Proċedura : 2015/2582(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0238/2015

Testi mressqa :

B8-0238/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 12/03/2015 - 8.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0080

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 131kWORD 58k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0236/2015
5.3.2015
PE552.215v01-00
 
B8-0238/2015

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela (2015/2582(RSP))


Charles Tannock, Mark Demesmaeker, Andrew Lewer, Ashley Fox, Beatrix von Storch, Branislav Škripek, Roberts Zīle f'isem il-grupp ECR

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela (2015/2582(RSP))  
B8‑0238/2015

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela, inkluża dik tat-18 ta' Diċembru 2014 dwar il-persekuzzjoni tal-oppożizzjoni demokratika fil-Venezwela(1),

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

–       wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar id-Detenzjoni Arbitrarja tas-26 ta' Awwissu 2014, 

–       wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li l-Venezwela hi parti minnu,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-arrest fid-19 ta' Frar 2015 tas-sindku tal-Karakas, Antonio Ledezma, li s-setgħat tiegħu kienu tnaqqsu ħafna mill-gvern, dwar akkużi arbitrarji li kkonfoffa li jwaqqa' lill-gvern, jimmarka eskalazzjoni ċara tal-kampanja ta' ripressjoni tar-reġim qabel l-elezzjonijiet leġislattivi fit-tieni semestru tal-2015;

B.     billi, skont il-mexxej tal-Assoċjazzjoni Venezwelana tas-Sindki, Carlos Ocariz, 33 mit-78 sindku tal-oppożizzjoni li ġew eletti minn Diċembru 2012 jaffaċċjaw proċedimenti ġudizzjarji;

C.     billi t-trattament ħażin rappurtat ta' Leopoldo López u mexxejja oħra tal-oppożizzjoni u studenti mixħuta fil-ħabs li pparteċipaw fil-protesti tas-sena l-oħra hu inaċċettabbli;

D.     billi fit-8 ta' Ottubru 2014 il-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar id-Detenzjoni Arbitrarja ddeskriva l-arrest ta' Leopoldo López bħala illegali, arbitrarju u politikament motivat, u talab għall-ħelsien tiegħu u ta' dawk kollha li għadhom miżmuma arrestati arbitrarjament; billi fl-20 ta' Ottubru 2014 il-Kummissarju Għoli tan-NU tad-Drittijiet tal-Bniedem, Zeid Ra'ad Al Hussein, ħeġġeġ lill-gvern tal-Venezwela jiżgura li l-proċessi kollha jikkonformu mal-istandards internazzjonali relatati ma' proċess ġust;

E.     billi fl-24 ta' Frar 2015, Kluivert Roa, żagħżugħ, inqatel brutalment b'arma tan-nar mill-pulizija waqt li kien qiegħed jipparteċipa fi protesta tal-istudenti kontra l-politiki ta' rovina ta' gvern korrott li wasslu għal nuqqas fil-provvista tal-ikel u l-mediċini, inflazzjoni għolja ħafna, u livelli rekord ta' kriminalità u insigurtà.

F.     billi anke ċittadini ordinarji magħrufin li jopponu r-reġim huma miżmuma milli jkollhom xogħol fis-settur pubbliku jew benefiċċji tal-gvern;

1.      Jikkundanna l-vjolenza u l-intimidazzjoni għaddejja użata mill-forzi tal-gvern kontra politiċi u mexxejja tal-istudenti tal-oppożizzjoni li huma ppersegwitati u mixħuta l-ħabs, u jitlob għall-ħelsien immedjat tagħhom;

2.      Jikkundanna l-isparatura fuq Kluivert Roa ta' San Cristóbal u jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familtu u l-familji tas-6 vittmi studenti l-oħrajn;

3.      Jenfasizza l-importanza tad-demokrazija u s-separazzjoni tas-setgħat fl-iżgurar tad-drittijiet politiċi u r-rispett sħiħ tal-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza u proċess ġuridiku ġust, u jiddispjaċih mill-fatt li l-eżekuttiv fil-Venezwela jikkmanda, jiddirezzjona u għandu kontroll assolut fuq is-setgħat tal-Istat;

4.      Jistieden lill-awtoritajiet tal-Venezwela biex b'mod immedjat jikkonfiskaw l-armi tal-assoċjazzjonijiet u l-gruppi armati mhux ikkontrollati li jiffavorixxu lill-gvern, u jtemmu l-impunità tagħhom;

5.      Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Venezwela jidħlu fi djalogu paċifiku mas-soċjetà Venezweljana dwar l-aktar problemi serji li l-pajjiż qiegħed jaffaċċja, isostnu d-drittijiet bażiċi tal-bniedem, ineħħu l-ambjent restrittiv għall-midja u jippermettu l-elezzjonijiet li ġejjin iseħħu b'mod ġust u trasparenti;

6.      Jinkoraġġixxi s-sħab reġjonali tal-Venezwela, bħall-UNASUR u l-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani, biex jiffaċilitaw it-taħdidiet;

7.      Ifakkar fit-talba tiegħu li delegazzjoni ad hoc tal-Parlament Ewropew tintbagħat biex tivvaluta s-sitwazzjoni fil-Venezwela u torganizza djalogu mas-setturi kollha involuti fil-kunflitt mill-aktar fis possibbli;

8.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana u lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani.

 

(1)

Testi adottati, P8_TA(2014)0106.

Avviż legali - Politika tal-privatezza