MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-prijoritajiet tal-UE għat-28 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU (UNHRC)
4.3.2015 - (2015/2572(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Andrzej Grzyb, Cristian Dan Preda, Elmar Brok, Dubravka Šuica, József Nagy, Lara Com f'isem il-Grupp PPE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0228/2015
B8‑0230/2015
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-prijoritajiet tal-UE għat-28 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU (UNHRC)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-konvenzjonijiet tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-protokolli fakultattivi tagħhom, inkluża l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW),
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 60/251 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti li tistabbilixxi l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU (UNHRC),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, il-Karta Soċjali Ewropea u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE,
– wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, adottati fil-25 ta' Ġunju 2012,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti ,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi r-riżoluzzjonijiet ta’ urġenza tiegħu dwar dawn il-kwistjonijiet,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta' ... dwar ir-Rapport Annwali tal-2013 dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja u l-politika tal-UE dwar il-kwistjoni[1],
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tad-9 ta’ Frar 2015 dwar il-prijoritajiet tal-UE fil-fora tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3(5), 18, 21, 27 u 47 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra t-28 sessjoni li jmiss tal-UNHRC li se ssir mit-2 sas-27 ta’ Marzu 2015,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi r-rispett għall-universalità tad-drittijiet tal-bniedem u l-promozzjoni u l-protezzjoni tagħha jagħmlu parti mill-acquis etiku u legali tal-Unjoni Ewropea u huma wieħed mill-elementi ewlenin tal-għaqda u tal-integrità Ewropea;
B. billi d-drittijiet tal-bniedem huma inerenti għall-bnedmin kollha irrispettivament min-nazzjonalità, ir-razza, is-sess, l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew kwalunkwe status ieħor tagħhom, u billi r-rispett għal dawn id-drittijiet huwa minqux fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, u f’konvenzjonijiet, dikjarazzjonijiet u riżoluzzjonijiet sussegwenti internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;
C. billi d-drittijiet kollha tal-bniedem, kemm jekk ċivili, politiċi, ekonomiċi, soċjali jew kulturali, huma indiviżibbli, interrelatati u interdipendenti, u billi ċ-ċaħda ta’ kwalunkwe wieħed minn dawn id-drittijiet għandha impatt dirett u ħażin fuq l-oħrajn;
D. billi n-nuqqas li jiġu rispettati d-drittijiet tal-bniedem u n-nuqqas ta’ parteċipazzjoni demokratika leġittima jwasslu għal instabbiltà, stati falluti, kriżijiet umanitarji u kunflitti armati;
E. billi l-azzjoni tal-Unjoni fir-relazzjonijiet tagħha ma’ pajjiżi terzi hija ggwidata mill-Artikolu 21 tat-Trattat ta’ Lisbona, li jafferma mill-ġdid l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u jipprevedi r-rispett tad-dinjità tal-bniedem, il-prinċipji tal-ugwaljanza u s-solidarjetà, u l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u d-dritt internazzjonali;
F. billi l-istati kollha għandhom l-obbligu li jirrispettaw id-drittijiet bażiċi tal-popolazzjonijiet rispettivi tagħhom u d-dmir li jieħdu azzjoni konkreta biex jiffaċilitaw ir-rispett ta’ dawn id-drittijiet fil-livell nazzjonali, u biex jikkooperaw f’livell internazzjonali bil-għan li jiġu eliminati l-ostakli għar-realizzazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-oqsma kollha;
G. billi s-sessjonijiet regolari tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-ħatra ta’ Rapporteurs Speċjali, il-mekkaniżmu ta’ Eżami Perjodiku Universali u l-Proċeduri Speċjali li jindirizzaw sitwazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż jew kwistjonijiet tematiċi jikkontribwixxu għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt u l-promozzjoni tagħhom;
H. billi, sfortunatament, xi membri attwali tal-UNHRC huma rikonoxxuti bħala wħud mill-agħar li jiksru d-drittijiet tal-bniedem u għandhom rekords ħżiena f’termini ta’ kooperazzjoni mal-Proċeduri Speċjali tan-NU u l-konformità ma’ rekwiżiti ta’ rappurtar tagħhom fir-rigward tal-korpi tat-trattat tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU;
Il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU
1. Jilqa' l-prijoritajiet tal-UE għat-28 sessjoni regolari li jmiss tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHRC), kif stabbilit fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-9 ta' Frar 2015;
2. Jilqa' l-ħatra tal-Ambaxxatur Joachim Rücker bħala President tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem għall-2015;
3. Jifraħ lil Zeid Ra’ ad Al Hussein għall-ħatra tiegħu bħala Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem, u jtenni li jappoġġa bil-kbir l-isforzi u l-mandat tiegħu;
4. Jilqa’ l-preżenza tal-Viċi President/ ir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) Federica Mogherini fis-sessjoni ta’ livell għoli tal-UNHRC, peress li dan jibgħat is-sinjal posittiv meħtieġ rigward l-impenn qawwi tal-UE lis-sistema multilaterali tad-drittijiet tal-bniedem;
5. Jilqa' r-rapport annwali tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem (HCHR) lill-Assemblea Ġenerali tan-NU, li jkopri l-perjodu minn Diċembru 2013 sa Novembru 2014, u jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-indipendenza u l-integrità tal-kariga tiegħu; jenfasizza li huwa importanti li wieħed jiddefendi din l-indipendenza, sabiex jiġi żgurat li l-Kummissarju Għoli jista' jkompli jeżerċita l-kompiti tiegħu b'mod effikaċi u imparzjali; itenni li l-HCHR jeħtieġ li jiġi ffinanzjat b'mod adegwat;
6. Ifakkar l-impenn tal-Parlament Ewropew u tas-Sottokumitat tiegħu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem li jappoġġjaw sistema multilaterali u b'saħħitha għad-drittijiet tal-bniedem taħt il-patroċinju tan-NU, inkluż it-Tielet Kumitat tal-Assemblea Ġenerali, il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem, u l-ħidma tal-aġenziji speċjalizzati relatati tan-NU bħall-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), kif ukoll tal-Proċeduri Speċjali tan-NU;
7. Jinkoraġġixxi lis-SEAE, b'mod partikolari permezz tad-Delegazzjonijiet tal-UE fi New York u f'Ġinevra, iżid il-koerenza tal-UE permezz ta' konsultazzjoni f'waqtha u sostantiva sabiex jippreżenta l-pożizzjoni tal-UE b'vuċi waħda; jafferma mill-ġdid l-importanza tal-integrazzjoni tal-ħidma li qed issir fi New York u f'Ġinevra fil-kuntest tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, tat-Tielet Kumitat u tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem fl-attivitajiet interni u esterni rilevanti tal-UE sabiex tiġi żgurata l-koerenza;
8. Itenni l-pożizzjoni tiegħu li l-membri tal-UNHRC għandhom jiġu eletti minn fost l-Istati li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u d-demokrazija u li qablu li jestendu l-istediniet permanenti għall-Proċeduri Speċjali kollha, u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem u jadottaw kriterji ta' prestazzjoni, li għandhom japplikaw għal kwalunkwe Stat li jkun elett bħala membru tal-UNHRC; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex iħeġġu proċessi trasparenti, miftuħa u kompetittivi għall-elezzjoni ta' membri tal-UNHRC;
9. Itenni l-appoġġ tiegħu għall-mekkaniżmu ta' Eżami Perjodiku Universali u l-apprezzament tiegħu għall-ħidma siewja tal-Eżami Perjodiku Universali (EPU), u jistieden lill-membri jħejju b'mod attiv l-EPU tagħhom, fosthom permezz tal-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, biex jimpenjaw ruħhom f'djalogu interattiv matul is-sessjoni tal-EPU ufid-dibattiti dwar l-adozzjoni tal-eżiti tal-EPU, u biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-EPU u jieħdu miżuri konkreti biex itejbu u jirrispettaw it-twettiq tal-obbligi tagħhom tad-drittijiet tal-bniedem;
10. Jitlob lill-UE u l-Istati Membri tagħha biex ikomplu jsegwu r-rakkomandazzjonijiet tal-EPU fid-djalogi ta' politika kollha tal-UE mal-pajjiżi kkonċernati biex ifittxu modi biex il-pajjiżi jiġu appoġġati fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet;
11. Itenni l-appoġġ tiegħu għall-Proċeduri Speċjali u l-istatus indipendenti tad-detenturi tal-mandat, li jippermettulhom jwettqu l-funzjoni tagħhom b’imparzjalità sħiħa, u jappella lill-istati kollha biex jikkooperaw ma’ dawn il-proċeduri, billi jappoġġa l-kooperazzjoni ħielsa u mingħajr irbit tagħhom mal-interlokuturi relevanti;
12. Iqis li huwa importanti li jintbagħtu delegazzjonijiet parlamentari għas-sessjonijiet tal-UNHCR u s-sessjonijiet rilevanti oħra tal-Assemblea Ġenerali tan-NU;
13. Iqis li huwa importanti li jingħata spazju għall-interazzjoni bejn is-soċjetà ċivili u l-UNHRC; iħeġġeġ lill-UE u lill-UNHRC jiżguraw li r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili jitħallew jikkontribwixxu bl-aktar mod sħiħ possibbli għat-28 sessjoni tal-UNHRC, kif ukoll għall-proċess tal-Eżami Perjodiku Universali u l-mekkaniżmi l-oħra tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem, mingħajr il-biża’ ta’ tpattija meta jmorru lura f’pajjiżhom;
Id-drittijiet ċivili u politiċi
14. Jafferma mill-ġdid li l-libertà tal-espressjoni, li hija l-pedament ta' kull soċjetà libera u demokratika, hija dritt fundamentali ta' kull individwu; jikkundanna bil-qawwa l-qtil fi Franza f’Jannar 2015 ta’ 12-il persuna, inklużi kartunisti fil-bini tal-gazzetta Charlie Hebdo u ta' 4 persuni f’supermarket Lhudi, flimkien mal-qtil ta’ direttur tal-films u gwardjan ta' sinagoga f’Kopenħagen, minn terroristi li għandhom fil-mira l-libertà tal-espressjoni u tar-reliġjon;
15. Jikkundanna l-użu tar-reliġjon minn gruppi estremisti u ġiħadisti fil-pajjiżi kollha, u b’mod partikolari fis-Sirja, l-Iraq, il-Libja, il-Mjanmar, in-Niġerja u l-Afrika Ċentrali, fejn l-azzjonijiet jinkludu attakki bil-pistoli u l-bombi, attakki suwiċida, ħtif ta' persuni u atti vjolenti oħra li qed jitterrorizzaw lill-popolazzjonijiet; huwa tal-fehma li l-ġlieda kontra t-terroriżmu titlob li jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tagħha, inkluż l-esklużjoni soċjali, l-emarġinazzjoni politika u l-inugwaljanza; jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-vittmi kollha tal-intolleranza reliġjuża u tal-mibegħda; jinnota li fir-rapport tal-Kummissjoni ta’ Inkjesta Indipendenti Internazzjonali dwar ir-Repubblika Għarbija Sirjana, intitolat “Rule of Terror: Living under ISIS in Syria” (Reġim ta' Terrur: Il-ħajja taħt l-ISIS fis-Sirja), tal-14 ta’ Novembru 2014, jiddokumenta l-brutalità pubblika u l-indottrinazzjoni tal-awtoproklamat "Stat Iżlamiku", intiża biex tiżgura is-sottomissjoni tal-komunitajiet, inkluż l-Insara, għall-kontroll tiegħu; jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-membri tal-komunitajiet Insara li qed jiġu ppersegwitati u li qed jiffaċċjaw il-perikolu ta' estinzjoni fl-artijiet ta' twelidhom, l-Irak u s-Sirja; jitlob, f'dan ir-rigward għal sforzi akbar biex jitħarsu d-drittijiet ta’ persuni li jappartjenu għal minoranzi reliġjużi; iħeġġeġ għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u għall-istat tad-dritt f’kull attività fil-ġlieda kontra t-terroriżmu;
16. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar ir-restrizzjonijiet kollha fuq il-libertà ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni, inklużi projbizzjonijiet fuq l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-użu aggressiv ta' liġijiet ta' malafama kriminali u liġijiet restrittivi oħra, rekwiżiti ta' reġistrazzjoni u ta' rappurtar eċċessivi, u regoli restrittivi żżejjed dwar finanzjament barrani, u jafferma mill-ġdid li l-libertà tal-assoċjazzjoni u tal-assemblea paċifika huma elementi fundamentali tad-drittijiet tal-bniedem;
17. Jistieden lill-gvernijiet kollha biex jippromwovu u jappoġġaw lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u biex dawn jitħallew jaħdmu mingħajr biża', repressjoni jew intimidazzjoni u biex jikkooperaw mal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem fir-rigward il-mekkaniżmu tal-EPU; jinnota li dawk il-pajjiżi responsabbli għal ritaljazzjoni kontra attivisti favur id-drittijiet tal-bniedem għandhom jinżammu responsabbli;
18. Jerġa' jafferma l-kundanna tiegħu kontra l-użu tal-piena tal-mewt, u jappoġġja bis-sħiħ l-introduzzjoni ta' moratorju fir-rigward tal-piena tal-mewt, bħala pass favur it-tneħħija tagħha;
19. Ifakkar fl-importanza tal-ġlieda kontra t-tortura u forom oħra ta' trattament ħażin, u l-prijorità li l-UE impenjat ruħha biex din il-kwistjoni, inkluż fir-rigward tat-tfal, u li tiġi ffaċilitata l-ħidma tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar it-Tortura; iħeġġeġ lis-SEAE, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri tal-UE juru l-impenn komuni tagħhom biex tinqered it-tortura u biex jingħata appoġġ lill-vittmi, partikolarment billi jkomplu jew, fejn ikun xieraq, jibdew jikkontribwixxu għall-Fond Volontarju tan-NU għall-Vittmi tat-Tortura u għall-Fond Speċjali stabbilit mill-Protokoll Fakultattiv tal-Konvenzjoni kontra t-Tortura;
20. Jappoġġa l-aħħar rapport tar-Rapporteur Speċjali tal-UNHRC u l-konklużjonijiet dwar forom kontemporanji ta' razziżmu, diskriminazzjoni razzjali, ksenofobija u intolleranza relatata; jitlob lill-UE u l-Istati Membri tagħha biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tar-Rapporteur Speċjali fil-politika interna tagħhom biex jegħlbu t-tixrid tal-mibegħda razzjali, etnika u ksenofobika u t-tixwix fuq l-internet, u permezz ta' netwerks tal-midja soċjali billi jieħdu miżuri leġiżlattivi xierqa, b'rispett sħiħ għal drittijiet fundamentali oħra bħal-libertà tal-espressjoni u tal-opinjoni;
21. Jirrikonoxxi li l-evoluzzjoni rapida tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni ttrasformat l-ambjent għall-eżerċizzju tal-libertà tal-espressjoni fid-dinja kollha, u ġġenerat kemm vantaġġi profondi kif ukoll tħassib serju; jilqa' f'dan il-kuntest, l-adozzjoni mill-Kunsill f'Mejju 2014 tal-Linji Gwida tal-UE dwar il-libertà tal-espressjoni online u offline, u jikkundanna r-restrizzjonijiet kollha fuq il-komunikazzjoni diġitali, inklużi dawk immirati lejn l-atturi tas-soċjetà ċivili; itenni l-ħtieġa li tingħata attenzjoni partikolari lid-drittijiet tal-ġurnalisti u l-bloggers;
22. Iħeġġeġ lill-UNHRC biex tkompli d-dibattitu dwar id-dritt għall-privatezza u, għal dan l-għan, biex jinħatar Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-dritt għall-privatezza, speċjalment fil-kuntest tal-komunikazzjonijiet diġitali;
Id-drittijiet soċjali u ekonomiċi
23. Jieħu nota tal-fatt li l-Aġenda għall-Iżvilupp tan-NU għal wara l-2015 sabiex jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju għandha l-mira li teqred il-faqar sal-2030 permezz ta' approċċ olistiku għal kwistjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali; jilqa' r-rapport ta' sintesi tas-Segretarju Ġenerali tan-NU qabel is-Summit Speċjali tan-NU dwar l-Aġenda tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli għal wara l-2015; jappoġġa l-appelli tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għal approċċ iffukat fuq il-ħtiġijiet u d-drittijiet tan-nies biex jintemm il-faqar;
24. Iqis li hu importanti li jiġu indirizzati l-inugwaljanzi estremi li qed jiżdiedu sabiex jiġi miġġieled il-faqar b’mod ġenerali u biex jiġu promossi d-drittijiet soċjali u ekonomiċi billi jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-ikel, l-ilma, l-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa u l-akkomodazzjoni adegwata, b’mod partikolari; jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-problema li qed tikber tal-ħtif tal-art, li jeħtieġ li tiġi indirizzata;
25. Huwa tal-opinjoni li l-korruzzjoni, l-evażjoni tat-taxxa, ġestjoni ħażina ta’ beni pubbliċi u n-nuqqas ta’ responsabbiltà jikkontribwixxu għall-ksur tad-drittijiet taċ-ċittadini, billi dawn jiddevjaw il-fondi minn investiment tant meħtieġ f’servizzi pubbliċi bħall-edukazzjoni, servizzi bażiċi tas-saħħa u infrastruttura soċjali oħra, u b’hekk jibqa' jitkompla l-faqar tal-popolazzjonijiet; ifakkar li skont il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, il-gvernijiet għandhom obbligu li jirrispettaw d-drittijiet taċ-ċittadini tagħhom billi jagħmlu disponibbli riżorsi adegwati; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq il-fatt li jeħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari għall-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jaħdmu fuq il-promozzjoni tad-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali;
26. Itenni t-talba tiegħu lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jappoġġaw il-ħatra ta' Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-kriminalità finanzjarja, il-korruzzjoni u d-drittijiet tal-bniedem;
In-negozju u d-drittijiet tal-bniedem
27. Jappoġġja bil-qawwa t-tixrid u l-implimentazzjoni effettivi u komprensivi tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem fi ħdan u barra l-UE; jistieden lill-partijiet interessati kollha biex jwettqu rwol attiv fil-11-il sessjoni tal-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar il-kwistjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-korporazzjonijiet transnazzjonali u impriżi kummerċjali oħrajn u biex jappoġġaw sforzi biex jallinjaw il-politiki tagħhom mal-Linji Gwida tal-OECD għall-Impriżi Multinazzjonali u mal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex sa tmiem l-2015 tagħti rendikont dwar l-implimentazzjoni tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem mill-Istati Membri tal-UE;
28. Jitlob lill-Kummissjoni u lis-SEAE jinkoraġġixxu lid-Delegazzjonijiet tal-UE madwar id-dinja biex jinvolvu ruħhom ma' negozji tal-UE sabiex jippromwovu r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, u biex jiżguraw li t-tema tan-''negozju u d-drittijiet tal-bniedem'' tkun inkluża fost it-temi importanti fis-sejħiet lokali għall-proposti tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR); jistieden lill-UE u l-Istati Membri tagħha biex jimpenjaw ruħhom fid-dibattitu emerġenti dwar strument internazzjonali legalment vinkolanti dwar in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem fi ħdan is-sistema tan-NU;
Id-drittijiet tan-nisa
29. Jitlob lill-UE tipparteċipa b'mod attiv fid-59 sessjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istatus tan-Nisa, u tkompli tiġġieled kontra kull attentat li jimmina l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Pekin tan-NU, li se tiġi rieżaminata fl-okkażjoni tal-għoxrin anniversarju tar-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa;
30. Josserva b'mod kritiku li, minkejja l-progress li sar s'issa fil-kisba tal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-għoti tas-setgħa lin-nisa, f'ħafna pajjiżi għad hemm fis-seħħ liġijiet diskriminatorji, b'mod partikolari fl-oqsma tal-familja u tal-aċċess għall-proprjetà; josserva li n-nisa għadhom ferm sottorappreżentati f'pożizzjonijiet ta' teħid ta' deċiżjonijiet u li l-vjolenza kontra n-nisa għadha mifruxa, filwaqt li l-aċċess għall-ġustizzja għadu limitat minkejja l-għadd ta' nisa li jmutu kuljum kawża tal-vjolenza domestika;
31. Jikkundanna bil-qawwa l-użu tal-vjolenza sesswali fuq in-nisa bħala tattika tal-gwerra, inklużi reati bħalma huma l-istupru tal-massa, l-iskjavitù sesswali, il-prostituzzjoni furzata, forom ta' persekuzzjoni abbażi tal-ġeneru inklużi l-mutilazzjoni ġenitali femminili, it-traffikar, iż-żwieġ bikri u furzat, id-delitti għall-unur u kwalunkwe forma oħra ta' vjolenza sesswali ta' gravità komparabbli; jerġa' jitlob lill-UE u l-Istati Membri jiffirmaw u jirratifikaw il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika;
32. Ifakkar l-impenn tal-UE li tintegra d-drittijiet tal-bniedem u l-aspetti dwar il-ġeneru fil-missjonijiet tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni, f’konformità mar-Riżoluzzjonijiet storiċi 1325 u 1820 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà; itenni, f'dan ir-rigward, it-talba tiegħu biex l-UE u l-Istati Membri jappoġġaw, fil-proċess tal-bini ta' rikonċiljazzjoni sostenibbli, il-parteċipazzjoni sistematika tan-nisa bħala komponent vitali fil-proċessi tal-paċi, u jirrikonoxxu l-ħtieġa li jintegraw il-perspettivi tal-ġeneru fil-prevenzjoni ta' kunflitti, fl-operazzjonijiet ta' żamma tal-paċi, fl-għajnuna umanitarja u fil-proċessi ta' rikostruzzjoni wara kunflitt u ta' tranżizzjoni demokratika;
Id-drittijiet tat-tfal
33. Jesprimi t-tħassib tiegħu li, filwaqt li sar progress minn mindu ġiet adottata l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal fl-1989, mill-inqas 58 miljun tifel u tifla, b'mod partikolari tfal bniet, tfal minn familji foqra, tfal b'diżabbiltà u tfal f'żoni ta' kunflitt, ma jmorrux skola, u ħafna tfal għadhom ibatu minn mard li jista' jiġi evitat faċilment, filwaqt li oħrajn huma involuti fit-tħaddim tat-tfal;
34. Jitlob lill-istati kollha jimpenjaw ruħhom biex jeliminaw l-agħar forom ta' tħaddim tat-tfal kif definiti fl-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni tal-ILO Nru 182, li jinkludu l-jasar tat-tfal, traffikar, prostituzzjoni u xogħol perikoluż li jolqtu s-saħħa fiżika u mentali tat-tfal;
35. Ifakkar li wieħed mill-obbligi primarji tal-istat huwa li jipprovdi l-edukazzjoni lit-tfal kollha billi jżid l-opportunitajiet, joħloq istituzzjonijiet xierqa u jindirizza l-kawżi strutturali ta' impedimenti kbar għall-edukazzjoni primarja universali, inklużi r-rati ta' studenti li jitilqu mill-iskola kmieni, li jibqa' ostakolu kbir għall-edukazzjoni primarja universali;
36. Jitlob li jkun hemm finanzjament adegwat mill-UE għal programmi ta' demobilizzazzjoni u riintegrazzjoni għat-tfal assoċjati mal-kunflitti armati u għal tfal li kienu suldati; ifakkar l-appoġġ qawwi tiegħu għall-kampanja "Tfal, mhux Suldati", kif sostnut waqt is-seduta dwar l-istess suġġett li saret fis-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem fit-3 ta' Diċembru 2014; jilqa' r-rapporti annwali ppreżentati mir-Rappreżentant Speċjali tan-NU għat-Tfal u l-Kunflitti Armati u r-Rappreżentant Speċjali tan-NU dwar il-Vjolenza fuq it-Tfal, flimkien mar-rapport tar-Rapporteur Speċjali dwar il-bejgħ tat-tfal, il-prostituzzjoni tat-tfal u l-pornografija tat-tfal;
It-tibdil fil-klima u d-drittijiet tal-bniedem
37. Jenfasizza li l-impatt tat-tibdil fil-klima fuq gruppi vulnerabbli u individwi huwa għoli, speċjalment f'pajjiżi b'introjtu baxx u f'reġjuni kostali u stati gżejjer li jinsabu fil-baxx li għandhom nuqqas ta' riżorsi ekonomiċi biex jadattaw għal bidliet ambjentali serji;
38. Jilqa' r-rikonoxximent tal-UNHRC li l-bidliet ambjentali għandhom impatt negattiv fuq l-għajxien tal-popolazzjonijiet, u huma ostakoli għar-realizzazzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem rikonoxxuti internazzjonalment; iħeġġeġ, għalhekk, lill-Istati Partijiet jadottaw miżuri urġenti u ambizzjużi ta' mitigazzjoni u adattament fil-Konferenza dwar it-Tibdil fil-Klima 2015 li ssir daqt f'Pariġi;
Il-ġlieda kontra l-impunità u l-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI)
39. Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-ħidma tal-QKI fir-rwol tagħha biex tintemm l-impunità għall-awturi tal-aktar delitti serji ta' tħassib għall-komunità internazzjonali u li tagħmel ġustizzja mal-vittmi ta' delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u ġenoċidju; jibqa' viġilanti rigward kwalunkwe attentat biex tiġi mminata l-leġittimità jew l-indipendenza tagħha; iħeġġeġ lill-UE u l-Istati Membri jikkooperaw mal-Qorti u jipprovdulha appoġġ diplomatiku, politiku u finanzjarju b'saħħtu, inkluż fin-NU; jitlob lill-UE, lill-Istati Membri u lir-Rappreżentanti Speċjali jippromwovu b'mod attiv il-QKI, l-infurzar tad-deċiżjonijiet tagħha, u l-ġlieda kontra l-impunità għad-delitti elenkati fl-Istatut ta' Ruma;
Il-popli indiġeni
40. Jitlob lis-SEAE, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw ir-rieżami tal-mandat tal-Mekkaniżmu Espert tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni, skont id-Dokument tal-Eżitu tal-Konferenza Dinjija dwar il-Popli Indiġeni (Riżoluzzjoni 69/2 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU), sabiex ikun hemm monitoraġġ, valutazzjoni u titjib tal-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni; iħeġġeġ lill-Istati Membri jitolbu li kull detentur ta' mandat ta' Proċedura Speċjali jagħti attenzjoni speċjali lill-kwistjonijiet li jolqtu lin-nisa u l-bniet indiġeni, u jirrapporta b'mod sistematiku dawn il-kwistjonijiet lill-UNHRC; iħeġġeġ lis-SEAE u lill-Istati Membri jappoġġaw b'mod attiv l-iżvilupp ta' pjan ta' azzjoni fis-sistema kollha għall-popli indiġeni, kif mitlub mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fir-riżoluzzjoni ta' Settembru 2014, speċjalment f'dak li jirrigwarda l-organizzazzjoni ta' konsultazzjoni regolari ma' popli indiġeni bħala parti minn dak il-proċess;
Avvenimenti kulturali u sportivi internazzjonali u d-drittijiet tal-bniedem
41. Jiddenunzja l-prattika dejjem tikber minn stati awtoritarji li jospitaw avvenimenti sportivi jew kulturali kbar bil-għan li jsaħħu l-leġittimità internazzjonali tagħhom filwaqt li jirrestrinġu b'mod ulterjuri d-dissens domestiku; jitlob lill-UE u l-Istati Membri jqajmu din il-kwistjoni b'mod attiv, inkluż fil-UNHRC, u jimpenjaw ruħhom ma' federazzjonijiet nazzjonali tal-isport, l-atturi korporattivi u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili dwar il-modalitajiet tal-parteċipazzjoni tagħhom f'dawn l-avvenimenti, inkluż fir-rigward tal-ewwel Logħob Ewropej f'Baku fl-2015 u tat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA fir-Russja fl-2018;
L-integrazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-UE
42. Jitlob lill-UE tippromwovi l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ċivili u politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali, f'konformità mal-Artikolu 21 tat-Trattat ta' Lisbona u d-Dispożizzjonijiet Ġenerali dwar l-Azzjoni Esterna tal-Unjoni;
43. Jitlob lill-UE, l-Istati Membri, il-Kummissjoni u s-SEAE jintegraw id-drittijiet tal-bniedem fl-oqsma kollha tal-politika esterna tagħhom ma' pajjiżi terzi; jenfasizza wkoll li l-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem teħtieġ li tiżgura li l-politiki interni u esterni tagħha jkunu koerenti, skont l-obbligu tat-Trattat tal-UE, u li jiġu evitati standards doppji rigward ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem;
44. Jitlob lill-UE tadotta approċċ ibbażat fuq id-drittijiet u tintegra r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fil-kummerċ, fl-investiment, u fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp, u fil-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni;
Prijoritajiet tal-UE dwar kwistjonijiet relatati mal-pajjiżi
L-Ukraina
45. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-vjolenza u l-kunflitti armati li komplew jeskalaw fil-Lvant tal-Ukraina; jikkundanna l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fuq skala kbira fil-kunflitt u jappoġġa bis-sħiħ il-Missjoni ta' Monitoraġġ tan-NU tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Missjoni Speċjali ta' Monitoraġġ tal-OSKE fl-Ukraina; jibqa' mħasseb dwar id-diskriminazzjoni u l-ksur mifrux tad-drittijiet tal-bniedem kontra l-popolazzjoni lokali fil-Krimea, b'mod partikolari t-Tatari tal-Krimea; jitlob lill-Istati Membri tal-UE jappoġġaw l-isforzi kollha possibbli fil-livell tan-NU għall-ġlieda kontra l-impunità u jwettqu investigazzjonijiet imparzjali dwar l-avvenimenti vjolenti u l-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem marbuta mad-dimostrazzjonijiet ta' Maidan, l-annessjoni tal-Krimea, u l-kunflitti armati fil-Lvant tal-Ukraina; jitlob għar-rispett tad-dritt u l-prinċipji umanitarji internazzjonali biex jitħarsu ċ-ċivili fil-kunflitt fil-Lvant tal-Ukraina;
Ir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea (RDPK)
46. Jilqa' l-pjan li l-mandat tar-Rapporteur Speċjali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea (RDPK) jiġi estiż għal sena oħra; Jilqa' wkoll ir-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU li tħeġġeġ lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jieħu azzjoni xierqa biex tiġi żgurata r-responsabbiltà, inkluż li jiġi kkunsidrat li s-sitwazzjoni fir-RDPK tiġi riferuta lill-QKI;
L-Iran
47. Jilqa' r-riżoluzzjoni tal-UNHRC ta' Marzu 2014 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Iżlamika tal-Iran, u l-estensjoni tal-mandat tar-Rapporteur Speċjali, u jistieden lill-Iran jippermetti lir-Rapporteur Speċjali tan-NU jidħol fil-pajjiż bħala sinjal kruċjali tar-rieda tal-Iran li jieħu miżuri lejn il-ftuħ ta' djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem; itenni l-kundanna tiegħu tal-piena tal-mewt fl-Iran u tar-rata għolja ta' eżekuzzjonijiet; jappoġġa d-dikjarazzjoni konġunta t'Awwissu 2014 tad-detenturi tal-mandat tal-Proċeduri Speċjali tan-NU li tikkundanna l-mewġa ta' arresti u l-kundanni fil-konfront ta' atturi tas-soċjetà ċivili fl-Iran; jistieden lill-UE u lill-UNHRC ikomplu jissorveljaw is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, u jiżguraw li d-drittijiet tal-bniedem jibqgħu prijorità ewlenija fid-diskussjonijiet kollha mal-Gvern Iranjan; jistieden lill-awtoritajiet Iranjani jirrispettaw id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, skont liema l-eżekuzzjoni ta' delinkwenti minorenni hija ksur ta' standards minimi internazzjonali, u biex ma jwettqux l-eżekuzzjoni tal-ebda delinkwent minorenni;
Il-Mjanmar/Burma
48. Jappoġġa r-rapport tar-Rapporteur Speċjali għad-69 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Mjanmar, li jirrikonoxxi l-progress li sar s'issa waqt li jidentifika l-oqsma ta' tħassib kbir li fadal; jistieden lill-gvern jintegra d-drittijiet tal-bniedem fl-oqsma istituzzjonali u legali u fil-politiki kollha, u jirrispetta l-libertà tal-espressjoni u tal-għaqda b'tali mod li n-nies ikunu jistgħu jesprimu l-opinjonijiet tagħhom fuq il-politiki tal-gvern liberament mingħajr biża', intimidazzjoni jew fastidju; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-leġiżlazzjoni proposta dwar il-"protezzjoni tar-razza u r-reliġjon", li tinkludi erba' abbozzi ta' liġijiet dwar iż-żwieġ interreliġjuż, il-konverżjoni reliġjużi, il-monogamija u l-kontroll tal-popolazzjoni li ma jidhrux li huma konformi mat-trattati internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;
Il-Bjelorussja
49. Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar il-ksur kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem fil-Bjelorussja; Jikkundanna t-tliet eżekuzzjonijiet imwettqa fl-2014, il-fastidju fil-konfront tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-persekuzzjoni ta' ġurnalisti indipendenti, iċ-ċensura tal-komunikazzjonijiet kollha bbażata fuq l-internet u l-leġiżlazzjoni restrittiva dwar l-organizzazzjonijiet mhux governattivi; jappella għat-tiġdid tal-mandat tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Bjelorussja, u jistieden lill-gvern jagħti aċċess sħiħ lid-detenturi tal-mandat tal-Proċedura Speċjali tan-NU, inkluż ir-Rapporteur Speċjali; jappella għall-ħelsien mingħajr kundizzjonijiet u għar-riabilitazzjoni tal-priġunieri politiċi kollha li għad-fadal.
Il-Baħrejn
50. Jesprimi t-tħassib kontinwu tiegħu dwar ġlied ċivili fil-Baħrejn, u s-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-attivisti politiċi tal-oppożizzjoni fil-pajjiż; jistieden lill-partijiet interessati fil-Baħrejn jagħtu bidu għal taħditiet kostruttivi u inklużivi bil-għan ta' rikonċiljazzjoni ġenwina u rispett għad-drittijiet tal-bniedem tal-komunitajiet kollha tal-Baħrejn; jappella għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjoni tal-priġunieri kollha ta' kuxjenza, ġurnalisti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u dimostranti paċifiċi, u jesprimi l-appoġġ tiegħu għad-dikjarazzjoni konġunta tal-4 ta' Frar 2015 tad-detenturi tal-mandat tal-Proċeduri Speċjali tan-NU dwar l-arrest ta' politiku ewlieni tal-oppożizzjoni u l-iżbandament tad-dimostrazzjonijiet sussegwenti; jistieden lill-Istati Membri tal-UE u lill-membri l-oħra tal-UNHRC ikompli jsegwu mill-qrib is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Baħrejn, b'enfasi fuq l-implimentazzjoni tal-impenji magħmula mill-Baħrejn matul il-proċess tal-EPU u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Indipendenti ta' Inkjesta tal-Baħrejn, li ntlaqgħu tajjeb mir-Re tal-Baħrejn;
L-Eġittu
51. Jilqa' l-proċeduri tal-EPU għall-Eġittu f'Novembru 2014 u jistenna bil-ħerqa l-adozzjoni tiegħu fis-sessjoni li jmiss tal-UNHRC; iħeġġeġ lill-Eġittu biex jeħles minnufih u mingħajr kundizzjonijiet lil dawk kollha miżmuma talli eżerċitaw b'mod paċifiku d-drittijiet tagħhom tal-libertà ta' espressjoni, tal-għaqda u ta' assoċjazzjoni; jesiġi, barra minn hekk, li l-Gvern tal-Eġittu jintroduċi leġiżlazzjoni f'konformità ma' standards internazzjonali u jissalvagwardja d-dritt ta' assoċjazzjoni mħaddan fil-Kostituzzjoni Eġizzjana, inkluż id-dritt li jittieħed u jingħata finanzjament, u li jirrevoka l-Liġi dwar il-Protesti ta' Novembru 2013 u jintroduċi leġiżlazzjoni ġdida li tiggarantixxi l-libertà tal-għaqda; iħeġġeġ lill-Gvern Eġizzjan jiftaħ investigazzjoni ġudizzjarja biex jiddetermina l-identità ta' dawk responsabbli għall-ordnijiet u t-twettiq ta' qtil illegali matul it-tneħħija tad-dimostrazzjonijiet prinċipalment paċifiċi li saru mit-3 ta' Lulju 2013 'l hawn, inklużi it-tixrid tal-14 t'Awwissu 2013 fi Pjazza Raba'a u fi Pjazza Nahda, fejn inqatlu mill-inqas 1 000 dimostrant;
Mali
52. Jilqa' l-ħidma tal-Espert Indipendenti tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f'Mali, u jistieden lill-UNHRC jestendi l-mandat tiegħu; jilqa' l-progress li sar mill-Gvern ta' Mali biex jerġa' jistabbilixxi l-ġudikatura f'xi partijiet tal-pajjiż, u għall-investigazzjonijiet dwar it-tortura u l-qtil ta' 21 suldat irjal fl-2012, flimkien mat-twaqqif ta' Kummissjoni għall-Verità, il-Ġustizzja u r-Rikonċiljazzjoni; jibqa' mħasseb dwar is-sitwazzjoni tas-sigurtà li qed tiddeterjora u l-użu kontinwu u r-reklutaġġ ta' suldati tfal, u jistieden lill-Gvern ta' Mali jinvestiga u jżomm responsabbli lil dawk il-fazzjonijiet rivali kollha li kienu responsabbli għall-vjolazzjonijiet tal-gwerra mwettqa matul il-kunflitt armat ta' bejn l-2012 u l-2013, u jiżgura li kwalunkwe ftehim ta' paċi għall-ġejjieni jitlob għar-responsabbiltà, għat-tisħiħ tal-kummissjoni dwar il-verità u għall-iskrutinju tal-persunal tal-forza tas-sigurtà;
Is-Sudan t'Isfel
53. Jistieden lill-Unjoni Afrikana toħroġ għall-pubbliku r-rapport tal-Kummissjoni ta' Inkjesta tagħha dwar ksur u abbużi tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa mill-partijiet kollha fis-Sudan t'Isfel, bħala pass lejn il-promozzjoni tal-ġustizzja fil-konfront ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem li twettqu sa mill-bidu tal-kunflitt; jikkundanna l-ħtif ta' grupp ta' tfal żgħar f'Wau Shilluk fi Frar 2015, bil-ħsieb li dawn isiru suldati tfal;
Is-Sri Lanka
54. Jikkonstata l-wegħdiet li saru mill-gvern elett dan l-aħħar tas-Sri Lanka, u jistiednu jieħu miżuri konkreti lejn ir-responsabbiltà, inklużi investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet serji, flimkien ma' miżuri oħra biex tiġi indirizzata l-problema wiesgħa tal-impunità u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, u jikkopera b'mod sħiħ mal-Uffiċċju tal-UNHCHR u l-investigazzjoni internazzjonali tiegħu dwar is-Sri Lanka;
Kuba u l-Venezwela
55. Jesprimi t-tħassib kontinwu tiegħu dwar iż-żieda fil-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem mill-forzi tal-gvern, b'mod partikolari fir-rigward tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-attivisti politiċi tal-oppożizzjoni f'dawn il-pajjiżi; ifakkar in-numru ta' priġunieri politiċi li jinsabu l-ħabs u jappella għall-ħelsien immedjat u mhux kundizzjonat tagħhom; jistieden lill-awtoritajiet Kubani u Venezwelani jniedu djalogi kostruttiv u inklużivi mal-partiti politiċi kollha u s-soċjetà ċivili biex jiżguraw li l-libertà tal-espressjoni u d-drittijiet fundamentali jiġu rrispettati; jesprimi t-tama tiegħu għas-suċċess tat-tielet ċiklu ta' negozjati għal Ftehim ta' Djalogu Politiku u Kooperazzjoni bejn l-UE u Kuba, li se jsiru mill-4-5 ta' Marzu 2015;
56. Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi-President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-President tad-69 Assemblea Ġenerali tan-NU, lill-President tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, u lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem.
- [1] Testi adottati, P 8_TA (2015)...