Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0231/2015Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0231/2015

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-prijoritajiet tal-UE għall-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fl-2015

4.3.2015 - (2015/2572(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Ignazio Corrao, Fabio Massimo Castaldo, Laura Agea, Rolandas Paksas, Giulia Moi, Valentinas Mazuronis f'isem il-Grupp EFDD

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0228/2015

Proċedura : 2015/2572(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0231/2015
Testi mressqa :
B8-0231/2015
Dibattiti :
Testi adottati :

B8‑0231/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-prijoritajiet tal-UE għall-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fl-2015

(2015/2572(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-konvenzjonijiet tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-protokolli fakultattivi tagħhom, inkluża l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW),

–       wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 60/251 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti li tistabbilixxi l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU (UNHRC),

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, il-Karta Soċjali Ewropea u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE,

–       wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, adottati fil-25 ta' Ġunju 2012,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti ,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi r-riżoluzzjonijiet ta’ urġenza tiegħu dwar kwistjonijiet bħal dawn,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta’... dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja 2013 u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni[1],

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tad-9 ta’ Frar 2015 dwar il-prijoritajiet tal-UE fil-fora tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU,

–       wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3(5), 18, 21, 27 u 47 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra t-28 sessjoni li jmiss tal-UNHRC li se ssir mit-2 sas-27 ta’ Marzu 2015,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi r-rispett għall-universalità tad-drittijiet tal-bniedem u l-promozzjoni u l-protezzjoni tagħha jagħmlu parti mill-acquis etiku u legali tal-Unjoni Ewropea u huma wieħed mill-elementi ewlenin tal-għaqda u tal-integrità Ewropea;

B.     billi d-drittijiet tal-bniedem huma inerenti għall-bnedmin kollha irrispettivament min-nazzjonalità, ir-razza, is-sess, l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew kwalunkwe status ieħor, u billi r-rispett ta' dawn id-drittijiet huwa minqux fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, u f’konvenzjonijiet, dikjarazzjonijiet u riżoluzzjonijiet sussegwenti internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;

C.     billi d-drittijiet kollha tal-bniedem, kemm jekk ċivili, politiċi, ekonomiċi, soċjali jew kulturali, huma indiviżibbli, interrelatati u interdipendenti, u billi ċ-ċaħda ta’ kwalunkwe wieħed minn dawn id-drittijiet għandha impatt dirett u ħażin fuq l-oħrajn;

D.     billi n-nuqqas li jiġu rispettati d-drittijiet tal-bniedem u n-nuqqas ta’ parteċipazzjoni demokratika leġittima jwasslu għal instabbiltà, stati falluti, kriżijiet umanitarji u kunflitti armati;

E.     billi l-azzjoni tal-Unjoni fir-relazzjonijiet tagħha ma’ pajjiżi terzi hija mmexxija mill-Artikolu 21 tat-Trattat ta’ Lisbona, li jafferma mill-ġdid l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u jipprevedi r-rispett tad-dinjità tal-bniedem, il-prinċipji tal-ugwaljanza u s-solidarjetà, u l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u d-dritt internazzjonali;

F.     billi l-istati kollha għandhom l-obbligu li jirrispettaw id-drittijiet bażiċi tal-popolazzjonijiet rispettivi tagħhom u d-dmir li jieħdu azzjoni konkreta biex jiffaċilitaw ir-rispett ta’ dawn id-drittijiet fil-livell nazzjonali, u li jikkooperaw f’livell internazzjonali bil-għan li jeliminaw l-ostakli għar-realizzazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-oqsma kollha;

G.     billi s-sessjonijiet regolari tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU (UNHRC), il-ħatra ta’ Rapporteurs Speċjali, il-mekkaniżmu ta’ Eżami Perjodiku Universali u l-Proċeduri Speċjali li jindirizzaw sitwazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż jew kwistjonijiet tematiċi jikkontribwixxu għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt u l-promozzjoni tagħhom;

H.     billi, sfortunatament, xi membri attwali tal-UNHRC huma rikonoxxuti bħala wħud fost l-agħar li jiksru d-drittijiet tal-bniedem, u għandhom rekords ħżiena f’termini ta’ kooperazzjoni mal-Proċeduri Speċjali tan-NU u l-konformità mar-rekwiżiti ta’ rappurtar tagħhom fir-rigward tal-korpi tat-trattat tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU;

Il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU

1.      Jilqa’ l-prijoritajiet tal-UE għat-28 sessjoni regolari li jmiss tal-UNHRC, kif stabbiliti fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-9 ta’ Frar 2015;

2.      Jilqa’ l-ħatra tal-Ambaxxatur Joachim Rücker bħala President tal-UNHRC għall-2015;

3.      Jifraħ lil Zeid Ra’ ad Al Hussein għall-ħatra tiegħu bħala Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem (UNHCHR), u jtenni li jappoġġja bil-kbir l-isforzi u l-mandat tiegħu;

4.      Jilqa’ l-preżenza tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini, fis-sessjoni ta' livell għoli tal-UNHRC, peress li dan jibgħat sinjal tajjeb rigward l-impenn qawwi tal-UE għas-sistema multilaterali tad-drittijiet tal-bniedem;

5.      Jilqa’ r-rapport annwali tal-UNHCHR lill-Assemblea Ġenerali tan-NU, li jkopri l-perjodu minn Diċembru 2013 sa Novembru 2014, u jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-indipendenza u l-integrità tal-kariga tiegħu; jenfasizza li huwa importanti li wieħed jiddefendi din l-indipendenza, sabiex jiġi żgurat li l-UNHCHR jista’ jkompli jeżerċita l-kompiti tiegħu b’mod effettiv u imparzjali; itenni li l-UNHCHR jeħtieġ li jiġi ffinanzjat b’mod adegwat;

6.      Ifakkar fl-impenn tal-Parlament Ewropew u tas-Sottokumitat tiegħu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem li jappoġġjaw sistema multilaterali u b'saħħitha għad-drittijiet tal-bniedem taħt il-patroċinju tan-NU, inkluż it-Tielet Kumitat tal-Assemblea Ġenerali, il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem, kif ukoll il-ħidma tal-aġenziji speċjalizzati tan-NU relatati bħall-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), kif ukoll il-Proċeduri Speċjali tan-NU;

7.      Iħeġġeġ lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), b'mod partikolari permezz tad-Delegazzjonijiet tal-UE fi New York u f'Ġinevra, iżid il-koerenza tal-UE permezz ta' konsultazzjoni f'waqtha u sostantiva sabiex jippreżenta l-pożizzjoni tal-UE b'vuċi waħda; jafferma mill-ġdid l-importanza tal-integrazzjoni tal-ħidma li qed issir fi New York u f'Ġinevra fil-kuntest tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, tat-Tielet Kumitat u tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem fl-attivitajiet interni u esterni rilevanti tal-UE sabiex tiġi żgurata l-koerenza;

8.      Itenni l-appoġġ tiegħu għall-mekkaniżmu ta’ Eżami Perjodiku Universali (EPU) u l-apprezzament tiegħu għall-ħidma siewja ta' dan il-mekkaniżmu, u jistieden lill-pajjiżi membri jħejju b’mod attiv l-EPU tagħhom, inkluż permezz tal-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, jimpenjaw ruħhom f’djalogu interattiv matul is-sessjoni tal-EPU, jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-EPU u jieħdu miżuri konkreti biex iżommu mat-twettiq tal-obbligi tagħhom tad-drittijiet tal-bniedem u jtejbuhom;

9.      Jitlob lill-UE u l-Istati Membri tagħha biex ikomplu jsegwu r-rakkomandazzjonijiet tal-EPU fid-djalogi ta’ politika kollha tal-UE mal-pajjiżi kkonċernati biex ifittxu modi kif jappoġġjaw lill-pajjiżi fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet;

10.    Itenni l-appoġġ tiegħu għall-Proċeduri Speċjali u l-istatus indipendenti tad-detenturi tal-mandat, li jippermettulhom iwettqu l-funzjoni tagħhom b’imparzjalità sħiħa, u jappella lill-istati kollha biex jikkooperaw ma’ dawn il-proċeduri;

11.    Iqis li huwa importanti li jintbagħtu delegazzjonijiet parlamentari għas-sessjonijiet tal-UNHRC u sessjonijiet rilevanti oħra tal-Assemblea Ġenerali tan-NU;

12.    Iqis li huwa ta' dispjaċir li l-ispazju għall-interazzjoni bejn is-soċjetà ċivili u l-UNHRC qed ikompli jiċkien u li l-NGOs qegħdin jingħataw inqas opportunitajiet biex jitkellmu f’dawn is-sessjonijiet; iħeġġeġ lill-UE u lill-UNHRC jiżguraw li r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili jitħallew jikkontribwixxu bl-aktar mod sħiħ possibbli għat-28 sessjoni tal-UNHRC, kif ukoll għall-proċess tal-Eżami Perjodiku Universali u l-mekkaniżmi l-oħra tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem, mingħajr il-biża’ ta’ tpattija malli jmorru lura f’pajjiżhom;

Id-drittijiet ċivili u politiċi

13.    Jafferma mill-ġdid li l-libertà tal-espressjoni, li hija l-pedament ta’ kull soċjetà libera u demokratika, hija dritt fundamentali ta’ kull individwu; jikkundanna bil-qawwa l-qtil ta' 12-il persuna fi Franza f’Jannar 2015, inklużi kartunisti fil-bini tal-gazzetta Charlie Hebdo u 4 persuni f’supermarket kosher, flimkien mal-qtil ta’ direttur tal-films u gwardjan ta' sinagoga f’Kopenħagen, minn terroristi li għandhom fil-mira l-libertà tal-espressjoni u tar-reliġjon;

14.    Jikkundanna l-użu tar-reliġjon minn gruppi estremisti u ġiħadisti fil-pajjiżi kollha, u b’mod partikolari fis-Sirja, l-Iraq, il-Libja, il-Mjanmar, in-Niġerja u l-Afrika Ċentrali, fejn l-azzjonijiet jinkludu attakki bil-pistoli u l-bombi, attakki suwiċida, ħtif ta' persuni u atti vjolenti oħra li qed jitterrorizzaw lill-popolazzjonijiet; huwa tal-fehma li l-ġlieda kontra t-terroriżmu titlob azzjoni biex jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tiegħu, li jinkludu l-esklużjoni soċjali, l-emarġinazzjoni politika u l-inugwaljanza; jitlob li jsiru sforzi akbar biex jitħarsu d-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi reliġjużi;

15.    Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar ir-restrizzjonijiet kollha fuq il-libertà ta’ għaqda u ta’ assoċjazzjoni, inklużi projbizzjonijiet fuq l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-użu aggressiv ta’ liġijiet ta’ malafama kriminali u liġijiet restrittivi oħra, rekwiżiti ta’ reġistrazzjoni u ta' rappurtar eċċessivi, u regoli restrittivi żżejjed dwar finanzjament barrani, u jerġa’ jafferma li l-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda paċifika huma elementi fundamentali tad-drittijiet tal-bniedem;

16.    Jistieden lill-gvernijiet kollha jippromwovu u jappoġġjaw lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u jippermettulhom jagħmlu xogħolhom mingħajr biża’, ripressjoni jew intimidazzjoni, biex jikkooperaw mal-UNHRC fil-mekkaniżmu tal-EPU u biex jiżguraw li l-pajjiżi responsabbli għar-ritaljazzjoni kontra attivisti tad-drittijiet tal-bniedem jagħtu kont ta' għemilhom, b’mod partikolari għal ritaljazzjonijiet fatali bħal dik li wasslet għall-mewt f’Marzu 2014 tal-attivist tad-drittijiet tal-bniedem Cao Shunli fiċ-Ċina talli pprova jitla' fuq titjira biex jattendi l-UNHRC f’Ġinevra f’Settembru 2013;

17.    Jerġa' jafferma l-kundanna tiegħu kontra l-użu tal-piena tal-mewt, u jappoġġja b'mod b'saħħtu l-moratorju b'rabta ma' dan, li jikkostitwixxi pass favur it-tneħħija tagħha;

18.    Itenni l-importanza tal-ġlieda kontra t-tortura u forom oħra ta’ trattament ħażin, u l-fatt li l-UE impenjat ruħha li din il-kwistjoni tkun ta' prijorità, inkluż fir-rigward tat-tfal, u li tiġi ffaċilitata l-ħidma tar-Rapporteur Speċjali tan-NU; iħeġġeġ lis-SEAE, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri tal-UE juru l-impenn komuni tagħhom biex tinqered it-tortura u jingħata appoġġ lill-vittmi, partikolarment billi jkomplu jew, fejn ikun xieraq, jibdew jikkontribwixxu għall-Fond Volontarju tan-NU għall-Vittmi tat-Tortura u għall-Fond Speċjali stabbilit mill-Protokoll Fakultattiv tal-Konvenzjoni kontra t-Tortura;

19.    Jesprimi tħassib dwar id-diskriminazzjoni kontinwa u mifruxa kontra l-migranti, inklużi dawk li qed ifittxu asil u r-refuġjati, kif ukoll dwar il-ksur ta' drittijiethom; jitlob lill-UE u l-Istati Membri tagħha biex jappoġġjaw il-ħidma tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-migranti, flimkien mal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tiegħu; jistieden lill-gvernijiet jirrispettaw id-dinjità inerenti u d-drittijiet tal-bniedem tal-migranti, iġibu fi tmiem l-arrest arbitrarju u d-detenzjoni u, sabiex ma jkunx hemm detenzjonijiet eċċessivi ta’ migranti irregolari, jirrevedu l-perjodi ta’ detenzjoni fejn meħtieġ u jużaw alternattivi għad-detenzjoni; jistieden lill-gvernijiet jirrispettaw, f’kull ċirkostanza, il-prinċipju ta’ non-refoulement u jikkonformaw bis-sħiħ mal-obbligi legali internazzjonali tagħhom fir-rigward tal-espulsjoni ta’ migranti; jappella lill-istati, jekk għadhom m’għamlux hekk, jistabbilixxu sistemi u proċeduri biex jiżguraw konformità sħiħa mal-obbligi legali internazzjonali tagħhom fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem fil-programmi u l-istituzzjonijiet kollha tagħhom fil-qasam tal-migrazzjoni;

20.    Jappoġġa l-aħħar rapport tar-Rapporteur Speċjali tal-UNHRC u l-konklużjonijiet dwar forom kontemporanji ta’ razziżmu, diskriminazzjoni razzjali, ksenofobija u intolleranza relatata; jitlob lill-UE u l-Istati Membri tagħha biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tar-Rapporteur Speċjali fil-politika interna tagħhom biex jegħlbu t-tixrid tal-mibegħda razzjali, etnika u ksenofobika u t-tixwix fuq l-internet u permezz ta’ netwerks tal-midja soċjali billi jieħdu miżuri leġiżlattivi xierqa, b’rispett sħiħ għal drittijiet fundamentali oħra bħal-libertà tal-espressjoni u tal-opinjoni;

21.    Jirrikonoxxi li l-evoluzzjoni rapida tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni bidlet l-ambjent għall-eżerċizzju tal-libertà tal-espressjoni fid-dinja kollha, u ġġenerat kemm vantaġġi profondi kif ukoll tħassib serju; jilqa’ f’dan il-kuntest, l-adozzjoni mill-Kunsill f’Mejju 2014 tal-Linji Gwida tal-UE dwar il-libertà tal-espressjoni online u offline, u jikkundanna r-restrizzjonijiet kollha fuq il-komunikazzjoni diġitali, inklużi dawk immirati lejn l-atturi tas-soċjetà ċivili; itenni l-ħtieġa li tingħata attenzjoni partikolari lid-drittijiet tal-ġurnalisti u l-bloggers;

22.    Iħeġġeġ lill-UNHRC ikompli d-dibattitu dwar id-dritt għall-privatezza u għalhekk, jaħtar Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-dritt għall-privatezza, speċjalment fil-kuntest tal-komunikazzjoni diġitali;

Id-drittijiet soċjali u ekonomiċi

23.    Jieħu nota tal-fatt li l-Aġenda għall-Iżvilupp tan-NU għal wara l-2015 sabiex jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju għandha l-mira li teqred il-faqar sal-2030 permezz ta’ approċċ olistiku għal kwistjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali; jilqa’ r-rapport ta’ sintesi tas-Segretarju Ġenerali tan-NU qabel is-Summit Speċjali tan-NU dwar l-aġenda tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli għal wara l-2015; jappoġġja s-sejħiet tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għal approċċ iffukat fuq il-ħtiġijiet u d-drittijiet tan-nies biex jintemm il-faqar;

24.    Iqis li hu importanti li jiġu indirizzati l-inugwaljanzi estremi li qed jiżdiedu sabiex jiġi miġġieled il-faqar b’mod ġenerali u biex jiġu promossi d-drittijiet soċjali u ekonomiċi billi jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-ikel, l-ilma, l-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa u l-akkomodazzjoni adegwata, b’mod partikolari; jenfasizza, f’dan il-kuntest, il-problema dejjem tikber tal-ħtif tal-art, li jeħtieġ li tiġi indirizzata;

 

25.    Huwa tal-fehma li l-korruzzjoni, l-evażjoni tat-taxxa, il-ġestjoni ħażina ta’ beni pubbliċi u n-nuqqas ta’ responsabbiltà jikkontribwixxu għall-ksur tad-drittijiet taċ-ċittadini, billi dawn ibiegħdu l-fondi minn investiment fuq servizzi pubbliċi tant meħtieġa bħall-edukazzjoni, servizzi bażiċi tas-saħħa u infrastruttura soċjali oħra, u b’hekk l-popolazzjonijiet jibqgħu maħkuma mill-faqar; ifakkar li skont il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, il-gvernijiet għandhom obbligu li jirrispettaw id-drittijiet taċ-ċittadini tagħhom billi jagħmlu disponibbli riżorsi adegwati; jenfasizza, f’dan ir-rigward, li jeħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari għall-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jaħdmu favur il-promozzjoni tad-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali;

26.    Itenni t-talba tiegħu lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jappoġġjaw il-ħatra ta' Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-kriminalità finanzjarja, il-korruzzjoni u d-drittijiet tal-bniedem;

In-negozju u d-drittijiet tal-bniedem

27.    Jappoġġja bil-qawwa t-tixrid u l-implimentazzjoni effettivi u komprensivi tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem fi ħdan u barra l-UE; jistieden lill-partijiet interessati kollha jkollhom rwol attiv fil-11-il sessjoni tal-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar il-kwistjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-korporazzjonijiet transnazzjonali u impriżi kummerċjali oħrajn, u biex jappoġġjaw sforzi biex jallinjaw il-politiki tagħhom mal-Linji Gwida tal-OECD għall-Impriżi Multinazzjonali u mal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tirrapporta sa tmiem l-2015 dwar l-implimentazzjoni tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem mill-Istati Membri tal-UE;

28.    Jitlob lill-Kummissjoni u lis-SEAE jinkoraġġixxu lid-Delegazzjonijiet tal-UE madwar id-dinja biex jinvolvu ruħhom ma' negozji tal-UE sabiex jippromwovu r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, u jiżguraw li t-tema tan-''negozju u d-drittijiet tal-bniedem'' tkun inkluża fost it-temi importanti fis-sejħiet lokali għall-proposti tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR); jistieden lill-UE u l-Istati Membri tagħha jidħlu fid-dibattitu emerġenti dwar strument internazzjonali legalment vinkolanti dwar in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem fi ħdan is-sistema tan-NU;

Id-drittijiet tan-nisa

29.    Jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għad-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma għal Azzjoni ta’ Pekin tan-NU adottata fl-1995; jilqa’ r-rieżami komprensiv tad-Dikjarazzjoni ta’ Pekin fl-okkażjoni tal-20 anniversarju tar-Raba’ Konferenza Dinjija dwar in-Nisa u 15-il sena wara l-adozzjoni tar-riżoluzzjoni tan-NU dwar il-vjolenza kontra n-nisa; iqis li r-rieżami joffri opportunità tajba biex jiġu vvalutati u identifikati l-progress u r-restrizzjonijiet bil-ħsieb li jitnaqqas id-distakk bejn is-sessi u tiġi promossa aktar l-ugwaljanza bejn is-sessi permezz ta’ miżuri konkreti;

30.    Josserva li, minkejja l-progress li sar sa issa fil-kisba tal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-għoti tas-setgħa lin-nisa, in-nisa għadhom vittmi ta’ vjolenza sesswali u stupru tal-massa f’żoni ta’ kunflitt armat, u li l-għadd ta’ nisa li jmutu kuljum minħabba l-vjolenza domestika huwa verament tal-biża’; jistieden lill-gvernijiet kollha jieħdu passi konkreti biex tiġi miġġielda l-vjolenza kontra n-nisa fil-forom kollha tagħha, u jitlob għal darb'oħra lill-UE u l-Istati Membri kollha tagħha jirratifikaw il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa;

31.    Jirrimarka li l-integrazzjoni tal-ġeneru, li tinvolvi l-organizzazzjoni mill-ġdid, it-titjib, l-iżvilupp u l-evalwazzjoni tal-politiki biex tiżgura l-inkorporazzjoni ta' approċċ ta’ opportunitajiet indaqs fil-politiki kollha, u dan fil-livelli u fl-istadji kollha minn dawk normalment involuti fit-tfassil tal-politika, hija għodda importanti fil-kisba tal-ugwaljanza bejn is-sessi;

Id-drittijiet tat-tfal

32.    Jesprimi t-tħassib tiegħu li, filwaqt li sar progress mindu ġiet adottata l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal fl-1989, mill-inqas 58 miljun tifel u tifla, b'mod partikolari bniet, tfal minn familji foqra, tfal b'diżabbiltà u tfal f'żoni ta' kunflitt, ma jmorrux skola, u ħafna tfal għadhom ibatu minn mard li jista' jiġi evitat faċilment, filwaqt li oħrajn huma involuti fit-tħaddim tat-tfal;

33.    Jistieden lill-istati kollha jimpenjaw ruħhom biex jeliminaw l-agħar forom ta' tħaddim tat-tfal kif definiti fl-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni tal-ILO Nru 182, li jinkludu l-iskjavitù tat-tfal, it-traffikar, il-prostituzzjoni u xogħol perikoluż li jaffettwa s-saħħa fiżika u mentali tat-tfal;

34.    Ifakkar li wieħed mill-obbligi primarji tal-Istat huwa li jipprovdi edukazzjoni lit-tfal kollha billi jżid l-opportunitajiet, joħloq istituzzjonijiet adegwati u jindirizza l-kawżi strutturali tal-impedimenti kbar għall-edukazzjoni primarja universali, inkluż ir-rati tal-abbandun bikri mill-iskola, li jibqa' ostaklu kbir għall-edukazzjoni primarja universali;

35.    Jitlob li jkun hemm finanzjament tal-UE adegwat għall-programmi ta' demobilizzazzjoni u integrazzjoni mill-ġdid għat-tfal assoċjati mal-kunflitti armati u għal ex-suldati tfal; ifakkar l-appoġġ qawwi tiegħu għall-kampanja "Tfal, mhux Suldati", kif sostnut waqt is-seduta dwar l-istess suġġett li saret fis-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem fit-3 ta' Diċembru 2014; jilqa' r-rapporti annwali ppreżentati mir-Rappreżentant Speċjali tan-NU għat-Tfal u l-Kunflitti Armati u r-Rappreżentant Speċjali tan-NU dwar il-Vjolenza fuq it-Tfal, flimkien mar-rapport tar-Rapporteur Speċjali dwar il-bejgħ tat-tfal, il-prostituzzjoni tat-tfal u l-pedopornografija;

It-tibdil fil-klima u d-drittijiet tal-bniedem

36.    Jenfasizza li l-impatt tat-tibdil fil-klima fuq gruppi u individwi vulnerabbli huwa għoli, speċjalment f'pajjiżi b'introjtu baxx u f'reġjuni kostali u fi stati gżejjer li jinsabu fil-baxx u li għandhom nuqqas ta' riżorsi ekonomiċi biex jadattaw għal bidliet ambjentali severi;

37.    Jilqa' r-rikonoxximent tal-UNHRC li l-bidliet ambjentali għandhom impatt negattiv fuq l-għajxien tal-popolazzjonijiet, u huma ostakoli sabiex id-drittijiet fundamentali tal-bniedem rikonoxxuti internazzjonalment iseħħu; iħeġġeġ, għalhekk, lill-Istati Partijiet jadottaw miżuri urġenti u ambizzjużi ta' mitigazzjoni u adattament fil-Konferenza dwar it-Tibdil fil-Klima 2015 li se ssir aktar tard din is-sena f'Pariġi;

Il-ġlieda kontra l-impunità u l-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI)

38.    Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-ħidma tal-QKI fir-rwol tagħha biex tintemm l-impunità għall-awturi tal-aktar delitti serji li huma ta' tħassib għall-komunità internazzjonali u biex tagħmel ġustizzja mal-vittmi ta' delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u ġenoċidji; jibqa' viġilanti rigward kwalunkwe attentat biex tiġi mminata l-leġittimità jew l-indipendenza tagħha; iħeġġeġ lill-UE u l-Istati Membri jikkooperaw mal-Qorti u jipprovdulha appoġġ diplomatiku, politiku u finanzjarju b'saħħtu, inkluż fin-NU; jitlob lill-UE, lill-Istati Membri u lir-Rappreżentanti Speċjali jippromwovu b'mod attiv il-QKI, l-infurzar tad-deċiżjonijiet tagħha, u l-ġlieda kontra l-impunità għad-delitti elenkati fl-Istatut ta' Ruma;

Il-popli indiġeni

39.    Jitlob lis-SEAE, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw ir-rieżami tal-mandat tal-Mekkaniżmu Espert tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni, skont id-Dokument tal-Eżitu tal-Konferenza Dinjija dwar il-Popli Indiġeni (Riżoluzzjoni 69/2 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU), bil-għan li jsiru monitoraġġ, evalwazzjoni u titjib fl-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni; iħeġġeġ lill-Istati Membri jitolbu li d-detenturi kollha ta' mandat ta' Proċedura Speċjali jagħtu attenzjoni speċjali lill-kwistjonijiet li jolqtu lin-nisa u l-bniet indiġeni, u jirrapportaw b'mod sistematiku dwar dawn il-kwistjonijiet lill-UNHRC; iħeġġeġ lis-SEAE u lill-Istati Membri jappoġġjaw b'mod attiv l-iżvilupp tal-pjan ta' azzjoni fis-sistema kollha għall-popli indiġeni, kif mitlub mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fir-riżoluzzjoni tagħha ta' Settembru 2014, speċjalment f'dak li jirrigwarda l-organizzazzjoni ta' konsultazzjoni regolari mal-popli indiġeni bħala parti minn dak il-proċess;

Avvenimenti kulturali u sportivi internazzjonali u d-drittijiet tal-bniedem

40.    Jikkundanna l-prattika dejjem tikber minn stati awtoritarji li jospitaw avvenimenti sportivi jew kulturali kbar ħafna bil-għan li jsaħħu l-leġittimità internazzjonali tagħhom filwaqt li jirrestrinġu ulterjorment id-dissens intern; jitlob lill-UE u l-Istati Membri jqajmu din il-kwistjoni b'mod attiv, inkluż fil-UNHRC, u jimpenjaw ruħhom mal-federazzjonijiet sportivi nazzjonali, l-atturi korporattivi u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili dwar l-aspetti prattiċi tal-parteċipazzjoni tagħhom f'avvenimenti bħal dawn, inkluż fir-rigward tal-ewwel Logħob Ewropew f'Baku fl-2015 u t-Tazza tad-Dinja tal-FIFA fir-Russja fl-2018;

L-integrazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-UE

41.    Jitlob lill-UE tippromwovi l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ċivili u politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali, f'konformità mal-Artikolu 21 tat-Trattat ta' Lisbona u d-Dispożizzjonijiet Ġenerali dwar l-Azzjoni Esterna tal-Unjoni stipulati fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea;

42.    Jitlob lill-UE, l-Istati Membri, il-Kummissjoni u s-SEAE jintegraw id-drittijiet tal-bniedem fl-oqsma kollha tal-politika esterna tagħhom ma' pajjiżi terzi; jenfasizza wkoll li jeħtieġ li l-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem tiżgura li l-politiki interni u esterni tagħha jkunu koerenti, skont l-obbligu tat-Trattat tal-UE, u li jiġu evitati standards doppji rigward ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem;

43.    Jitlob lill-UE tadotta approċċ ibbażat fuq id-drittijiet u tintegra r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fil-kummerċ, fl-investiment, u fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp, u fil-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni tagħha;

Il-prijoritajiet tal-UE dwar kwistjonijiet relatati ma’ pajjiżi partikolari

L-Ukraina

44.    Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-vjolenza u l-kunflitti armati li komplew jeskalaw fir-reġjuni separatisti tax-Xlokk; jikkundanna l-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa fuq skala kbira mill-partijiet kollha fil-kunflitt, u jappoġġja bis-sħiħ il-Missjoni ta' Monitoraġġ tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u l-Missjoni Speċjali ta' Monitoraġġ tal-OSKE fl-Ukraina; għadu mħasseb dwar id-diskriminazzjoni u l-ksur mifrux tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa kontra l-popolazzjoni lokali tal-Ukraina;

Ir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea (RDPK)

45.    Jilqa' l-estensjoni ppjanata tal-mandat tar-Rapporteur Speċjali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea (RDPK); jilqa' wkoll ir-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU li tħeġġeġ lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jieħu azzjoni xierqa biex tiġi żgurata r-responsabbiltà, inkluż li jiġi kkunsidrat li s-sitwazzjoni fir-RDPK tiġi riferuta lill-QKI;

L-Iran

46.    Jilqa' r-riżoluzzjoni tal-UNHRC ta' Marzu 2014 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Iżlamika tal-Iran, u l-estensjoni tal-mandat tar-Rapporteur Speċjali, u jistieden lill-Iran jippermetti lir-Rapporteur Speċjali tan-NU jidħol fil-pajjiż bħala sinjal kruċjali tar-rieda tal-Iran li jieħu miżuri lejn il-ftuħ ta' djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem; itenni l-kundanna tiegħu tal-piena tal-mewt fl-Iran u tar-rata għolja ta' eżekuzzjonijiet; jappoġġja d-dikjarazzjoni konġunta ta' Awwissu 2014 tad-detenturi tal-mandat tal-Proċeduri Speċjali tan-NU li tikkundanna l-mewġa ta' arresti u l-kundanni fil-konfront ta' atturi tas-soċjetà ċivili fl-Iran; jistieden lill-UE u lill-UNHRC ikomplu jissorveljaw is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, u jiżguraw li d-drittijiet tal-bniedem jibqgħu prijorità ewlenija fid-diskussjonijiet kollha mal-Gvern Iranjan;

Il-Mjanmar/Burma

47.    Jappoġġja r-rapport tar-Rapporteur Speċjali għad-69 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Mjanmar, li jirrikonoxxi l-progress li sar s'issa waqt li jidentifika l-oqsma ta' tħassib kbir li fadal; jistieden lill-Gvern jintegra d-drittijiet tal-bniedem fil-qafas istituzzjonali u legali tal-pajjiż u fil-politiki kollha, u jirrispetta l-libertà tal-espressjoni u tal-għaqda b'tali mod li n-nies ikunu jistgħu jesprimu l-opinjonijiet tagħhom fuq il-politiki tal-gvern liberament mingħajr biża', intimidazzjoni jew fastidju;

Il-Bjelorussja

48.    Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar il-ksur kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem fil-Bjelorussja; jikkundanna t-tliet eżekuzzjonijiet imwettqa fl-2014, il-fastidju fil-konfront tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-persekuzzjoni tal-ġurnalisti indipendenti, iċ-ċensura tal-komunikazzjonijiet kollha bbażati fuq l-internet u l-leġiżlazzjoni restrittiva dwar l-organizzazzjonijiet mhux governattivi; jitlob li jiġġedded il-mandat tar-Rapporteur Speċjali tan-NU, u jistieden lill-Gvern tal-Bjelorussja jagħti aċċess sħiħ lid-detenturi ta' mandat ta' Proċedura Speċjali tan-NU, inkluż ir-Rapporteur Speċjali;

Il-Baħrejn

49.    Jesprimi t-tħassib kontinwu tiegħu dwar il-ġlied ċivili fil-Baħrejn, u s-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-attivisti politiċi tal-oppożizzjoni fil-pajjiż; jistieden lill-partijiet interessati fil-Baħrejn jagħtu bidu għal taħditiet kostruttivi u inklużivi bil-għan tar-rikonċiljazzjoni ġenwina u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem tal-komunitajiet kollha tal-Baħrejn; jappella għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjoni tal-priġunieri kollha ta' kuxjenza, ġurnalisti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u dimostranti paċifiċi, u jesprimi l-appoġġ tiegħu għad-dikjarazzjoni konġunta tal-4 ta' Frar 2015 tad-detenturi tal-mandat tal-Proċeduri Speċjali tan-NU dwar l-arrest ta' politiku ewlieni tal-oppożizzjoni u l-iżbandament tad-dimostrazzjonijiet sussegwenti; jistieden lill-Istati Membri tal-UE u lill-membri l-oħra tal-UNHRC ikompli jsegwu mill-qrib is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Baħrejn, b'enfasi fuq l-implimentazzjoni tal-impenji magħmula mill-Baħrejn matul il-proċess tal-EPU u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Indipendenti ta' Inkjesta tal-Baħrejn, li ntlaqgħu tajjeb mir-Re tal-Baħrejn;

L-Eġittu

50.    Jilqa' l-proċeduri tal-EPU għall-Eġittu f'Novembru 2014 u jistenna bil-ħerqa l-adozzjoni tiegħu fis-sessjoni li jmiss tal-UNHRC; iħeġġeġ lill-Eġittu biex jeħles minnufih u mingħajr kundizzjonijiet lil dawk kollha miżmuma talli eżerċitaw b'mod paċifiku d-drittijiet tagħhom tal-libertà ta' espressjoni, tal-għaqda u ta' assoċjazzjoni; jesiġi, barra minn hekk, li l-Gvern tal-Eġittu jdaħħal fis-seħħ leġiżlazzjoni f'konformità mal-istandards internazzjonali u jissalvagwardja d-dritt ta' assoċjazzjoni mħaddan fil-Kostituzzjoni Eġizzjana, inkluż id-dritt li wieħed jirċievi u jagħti finanzjament, u li jirrevoka l-Liġi dwar il-Protesti ta' Novembru 2013 u jintroduċi leġiżlazzjoni ġdida li tiggarantixxi l-libertà tal-għaqda; iħeġġeġ lill-Gvern Eġizzjan jiftaħ investigazzjoni ġudizzjarja biex jiddetermina l-identità ta' dawk responsabbli mill-ordnijiet u l-qtil illegali matul ir-repressjoni eżerċitata fil-konfront tad-dimostrazzjonijiet prinċipalment paċifiċi li saru mit-3 ta' Lulju 2013 'l hawn, inkluż l-isfaxxar tal-protesti tal-14 ta' Awwissu 2013 fi Pjazza Raba'a u fi Pjazza Nahda, fejn inqatlu għadd kbir ta' dimostranti;

Il-Mali

51.    Jilqa' l-ħidma tal-Espert Indipendenti tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Mali, u jistieden lill-UNHRC jestendi l-mandat tiegħu; jilqa' l-progress li sar mill-Gvern tal-Mali biex jerġa' jistabbilixxi l-ġudikatura f'xi partijiet tal-pajjiż, u l-progress fl-investigazzjonijiet dwar it-tortura u l-qtil ta' 21 suldat elite fl-2012, flimkien mat-twaqqif ta' Kummissjoni għall-Verità, il-Ġustizzja u r-Rikonċiljazzjoni; jibqa' mħasseb dwar is-sitwazzjoni tas-sigurtà li qed tiddeterjora u l-użu kontinwu u r-reklutaġġ ta' suldati tfal, u jistieden lill-Gvern tal-Mali jinvestiga u jżomm responsabbli lil dawk il-fazzjonijiet rivali kollha li kienu responsabbli għall-vjolazzjonijiet tal-gwerra mwettqa matul il-kunflitt armat ta' bejn l-2012 u l-2013, u jiżgura li kwalunkwe ftehim ta' paċi fil-ġejjieni jesiġi r-responsabbiltà, it-tisħiħ tal-kummissjoni dwar il-verità u l-iskrutinju tal-persunal tal-forzi tas-sigurtà;

Is-Sudan t'Isfel

52.    Jistieden lill-Unjoni Afrikana tippubblika r-rapport tal-Kummissjoni ta' Inkjesta tagħha dwar ksur u abbużi tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa mill-partijiet kollha fis-Sudan t'Isfel, bħala pass lejn il-promozzjoni tal-ġustizzja fil-konfront tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem li ilu jsir sa mill-bidu tal-kunflitt;

Is-Sri Lanka

53.    Jinnota l-wegħdiet li saru mill-gvern li għadu kif ġie elett fis-Sri Lanka, u jistiednu jieħu miżuri konkreti lejn ir-responsabbiltà, inklużi investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet serji, flimkien ma' miżuri oħra biex jindirizza l-problema aktar wiesgħa tal-impunità u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, u biex jikkoopera bis-sħiħ mal-Uffiċċju tal-UNHCHR u l-investigazzjoni internazzjonali tiegħu dwar is-Sri Lanka;

Il-Messiku

54.    Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Messiku jipprogressa bl-investigazzjoni wara l-għajbien ta' 43 student għalliem f'Iguala, il-Messiku, biex iressaq quddiem il-ġustizzja lil dawk li wettqu dawn ir-reati u jsaħħaħ il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, l-impunità u l-kriminalità organizzata, u sabiex jaħdem mill-qrib mal-proċeduri speċjali tan-NU u l-korpi previsti mit-Trattati fil-kuntest tal-UNHCR u mal-mekkaniżmi reġjonali tad-drittijiet tal-bniedem li qed jittrattaw il-każ, kif ukoll biex jipprovdilhom il-faċilitajiet kollha neċessarji biex ikomplu bil-monitoraġġ tagħhom;

 

55.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-President tad-69 Assemblea Ġenerali tan-NU, lill-President tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, u lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem.