Proċedura : 2015/2572(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0232/2015

Testi mressqa :

B8-0232/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 12/03/2015 - 8.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0079

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 186kWORD 148k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0228/2015
4.3.2015
PE552.207v01-00
 
B8-0232/2015

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar it-28 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHRC) (2015/2572(RSP))


Barbara Lochbihler, Alyn Smith f'isem il-Grupp Verts/ALE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-28 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHRC) (2015/2572(RSP))  
B8‑0232/2015

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-konvenzjonijiet tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-protokolli fakultattivi tagħhom, inkluża l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW),

–       wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 60/251 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti li tistabbilixxi l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU (UNHRC),

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, il-Karta Soċjali Ewropea u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE,

–       wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, adottati fil-25 ta' Ġunju 2012,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti ,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi r-riżoluzzjonijiet ta' urġenza tiegħu dwar kwistjonijiet bħal dawn,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta' ... dwar ir-Rapport Annwali tal-2013 dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja u l-politika tal-Unjoni dwar il-kwistjoni(1),

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tad-9 ta' Frar 2015 dwar il-prijoritajiet tal-UE fil-fora tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU,

–       wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3(5), 18, 21, 27 u 47 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra t-28 sessjoni li jmiss tal-UNHRC li se ssir mit-2 sas-27 ta' Marzu 2015,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi r-rispett għall-universalità tad-drittijiet tal-bniedem u l-promozzjoni u l-protezzjoni tagħha jagħmlu parti mill-acquis etiku u legali tal-Unjoni Ewropea u huma wieħed mill-elementi ewlenin tal-għaqda u l-integrità Ewropea;

B.     billi d-drittijiet tal-bniedem huma inerenti għall-bnedmin kollha irrispettivament min-nazzjonalità, ir-razza, is-sess, l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew kwalunkwe status ieħor tagħhom, u billi r-rispett għal dawn id-drittijiet huwa minqux fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, u f'konvenzjonijiet, dikjarazzjonijiet u riżoluzzjonijiet sussegwenti internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;

C.     billi d-drittijiet kollha tal-bniedem, kemm jekk ċivili, politiċi, ekonomiċi, soċjali jew kulturali, huma indiviżibbli, interrelatati u interdipendenti, u billi ċ-ċaħda ta' kwalunkwe wieħed minn dawn id-drittijiet għandha impatt dirett u ħażin fuq l-oħrajn;

D.     billi n-nuqqas li jiġu rispettati d-drittijiet tal-bniedem u n-nuqqas ta' parteċipazzjoni demokratika leġittima jwasslu għal instabbiltà, stati falluti, kriżijiet umanitarji u kunflitti armati;

E.     billi l-azzjoni tal-Unjoni fir-relazzjonijiet tagħha ma' pajjiżi terzi hija mmexxija mill-Artikolu 21 tat-Trattat ta' Lisbona, li jafferma mill-ġdid l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u jipprevedi r-rispett tad-dinjità tal-bniedem, il-prinċipji tal-ugwaljanza u s-solidarjetà, u l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u d-dritt internazzjonali;

F.     billi l-istati kollha għandhom l-obbligu li jirrispettaw id-drittijiet bażiċi tal-popolazzjonijiet rispettivi tagħhom u d-dmir li jieħdu azzjoni konkreta biex jiffaċilitaw ir-rispett ta' dawn id-drittijiet fil-livell nazzjonali, u biex jikkooperaw f'livell internazzjonali bil-għan li jiġu eliminati l-ostakli għar-realizzazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-oqsma kollha;

G.     billi s-sessjonijiet regolari tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-ħatra ta' Rapporteurs Speċjali, il-mekkaniżmu ta' Eżami Perjodiku Universali u l-Proċeduri Speċjali li jindirizzaw sitwazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż jew kwistjonijiet tematiċi jikkontribwixxu għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt u l-promozzjoni tagħhom;

H.     billi, sfortunatament, xi membri attwali tal-UNHRC huma rikonoxxuti bħala wħud fost l-agħar li jiksru d-drittijiet tal-bniedem, u għandhom rekords ħżiena f'dak li għandu x'jaqsam mal-kooperazzjoni mal-Proċeduri Speċjali tan-NU u l-konformità mar-rekwiżiti ta' rappurtar tagħhom fir-rigward tal-korpi tat-trattat tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU;

Il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU

1.      Jilqa' l-prijoritajiet tal-UE għat-28 sessjoni regolari li jmiss tal-UNHRC, kif stabbilit fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-9 ta' Frar 2015;

2.     Jilqa' l-ħatra tal-Ambaxxatur Joachim Rücker bħala President tal-UNHRC għall-2015;

3.      Jifraħ lil Zeid Ra’ad Zeid Al-Hussein għall-ħatra tiegħu bħala Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem (UNHCHR), u jtenni li jappoġġa bil-kbir l-isforzi u l-mandat tiegħu;

4.      Jilqa' l-preżenza ta' Federica Mogherini, Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), fis-sessjoni ta' livell għoli tal-UNHCR, peress li dan jibgħat sinjal tajjeb rigward l-impenn qawwi tal-UE għal sistema multilaterali tad-drittijiet tal-bniedem;

5.      Jilqa' r-rapport annwali tal-UNHCHR lill-Assemblea Ġenerali tan-NU, li jkopri l-perjodu minn Diċembru 2013 sa Novembru 2014, u jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-indipendenza u l-integrità tal-kariga tiegħu; jenfasizza li huwa importanti li wieħed jiddefendi din l-indipendenza, sabiex jiġi żgurat li l-UNHCHR jista' jkompli jeżerċita l-kompiti tiegħu b'mod effikaċi u imparzjali; itenni li l-UNHCHR jeħtieġ li jiġi ffinanzjat b'mod adegwat;

6.      Ifakkar l-impenn tal-Parlament Ewropew u tas-Sottokumitat tiegħu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem li jappoġġaw sistema multilaterali u b'saħħitha għad-drittijiet tal-bniedem taħt l-awspiċji tan-NU, inkluż it-Tielet Kumitat tal-Assemblea Ġenerali, il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem, u l-ħidma tal-aġenziji speċjalizzati relatati tan-NU bħall-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), kif ukoll tal-Proċeduri Speċjali tan-NU;

7.      Iħeġġeġ lis-SEAE, b'mod partikolari permezz tad-Delegazzjonijiet tal-UE fi New York u f'Ġinevra, biex iżid il-koerenza tal-UE permezz ta' konsultazzjoni f'waqtha u sostantiva sabiex jippreżenta l-pożizzjoni tal-UE b'vuċi waħda; jafferma mill-ġdid l-importanza tal-integrazzjoni tal-ħidma li qed issir fi New York u f'Ġinevra fil-kuntest tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, tat-Tielet Kumitat u tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem fl-attivitajiet interni u esterni rilevanti tal-UE sabiex tiġi żgurata l-koerenza;

8.      Iqis li l-intimidazzjoni kontinwa u d-detenzjoni ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u personalitajiet tal-oppożizzjoni minn għadd ta' membri tal-UNHRC, inklużi l-Alġerija, iċ-Ċina, Kuba, l-Etjopja, l-Arabja Sawdija, ir-Russja, l-Emirati Għarab Magħquda, il-Gabon, il-Kazakistan, il-Qatar u l-Vjetnam, jimminaw l-kredibilità tal-UNHRC; Itenni l-pożizzjoni tiegħu li l-membri tal-UNHRC għandhom jiġu eletti minn fost l-Istati li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u d-demokrazija u li qablu li jestendu l-istediniet permanenti għall-Proċeduri Speċjali kollha, u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem u jadottaw kriterji ta' prestazzjoni, li għandhom japplikaw għal kwalunkwe Stat li jkun elett bħala membru tal-UNHRC; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex iħeġġu proċessi trasparenti, miftuħa u kompetittivi għall-elezzjoni ta' membri tal-UNHRC;

9.      Itenni l-appoġġ tiegħu għall-mekkaniżmu ta' Eżami Perjodiku Universali u l-apprezzament tiegħu għall-ħidma siewja tal-Eżami Perjodiku Universali (EPU), u jistieden lill-membri jħejju b'mod attiv l-EPU tagħhom, fosthom permezz tal-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, biex jimpenjaw ruħhom f'djalogu interattiv matul is-sessjoni tal-EPU ufid-dibattiti dwar l-adozzjoni tal-eżiti tal-EPU, u biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-EPU u jieħdu miżuri konkreti biex itejbu u jirrispettaw it-twettiq tal-obbligi tagħhom tad-drittijiet tal-bniedem;

10.    Jibqa' jopponi l-'block voting' fi ħdan il-UNHRC; iħeġġeġ lill-pajjiżi membri fil-UNHRC jibqgħu trasparenti fil-votazzjoni tagħhom;

11.    Jitlob lill-UE u l-Istati Membri tagħha biex ikomplu jsegwu r-rakkomandazzjonijiet tal-EPU fid-djalogi ta' politika kollha tal-UE mal-pajjiżi kkonċernati biex ifittxu modi biex il-pajjiżi jiġu appoġġati fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet;

12.    Itenni l-appoġġ tiegħu għall-Proċeduri Speċjali u l-istatus indipendenti tad-detenturi ta' mandat, li jippermettulhom iwettqu l-funzjoni tagħhom b'imparzjalità sħiħa, u jappella lill-Istati kollha biex jikkooperaw ma' dawn il-proċeduri u jħeġġeġ lill-Istati Membri jikxfu każijiet ta' nuqqas ta' kooperazzjoni min-naħa ta stati b'detenturi ta' mandati għal Proċedura Speċjali;

13.    Iqis li huwa importanti li jintbagħtu delegazzjonijiet parlamentari għas-sessjonijiet tal-UNHCR u s-sessjonijiet rilevanti oħra tal-Assemblea Ġenerali tan-NU;

14.    Jiddispjaċih li l-ispazju għall-interazzjoni bejn is-soċjetà ċivili u l-UNHRC qed ikompli jiċkien u li l-NGOs qegħdin jingħataw inqas opportunitajiet biex jitkellmu f'dawn is-sessjonijiet; iħeġġeġ lill-UE u lill-UNHRC jiżguraw li r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili jitħallew jikkontribwixxu bl-aktar mod sħiħ possibbli għas-sessjonijiet tal-UNHRC, kif ukoll għall-proċess tal-Eżami Perjodiku Universali u l-mekkaniżmi l-oħra tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem, mingħajr il-biża' ta' rappreżalji meta jmorru lura f'pajjiżhom;

Id-drittijiet ċivili u politiċi

15.    Jafferma mill-ġdid li l-libertà tal-espressjoni, li hija l-pedament ta' kull soċjetà libera u demokratika, hija dritt fundamentali ta' kull individwu; jikkundanna bil-qawwa l-qtil fi Franza f'Jannar 2015 ta' 12-il persuna, inklużi l-kartunisti fil-binja tal-gazzetta Charlie Hebdo u 4 persuni f'supermarket kosher, flimkien mal-qtil ta' direttur tal-films u gwardjan ta' sinagoga f'Kopenħagen, minn terroristi li għandhom fil-mira l-libertà tal-espressjoni u tar-reliġjon;

16.    Jikkundanna l-użu tar-reliġjon minn gruppi estremisti u ġiħadisti fil-pajjiżi kollha, u b'mod partikolari fis-Sirja, l-Iraq, il-Libja, il-Mjanmar, in-Niġerja u l-Afrika Ċentrali, fejn l-azzjonijiet jinkludu attakki bil-pistoli u l-bombi, attakki suwiċida, ħtif ta' persuni u atti vjolenti oħra li qed jitterrorizzaw lill-popolazzjoni; huwa tal-fehma li l-ġlieda kontra t-terroriżmu titlob azzjoni biex jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tiegħu, li jinkludu l-esklużjoni soċjali, l-emarġinazzjoni politika u l-inugwaljanza; jitlob li jsiru sforzi akbar biex jitħarsu d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi reliġjużi;

17.    Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar ir-restrizzjonijiet kollha fuq il-libertà ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni, inklużi projbizzjonijiet fuq l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-użu aggressiv ta' liġijiet ta' malafama kriminali u liġijiet restrittivi oħra, rekwiżiti ta' reġistrazzjoni u ta' rappurtar eċċessivi, u regoli restrittivi żżejjed dwar finanzjament barrani, u jafferma mill-ġdid li l-libertà tal-assoċjazzjoni u tal-assemblea paċifika huma elementi fundamentali tad-drittijiet tal-bniedem;

18.    Jistieden lill-gvernijiet kollha biex jippromwovu u jappoġġaw lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u li jippermettulhom jagħmlu xogħolhom mingħajr biża', ripressjoni jew intimidazzjoni, biex jikkooperaw mal-UNHRC fil-mekkaniżmu tal-EPU u biex jiżguraw li l-pajjiżi responsabbli għar-ritaljazzjoni kontra attivisti tad-drittijiet tal-bniedem jinżammi responsabbli ta' għemilhom, b'mod partikolari għal ritaljazzjonijiet fatali bħal dik li wasslet għall-mewt, f'Marzu 2014, tal-attivist tad-drittijiet tal-bniedem Cao Shunli fiċ-Ċina talli pprova jitla' fuq titjira biex jattendi l-UNHRC f'Ġinevra f'Settembru 2013;

19.    Jerġa' jafferma l-kundanna tiegħu kontra l-użu tal-piena tal-mewt, u jappoġġa bis-sħiħ l-introduzzjoni ta' moratorju fir-rigward tal-piena tal-mewt, bħala pass favur it-tneħħija tagħha;

20.    Ifakkar fl-importanza tal-ġlieda kontra t-tortura u forom oħra ta' trattament ħażin, u l-fatt li l-UE impenjat ruħha biex din il-kwistjoni tkun ta' prijorità, inkluż fir-rigward tat-tfal, u li tiġi ffaċilitata l-ħidma tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar it-Tortura; iħeġġeġ lis-SEAE, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri tal-UE juru l-impenn komuni tagħhom biex tinqered it-tortura u biex jingħata appoġġ lill-vittmi, partikolarment billi jkomplu jew, fejn ikun xieraq, jibdew jikkontribwixxu għall-Fond Volontarju tan-NU għall-Vittmi tat-Tortura u għall-Fond Speċjali stabbilit mill-Protokoll Fakultattiv tal-Konvenzjoni kontra t-Tortura;

21.    Jesprimi tħassib dwar diskriminazzjoni kontinwa u mifruxa u l-ksur tad-drittijiet ta' migranti, inklużi dawk li jfittxu l-asil u rifuġjati; jitlob lill-UE u l-Istati Membri tagħha biex jappoġġaw il-ħidma tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-migranti, flimkien mal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tiegħu; jistieden lill-gvernijiet jirrispettaw id-dinjità inerenti u d-drittijiet tal-bniedem tal-migranti, iġibu fi tmiem l-arrest arbitrarju u d-detenzjoni u, sabiex ma jkunx hemm detenzjonijiet eċċessivi ta' migranti irregolari, jirrevedu l-perjodi ta' detenzjoni fejn meħtieġ u jużaw alternattivi għad-detenzjoni; jistieden lill-gvernijiet jirrispettaw, f'kull ċirkostanza, il-prinċipju ta' non-refoulement u biex jirrispettaw bis-sħiħ l-obbligi legali internazzjonali tagħhom fir-rigward tal-espulsjoni ta' migranti; jappella lill-Istati Membri, f'każ li għadhom m'għamlux hekk, biex jistabbilixxu sistemi u proċeduri li jiżguraw konformità sħiħa mal-obbligi legali internazzjonali tagħhom fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem fil-programmi u l-istituzzjonijiet kollha tagħhom fil-qasam tal-migrazzjoni;

22.    Jappoġġa l-aħħar rapport tar-Rapporteur Speċjali tal-UNHRC u l-konklużjonijiet dwar forom kontemporanji ta' razziżmu, diskriminazzjoni razzjali, ksenofobija u intolleranza relatata; jitlob lill-UE u l-Istati Membri tagħha biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tar-Rapporteur Speċjali fil-politika interna tagħhom biex jegħlbu t-tixrid tal-mibegħda razzjali, etnika u ksenofobika u t-tixwix fuq l-internet, u permezz ta' netwerks tal-midja soċjali billi jieħdu miżuri leġiżlattivi xierqa, b'rispett sħiħ għal drittijiet fundamentali oħra bħal-libertà tal-espressjoni u tal-opinjoni;

23.    Jirrikonoxxi li l-evoluzzjoni rapida tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni ttrasformat l-ambjent għall-eżerċizzju tal-libertà tal-espressjoni fid-dinja kollha, u ġġenerat kemm vantaġġi profondi kif ukoll tħassib serju; jilqa' f'dan il-kuntest, l-adozzjoni mill-Kunsill f'Mejju 2014 tal-Linji Gwida tal-UE dwar il-libertà tal-espressjoni online u offline, u jikkundanna r-restrizzjonijiet kollha fuq il-komunikazzjoni diġitali, inklużi dawk immirati lejn l-atturi tas-soċjetà ċivili; itenni l-ħtieġa li tingħata attenzjoni partikolari lid-drittijiet tal-ġurnalisti u l-bloggers;

24.    Iħeġġeġ lill-UNHRC biex tkompli d-dibattitu dwar id-dritt għall-privatezza u, għal dan l-għan, biex jinħatar Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-dritt għall-privatezza, speċjalment fil-kuntest tal-komunikazzjonijiet diġitali;

Id-drittijiet soċjali u ekonomiċi

25.    Jieħu nota tal-fatt li l-Aġenda għall-Iżvilupp tan-NU għal wara l-2015 sabiex jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju għandha l-mira li teqred il-faqar sal-2030 permezz ta' approċċ olistiku għal kwistjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali; jilqa' r-rapport ta' sintesi tas-Segretarju Ġenerali tan-NU qabel is-Summit Speċjali tan-NU dwar l-Aġenda tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli għal wara l-2015; jappoġġa l-appelli tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għal approċċ iffukat fuq il-ħtiġijiet u d-drittijiet tan-nies biex jintemm il-faqar;

26.    Iqis li hu importanti li jiġu indirizzati l-inugwaljanzi estremi li qed jiżdiedu sabiex jiġi miġġieled il-faqar b'mod ġenerali u biex jiġu promossi d-drittijiet soċjali u ekonomiċi billi jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-ikel, l-ilma, l-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa u l-akkomodazzjoni adegwata, b'mod partikolari; jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-problema li qed tikber tal-ħtif tal-art, li jeħtieġ li tiġi indirizzata;

27.    Huwa tal-fehma li l-korruzzjoni, l-evażjoni tat-taxxa, il-ġestjoni ħażina tal-beni pubbliċi u n-nuqqas ta' responsabbiltà jikkontribwixxu għall-ksur tad-drittijiet taċ-ċittadini, billi dawn ibiegħdu l-fondi minn investiment fuq servizzi pubbliċi tant meħtieġa bħall-edukazzjoni, is-servizzi bażiċi tas-saħħa u infrastruttura soċjali oħra, u b'hekk l-popolazzjonijiet jibqgħu maħkuma mill-faqar; ifakkar li skont il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, il-gvernijiet għandhom obbligu li jirrispettaw d-drittijiet taċ-ċittadini tagħhom billi jagħmlu disponibbli riżorsi adegwati; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq il-fatt li jeħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari għall-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jaħdmu fuq il-promozzjoni tad-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali;

28.    Itenni t-talba tiegħu lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jappoġġaw il-ħatra ta' Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-kriminalità finanzjarja, il-korruzzjoni u d-drittijiet tal-bniedem;

In-negozju u d-drittijiet tal-bniedem

29.    Jappoġġa bil-qawwa t-tixrid u l-implimentazzjoni effikaċi u komprensivi tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem fl-UE u 'l barra minnha, u jenfasizza l-ħtieġa li jittieħdu l-miżuri politiċi u leġiżlattivi kollha meħtieġa biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni effikaċi tal-Prinċipji Gwida tan-NU, fosthom dawk b'rabta mal-aċċess għall-ġustizzja; jilqa' l-inizjattiva marbuta mar-regolament li jistabbilixxi sistema ta' diliġenza dovuta għall-katina ta' provvista għall-provenjenza responsabbli ta' minerali minn żoni milquta minn kunflitti; jistieden lill-partijiet interessati kollha biex jwettqu rwol attiv fil-11-il sessjoni tal-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar il-kwistjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-korporazzjonijiet transnazzjonali u impriżi kummerċjali oħrajn u biex jappoġġaw sforzi biex jallinjaw il-politiki tagħhom mal-Linji Gwida tal-OECD għall-Impriżi Multinazzjonali u mal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex sa tmiem l-2015 tagħti rendikont dwar l-implimentazzjoni tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem mill-Istati Membri tal-UE;

30.    Jitlob lill-Kummissjoni u lis-SEAE jinkoraġġixxu lid-Delegazzjonijiet tal-UE madwar id-dinja biex jinvolvu ruħhom ma' negozji tal-UE sabiex jippromwovu r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, u biex jiżguraw li t-tema tan-''negozju u d-drittijiet tal-bniedem'' tkun inkluża fost it-temi importanti fis-sejħiet lokali għall-proposti tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR); jitlob lill-UE u l-Istati Membri tagħha biex jieħdu sehem b'mod attiv mill-bidu fid-diskussjonijiet dwar il-grupp ta' ħidma intergovernattiv stabbilit għal żmien indeterminat lejn l-elaborazzjoni ta' strument internazzjonali legalment vinkolanti dwar in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem fi ħdan is-sistema tan-NU;

Id-drittijiet tan-nisa

31.    Jistieden lill-UE tipparteċipa b'mod attiv fid-59 sessjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istatus tan-Nisa, u tkompli tiġġieled kontra kull attentat li jimmina l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Pekin tan-NU, li ser tiġi riveduta fl-okkażjoni tal-20 anniversarju tar-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa fir-rigward, fost elementi oħrajn, l-aċċess għall-edukazzjoni u s-saħħa bħala drittijiet bażiċi tal-bniedem, u d-drittijiet sesswali u riproduttivi;

32.    Josserva b'mod kritiku li minkejja l-progress li sar s'issa fil-kisba tal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-għoti tas-setgħa lin-nisa, f'ħafna pajjiżi għad hemm fis-seħħ liġijiet diskriminatorji, b'mod partikolari fil-qasam tal-familja u l-aċċess għall-proprjetà; josserva li n-nisa għadhom ferm sottorappreżentati f'pożizzjonijiet ta' teħid ta' deċiżjonijiet u li l-vjolenza kontra n-nisa għadha mifruxa, filwaqt li l-aċċess għall-ġustizzja għadu limitat minkejja l-għadd ta' nisa li jmutu kuljum minħabba l-vjolenza domestika; jesprimi t-tħassib serju tiegħu li f'xi pajjiżi ġie osservat rigress, b'mod partikolari fil-qasam tad-drittijiet sesswali u riproduttivi;

33.    jikkundanna bil-qawwa l-użu tal-vjolenza sesswali fuq in-nisa, inklużi krimini bħalma huma l-istupru tal-massa, l-iskjavitù sesswali, il-prostituzzjoni mġiegħla, il-persekuzzjonijiet abbażi tal-ġeneru, inklużi l-mutilazzjoni ġenitali femminili, it-traffikar, iż-żwieġ bikri u ż-żwieġ furzat, il-qtil għall-unur u kwalunkwe forma oħra ta' vjolenza sesswali, li fost raġunijiet oħra jintużaw bħala tattika tal-gwerra; jerġa' jitlob lill-UE u l-Istati Membri tagħha jiffirmaw u jirratifikaw il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika;

34.    Itenni wkoll l-impenn tal-UE li tintegra d-drittijiet tal-bniedem u l-aspetti dwar il-ġeneru fil-missjonijiet tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni, f'konformità mar-Riżoluzzjonijiet storiċi 1325 u 1820 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà; itenni, f'dan ir-rigward, it-talba tiegħu biex l-UE u l-Istati Membri tagħha jappoġġaw, fil-proċess tal-bini ta' rikonċiljazzjoni sostenibbli, il-parteċipazzjoni sistematika tan-nisa bħala komponent vitali fil-proċessi tal-paċi, u jirrikonoxxu l-ħtieġa li jintegraw il-perspettivi tal-ġeneru fil-prevenzjoni ta' kunflitti, fl-operazzjonijiet ta' żamma tal-paċi, fl-għajnuna umanitarja u fil-proċessi ta' rikostruzzjoni wara kunflitt u ta' tranżizzjoni demokratika;

Id-drittijiet tat-tfal

35.    Jesprimi t-tħassib tiegħu li, filwaqt li sar progress mindu ġiet adottata l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal fl-1989, mill-inqas 58 miljun tifel u tifla, b'mod partikolari bniet, tfal minn familji foqra, tfal b'diżabbiltà u tfal f'żoni ta' kunflitt, ma jmorrux skola, u ħafna tfal għadhom ibatu minn mard li jista' jiġi evitat faċilment, filwaqt li oħrajn huma involuti fit-tħaddim tat-tfal;

36.    Jitlob lill-istati kollha jimpenjaw ruħhom biex jeliminaw l-agħar forom ta' tħaddim tat-tfal kif definiti fl-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni tal-ILO Nru 182, li jinkludu l-jasar tat-tfal, it-traffikar, il-prostituzzjoni u x-xogħol perikoluż li jolqtu s-saħħa fiżika u mentali tat-tfal;

37.    Ifakkar li wieħed mill-obbligi primarji tal-istat huwa li jipprovdi l-edukazzjoni lit-tfal kollha billi jżid l-opportunitajiet, joħloq istituzzjonijiet xierqa u jindirizza l-kawżi strutturali ta' impedimenti kbar għall-edukazzjoni primarja universali, inklużi r-rati ta' studenti li jitilqu mill-iskola kmieni, li għadhom jikkostitwixxu ostaklu kbir għal edukazzjoni primarja universali;

38.    Jitlob li jkun hemm finanzjament tal-UE adegwat għall-programmi ta' demobilizzazzjoni u riintegrazzjoni għat-tfal assoċjati mal-kunflitti armati u għal tfal li kienu suldati; ifakkar l-appoġġ qawwi tiegħu għall-kampanja 'Tfal, Mhux Suldati'; jilqa' r-rapporti annwali ppreżentati mir-Rappreżentant Speċjali tan-NU għat-Tfal u l-Kunflitti Armati u r-Rappreżentant Speċjali tan-NU dwar il-Vjolenza fuq it-Tfal, flimkien mar-rapport tar-Rapporteur Speċjali dwar il-bejgħ tat-tfal, il-prostituzzjoni tat-tfal u l-pedopornografija;

Id-drittijiet tal-persuni LGBTI

39.    Jesprimi tħassib tiegħu rigward iż-żieda reċenti fin-numru ta' liġijiet u prattiki diskriminatorji u atti ta' vjolenza kontra individwi abbażi tal-orjentament sesswali u l-identità tal-ġeneru tagħhom; iħeġġeġ il-monitoraġġ mill-qrib tas-sitwazzjoni tal-persuni LGBTI, inklużi dawk fin-Niġerja u l-Gambja, fejn liġijiet anti-LGBTI introdotti reċentement jheddu l-ħajjiet tal-minoranzi sesswali; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-hekk imsejħa liġijiet "kontra l-propaganda", li jillimitaw il-libertà ta' espressjoni u ta' għaqda, bħalma hemm fir-Russja u fil-Litwanja u bħalma qed jiġu kkunsidrati bħalissa fil-Parlament Kirgiż; jilqa' r-riżoluzzjoni tal-UNHRC dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza u d-diskriminazzjoni bbażati fuq l-orjentament sesswali u l-identità tal-ġeneru, adottata fis-26 ta' Settembru 2014; jiddispjaċih dwar l-adozzjoni tal-UNHRC, fis-26 ta' Ġunju 2014, tar-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-protezzjoni tal-familja, li potenzjalment timmina l-prinċipju ta' drittijiet tal-bniedem universali u indiviżibbli; jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għat-tkomplija tal-ħidma tal-UNHCHR għall-promozzjoni u l-protezzjoni tat-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem kollha minn persuni LGBTI, b'mod partikolari permezz ta' dikjarazzjonijiet, rapporti u l-Kampanja tan-NU 'Free & Equal'; iħeġġeġ lill-UNHCHR ikompli l-ġlieda kontra liġijiet u prattiki diskriminatorji;

It-tibdil fil-klima u d-drittijiet tal-bniedem

40.    Jenfasizza li l-impatt tat-tibdil fil-klima fuq gruppi u individwi vulnerabbli huwa għoli, speċjalment f'pajjiżi b'introjtu baxx u f'reġjuni kostali u fi stati gżejjer li huma baxxi u li għandhom nuqqas ta' riżorsi ekonomiċi biex jadattaw għal bidliet ambjentali severi;

41.    Jilqa' r-rikonoxximent tal-UNHRC li l-bidliet ambjentali għandhom impatt negattiv fuq l-għajxien tal-popolazzjonijiet, u huma ostakoli għar-realizzazzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem rikonoxxuti internazzjonalment; iħeġġeġ, għalhekk, lill-Istati Partijiet jadottaw miżuri urġenti u ambizzjużi ta' mitigazzjoni u adattament fil-Konferenza dwar it-Tibdil fil-Klima 2015 li se ssir aktar tard din is-sena f'Pariġi;

42.    Jitlob li l-Kummissjoni u s-SEAE jipparteċipaw b'mod attiv fid-dibattitu dwar it-terminu "refuġjat tal-klima", inkluża d-definizzjoni legali possibbli tagħha fid-dritt internazzjonali jew fi kwalunkwe ftehim internazzjonali legalment vinkolanti;

Il-ġlieda kontra l-impunità u l-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI)

43.    Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-ħidma tal-QKI fir-rwol tagħha li ttemm l-impunità għall-awturi tal-aktar delitti serji li huma ta' tħassib għall-komunità internazzjonali u li tagħmel ġustizzja mal-vittmi tad-delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u ġenoċidji; jibqa' viġilanti rigward kwalunkwe attentat biex tiġi mminata l-leġittimità jew l-indipendenza tagħha; iħeġġeġ lill-UE u l-Istati Membri jikkooperaw mal-Qorti u jagħtuha appoġġ diplomatiku, politiku u finanzjarju b'saħħtu, inkluż fin-NU; jistieden lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lir-Rappreżentanti Speċjali tagħha jippromwovu b'mod attiv il-QKI, l-infurzar tad-deċiżjonijiet tagħha u l-ġlieda kontra l-impunità għad-delitti elenkati fl-Istatut ta' Ruma; jilqa’ r-ratifika li saret dan l-aħħar tal-Istatut ta’ Ruma mill-Palestina u jħeġġeġ lill-UE tikkundanna kull miżura punittiva meħuda kontra l-Palestina talli eżerċitat dan id-dritt;

Il-popli indiġeni

44.    Jistieden lis-SEAE, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw ir-rieżami tal-mandat tal-Mekkaniżmu Espert dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni, skont id-Dokument tal-Eżitu tal-Konferenza Dinjija dwar il-Popli Indiġeni (Riżoluzzjoni 69/2 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU), bil-għan li jsir monitoraġġ, valutazzjoni u titjib fl-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni; iħeġġeġ lill-Istati Membri jitolbu li d-detenturi kollha ta' mandat ta' Proċedura Speċjali jagħtu attenzjoni speċjali lill-kwistjonijiet li jolqtu lin-nisa u l-bniet indiġeni, u jirrapportaw b'mod sistematiku dwar dawn il-kwistjonijiet lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU (il-UNHRC); iħeġġeġ lis-SEAE u lill-Istati Membri jappoġġjaw b'mod attiv l-iżvilupp tal-pjan ta' azzjoni fis-sistema kollha għall-popli indiġeni, kif mitlub mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fir-riżoluzzjoni tagħha ta' Settembru 2014, speċjalment f'dak li jirrigwarda l-organizzazzjoni ta' konsultazzjoni regolari tal-popli indiġeni bħala parti minn dak il-proċess;

L-avvenimenti kulturali u sportivi internazzjonali u d-drittijiet tal-bniedem

45.    Jikkundanna l-prattika dejjem tikber min-naha ta’ stati awtoritarji li jospitaw avvenimenti sportivi jew kulturali kbar ħafna bil-għan li jsaħħu l-leġittimità internazzjonali tagħhom filwaqt li jkomplu jirrestrinġu aktar id-dissens domestiku; jitlob li l-UE u l-Istati Membri jqajmu din il-kwistjoni b'mod attiv, inkluż fil-UNHRC, u jimpenjaw ruħhom mal-federazzjonijiet sportivi nazzjonali, l-atturi korporattivi u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili dwar l-aspetti prattiċi tal-parteċipazzjoni tagħhom f'avvenimenti bħal dawn, inkluż fir-rigward tal-ewwel Logħob Ewropew f'Baku fl-2015 u t-Tazza tad-Dinja tal-FIFA fir-Russja fl-2018;

Id-drones

46.    Itenni t-talba tiegħu li tiġi żviluppata pożizzjoni komuni tal-UE dwar l-użu ta' drones armati, li tagħti l-akbar importanza lir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali u tindirizza kwistjonijiet bħalma huma l-qafas ġuridiku, il-proporzjonalità, ir-responsabbiltà, il-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili u t-trasparenza; iħeġġeġ lill-UE, għal darb'oħra, tipprojbixxi l-iżvilupp, il-produzzjoni u l-użu ta' armi kompletament awtonomi li jippermettu li jsiru attakki mingħajr intervent uman; jistieden lill-UE tappoġġja l-isforzi fil-livell reġjonali u dak internazzjonali li għandhom l-għan li jopponu u jipprojbixxu l-prattika tal-qtil immirat u extraġudizzjarju, u tieħu miżuri ġuridiċi kull fejn individwu jew entità jistgħu jkunu relatati ma' qtil immirat illegali barra l-pajjiż; jinsisti li d-drittijiet tal-bniedem ikunu inklużi fid-djalogi kollha li jsiru ma' pajjiżi terzi dwar il-ġlieda lit-terroriżmu;

Id-drittijiet tal-migranti

47.    Jinsisti li d-drittijiet tal-bniedem u d-dritt internazzjonali jeħtieġ li jkunu fil-qalba tal-politiki kollha tal-UE dwar il-fruntieri; iħeġġeġ lill-UE tiżviluppa politiki iktar b’saħħithom biex il-kwistjonijiet relatati mal-migranti, ir-refuġjati u dawk li jfittxu l-ażil jiġu indirizzati b’mod li jkun konsistenti mad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, u jistieden lill-UE tiggarantixxi standards komuni effikaċi għall-proċeduri ta' akkoljenza fl-UE kollha u żżid il-kooperazzjoni u l-qsim ġust tal-piż fost l-Istati Membri, inkluż fl-ospitar u s-sistemazzjoni mill-ġdid tar-refuġjati u fil-kontribuzzjoni għas-servizzi ta’ tiftix u salvataġġ biex jiġu megħjuna l-migranti li jsibu ruħhom f’diffikultà fuq il-baħar;

Il-prijoritajiet tal-UE dwar kwistjonijiet relatati ma’ pajjiżi partikolari

L-Ukraina

48.    Jesprimi t-tama li l-ftehim ta’ waqfien mill-ġlied, ibbażata fuq l-ftehim ta’ Minsk, se żżomm; jappoġġja bis-sħiħ il-Missjoni ta’ Monitoraġġ tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u l-Missjoni Speċjali ta’ Monitoraġġ tal-OSKE fl-Ukraina u jitlob għat-tisħiħ ta’ din tal-aħħar; jenfasizza t-tħassib kbir tiegħu dwar id-destin ta’ persuni spostati f’pajjiżhom (IDP) bħala riżultat tal-konflitt armat fir-reġjuni tax-Xlokk; jibqa' mħasseb dwar id-diskriminazzjoni u l-vjolazzjonijiet mifruxa tad-drittijiet tal-bniedem kontra l-popolazzjoni lokali fil-Krimea, b'mod partikolari t-Tatari tal-Krimea; jistieden lill-Istati Membri tal-UE jappoġġjaw l-isforzi kollha possibbli fil-livell tan-NU għall-ġlieda lill-impunità u jwettqu investigazzjonijiet imparzjali dwar il-ġrajjiet vjolenti u l-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem marbuta mat-trażżin tad-dimostrazzjonijiet ta' Maidan, l-annessjoni tal-Krimea u l-konflitti armat fir-reġjuni tax-Xlokk;

Ir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (RDPK)

48.    Jilqa' l-estensjoni ppjanata tal-mandat tar-Rapporteur Speċjali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (RDPK); jilqa' wkoll ir-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU li tħeġġeġ lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jieħu azzjoni xierqa biex jiġi żgurat l-obbligu ta’ rendikont, inkluż billi jiġi kkunsidrat jekk is-sitwazzjoni fir-RDPK tiġix riferuta lill-QKI; jistieden lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem itenni l-appell tiegħu għall-obbligu ta’ rendikont, inkluż fir-rigward ta' dawk responsabbli għal delitti kontra l-umanità skont il-politiki stabbiliti fl-ogħla livell tal-Istat; jilqa' t-twaqqif ta' struttura bbażata fuq il-post fir-Repubblika tal-Korea biex jissaħħaħ il-monitoraġġ tas-sitwazzjoni u d-dokumentazzjoni tal-evidenza bil-ħsieb li iġi żgurat l-obbligu ta’ rendikont u jħeġġeġ lill-istati kollha jikkooperaw ma' din l-istruttura; jistieden lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem iżid l-attenzjoni tiegħu lis-sitwazzjoni fir-RDPK billi jlaqqa' Panel formali fejn jinstemgħu il-vuċijiet tal-vittmi ta' vjolazzjonijiet tad-drittijiet fil-kuntest tas-sessjoni li ġejja tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem;

L-Iran

49.    Jilqa' r-riżoluzzjoni tal-UNHRC ta' Marzu 2014 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Iżlamika tal-Iran, u l-estensjoni tal-mandat tar-Rapporteur Speċjali, u jistieden lill-Iran jippermetti lir-Rapporteur Speċjali tan-NU jidħol fil-pajjiż bħala sinjal kruċjali tar-rieda tal-Iran li jieħu miżuri lejn il-ftuħ ta' djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem; itenni l-kundanna tiegħu tal-piena tal-mewt fl-Iran u tar-rata għolja ta' eżekuzzjonijiet; jappoġġja d-dikjarazzjoni konġunta ta' Awwissu 2014 tad-detenturi tal-mandat tal-Proċeduri Speċjali tan-NU li tikkundanna l-mewġa ta' arresti u l-kundanni fil-konfront ta' atturi tas-soċjetà ċivili fl-Iran; jistieden lill-UE u lill-UNHRC jkomplu jissorveljaw is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem mill-qrib, u jiżguraw li d-drittijiet tal-bniedem jibqgħu prijorità ewlenija fit-trattamenti kollha li jsiru mal-Gvern Iranjan;

Il-Myanmar/Burma

50.    Jappoġġja r-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU lid-69 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar, li irrikonoxxi l-progress li sar s’issa filwaqt li jidentifika l-oqsma li fadal li huma ta’ tħassib kbir, b’mod partikolari fir-rigward tas-sitwazzjoni fl-Istat ta’ Rakhine u s-sitwazzjoni ta’ Rohingyas, li hija aggravata mill-fatt li din il-komunità m’għandhiex status legali u għalhekk qed tkompli tħabbat wiċċha ma’ diskriminazzjoni sistematika; jiddeplora l-attakki fuq persuni ċivili fl-Istati ta’ Kachin u Shan, il-vjolenza sesswali mwettqa mill-forzi tas-sigurtà waqt il-konflitt armat, l-eżistenza ta’ priġunieri politiċi, il-molestja tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-attivisti u l-professjonisti tal-midja, il-qtil extraġudizzjarju, il-konfiska tal-art, u l-immirar ta’ minoranzi reliġjużi u etniċi — b’mod partikolari dawk ta’ Rohingya — li huma sfidi serji tad-drittijiet tal-bniedem li għadhom ma ġewx indirizzati; jiddeplora l-fatt li l-Gvern tal-Burma mhux biss talli fil-biċċa l-kbira injora r-rakkomandazzjonijiet tan-NU iżda wkoll talli staġna n-negozjati mal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) fir-rigward tal-ftuħ ta’ uffiċċju tal-pajjiż tal-OHCHR; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Burma jindirizza dawk il-kwistjonijiet kollha, jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tan-NU, u jiftaħ uffiċċju tal-pajjiż tal-OHCHR; jistieden lill-UNHCR iġġedded il-mandat tar-Rapporteur Speċjali taħt il-Punt 4; huwa tal-fehma li n-negozjar ta’ ftehim ta’ investiment bejn l-UE u l-Myanmar għandu jiġi kkunsidrat bir-reqqa, peress li l-investiment barrani fil-pajjiż għandu r-riskju li jkompli jħarrax vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll il-vjolenza u d-diskriminazzjoni kontra l-minoranzi reliġjużi;

Il-Bjelarussja

51.    Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar il-vjolazzjoni li għadha qed titwettaq tad-drittijiet tal-bniedem fil-Bjelarussja; Jikkundanna t-tliet eżekuzzjonijiet imwettqa fl-2014, il-molestja fil-konfront tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-persekuzzjoni ta' ġurnalisti indipendenti, iċ-ċensura tal-komunikazzjonijiet kollha bbażati fuq l-internet u l-leġiżlazzjoni restrittiva dwar l-organizzazzjonijiet mhux governattivi; jitlob li jiġġedded il-mandat tar-Rapporteur Speċjali tan-NU u jistieden lill-Gvern jagħti aċċess sħiħ lid-detenturi ta' mandat ta' Proċedura Speċjali tan-NU, inkluż ir-Rapporteur Speċjali;

Il-Baħrejn

52.    Jesprimi t-tħassib kontinwu tiegħu dwar ġlied ċivili fil-Baħrejn, u s-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-attivisti politiċi tal-oppożizzjoni fil-pajjiż; jistieden lill-partijiet ikkonċernati fil-Baħrejn jagħtu bidu għal taħditiet kostruttivi u inklużivi bil-għan ta' rikonċiljazzjoni ġenwina u rispett għad-drittijiet tal-bniedem tal-komunitajiet kollha tal-Baħrejn; jappella għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjoni tal-priġunieri kollha ta' kuxjenza, ġurnalisti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u dimostranti paċifiċi, u jesprimi l-appoġġ tiegħu għad-dikjarazzjoni konġunta tal-4 ta' Frar 2015 tad-detenturi tal-mandat tal-Proċeduri Speċjali tan-NU dwar l-arrest ta' politiku anzjan tal-oppożizzjoni u l-iżbandament tad-dimostrazzjonijiet sussegwenti; jistieden lill-Istati Membri tal-UE u lill-membri l-oħra tal-HRC jkomplu jsegwu mill-qrib is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Baħrejn, b'enfasi fuq l-implimentazzjoni tal-impenji magħmula mill-Baħrejn matul il-proċess tal-EPU u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Indipendenti ta' Inkjesta tal-Baħrejn, li ntlaqgħu tajjeb mir-Re tal-Baħrejn;

53.    Jiddispjaċih għan-nuqqas ta’ progress min-naħa tal-Gvern tal-Baħrejn fil-kooperazzjoni tiegħu mal-OHCHR u l-Proċeduri Speċjali tal-UNHCR, u jistieden lill-Istati Membri tal-UE biex jaħdmu għall-implimentazzjoni sħiħa tal-impenji li l-Baħrejn għamel waqt il-proċess tal-EPU u r-rakkomandazzjonijiet, inklużi dawk dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, tal-Kummissjoni Indipendenti ta’ Inkjesta tal-Baħrejn, li talbu li r-rapport tal-OHCHR dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fuq il-post u dwar il-progress li jkun sar fil-kooperazzjoni tal-Baħrejn mal-mekkaniżmi tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU;

L-Eġittu

54.    Jistieden lill-Istati Membri biex b’mod kollettiv iħeġġu lill-Eġittu matul is-sessjoni li ġejja tal-UNHRC biex minnufih u mingħajr kundizzjonijiet jeħles lil dawk kollha detenuti talli eżerċitaw b’mod paċifiku d-drittijiet tagħhom tal-libertà tal-espressjoni, tal-għaqda u tal-assoċjazzjoni u biex jiggarantixxi l-indipendenza tal-ġudikatura; jesiġi, barra minn hekk, li l-Gvern tal-Eġittu jintroduċi leġiżlazzjoni li tkun konformi mal-istandards internazzjonali u jissalvagwardja d-dritt tal-assoċjazzjoni mnaqqax fil-Kostituzzjoni Eġizzjana, inkluż id-dritt li wieħed jilqa’ u jamministra l-finanzjament, u li jirrevoka l-Liġi dwar il-Protesti ta' Novembru 2013 u jintroduċi leġiżlazzjoni ġdida li tiggarantixxi l-libertà tal-għaqda; iħeġġeġ lill-Gvern jiftaħ investigazzjoni ġudizzjarja biex jiddetermina l-identità ta' dawk responsabbli li jordnaw u jwettqu l-qtil illegali matul ir-repressjoni eżerċitata fil-konfront tad-dimostrazzjonijiet li fil-biċċa l-kbira paċifiċi li saru mit-3 ta' Lulju 2013 'l hawn, inkluż it-tixrid tal-folla tal-14 ta' Awwissu 2013 fil-Pjazza Raba'a u fil-Pjazza Nahda, fejn inqatlu mill-inqas 1 000 dimostrant;

55.    Iħeġġeġ lill-Eġittu jwettaq investgazzjonijiet indipendenti, imparzjali, u effettivi tal-vjolazzjonijiet kollha tad-drittijiet tal-bniedem li twettqu mill-2011 ’l hawn, inklużi r-reati ta’ vjolenza sesswali, u biex jiżgura li l-awturi jinżammu responsabbli u l-vittmi jingħataw rimedju adegwat skont l-istandards internazzjonali; jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jikkanċellaw immedjatament is-sentenzi ta’ mewt kollha u jordnaw li l-proċessi jsiru mill-ġdid b’mod li jiggarantixxu d-dritt għal proċess ġust u proċess dovut, u jimponu moratorju immedjat fuq is-sentenzi ta’ mewt u l-eżekuzzjonijiet, jeħilsu minnufih mill-arrest lill-ġurnalisti u l-ħaddiema tal-midja detenuti kollha u jiggarantixxu d-dritt għal-libertà tal-informazzjoni u tal-espressjoni skont l-istandards internazzjonali;

56.    Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Eġizzjani jippermettu ż-żjara tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-Vjolenza Kontra n-Nisa, li sar qbil dwarha fil-prinċipju, iżda li ilha pendenti sa minn kmieni fl-2014, u jistiednu l-mekkaniżmi u l-proċeduri rilevanti tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU b’mod partikolari, lir-Rapporteur Speċjali dwar il-Libertà tal-Għaqda, ir-Rapporteur Speċjali dwar it-Tortura, ir-Rapporteur Speċjali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem waqt il-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu, u r-Rapporteur Speċjali dwar l-indipendenza tal-Imħallfin u l-Avukati; jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jiżguraw il-konformità tad-dritt nazzjonali mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u jirtiraw immedjatament il-liġi Nru 136/2014 u jtemmu l-proċessi militari tal-persuni ċivili, kif ukoll iħassru s-sentenzi kollha maħruġa kontra persuni ċivili minn qrati militari u jordnaw li immedjatament jerġgħu jsiru l-proċessi quddiem qrati ċivili; Jistieden lill-UE u l-Istati Membri tagħha jappoġġjaw dikjarazzjoni qawwija dwar dawk il-kwistjonijiet;

It-Territorju Palestinjan Okkupat/Iżrael

57.    Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar il-kriżi umanitarja maħluqa mill-offensiva militari Iżraeljana f’Lulju 2014, l-Operazzjoni Marġni ta’ Protezzjoni (Operation Protective Edge, bi skala ta’ spostament u qerda mingħajr preċedent mill-bidu tal-okkupazzjoni Iżraeljani fl-1967; jiddeplora l-fatt li l-isforzi ta' intervent internazzjonali umanitarji u ta’ żvilupp f’Gaża għadhom severament ristretti mill-imblokk kontinwat tal-Istrixxa ta’ Gaża mwettaq mill-Gvern Iżraeljan; jenfasizza li biex ir-rikostruzzjoni tirnexxi l-imblokk Iżraeljan fuq l-Istrixxa ta’ Gaża għandu jitneħħa għalkollox; iqis l-imblokk bħala li jammonta għal kastig kollettiv tal-popolazzjoni ċivili Palestinjana kollha kemm hi f’Gaża;

58.    Jistieden lill-UE u l-Istati Membri tagħha jesprimu pubblikament l-appoġġ tagħhom għall-Kummissjoni ta’ Inkjesta (KtI) tan-NU u jiddenunzjaw in-nuqqas ta’ kooperazzjoni u ta’ aċċess mogħtija mill-awtoritajiet Iżraeljani għall-KtI, permezz ta’ dikjarazzjoni pubblika fil-UNHRC; jenfasizza li l-ġustizzja u r-rispett għall-istat tad-dritt huma l-bażijiet indispensabbli għall-paċi u jenfasizza li l-impunità prevalenti sistemika u li ilha sseħħ għal vjolazzjonijiet tad-dritt internazzjonali għandha tieqaf; jilqa’ b’sodisfazzjon il-ftuħ mill-Prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) ta’ eżami preliminari dwar is-sitwazzjoni fil-Palestina; jitlob lill-UE tikkoopera bis-sħiħ mal-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-QKI; jitlob li l-UE terġa’ tinvolvi ruħha mal-Punt 7 tal-Aġenda tal-UNHRC u tikkundanna bil-qawwa l-vjolazzjonijiet li baqgħu għaddejjin fit-tul tad-dritt internazzjonali u n-nuqqas ta’ implimentazzjoni tal-opinjoni konsultattiva tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja, u tappoġġja t-tiġdid tal-mandat tal-KtI;

L-Arabja Sawdija

59.    Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Arabja Sawdija, li attwalment huwa membru tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU; jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha jinsistu fuq l-awtoritajiet tal-Arabja Sawdija biex jippermettu l-istampa u l-mezzi ta’ komunikazzjoni indipendenti u jiżguraw il-libertà tal-espressjoni, tal-għaqda u tal-assemblea paċifika, biex mingħajr kundizzjonijiet jeħilsu lid-difensuri kollha tad-drittijiet tal-bniedem u lill-priġunieri tal-kuxjenza l-oħra arrestati u kkundannati talli sempliċiment eżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà ta’ espressjoni, biex kiffirmaw u jirratifikaw il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, biex jabolixxu l-Qorti Kriminali Speċjalizzata u biex iwaqqfu l-prattiki tal-qtugħ ir-ras pubbliku, it-tħaġġir u suriet oħra ta’ tortura;

Is-Sirja

60.    Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar l-iskala drammatika tal-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem internazzjonali u tad-dritt umanitarju internazzjonali fis-Sirja, inkluż l-molestja mifruxa u l-arrest arbitrarju ta’ difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; jitlob li jinħelsu l-attivisti paċifiċi Sirjani miżmuma kemm mill-Gvern Sirjan u kemm minn gruppi armati; jitlob appoġġ qawwi mill-UE u l-Istati Membri tagħha għall-obbligu ta’ rendikont u t-tiġdid tal-Kummissjoni ta’ Inkjesta tan-NU;

Il-Mali

61.    Jilqa' l-ħidma tal-Espert Indipendenti tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Mali, u jistieden lill-UNHRC jestendi l-mandat tiegħu; jilqa' l-progress li sar mill-Gvern tal-Mali fl-istabbiliment mill-ġdid tal-ġudikatura f'xi partijiet tal-pajjiż, u fl-investigazzjonijiet dwar it-tortura u l-qtil ta' 21 suldat elit fl-2012, flimkien mal-istabbiliment ta' Kummissjoni għall-Verità, il-Ġustizzja u r-Rikonċiljazzjoni; jibqa' mħasseb dwar is-sitwazzjoni tas-sigurtà li qed tiddeterjora u l-użu u r-reklutaġġ li għadhom għaddejja ta' suldati tfal, u jistieden lill-Gvern tal-Mali jinvestiga u jżomm responsabbli lil dawk mill-fazzjonijiet rivali kollha li kienu responsabbli għall-vjolazzjonijiet tal-gwerra mwettqa matul il-konflitt armat ta' bejn l-2012 u l-2013, u jiżgura li kwalunkwe ftehim ta' paċi fil-ġejjieni jkun jirrikjedi l-obbligu ta’ rendikont, it-tisħiħ tal-kummissjoni dwar id-dikjarazzjoni tal-verità u l-iskrutinju tal-persunal tal-forzi tas-sigurtà;

Is-Sudan t'Isfel

62.    Jistieden lill-Unjoni Afrikana toħroġ għall-pubbliku r-rapport tal-Kummissjoni ta' Inkjesta tagħha dwar il-vjolazzjonijiet u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa mill-partijiet kollha fis-Sudan t'Isfel, bħala pass lejn il-promozzjoni tal-ġustizzja fil-konfront tal-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem li twettaq sa mill-bidu tal-konflitt; iħeġġeġ lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem jadotta riżoluzzjoni li tenfasizza li investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet ġusti u kredibbli ta’ reati skont id-dritt internazzjonali huma essenzjali biex is-Sudan t’Isfel jikser iċ-ċiklu ta’ brutalità li hu inkoraġġit mill-impunità, jitlob, għal dan l-għan, li tingħata kunsiderazzjoni lil l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ġudizzjarju ibridu u jkompli jħeġġeġ aktar lis-Sudan t’Isfel jaderixxi mal-Istatut ta’ Ruma, u jistabbilixxi mandat tar-Rapporteur Speċjali għas-Sudan t’Isfel, bil-għan li jkunu jistgħu jiġu promossi prosekuzzjonijiet ġusti u kredibbli u miżuri usa’ ta’ obbligu ta’ rendikont, bl-appoġġ tal-komunità internazzjonali;

Is-Sri Lanka

63.    Jinnota l-wegħdiet li saru mill-Gvern tas-Sri Lanka li għadu kif ġie elett, u jistiednu jieħu passi konkreti lejn l-obbligu ta’ rendikont bejn issa u l-UNHRC f’Settembru 2015 bil-ħsieb li tittieħed azzjoni skont il-wegħdiet tiegħu li jtejjeb is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż u li jipprevjeni r-rigress, inklużi investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet, flimkien ma’ passi oħra biex tiġi indirizzata l-problema usa’ tal-impunità u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, u jikkoopera b’mod sħiħ mal-Uffiċċju tal-UNHCHR u l-investigazzjoni internazzjonali tiegħu dwar is-Sri Lanka;

L-Użbekistan

64.     Iħeġġeġ lill-Istati Membri jkunu ta’ quddiem nett u jressqu riżoluzzjoni tal-UNHCR skont il-Punt 4 biex jiġi stabbilit mekkaniżmu ddedikat tan-NU għall-Uzbekistan li jiżgura l-monitoraġġ tan-NU, rappurtar pubbliku u dibattitu tal-UNHCR dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Uzbekistan matul l- 2015, li tikkoinċidi mal-10 anniversarju tal-massakru ta’ Andijan, minħabb r-rekord li għandu l-Uzbekistan ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni mal-mekkaniżmi tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU u d-detenzjoni kontinwata ta’ għadd kbir ta’ avversarji politiċi u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ir-restrizzjonijiet kontinwati fuq il-libertà ta’ assoċjazzjoni u l-libertà tal-espressjoni u tal-midja, u l-użu kontinwat tax-xogħol sfurzat u tat-tħaddim tat-tfal;

Il-Messiku

65.    Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Messiku javvanza bl-investigazzjoni wara l-għajbien ta '43 student għalliem f’Iguala, il-Messiku, u jressaq quddiem il-ġustizzja lil dawk li wettqu dawn ir-reati u jintensifika l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, l-impunità u l-kriminalità organizzata;

*

*         *

66.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-President tad-69 Assemblea Ġenerali tan-NU, lill-President tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, u lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem.

(1)

Testi adottati, P8_TA(2015)...

Avviż legali - Politika tal-privatezza