dritt għall-privatezza; jitlob li dawn il-preokkupazzjonijiet jittieħdu inkunsiderazzjoni waqt dan l-istadju tas-sessjoni;

 

Promozzjoni u protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem kollha: ċivili, politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali, inkluż id-dritt għall-iżvilupp

Drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali

15. Jilqa' l-importanza mogħtija fit-28 sessjoni tal-KDB lill-promozzjoni u lill-protezzjoni tad-drittijiet ekonomiċi u soċjali u lill-kwistjoni tal-interdipendenza tad-drittijiet tal-bniedem; jissottolinja mill-ġdid il-ħtieġa li d-drittijiet ekonomiċi, soċjali, kulturali, ċiviċi u politiċi jiġu trattati bl-istess mod; jinsisti fuq il-fatt li r-rati għoljin ta' qgħad, iż-żieda fil-faqar u fl-esklużjoni soċjali, l-aċċess dejjem aktar diffiċli għal servizzi pubbliċi bi prezz li jintlaħaq fl-oqsma tas-saħħa, l-edukazzjoni, id-djar, it-trasport u l-kultura u d-deterjorament tal-kwalità ta' dawn is-servizzi jirrappreżentaw sfidi importanti; jenfasizza li l-privatizzazzjonijiet u l-liberalizzazzjoni kkontribwew biex l-aċċess għal uħud minn dawn id-drittijiet imur għall-agħar, li din ix-xejra trid titreġġa' lura u li tqassim aħjar tal-ġid, salarji adegwati u impjiegi ta' kwalità huma modi importanti kif jiġu solvuti dawn il-problemi; jikkonstata, bl-istess mod, li l-pjanijiet ta' awsterità stabbiliti kemm fil-pajjiżi membri tal-Unjoni kif ukoll f'pajjiżi oħra, anke bi pressjoni min-naħa tal-Unjoni, komplew jaggravaw l-inugwaljanzi u l-faqar;

 

16. jissottolinja, barra minn hekk, li l-introduzzjoni tad-demokrazija (klawżoli dwar id-drittijiet tal-bniedem) fil-ftehimiet ta' kummerċ ħieles iffirmati mill-Unjoni mal-pajjiżi terzi kienet falliment, mhux biss peress li qajla ġew ikkunsidrati, iżda anke minħabba li dawn il-ftehimiet ta' kummerċ ħieles saħansitra rriżultaw fi ksur tad-drittijiet ekonomiċi u soċjali, fit-tfaqqir tal-komunitajiet ikkonċernati u fil-monopolizzazzjoni tar-riżorsi minn kumpaniji multinazzjonali; iqis li, minbarra dawn il-klawżoli, jeħtieġ li jiġu implimentati forom ġodda ta' kooperazzjoni sabiex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-pajjiżi terzi abbażi tal-bżonnijiet tal-popli tagħhom; iqis li, minbarra l-impatt tal-pjanijiet ta' awsterità fuq id-drittijiet tal-bniedem, il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU għandu wkoll janalizza u jiddenunzja l-impatti tal-ftehimiet ta' kummerċ ħieles attwali;

 

17. jinnota li l-Forum Ekonomiku Dinji li jitlaqa' kull sena f'Jannar f'Davos, fl-2015 enfasizza l-fatt li 1 % tal-abitanti tal-pjaneta dinjija jippossjedu 48 % tal-patrimonju, meta mqabbla mal-44 % "biss" fl-2009, u jissottolinja li l-limitu ta' 50 % għandu jinqabeż fl-2016; jissottolinja li l-kriżi tikkonferma l-perikli tas-sistema ekonomika u politika attwali u li din kabbret l-inugwaljanzi soċjali, li diġà huma drammatiċi, favur il-persuni bl-ogħla dħul li qed jiżdiedu b'mod qawwi meta mqabbla mal-persuni bi dħul medju; jikkunsidra li l-kwistjoni tat-tqassim tal-ġid fid-dinja għandha tkun il-prijorità assoluta ta' din it-28 sessjoni tal-KDB għaliex hija l-ostakolu ewlieni għat-twettiq tad-drittijiet ekonomiċi u soċjali, u jqis li d-delegazzjonijiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jintlaħaq dan l-għan;

 

18.  Jilqa' l-importanza mogħtija lill-"akkomodazzjoni adatta bħala aspett tad-dritt għal livell ta' għajxien suffiċjenti"; jitlob lid-delegazzjonijiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri biex jippromwovu l-aċċess għal akkomodazzjoni ta' kwalità għal kulħadd, mingħajr diskriminazzjoni, bħala dritt fundamentali u biex jeżaminaw il-kwistjoni tal-aċċess għall-akkomodazzjoni fl-Unjoni (speċjalment minn mindu bdiet il-kriżi u ġew stabbiliti miżuri ta' awsterità) bl-għan li jimpenjaw ruħhom biex isolvu din il-problema endemika, li kompliet tmur għall-agħar f'dawn l-aħħar snin; itenni l-ħtieġa li jiġu rekwiżizzjonati d-djar battala u li jieqfu t-tkeċċijiet biex tiġi indirizzata l-kriżi attwali f'għadd ta' Stati Membri;

 

19. Jilqa' bl-istess mod ir-rapport dwar id-"dritt għall-ikel" u l-fatt li l-mandat tar-Rapporteur Speċjali ġie mġedded bi tliet snin biex titkompla l-ħidma fuq ir-riperkussjonijiet tal-kriżi tal-ikel dinjija fuq it-twettiq ta' dan id-dritt; jissottolinja li l-Istati Membri tan-Nazzjonijiet Uniti għandhom jippromwovu aktar l-aċċess għar-riżorsi naturali u vitali, l-aċċess għall-art kif ukoll għas-sovranità u s-sikurezza tal-ikel bħala strument biex jitnaqqsu l-faqar u l-qgħad; jiddeplora l-fatt li numru konsiderevoli ta' persuni m'għandhomx, jew m'għadx għandhom, aċċess għal ċerti riżorsi, inklużi beni fundamentali bħall-ilma, minħabba li dawn jikkapparrawhom impriżi jew entitajiet privati, li jistgħu jkunu appoġġati mill-awtoritajiet politiċi tal-Istati kkonċernati, aġir li jikkaġuna skarsezza tal-ikel u żieda fil-prezzijiet tal-oġġetti tal-ikel; jitlob, għalhekk, lid-delegazzjonijiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri meħtieġa bl-għan li jtemmu l-approprjazzjoni tar-riżorsi, speċjalment tal-art, b'mod partikolari minn impriżi Ewropej, u biex jippromwovu l-proposti f'fora u konferenzi internazzjonali u reġjonali (il-Bank Dinji, id-WTO, l-UNCTAD, l-FMI, l-OECD, eċċ.) għar-rikonoxximent tal-ġid pubbliku fundamentali u l-inklużjoni tiegħu f'konvenzjoni speċifika tan-NU; jitlob, barra minn hekk, lill-Unjoni u lill-Istati Membri tagħha biex jappoġġaw ir-riżoluzzjoni Nru 64/292 tat-28 ta' Lulju 2010 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU li tirrikonoxxi l-ilma bħala dritt fundamentali u jagħmlu minn kollox biex din tiġi implimentata u ssir vinkolanti;

 

20. Jissottolinja l-importanza tal-punt dwar l-"Effetti tad-dejn estern u l-obbligi finanzjarji internazzjonali marbuta tal-Istati fuq l-eżerċizzju sħiħ tad-drittijiet kollha tal-bniedem" u huwa allarmat dwar il-fatt li l-imgħax fuq id-dejn tal-Istati llum jolqot il-parti l-kbira tal-pajjiżi u jservi bħala skuża biex jiġu stabbiliti pjanijiet ta' awsterità msejħa "pjanijiet ta' aġġustament strutturali"; itenni l-pożizzjoni tiegħu, b'mod partikolari f'dan il-kuntest ta' kriżi ekonomika u soċjali, favur il-maħfra tad-dejn għall-pajjiżi tat-tielet dinja iżda anke għall-pajjiżi (b'mod partikolari l-Istati Membri tal-Unjoni) li għandhom l-akbar diffikultajiet sabiex jiġi evitat li l-kriżi tmur għall-agħar u tkun żgurata t-tgawdija reali tad-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali;

 

21. Iqis li, fid-dawl tar-responsabbiltajiet tagħha u ta' dawk ta' ċerti Stati Membri, fis-sitwazzjoni ekonomika, soċjali u politika li wasslet għal rewwixti popolari fil-pajjiżi tal-hekk imsejħa "Rebbiegħa Għarbija", l-Unjoni Ewropea għandha tgħin lill-istituzzjonijiet ta' dawn il-pajjiżi biex iwettqu verifiki tad-dejn tagħhom u b'mod partikolari tad-dejn Ewropew bl-għan li tidentifika l-parti illeġittima ta' dawn id-djun li ma kinux ta' benefiċċju għall-popolazzjoni; iżid jgħid li l-Unjoni jeħtiġilha tagħmel ħilitha kollha biex tippermetti l-kanċellazzjoni rapida ta' dawn id-djun illeġittimi; iħeġġeġ mill-ġdid lill-Unjoni u lill-Istati Membri tagħha jagħmlu sforzi ġodda sinifikanti bl-għan li jiffaċilitaw ir-radd, fi żmien raġonevoli, tal-assi miżapproprjati mir-reġimi preċedenti lill-popli tal-pajjiżi tar-Rebbiegħa Għarbija; huwa mħasseb dwar il-kontinwità tal-linji gwida tas-sħubijiet fil-konfront tad-diskussjonijiet li saru preċedentement;

 

22. Jissottolinja l-fatt li l-politiki ta' migrazzjoni tal-Unjoni, bħall-appoġġ għar-reġimi mhux demokratiċi bl-iskuża ta' "governanza tajba" u l-ħolqien ta' sħubijiet għal raġunijiet purament ekonomiċi, jheddu d-drittijiet tal-bniedem u l-kredibbiltà tal-Unjoni fil-livell internazzjonali; jikkundanna, f'dan ir-rigward, il-"Proċess ta' Khartoum" mibdi mill-Presidenza Taljana tal-Unjoni u t-twaqqif futur ta' inizjattiva dwar ir-rotta migratorja UE-Qarn tal-Afrika li tinvolvi kooperazzjoni, b'mod partikolari, mar-reġim Eritrew u ma' dak Sudaniż; jitlob għal darb'oħra lill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jimplimentaw il-klawżoli dwar id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fil-ftehimiet internazzjonali kollha, tkun xi tkun in-natura tagħhom, u jiggarantixxu r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fil-politiki interni u esterni tagħhom stess, peress li n-nuqqas ta' dan idgħajjef il-pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan il-KDB u fi kwalunkwe forum internazzjonali li jindirizza d-drittijiet tal-bniedem;

 

Drittijiet ċivili u politiċi

 

23. Jitlob lill-Istati kollha jiġġieldu kontra t-tortura, anke fit-territorju tal-Istati Membri; jitlob lid-delegazzjonijiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri biex, fid-diskussjoni dwar it-tortura u pieni u trattamenti oħra inumani jew degradanti, jinkludu l-kwistjoni tal-projbizzjoni tal-kummerċ ta' prodotti li jafu jservu għal finijiet ta' tortura, kemm fl-Unjoni Ewropea kif ukoll lil hinn minnha;

 

24. Jissottolinja l-importanza li titkompla l-ħidma fuq il-prattiki globali b'mod partikolari dwar l-użu tad-detenzjoni sigrieta fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu; jitlob lill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jiżguraw segwitu adegwat tar-rapporti eżistenti, f'konformità mal-pożizzjonijiet adottati preċedentement mill-Parlament Ewropew dwar din il-kwistjoni, speċjalment fir-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar l-użu ta' pajjiżi Ewropej mis-CIA għat-trasport, id-detenzjoni illegali u t-tortura tal-priġunieri; bl-istess mod jikkundanna l-użu tat-tortura sistematika mill-Istati Uniti fil-bażi militari ta' Guantanamo; jissottolinja, għal darb'oħra, in-natura illegali ta' din il-bażi u jitlob li tingħalaq minnufih u li Kuba terġa' tingħata t-totalità tar-territorju tagħha;

 

25. Jistieden lid-delegazzjonijiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri biex isostnu mill-ġdid il-pożizzjoni tagħhom kontra l-piena kapitali, favur l-abolizzjoni universali tagħha u favur it-tqegħid fis-seħħ ta' moratorju minnufih fil-pajjiżi fejn għadha fis-seħħ; huwa mħasseb minħabba li għadd ta' pajjiżi li kienu ssospendew il-piena kapitali qed jerġgħu jwettqu eżekuzzjonijiet kapitali;

 

26. Jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġu indirizzati, matul din is-sessjoni tal-KDB, il-kwistjonijiet tal-libertà ta' assoċjazzjoni u tal-ġlieda kontra kull forma ta' ripressjoni, inkluż l-omiċidju ta' sindakalisti, ta' attivisti politiċi u tas-soċjetà ċivili, ta' artisti u ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

 

27. Jieħu nota tar-rapport dwar il-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin u jfakkar li din tinkludi kemm id-dritt li wieħed jemmen jew le, kif ukoll il-promozzjoni tat-twemmin reliġjuż u d-dritt li wieħed jibdel twemminu; jissottolinja mill-ġdid ir-rabta tiegħu mas-sekulariżmu bħala karatteristika fundamentali ta' ċerti Stati u kulturi u li huwa definit bħala s-separazzjoni stretta bejn l-awtoritajiet politiċi u reliġjużi, li timplika r-rifjut ta' kull tip ta' ndħil reliġjuż fil-funzjonament tal-gvern u kull tip ta' ndħil politiku fl-affarijiet reliġjużi, sakemm mhux għal skopijiet ta' osservanza tar-regoli tas-sigurtà u tal-ordni pubbliku (inkluż ir-rispett tad-dritt għal-libertà tal-oħrajn), u jiggarantixxi lil kulħadd (min jemmen, anjostiċi jew atei) l-istess libertà tal-kuxjenza u tal-espressjoni pubblika tat-twemmin;

 

Drittijiet tal-popli u ta' gruppi u individwi partikolari

 

28. Jissottolinja mill-ġdid id-dritt inaljenabbli għall-awtodeterminazzjoni li għandhom il-popli u d-dritt li jagħżlu l-orjentazzjonijiet politiċi, ekonomiċi u soċjali tagħhom mingħajr indħil minn barra; jitlob lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha biex, fl-okkażjoni tat-28 sessjoni tal-KDB, jippromwovu vigorożament dan id-dritt minflok il-politiki attwali; barra minn hekk, jirrifjuta l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet mill-UE u l-Istati Uniti fuq pajjiżi terzi bl-għan li jipproteġu l-interessi ekonomiċi u ġeopolitiċi tagħhhom irrispettivament mis-sitwazzjoni umanitarja;

 

29. Jesprimi mill-ġdid it-tħassib tiegħu fir-rigward tad-deterjorament tas-sitwazzjoni tad-difensuri, l-attivisti, l-organizzazzjonijiet u l-istituzzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll ta' dik tal-ġurnalisti, f'forom differenti u f'livelli differenti fid-dinja kollha, u anke fi ħdan l-Unjoni;

 

30. Jissottolinja l-importanza li jiġu rispettati d-drittijiet fundamentali tal-popli indiġeni u tribali kif definiti fil-Konvenzjoni Nru 169 tal-ILO; huwa preokkupat ferm dwar is-sitwazzjoni tal-poplu Mapuche u tal-popli awtoktoni f'pajjiżi bħall-Gwatemala; jikkundanna r-ripressjoni kontra l-mexxejja awtoktoni u l-omiċidju ta' mexxejja tas-sindakati u jitlob li l-Kummissjoni Internazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Impunità fil-Gwatemala ma tiġix xolta f'Settembru 2015;

 

31. Jilqa' l-importanza mogħtija lid-drittijiet tat-tfal waqt it-28 sessjoni u r-rieda, wara l-adozzjoni tar-Riżoluzzjoni 25/6, li l-mandat tar-Rapporteur Speċjali dwar il-bejgħ tat-tfal, il-prostituzzjoni u l-pornografija tat-tfal jiġġedded bi tliet snin; bl-istess mod jilqa' l-fatt li l-Kunsill ippreveda, matul din it-28 sessjoni, jum ta' dibattitu li, f'konformità mar-Riżoluzzjoni 25/6, se jkun iddedikat għall-kwistjoni "Lejn investiment aħjar fid-drittijiet tat-tfal" u se jiffoka fuq il-mezzi biex jitħaffu l-isforzi internazzjonali bl-għan li tintemm il-vjolenza fuq it-tfal;

 

32. Jitlob lill-Unjoni u lill-Istati Membri tagħha jaħdmu bi prijorità favur azzjonijiet konkreti min-naħa tal-KDB maħsuba biex itemmu l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem li jaffettwa lill-popolazzjoni ċivili, u speċjalment lin-nisa u lit-tfal, fis-sitwazzjonijiet ta' gwerer u ta' kunflitti vjolenti; jitlob li jiġu implimentati azzjonijiet prijoritarji speċjalment biex jintemm ir-reklutaġġ ta' suldati tfal u biex tiġi żgurata l-protezzjoni tagħhom;

 

33. Jirrifjuta l-użu tal-kunċett ta' "responsabbiltà ta' protezzjoni", peress li jikser id-dritt internazzjonali u ma jipprovdix bażi ġuridika suffiċjenti biex tiġġustifika l-użu unilaterali tal-forza, f'ħafna każijiet bl-għan ta' bidla fir-reġim; jikkundanna l-adozzjoni unilaterali tar-rwol ta' pulizija dinjija minn Stati b'saħħithom bħall-Istati Uniti jew organizzazzjonijiet bħan-NATO; jikkundanna wkoll l-attakki mill-ajru msejħa "selettivi" u l-introduzzjoni ta' truppi barranin fit-territorju; jiddenunzja t-tentattiv tan-NATO li tieħu post il-kompiti ta' paċifikazzjoni u ta' stabbilizzazzjoni li jistgħu jiġu implimentati biss b'kunsens wiesa' fil-qafas tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti; jesprimi l-preokkupazzjoni kbira tiegħu dwar l-għadd li qed jiżdied ta' każijiet ta' reklutaġġ ta' tfal u żgħażagħ; ifakkar fil-bżonn li jiġu protetti b'mod partikolari t-tfal u n-nisa milquta mill-kunflitti armati;

 

Interdipendenza tad-drittijiet tal-bniedem u tal-kwistjonijiet tematiċi marbutin mad-drittijiet tal-bniedem

 

34. Iqis li huwa importanti ħafna l-punt dwar il-"Protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu"; huwa mħasseb ferm minħabba d-deterjorament tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet ċivili bil-pretest ta' ġlieda kontra t-terroriżmu u, dejjem aktar, kontra l-kriminalità serja, mingħajr ma dawn il-kunċetti jiġu definiti b'mod ċar, anke fi ħdan l-Unjoni jew permezz ta' ftehimiet speċifiċi ma' ċerti Stati li fihom id-drittijiet tal-bniedem mhumiex applikati; huwa mħasseb b'mod partikolari minħabba l-ksur f'dan il-qasam tan-normi dwar il-protezzjoni tad-data u r-rispett tal-ħajja privata;

 

35. Jiddispjaċih li l-komunità internazzjonali għadha ma nedietx negozjati bl-għan tal-konklużjoni ta' ftehim internazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data personali li jista' jitnebbaħ mill-Konvenzjoni 108 tal-Kunsill tal-Ewropa, u jistieden lid-delegazzjonijiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri biex jaħdmu għat-tħejjija ta' tali qafas, b'kooperazzjoni mal-kontropartijiet internazzjonali tagħhom;

 

36. Jikkundanna mill-ġdid ir-rikors wiesa' fil-qasam ta' politiki hekk imsejħa "ta' sigurtà" għal impriżi militari jew ta' sigurtà privati għad li din hija kwistjoni ta' kompetenzi sovrani li jaqgħu taħt l-awtorità esklużiva tal-Istat, u jitlob lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex itemmu dawn il-prattiki; iqis li l-impriżi militari u ta' sigurtà privati għandhom, f'dan il-qasam u taħt ir-responsabbiltà tal-Istati, jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni tad-data u tar-rispett tal-ħajja privata; iqis li, f'dak li għandu x'jaqsam mat-trasferiment ta' missjonijiet tas-servizz pubbliku, l-Istati kif ukoll l-impriżi għandhom jinżammu responsabbli tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju mwettaq mill-persunal ta' dawn l-impriżi;

 

37. jinsisti, barra minn hekk, fuq il-fatt li r-regolamentazzjoni dgħajfa, in-nuqqas ta' ċarezza u n-nuqqas ta' kontroll fir-rigward tal-kummerċ tal-armi kkawżaw tbatija umana, komplew ikabbru l-kunflitti armati, l-instabbiltà u l-korruzzjoni, fixklu l-proċessi ta' paċi u wasslu għat-twaqqigħ ta' gvernijiet eletti demokratikament u għall-ksur tal-istat tad-dritt, tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali; jinsisti, għalhekk, li din il-kwistjoni tiġi indirizzata matul din is-sessjoni;

 

38. iqis, bl-istess mod, li huwa estremament importanti l-punt dwar id-drittijiet tal-bniedem u dwar l-ambjent, u jqis li dan huwa marbut intrinsikament mad-drittijiet tal-popli li jagħmlu użu mir-riżorsi naturali proprji, mill-artijiet tagħhom u minn sistema ambjentali sostenibbli; iqis, għaldaqstant, li huwa fundamentali li jiġi ratifikat u implimentat minn kulħadd il-proċess ta' Kjoto, kif ukoll konvenzjonijiet internazzjonali oħra li jippermettu t-tgawdija effettiva ta' dawn id-drittijiet;

 

Sitwazzjonijiet marbuta mad-drittijiet tal-bniedem li jeħtieġu l-attenzjoni tal-Kunsill

 

39. Jieħu nota tad-deċiżjoni tal-Kunsill li jestendi l-mandat tal-Kummissjoni Internazzjonali Indipendenti ta' Inkjesta 25/23 biex tinvestiga l-ksur kollu tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem minn Marzu 2011; jiddenunzja bil-qawwa l-użu ta' armi kimiċi kontra l-popolazzjoni Sirjana; jiddeplora l-falliment ta' Ġinevra II u jissottolinja l-fatt li d-destin futur tas-Sirja għandu jappartjeni reżolutament lill-poplu Sirjan; huwa favur soluzzjoni politika għall-kunflitt, bil-qbil tas-Sirjani, bla kwalunkwe forma ta' intervent barrani, li jippermetti djalogu nazzjonali inklussiv bl-għan li jiġu indirizzati l-aspirazzjonijiet u l-preokkupazzjonijiet leġittimi tal-poplu Sirjan fir-rigward ta' tibdiliet demokratiċi;

 

40. jikkonstata li s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran qed tibqa' tmur għall-agħar; josserva li r-ripressjoni fir-rigward tad-dimostranti u tad-dissidenti paċifiċi (inklużi l-istudenti, l-akkademiċi u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem), l-attivisti favur id-drittijiet tan-nisa, il-ġuristi, il-ġurnalisti, il-bloggers u r-reliġjużi tikkostitwixxi fatt normali f'dan il-pajjiż; jissottolinja r-rwol fundamentali li għandha tiżvolġi l-komunità internazzjonali biex tiggarantixxi l-paċi; jiddikjara li huwa serjament preokkupat dwar id-deterjorament kontinwu tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran, in-numru dejjem jikber ta' priġunieri politiċi u ta' priġunieri ta' kuxjenza, in-numru dejjem kbir ta' eżekuzzjonijiet, fosthom ta' minorenni, it-tortura, il-proċessi inġusti u l-ammonti eżorbitanti mitlubin bħala garanzija, kif ukoll ir-restrizzjonijiet ħorox fuq il-libertà tal-informazzjoni, tal-espressjoni, tal-għaqda, tar-reliġjon, tal-edukazzjoni u tal-moviment; jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill li jġedded il-mandat tar-Rapporteur Speċjali dwar is-Sitwazzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem fir-Repubblika Iżlamika tal-Iran għal perjodu ta' sena;

 

41. Jirrikonoxxi r-riformi politiċi u ċivili li għaddejjin bħalissa fil-Mjanmar fil-qasam tad-drittijiet, iżda jħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jintensifikaw l-isforzi tagħhom, speċjalment billi jeħilsu lill-priġunieri politiċi, u biex jiġġieldu b'urġenza kontra l-vjolenza interkomunitarja; jesprimi l-preokkupazzjoni kbira tiegħu dwar il-vjolenza fl-Istat ta' Rakhine, li hija konsegwenza antika tal-politiki diskriminatorji kontra r-Rohingya; jilqa' l-estensjoni tal-mandat tar-Rapporteur Speċjali dwar is-Sitwazzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-Mjanmar għal sena addizzjonali;

 

42. Jiddispjaċih li s-sitwazzjoni fl-Amerika Latina, b'mod partikolari fil-Ħonduras u l-Paragwaj, ma ġietx inkluża fl-aġenda ta' din id-diskussjoni; jitlob li s-sitwazzjoni tad-drittjiet tal-bniedem fil-Ħonduras u l-Paragwaj mill-kolpi ta' stat 'l hawn tiġi ssorveljata tassew u li jsir minn kollox biex jiġu stabbiliti mill-ġdid id-demokrazija u l-istat tad-dritt f'dawn il-pajjiżi; jitlob lid-delegazzjonijiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri biex jaħdmu favur il-kundanna tal-kolpi ta' stat, biex ma jirrikonoxxux il-gvernijiet de facto u biex jesiġu li dawk ħatja jittellgħu l-qorti; jitlob, bl-istess mod, li ssir inkjesta dwar it-tentattivi ta' kolp ta' stat f'pajjiżi oħra tal-Amerika Latina (bħall-Ekwador u l-Venezwela) u li jiġu identifikati dawk responsabbli, inklużi pajjiżi terzi;

 

43. Jiddispjaċih, bl-istess mod, li l-kwistjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Messiku mhijiex qed tiġi indirizzata matul din is-sessjoni filwaqt li l-għajbien u l-eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, kif ukoll għadd kbir ta' femminiċidji, qed jiżdiedu b'rata kbira u li r-responsabbiltà tal-awtoritajiet ġiet ippruvata; huwa estremament preokkupat dwar l-impunità li tirrenja fil-Messiku, fejn aktar minn 22 000 ruħ għebu, aktar minn nofshom f'dawn l-aħħar snin, iżda fejn 98 % tad-delitti jibqgħu ma jiġux ikkastigati; jikkundanna l-kriminalizzazzjoni u r-ripressjoni ta' studenti, ġurnalisti, attivisti soċjali, ta' mexxejja nazzjonali u ta' sindakalisti fil-pajjiż, inklużi l-għajbien u l-omiċidji; jitlob lid-delegazzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri għat-28 sessjoni jappoġġjaw it-talbiet tal-NGOs bl-għan li l-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-QKI u tat-Tribunal tal-Aja jagħtu attenzjoni partikolari lid-delitti mwettqa fil-Messiku u, meta jkun xieraq, jiftħu inkjesta internazzjonali;

 

44. Jiddispaċih, bl-istess mod, li l-kwistjoni tad-drittijiet tal-bniedem fit-Turkija ma ġietx inkluża fl-aġenda; huwa partikolarment imħasseb minaħabba d-deterjorament tas-sitwazzjoni demokratika f'dan il-pajjiż u minħabba ż-żieda tar-ripressjoni fir-rigward tad-demokratiċi, tal-eletti u l-attivisti politiċi, tas-sindakalisti, tal-ġurnalisti, tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-artisti; jikkonstata li din ir-ripressjoni hija partikolarment immirata lejn il-Kurdi; jitlob lid-delegazzjoni tal-Unjoni tieħu ħsieb li dan id-dibattitu jitqajjem waqt it-28 sessjoni tal-KDB u li jingħata appoġġ espliċitu għat-tnedija mill-ġdid tad-diskussjonijiet dwar il-proċess tal-paċi;

 

45. Jitlob, bl-istess mod, li tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-Eġittu fis-sitwazzjonijiet li jeħtieġu l-attenzjoni tal-Kunsill; huwa mħasseb ferm dwar il-ksur mifrux tad-drittijiet tal-bniedem f'dan il-pajjiż; huwa preokkupat dwar il-liġi li tillimita d-dimostrazzjonijiet u jitlob lill-Eġittu jirrispetta l-obbligi internazzjonali tiegħu fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem f'dan ir-rigward; ifakkar li l-parteċipazzjoni f'dimostrazzjonijiet paċifiċi jew il-kritika tal-gvern m'għandhomx jikkostitwixxu raġunijiet għal arrest jew prosekuzzjoni; jitlob lill-awtoritajiet Eġizzjani biex itemmu kull att ta' fastidju u ripressjoni, anke fil-livell ġudizzjarju, kontra l-attivisti, il-ġurnalisti, l-oppożizzjoni politika, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u s-sindakalisti; jesprimi tħassib kbir b'rabta mal-użu deliberat ta' sentenzi tal-mewt tal-massa bħala strument ta' prosekuzzjoni arbitrarja u politika, użati mill-Istat biex irażżan l-oppożizzjoni politika;

 

46.Huwa partikolarment imħasseb ukoll dwar il-kundizzjonijiet li fihom jistgħu jsiru elezzjonijiet futuri, b'mod partikolari fis-Sudan u fil-Burundi; ifakkar fil-ħtieġa urġenti li l-votazzjonijiet u l-modalitajiet ta' organizzazzjoni tagħhom ikunu sistematikament soġġetti għal kunsens wiesa' bejn il-gvernijiet, l-oppożizzjoni u s-soċjetajiet ċivili; jitlob li l-appoġġ internazzjonali għall-elezzjonijiet ikun jiddependi assolutament fuq ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-waqfien immedjat tal-kunflitti skont il-każ u fuq proċess li jkun trasparenti, liberu u ġust;

 

Is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Palestina u fit-territorji Għarab okkupati l-oħra

 

47. Jilqa' l-attenzjoni partikolari mogħtija matul din it-28 sessjoni lis-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Palestina u fit-territorji Għarab okkupati l-oħra, b'mod partikolari rigward id-dritt tal-poplu Palestinjan għall-awtodeterminazzjoni, u t-twaqqif ta' Stat indipendenti u sostenibbli skont il-fruntieri tal-1967; iħeġġeġ bil-qawwa lid-delegazzjoni tal-Unjoni biex tikkundanna kull għamla ta' kolonjaliżmu, speċjalment fil-Palestina, kemm fix-Xatt tal-Punent kif ukoll f'Ġerusalemm tal-Lvant;

 

48. Jiddenunzja l-politika kontinwa ta' espansjoni tal-insedjamenti u l-okkupazzjoni mmexxija mill-Iżrael fix-Xatt tal-Punent u f'Ġerusalemm tal-Lvant, bi ksur tad-dritt internazzjonali; jikkundanna b'mod sod it-tkeċċija tal-komunitajiet Bedwini mill-artijiet tal-antenati tagħhom fin-Negev fl-inħawi ta' Ġerusalemm tal-Lvant kif ukoll il-politika ta' spostament immexxija mill-Iżrael kontra l-Bedwini; jiddenunzja t-tiġrif sistematiku tad-djar Palestinjani bħala strument ta' kastig massiv u ta' kolonizzazzjoni; jissottolinja l-fatt li din il-politika tikkostitwixxi akkapparrament tal-art Palestinjana, privazzjoni tal-użu tal-artijiet agrikoli u qerda tal-komunitajiet; jiddenunzja din il-politika li għandha l-għan li teqred il-possibbiltà ta' Stat Palestinjan b'Ġerusaemm tal-Lvant bħala kapitali, bi qbil mar-riżoluzzjonijiet tan-NU; jitlob minnufih lid-delegazzjonijiet tal-Istati Membri u tal-Unjoni jiddenunzjaw din il-politika Iżraeljana, jeżiġu l-waqfien immedjat tagħha u jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa għal dan l-għan;

 

49. Ifakkar fl-importanza tar-rapport tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fit-territorji Palestinjani, li jiddenunzja l-fatt li l-politika ta' Iżrael fix-Xatt tal-Punent u fl-Istrixxa ta' Gaża jidher li qed twassal għal apartheid, dovut għall-oppressjoni sistematika tal-poplu Palestinjan, u l-esproprjazzjoni de facto ta' artijietu, il-ksur mill-forzi armati Iżraeljani tad-drittijiet fundamentali tal-Palestinjani, kif ukoll it-tindif etniku f'Ġerusalemm tal-Lvant, bit-tentattiv tal-awtoritajiet Iżraeljani li Ġerusalemm jagħmluha belt Lhudija, sabiex japproprjawha; jissottolinja l-fatt li, wara sitt snin ta' investigazzjoni fuq il-post, l-investigatur Richard Falk ħareġ konstatazzjonijiet allarmanti dwar is-sitwazzjoni tal-Palestinjani, u jiddenunzja b'mod sod l-okkupazzjoni Iżraeljana; jissottolinja l-fatt li soluzzjoni waħda fadal sabiex l-Istat jiġi kkastigat għal dawn l-azzjonijiet: il-bojkott tal-prodotti tiegħu;

 

50.  Jilqa' l-pubblikazzjoni tar-rapport ta' Amnesty International għall-2014-2015, li jikkundanna l-atti ta' vjolenza mwettqa mis-suldati Iżraeljani fix-Xatt tal-Punent, u jfakkar fl-okkupazzjoni brutali Iżraeljana tat-territorji Palestinjani; jissottolinja l-fatt li, skont rapporti differenti, it-trattament tal-Palestinjani mill-armata Iżraeljana jista' jitqabbel ma' delitti tal-gwerra; jiddenunzja l-kompliċità tar-rappreżentanti tal-professjoni medika mal-armata Iżraeljana fit-trattament ħażin tal-priġunieri Palestinjani;

 

51.  Jikkundanna l-qagħda tal-priġunieri Palestinjani fil-ħabsijiet Iżraeljani; jitlob lill-Istat ta' Iżrael biex itemm immedjatament il-prattika ta' priġunerija fuq skala massiva, id-detenzjonijiet amministrattivi, it-trasferimenti ta' priġunieri politiċi 'l barra mit-territorji okkupati, b'mod li jiċċaħħdu mill-possibbiltà li qrabathom iżuruhom, it-trattamenti ħżiena u t-tortura, u r-rifjut ta' trattament mediku adegwat u f'waqtu, li jikkostitwixxu ksur flagranti tad-dritt internazzjonali; itenni l-kundanna tiegħu ta' kull forma ta' tortura u ta' trattament ħażin; jitlob lill-Iżrael jiggarantixxi immedjatament il-konformità tiegħu mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra t-Tortura, li huwa parti għaliha; jiddenunzja d-detenzjoni u t-trattament ħażin tat-tfal u jeżiġi l-ħelsien immedjat tan-nisa u t-tfal miżmumin il-ħabs; jiddenunzja l-mod kif jiġu ttrattati t-tfal mill-qrati Iżraeljani;

 

52. Jikkundanna s-sitwazzjoni tal-priġunieri Palestinjani u jitlob li jinħelsu; ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2013, li fiha stieden lill-Gvern Iżraeljan jirrispetta d-drittijiet tal-priġunieri Palestinjani u jipproteġi saħħithom u ħajjithom; jinsab allarmat dwar id-destin tal-priġunieri Palestinjani miżmuma mingħajr ħtija; jissottolinja l-fatt li dawn il-priġunieri għandhom jiġu akkużati u pproċessati, bil-garanziji ġudizzjarji skont l-istandards internazzjonali, jew inkella għandhom jinħelsu rapidament, u jesprimi tħassib kbir għas-sitwazzjoni u s-saħħa tal-priġunieri Palestinjani li jinsabu waqt strajk tal-ġuħ twil u jistieden lill-Iżrael jipprovdi lil min qiegħed fuq strajk tal-ġuħ b'aċċess mingħajr restrizzjonijiet għal kura medika adegwata;

 

53.  Jitlob li jiġi stabbilit embargo fuq l-armi fir-rigward tal-Istat ta' Iżrael minħabba l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem; jitlob lill-Unjoni u lill-Istati Membri tagħha jtemmu kull kooperazzjoni mal-Iżrael fil-qafas tal-EDA u ta' Orizzont 2020; jikkundanna l-aggressjoni mwettqa mill-Iżrael f’Lulju u Awwissu 2014 u d-diversi delitti tal-gwerra kontra l-popolazzjoni tal-Istrixxa ta' Gaża; jitlob għat-tmiem immedjat tal-assedju tal-Istrixxa ta' Gaża;

 

54. Jiddeplora l-fatt li l-kwistjoni tas-Saħara tal-Punent mhijiex fl-aġenda ta' din it-28 sessjoni tal-KDB; jissottolinja mill-ġdid il-fatt li l-kunflitt tas-Saħara tal-Punent huwa kwistjoni ta' dekolonizzazzjoni u li, skont id-dritt internazzjonali, ir-Renju tal-Marokk m'għandu l-ebda sovranità fuq is-Saħara tal-Punent u huwa meqjus bħala potenza okkupanti; jikkundanna l-ksur persistenti tad-drittijiet tal-bniedem tal-poplu Saħarawi u jitlob li jiġu protetti d-drittijiet fundamentali tal-poplu tas-Saħara tal-Punent, inklużi l-libertà ta' assoċjazzjoni, il-libertà ta' espressjoni u d-dritt għal demostrazzjoni; jeżiġi l-ħelsien immedjat tal-priġunieri politiċi Saħarawin kollha; jissottolinja l-ħtieġa għal sorveljanza internazzjonali tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fis-Saħara tal-Punent; jitlob lill-Marokk u lill-Front Polisario jkomplu n-negozjati għal soluzzjoni paċifika u dewwiema tal-kunflitt fis-Saħara tal-Punent u jafferma mill-ġdid id-dritt tal-poplu Saħarawi għall-awtodeterminazzjoni, li għandu jiġi deċiż permezz ta' referendum demokratiku, bi qbil mar-riżoluzzjonijiet 34/37 u 35/19 tan-Nazzjonijiet Uniti;

 

Ir-razziżmu, id-diskriminazzjoni razzjali, il-ksenofobija u l-intolleranza assoċjata magħhom - segwitu u applikazzjoni tad-Dikjarazzjoni u l-Programm ta' Azzjoni ta' Durban

 

55. Jilqa' l-importanza li ngħatat lil dawn il-kwistjonijiet matul it-28 sessjoni tal-Kunsill tal-Drittijiet tal-Bniedem; jikkundanna mill-ġdid il-vjolenza razzista, antisemitika, omofobika, ksenofobika u indirizzata kontra l-migranti, li laħqet livelli allarmanti f'ċerti Stati Membri, fin-nuqqas ta' azzjonijiet sodi min-naħa tal-awtoritajiet; jiddikjara li jinsab inkwetat ħafna mill-mewġa dejjem tikber ta' diskors ta' mibegħda u stigmatizzazzjoni fir-rigward tal-minoranzi u ta' gruppi ta' nies u l-influwenza dejjem tikber tagħhom fil-mezzi tax-xandir u f'għadd ta' movimenti u ta' partiti politiċi fl-ogħla livell ta' responsabbiltà politika f'ċerti Stati Membri u li, b'mod speċifiku, wasslu biex ġew adottati liġijiet restrittivi;

 

56. Jiddispjaċih li d-diskriminazzjoni kontra n-nisa ma ġietx trattata bħala punt speċifiku matul din il-konferenza; jissottolinja li l-aċċess universali għas-saħħa u għall-kura riproduttiva għandu jibqa' prijorità politika, inkluż l-aċċess liberu għall-edukazzjoni sesswali, għall-metodi ta' kontraċezzjoni u għad-dritt għall-abort; jissottolinja l-fatt li l-qerda tal-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet, kif ukoll il-ġlieda kontra l-isfruttament sesswali u t-traffikar tal-bnedmin, għandhom ikunu prijoritajiet u għandu jkollhom l-objettiv tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa; jitlob għalhekk lill-KDB u lill-komunità internazzjonali jimplimentaw il-proċessi ICPD+20, Beijing +20 u Rio +20; jissottlinja bl-istess mod l-importanza għall-Istati Membri tal-Unjoni li japplikaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-KDB tal-2002 dwar il-protezzjoni internazzjonali f'dak li għandu x'jaqsam mal-persekuzzjoni marbuta mal-ġeneru, b'mod partikolari fil-kuntest tal-politiki ta' immigrazzjoni;

 

57. Jiddispjaċih bl-istess mod dwar il-fatt li l-kwistjonijiet relatati mad-drittijiet tal-persuni LGBTI ma ġewx diskussi matul din il-konferenza; jikkundanna l-vjolenza u d-diskriminazzjoni li huma soġġetti għalihom il-persuni LGBTI madwar id-dinja; jikkundanna b'mod partikolari l-isterilizzazzjoni furzata tal-persuni transġeneru, li għadha tiġri f'ċertu numru ta' Stati, anke fl-Unjoni, u jappella biex dan il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem jintemm minnufih; jistieden lill-komunità internazzjonali tirrifletti dwar il-mezzi kif tista' tadatta l-leġiżlazzjoni tagħha dwar il-familja għall-evoluzzjoni tal-modi u l-forom tal-familji fil-ġurnata tal-lum, inklużi l-possibbiltajiet ta' unjoni u ta' adozzjoni għall-persuni tal-istess sess; jissottolinja l-fatt li l-leżbjani spiss isofru diskriminazzjoni fuq multiplikazzjoni ta' raġunijiet (kemm bħala nisa u kemm bħala leżbjani), u li l-azzjonijiet favur l-ugwaljanza għall-persuni LGBTI għandhom imorru id f'id ma' azzjonijiet għall-ugwaljanza tan-nisa u l-bniet b'mod li l-għanijiet finali jkunu l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni;

 

58. Jesprimi t-tħassib tiegħu rigward iż-żieda reċenti ta' liġijiet, prattiki u atti ta' vjolenza indirizzati kontra individwi abbażi tal-orjentament sesswali u s-sess tagħhom; jinkoraġġixxi sorveljanza stretta tas-sitwazzjoni fin-Niġerja u l-Gambja, fejn il-liġijiet kontra persuni LGBTI li ġew introdotti reċentement qed jheddu l-ħajja tal-minoranzi sesswali; jesprimi t-tħassib qawwi tiegħu dwar l-hekk imsejħa liġijiet "kontra l-propaganda" li jrażżnu l-libertà ta' espressjoni u ta' għaqda fir-Russja u fil-Litwanja jew li attwalment qed jiġu eżaminati mill-Parlament Kirgiż; jifraħ bir-riżoluzzjoni tal-KDB dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza u d-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentament sesswali u l-identità sesswali, adottata fis-26 ta' Settembru 2014; jiddispjaċih dwar il-fatt li l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem adotta riżoluzzjoni dwar il-protezzjoni tal-familja fis-26 ta' Ġunju 2014, li hemm ir-riskju li tipperikola l-prinċipju li d-drittijiet tal-bniedem huma universali u indiviżibbli; jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għat-tkomplija tal-ħidma tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem fil-promozzjoni u l-protezzjoni tat-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem kollha mill-persuni LGBTI, b'mod partikolari permezz ta' dikjarazzjonijiet, rapporti u l-kampanja "Libertà u Ugwaljanza"; jinkoraġġixxi lill-Kummissarjat Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti jkompli l-ġlieda kontra l-liġijiet u l-prattiki diskriminatorji;

 

Assistenza teknika u tisħiħ tal-kapaċitajiet

 

59. Jieħu nota tal-punt dwar il-kooperazzjoni teknika fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem fl-Afganistan; jistieden lid-delegazzjonijiet tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jiddenunzjaw il-fatt li l-okkupazzjoni tal-Afganistan min-NATO m'għamlet xejn ħlief ġabet għall-agħar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f'dan il-pajjiż; jitlob lill-KDB jaħdem favur it-twaqqif ta' kumitat ta' inkjesta taħt l-awspiċji tan-NU u ta' proċess dwar id-delitti tal-gwerra u l-atroċitajiet u l-qtil ta' nies ċivili mwettqa fl-Iraq u fl-Afganistan fil-qafas tal-kompetenzi tal-QKI;

 

60. Jieħu nota wkoll tal-punt dwar l-assistenza teknika lil-Libja fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; jikkundanna mill-ġdid l-intervent armat fil-Libja, taħt l-awspiċji tan-NATO, u jissottolinja l-fatt li s-sitwazzjoni, aktar milli tistabbilixxi ruħha, għall-kuntrarju tidher li qed tmur għall-agħar minn mindu l-gwerra "ntemmet uffiċjalment", u wasslet biex il-pajjiż inqasam, għal inkapaċità tal-Istat li jwaqqaf il-vjolenza, għal żieda fid-delitti razzisti, u għal nuqqas ta' ġustizzja u demokrazija; jixtieq li l-KDB ikun jista' jmexxi inkjesta indipendenti u imparzjali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż, li tkun tevidenzja r-responsabbiltà tal-forzi kollha li pparteċipaw fil-kunflitt; jitlob it-tmiem immedjat tal-kooperazzjoni bejn Missjoni EU BAM ta' Assistenza fil-Fruntieri u l-awtoritajiet Libjani, li tinvolvi t-taħriġ tal-forzi militari u tal-pulizija u t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta' tagħmir ta' teknoloġija għolja biex jitwaqqaf it-tluq ta' migranti u rifuġjati f'pajjiż f'sitwazzjoni ta' gwerilla ġenerali, u fejn mhix garantita l-protezzjoni tad-drittijiet tal-migranti u tar-rifuġjati; jitlob li jitwettqu b'mod urġenti azzjonijiet ta' appoġġ ikkoordinati mas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet li jiffavorixxu t-twaqqif ta' sistema nazzjonali ta' ażil u akkoljenza tal-migranti li tkun tirrispetta d-drittijiet tal-persuni li jitolbu ażil, tar-rifuġjati u tal-migranti;

 

61. Jieħu nota tal-punt dwar "l-assistenza teknika u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem fis-Sudan t'Isfel"; jesprimi t-tħassib serju tiegħu rigward il-kunflitt attwali, li fost il-vittmi tiegħu hemm persuni ċivili u li qed iwassal għal reklutaġġ furzat ta' tfal; jappella għal waqfien mill-ġlied immedjat bejn il-partijiet f'kunflitt, u jesprimi l-appoġġ tiegħu għal medjazzjoni newtrali li tippermetti l-ilħuq ta' ftehim fl-iqsar żmien possibbli; jesprimi l-appoġġ tiegħu għas-soċjetà ċivili, li qed titlob soluzzjoni politika paċifika; jitlob li tinstab soluzzjoni politika mhux vjolenti għat-tilwim intern u jitlob għal diżarm u xoljiment tal-milizzji; jitlob li tingħata għajnuna umanitarja aktar sinifikanti għall-popolazzjoni ċivili maqbuda fil-ġlied u dawk li qed jaħarbu mir-reġjun; jistieden bil-ħeġġa liż-żewġ naħat jagħtu aċċess totali lill-aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti responsabbli biex jipprovdu din l-għajnuna; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha iżidu l-finanzjamenti destinati lill-pajjiżi ġirien biex jgħinuhom jaffrontaw il-wasla ta' rifuġjati fit-territorju tagħhom; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiftħu l-fruntieri tagħhom lir-rifuġjati li qed jaħarbu mill-kriżi fis-Sudan t'Isfel;

 

62. Jieħu nota tal-punt dwar it-tisħiħ tal-kapaċitajiet u l-koperazzjoni teknika mal-Côte d’Ivoire fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; iqis hawnhekk ukoll li għandha ssir valutazzjoni oġġettiva u imparzjali tal-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f'dan il-pajjiż, b'mod speċifiku wara l-okkupazzjoni tiegħu mill-armata Franċiża;

 

63. Jilqa' l-attenzjoni partikolari mogħtija lil Ħaiti matul din it-28 sessjoni tal-KDB; jiddeplora s-sitwazzjoni umanitarja f'dan il-pajjiż, li għadha drammatika, u l-fatt li l-ħsara li saret mill-uragani tal-2010 għadha ma tranġatx; jissottolinja l-fatt li s-sitwazzjoni ta' faqar estrem tal-pajjiż amplifikat l-effetti qerrieda tad-diżastri naturali u ħolqot l-ikbar kriżi umanitarja f'dawn l-aħħar deċennji; jiddenunzja mill-ġdid id-dejn u l-obbligu kolossali li jiġi onorat li qed jiġu imposti fuq il-pajjiż minn Franza u mill-istituzzjonijiet internazzjonali (prinċipalment il-Fond Monetarju Internazzjonali), li huma responsabbli għan-nuqqas ta' żvilupp tal-pajjiż; jilqa' s-solidarjetà internazzjonali attivata bħala għajnuna lil Ħaiti, fuq kollox is-solidarjetà reġjonali, partikolarment min-naħa ta' Kuba li bagħtet tobba u persunal speċjalizzat, li kkuraw għexieren ta' eluf ta' persuni kontra l-kolera, l-appoġġ finanzjarju permezz tal-Fond Umanitarju tal-ALBA għal Ħaiti, it-tkomplija tal-appoġġ fil-qasam tal-enerġija permezz ta' Petrocaribe u l-ħolqien ta' pjan speċjali għall-forniment dirett ta' fjuwil għall-vetturi ta' assistenza umanitarja, inizjattivi agrikoli għall-provvista ta' ikel u pjanijiet ta' produzzjoni, kif ukoll il-kampanja ta' riforestazzjoni; jeżiġi li tinfetaħ inkjesta dwar il-fatt li ċerta għajnuna, partikolarment dik tal-Unjoni Ewropea, jista' jkun li qatt ma waslet Ħaiti, kif ukoll inkjesta dwar l-effikaċja tan-netwerk għat-tqassim tal-għajnuna; jitlob ukoll rendikont tal-għajnuna li fil-fatt ingħatat;

 

64. Jieħu nota tad-deċiżjoni tal-Kunsill li jtawwal b'sena l-mandat tal-espert indipendenti dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Mali, bl-għan li l-gvern ta' dan il-pajjiż jingħata għajnuna fl-azzjonijiet tiegħu ta' promozzjoni u ta' protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, u li jitlob lill-espert indipendenti jagħtih rendikont waqt it-28 sessjoni tiegħu; jitlob li ssir valutazzjoni sħiħa tal-atroċitajiet u d-delitti mwettqa fil-Mali mill-forzi kollha preżenti fil-pajjiż; jitlob lid-delegazzjonijiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri jimpenjaw ruħhom biex jippromwovu soluzzjonijiet paċifiċi għall-kunflitt minflok interventi armati unilaterali bħalma ġara fil-każ tal-Mali;

 

65. Jilqa' t-tiġdid għal sena tal-mandat tal-espert indipendenti dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Ċentru-Afrikana; jiddeplora d-deterjorament tas-sitwazzjoni umanitarja u tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Ċentru-Afrikana sa mill-bidu tal-intervent Franċiż f'Diċembru 2013; jikkundanna l-abbużi innumerabbli li jolqtu l-popolazzjoni kollha, partikolarment in-nisa u t-tfal; jiddeplora l-ispostamenti tal-popolazzjonijiet u l-kundizzjonijiet sanitarji; jitlob lill-komunità internazzjonali u lid-donaturi jagħtu appoġġ ulterjuri għall-għajnuna umanitarja;

 

o

o o

 

66. Jagħti mandat lid-delegazzjoni tiegħu għat-28 sessjoni tal-KDB biex twassal il-pożizzjonijiet iddikjarati f'din ir-riżoluzzjoni, jistedinha tagħti rendikont lis-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem fi tmiem il-missjoni tagħha, u jqis li hu opportun li tkompli tintbagħat delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għas-sessjonijiet rilevanti tal-KDB;

 

67. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli/Viċi President tal-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-President tad-69 Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-President tal-Kunsill għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem u lill-Grupp ta' Ħidma UE-Nazzjonijiet Uniti mwaqqaf mill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin.