Proċedura : 2015/2582(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0237/2015

Testi mressqa :

B8-0237/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 12/03/2015 - 8.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 131kWORD 64k
5.3.2015
PE552.214v01-00
 
B8-0237/2015

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela (2015/2582(RSP))


Ernest Urtasun, Barbara Lochbihler, Igor Šoltes, Jordi Sebastià, Josep-Maria Terricabras, Ernest Maragall f'isem il-Grupp Verts/ALE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela (2015/2582(RSP))  
B8‑0237/2015

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-kelliem għall-Viċi President / Rappreżentant Għoli Federica Mogherini dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela,

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mis-Segretarju Ġenerali tal-UNASUR, l-eks President tal-Kolombja Ernest Samper dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela,

–       wara li kkunsidra d-dibattitu tiegħu fil-mikro plenarja tal-25 ta' Frar 2015,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Venezwela,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.     billi l-polarizzazzjoni politika dejjem tiżdied, il-kriżi ekonomika u l-iskarsezza tal-prodotti fil-Venezwela huma kwistjonijiet ta' tħassib kbir li jipperikolaw serjament l-istabilità dejjiema u l-futur paċifiku tal-pajjiż;

B.     billi l-vjolenza minn kwalunkwe naħa hija għodda totalment inaċċettabbli għall-ilħuq ta' għanijiet politiċi fi stat demokratiku; billi t-tentattivi sabiex tisfaxxa b'mod vjolenti l-ordni kostituzzjonali f'pajjiż partikolari jikkostitwixxu ksur ċar tal-istat tad-dritt;

C.     billi l-arrest u d-detenzjoni tas-Sindku elett ta' Karakas u l-mexxej tal-oppożizzjoni Antonio Ledezma, kif ukoll l-allegazzjonijiet ta' intimidazzjoni tal-avversarji politiċi tul l-aħħar ġimgħat huma allarmanti u jkomplu jiggravaw is-sitwazzjoni diġà mqanqla ħafna fil-pajjiż;

D.     billi kull arrest, u speċjalment l-arrest ta' uffiċjal elett, għandu jkun imsejjes fuq ordni ġuridika ċara, ibbażat fuq akkużi li jistgħu jiġu verifikati u segwit minn proċess ġuridiku xieraq, f'każ li l-akkużi jiġu affermati; billi l-preżunzjoni tal-innoċenza hija indispensabbli għal proċess ġuridiku xieraq;

E.     billi stat demokratiku m'għandux jikkriminalizza l-mexxejja tal-oppożizzjoni politika u għandu jiggarantixxi l-parteċipazzjoni tas-setturi kollha fil-ħajja politika tal-pajjiż, kif ukoll id-drittijiet tal-bniedem ta' dawk li jiddikjaraw li jagħmlu parti mill-oppożizzjoni, kif iddikjarat minn Human Rights Watch fl-24 ta' Frar 2015;

F.     billi l-allegazzjoni li qed jitħejja kolp ta' stat, 'Operación Jericó', hija akkuża gravi ħafna, u billi l-awtoritajiet kompetenti ta' kull stat għandhom jiċċaraw u jimpedixxu tali operazzjoni;

G.     billi l-investigazzjonijiet dwar l-akkużi attwali ta' tħejjija ta' kolp ta' stat għandhom jitwettqu malajr u b'mod imparzjali, u dawk responsabbli għandhom jiġu kkundannati rrispettivament mill-pożizzjoni u t-twemmin politiku tagħhom;

H.     billi rvellijiet simili fit-toroq fil-bidu tal-2014 wasslu biex tħallas prezz għoli ferm ta' 43 persuna mejta, fosthom 33 ċivili u 10 persuni li jagħmlu parti mill-pulizija, l-armata jew servizzi pubbliċi oħra u 878 oħra midruba, bi proporzjon simili tal-vittmi bejn persuni ċivili u membri tal-forzi tas-sigurtà jew servizzi pubbliċi oħra;

I.      billi żgħażugħ ta' erbatax-il sena bl-isem ta' Kluivert Roa, li skont missieru kien qiegħed hemm fost nies oħra u la kien favur u lanqas kontra l-gvern, inqatel b'tir f'rasu fl-24 ta' Frar 2015 matul dimostrazzjonijiet fil-belt ta' San Cristóbal fil-Punent tal-Venezwela, u kien l-ewwel persuna li nqatlet fil-kuntest tal-vjolenza relatata mal-protesti mindu l-Ministeru tad-Difiża adotta r-Riżoluzzjoni Nru 8610 f'Jannar, li tippermetti lill-forzi tas-sigurtà jużaw armi letali tul is-sorveljanza ta' dimostrazzjonijiet pubbliċi;

J.      billi l-UNASUR bħala l-aktar organizzazzjoni reġjonali sinifikanti, akkumpanjat l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni fil-Venezwela u ħabbret li se tibgħat missjoni lejn il-pajjiż magħmula mill-ministri tal-affarijiet barranin tal-Brażil, il-Kolombja u l-Ekwador, u li għandha tiġi segwita minn sessjoni straordinarja tal-ministri tal-affarijiet barranin tal-organizzazzjoni;

1.      Jesprimi l-kondoljanzi u s-solidarjetà tiegħu mal-familji u l-vittmi kollha tal-vjolenza ta' dan l-aħħar u tal-vjolenza li seħħet wara t-12 ta' Frar 2014, kif ukoll tal-polarizzazzjoni politika;

2.      Jappella għal investigazzjoni rapida u imparzjali tal-każijiet mhux solvuti kollha, b'mod partikolari fir-rigward tal-akkużi kontra s-Sindku ta' Karakas; jitlob li jinħeles immedjatament jekk il-prosekuturi ma jressqux akkużi formali kontrih skont il-liġi u jekk l-allegazzjonijiet jirriżultaw li huma bla bażi, jew jekk l-akkużi ma jkunux ikkonfermati permezz ta' proċess imparzjali li jirrispetta bis-sħiħ l-istat tad-dritt;

3.      Jenfasizza li jeħtieġ li tieqaf il-mewġa dejjem tikber ta' vjolenza fil-Venezwela, u li d-depolarizzazzjoni politika, it-tmiem tal-ansjetà politika u l-medjazzjoni fl-aspetti fundamentali kollha fil-qafas tat-tensjoni attwali tal-Venezwela huma elementi essenzjali għal soluzzjoni paċifika għall-pajjiż u għall-popolazzjoni tiegħu kollha kemm hi;

4.      Itenni li ma tistax tinstab soluzzjoni mingħajr ma jinżamm l-istat tad-dritt u mingħajr ir-rispett tal-ordni kostituzzjonali;

5.      Jinnota li wara l-mewt ta' Kluivert Roa, membru tal-pulizija ġie akkużat mill-prosekutur b'omiċidju intenzjonat, u jappella sabiex isir proċess skont il-liġi; jinnota li l-membri tal-Gvern Venezwelan ikkundannaw il-qtil; jenfasizza li l-forzi tas-sigurtà qatt m'għandhom jużaw armi letali sabiex jikkontrollaw id-dimostrazzjonijiet pubbliċi;

6.      Jesprimi l-fiduċja li għandu fil-kooperazzjoni mill-qrib mal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-UNASUR u fl-offerta tagħhom li jiftħu aktar mezzi ta' kooperazzjoni;

7.      Jilqa' l-offerta għall-medjazzjoni li saret mill-UNASUR u s-sħab reġjonali tal-Venezwela; jesprimi l-fiduċja li għandu fil-kooperazzjoni mill-qrib u d-djalogu kostruttiv li għandu jinbeda mill-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-UNASUR u fl-offerta tagħhom li jiftħu aktar mezzi ta' kooperazzjoni; itenni t-tama li għandu li ż-żmien ta' tħejjija għall-elezzjonijiet ikun wieħed paċifiku u li dawn isiru b'mod adegwat fil-Venezwela aktar tard din is-sena;

8.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela u lis-Segretarjat tal-UNASUR.

 

Avviż legali - Politika tal-privatezza