Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0236/2015Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0236/2015

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela

5.3.2015 - (2015/2582(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Luis de Grandes Pascual, Davor Ivo Stier, Daniel Caspary, Cristian Dan Preda, Elisabetta Gardini, József Nagy, Francesc Gambús, Lara Comi, Jaromír Štětina f'isem il-Grupp PPE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0236/2015

Proċedura : 2015/2582(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0236/2015
Testi mressqa :
B8-0236/2015
Dibattiti :
Testi adottati :

B8‑0236/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela

(2015/2582(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela u b'mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni politika fil-Venezwela u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Diċembru 2014 dwar il-persekuzzjoni tal-oppożizzjoni demokratika fil-Venezwela,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar id-detenzjoni tas-sindku ta' Karakas Antonio Ledezma u s-sitwazzjoni fil-Venezwela,

–       wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Grupp ta' Ħidma dwar id-Detenzjonijiet Arbitrarji tal-Kummissjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tas-26 ta' Awwissu 2014,

–       wara li kkunsidra l-Istqarrija tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-20 ta' Ottubru 2014 dwar id-detenzjoni ta' dimostranti u persunaġġi politiċi fil-Venezwela,

–       wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li l-Venezwela hi parti tiegħu,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi fid-19 ta' Frar li għadda, grupp ta' uffiċjali tas-servizzi tal-intelligence tal-Venezwela, armati sa snienhom, daħlu b'mod vjolenti fl-uffiċċji tal-Muniċipju Metropolitan ta' Karakas, u mingħajr l-użu ta' mandat ta' arrest, ħadu magħhom bil-forza lis-sindku Antonio Ledezma, li għadu detenut f'ħabs militari akkużat b'konfoffa u b'assoċjazzjoni b'intenzjonijiet kriminali, delitti li jinvolvu pieni ħorox ta' priġunerija fil-Venezwela;

B.     billi l-President Nicolás Maduro ħabbar fuq stazzjon nazzjonali tar-radju u t-televiżjoni li kien ġie sfrattat pjan allegat ta' destabbilizzazzjoni kontra l-Gvern tiegħu permezz ta' allegat kolp ta' stat li fih hemm involuti l-mexxejja tal-partit Unidad Democrática (Għaqda Demokratika), id-deputati María Corina Machado u Julio Borges, kif ukoll is-sindku ta' Karakas, Antonio Ledezma; li lil dawn il-mexxejja tal-oppożizzjoni semmewhom ukoll b'rabta ma' pjan li jassassinaw lil mexxej ieħor tal-oppożizzjoni, Leopoldo López, li ilu aktar minn sena miżmum f'ħabs militari;

C.     billi f'okkażjonijiet preċedenti mexxejja tal-oppożizzjoni demokratika ġew akkużati ripetutament u b'mod infondat li pparteċipaw f'allegati pjani ta' destabbilizzazzjoni u kolpi ta' Stat, li ssarfu f'persekuzzjoni politika bla heda, tneħħija tal-immunità parlamentari, bħalma ġara fil-każ tad-deputat Machado u kif hemm tentattiv li jsir fil-każ tad-deputat Borges, theddid, insulti u aggressjonijiet fiżiċi bħal dawk li seħħew f'April 2013 fil-binja tal-awtorità leġiżlattiva nfisha fil-konfront tal-istess deputati María Corina Machado u Julio Borges, taħt l-għajnejn indifferenti ta' Diosdado Cabello, President tal-Assemblea Nazzjonali;

D.     billi l-President Maduro ħabbar ukoll allegati konfoffi barranin, pjanijiet ta' destabbilizzazzjoni u ta' attentati ta' qtil ta' persuni importanti, imħabbra f'diversi okkażjonijiet mill-eżekuttiv nazzjonali, probabbilment bl-għan li jiżvijaw l-attenzjoni lil hinn mill-kriżi politika, ekonomika u soċjali gravi li għaddejja minnha l-Venezwela;

E.     billi t-theddidiet magħmula kontra imprendituri u mezzi ta' komunikazzjoni, kemm tal-Venezwela kif ukoll barranin, it-twissijiet kontra gvernijiet barranin u entitajiet internazzjonali li esprimew it-tħassib tagħhom u wissew dwar ir-riskji tal-kriżi politika tal-Venezwela u dwar l-inkriminazzjoni ta' dawk li qed iħeġġu bidla paċifika, demokratika, kostituzzjonali u elettorali fil-pajjiż;

F.     billi r-Riżoluzzjoni 008610 tal-Ministeru tad-Difiża tal-Venezwela, ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tas-27 ta' Jannar 2015 tippermetti "l-użu tal-forza b'potenzjal letali, b'arma tan-nar jew b'arma oħra bil-potenzjal li toqtol", bħala l-aħħar rimedju, biex "ikunu evitati l-irvellijiet, bħala appoġġ għall-awtorità kostitwita b'mod leġittimu u bħala ċaħda ta' kwalunkwe aggressjoni, filwaqt li tiġi indirizzata immedjatament u bil-mezzi meħtieġa";

G.     billi student ta' 14-il sena, Kluivert Roa, inqatel kiesaħ u biered minn aġent tal-Pulizija Nazzjonali Bolivarjana qrib l-Università Kattolika tat-Táchira (UCAT) waqt dimostrazzjoni kontra l-Gvern, u b'hekk sar l-ewwel vittma li nqatel minn meta Nicolás Maduro awtorizza l-użu tal-armi tan-nar biex jitrażżnu l-protesti;

H.     billi din is-sena għandhom isiru l-elezzjonijiet leġiżlattivi tal-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela;

I.      billi l-mexxej tal-oppożizzjoni Leopoldo López, li ġie arrestat arbitrarjament fit-18 ta' Frar 2014 u akkużat b'komplott, bl-instigar ta' dimostrazzjonijiet vjolenti, ħruq u ħsara lill-proprjetà, issa ilu aktar minn sena l-ħabs; billi waqt id-detenzjoni ġarrab tortura fiżika u psikoloġika u qed jinżamm f'reklużjoni f'dawn l-aħħar xhur, u billi qed jinżammu f'reklużjoni s-sindki tal-oppożizzjoni Daniel Ceballos u Vicencio Scarano, talli ma waqqfux il-protesti u r-rewwixta ċivili fil-bliet tagħhom, u kkundannati għal diversi snin ta' priġunerija; billi d-deputati Juan Carlos Caldera, Ismael García u Richard Mardo qed jiġu investigati u proċessati fil-qorti bl-għan li jiġu sospiżi u skwalifikati mill-Kungress;

J.      billi r-rimarki magħmula fir-rapport riċenti tal-Kumitat kontra t-Tortura tan-NU dwar ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela jesprimu tħassib espliċitu dwar l-impunità, it-tortura u t-trattament degradanti tal-priġunieri politiċi, l-użu eċċessiv tal-forza, il-kunsens u l-kompliċità mal-azzjonijiet ta' gruppi armati li jiffavorixxu l-gvern, id-detenzjoni arbitrarja u n-nuqqas ta' garanziji proċedurali bażiċi; billi f'dan ir-rapport intalab il-ħelsien immedjat tal-persuni kollha detenuti arbitrarjament, fosthom Leopoldo López u Daniel Ceballos, li kienu arrestati għax eżerċitaw id-dritt tagħhom li jesprimu rwieħhom u jipprotestaw paċifikament, u barra minn hekk, ir-rapport esprima t-tħassib dwar l-attakki kontra ġurnalisti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji u n-nuqqas assolut ta' ġudikatura indipendenti;

K.     billi s-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani talab il-ħelsien tas-sindku Ledezma u tal-persuni miżmuma l-ħabs għax ħadu sehem fil-protesti tas-sena l-oħra, u billi l-Kummissjoni Inter-Amerikana tad-Drittijiet tal-Bniedem esprimiet it-tħassib serju tagħha dwar is-sitwazzjoni tal-libertà tal-għaqda u l-libertà tal-espressjoni fil-Venezwela;

L.     billi s-sottomissjoni totali u assoluta tal-ġudikatura għat-talbiet u r-rekwiżiti tal-Gvern attwali tal-Venezwela, u billi wieħed ma jistax jistenna li jsiru investigazzjonijiet imparzjali jew li jingħataw sentenzi ġusti fil-każijiet tal-membri tal-oppożizzjoni;

M.    billi huma biss ir-rispett tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u d-djalogu kostruttiv u rispettuż fi spirtu ta' tolleranza li jistgħu jgħinu lill-pajjiż joħroġ minn din il-kriżi serja u jegħleb id-diffikultajiet tal-ġejjieni;

N.     billi f'April 2014 bdew in-negozjati dwar il-protesti bejn il-gvern u l-oppożizzjoni, imsejħa "Mesa de Diálogo", li sfortunatament waqfu ħesrem wara xahar mingħajr ma ħallew frott;

O.     billi l-Venezwela huwa l-pajjiż li għandu l-akbar riżervi tal-enerġija fl-Amerika Latina; billi l-poplu tal-Venezwela qed ibati minn skarsezza serju ta' prodotti bażiċi, il-prezzijiet tal-ikel irduppjaw u żdied ir-razzjonar tal-ikel; billi l-prezz taż-żejt naqas drastikament, u dan jintensifika l-kriżi ekonomika u qed jhedded l-ekonomija fraġli tal-pajjiż, li tiddependi fuq iż-żejt; billi l-Gvern tal-Venezwela jeżerċita ċensura stretta u jwettaq atti ta' intimidazzjoni u fastidju kontra min jipprova jinforma dwar il-gravità tal-kriżi ekonomika u soċjali;

1.      Itenni t-tħassib serju tiegħu dwar il-fatt li s-sitwazzjoni fil-Venezwela ggravat; jikkundanna l-fatt li s-sindku Antonio Ledezma qed jinżamm il-ħabs, it-tentattiv tas-sospensjoni tal-immunità tad-deputat parlamentari Julio Borges u l-persekuzzjoni ta' studenti u mexxejja oħra tal-oppożizzjoni; jitlob il-ħelsien immedjat tas-Sindku ta' Karakas u tal-bqija tal-persuna detenuti arbitrarjament, skont it-talbiet magħmula minn diversi organi tan-NU u organizzazzjonijiet internazzjonali;

2.      Jikkundanna b'qawwa l-qtil tal-istudent żagħżugħ minn San Cristóbal, Kluivert Roa, u ta' sitt studenti oħra; jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-qraba u ħbieb tal-vittmi, u jitlob li min wettaq dawn id-delitti jitressaq quddiem il-qrati mingħajr ma jitħalla lok ta' impunità; jitlob lill-Gvern itemm il-persekuzzjoni politika u r-repressjoni tal-oppożizzjoni demokratika u l-ksur tal-libertà ta' espressjoni u ta' dimostrazzjoni, kif ukoll iċ-ċensura fuq il-mezzi ta' komounikazzjoni;

3.      Iwissi li d-deterjorament progressiv tal-konvivenza demokratika, il-klima ta' vjolenza politika, il-ksur tad-drittijiet fundamentali ta' parti sinifikanti tas-soċjetà tal-Venezwela u d-direzzjoni awtoritarja tar-reġim, li jpoġġu lill-Venezwela f'qagħda ta' tensjoni politika insostenibbli, iktar u iktar meta din is-sena għandhom isiru l-elezzjonijiet leġiżlattivi għall-Assemblea Nazzjonali; iwissi, f'dan ir-rigward, dwar kwalunkwe manuvra li tista' tipprovoka ambjent ta' tensjoni u ta' rigress bl-għan li timmina jew li tagħmel illegali lill-oppożizzjoni demokratika u/jew tannulla l-elezzjonijiet;

4.      Iħeġġeġ lill-partijiet kollha, b'mod partikolari lill-awtoritajiet tal-Venezwela, isegwu djalogu paċifiku, li jinvolvi lis-setturi kollha tas-soċjetà tal-Venezwela, sabiex jiġu definiti l-punti ta' konverġenza u jingħata lok lill-atturi politiċi biex jiddiskutu l-problemi l-aktar serji li qed jaffronta l-pajjiż; jistieden lill-partijiet kollha kkonċernati biex jevitaw li l-vjolenza tkompli teskala u jfakkar lill-Gvern tal-Venezwela li ma jistax ikun hemm djalogu kostruttiv sakemm il-mexxejja tal-oppożizzjoni jibqgħu jinżammu l-ħabs b'mod arbitrarju;

5.      Ifakkar lill-Gvern tal-Venezwela fir-responsabbiltà tiegħu li jiżgura li l-proċeduri ġudizzjarji kollha jkunu konformi mal-istandards internazzjonali; ifakkar li r-rispett għall-prinċipju tas-separazzjoni tal-poteri huwa fundamentali għad-demokrazija u li s-sistema ġudizzjarja ma tistax tintuża mill-awtoritajiet bħala mezz ta' persekuzzjoni u ripressjoni politika fil-konfront tal-oppożizzjoni demokratika; jistieden lill-awtoritajiet tal-Venezwela jirtiraw l-akkużi infondati u l-mandati ta' arrest kontra l-politiċi tal-oppożizzjoni u jiżguraw is-sigurtà taċ-ċittadini kollha fil-pajjiż, irrispettivament mill-fehmiet jew l-affiljazzjonijiet politiċi tagħhom;

6.      Jistieden lill-Gvern tal-Venezwela josserva l-obbligi kostituzzjonali u internazzjonali tiegħu stess fir-rigward tal-indipendenza tal-ġudikatura, id-dritt għal-libertà tal-espressjoni, tal-assoċjazzjoni u tal-għaqda paċifika, kif ukoll il-pluraliżmu politiku, li huma pilastri tad-demokrazija, u jiżgura li ħadd ma jiġi kkastigat talli jeżerċita d-drittijiet tiegħu tal-għaqda paċifika u tal-libertà ta' espressjoni;

7.      Jitlob lill-Gvern tal-Venezwela jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem, iwettaq investigazzjonijiet effikaċi dwar il-każijiet allegati ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem u jiffaċilita l-ħolqien ta' ambjent fejn id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi indipendenti jkunu jistgħu jwettqu l-ħidma leġittima tagħhom għall-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija;

8.      Itenni t-talba tiegħu lis-SEAE u lid-Delegazzjoni tal-UE f'Karakas, kif ukoll lid-Delegazzjonijiet tal-Istati Membri, biex isegwu b'attenzjoni l-investigazzjoni u s-seduti ta' smigħ ġudizzjarji tal-mexxejja tal-oppożizzjoni;

9.      Itenni t-talba tiegħu, li s'issa ma ġietx milqugħa, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Federica Mogherini, biex tħeġġeġ li jinħelsu immedjatament il-mexxejja tal-oppożizzjoni u l-persuni l-oħra detenuti arbitrarjament;

10.    Jinsisti fuq it-talba tiegħu li delegazzjoni ad hoc tal-Parlament Ewropew tintbagħat biex tivvaluta s-sitwazzjoni fil-Venezwela u torganizza djalogu mal-partijiet kollha involuti mill-aktar fis possibbli;

11.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern u l-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latina Amerikana u lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani.