MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-omiċidju ta' Boris Nemtsov u l-istat tad-demokrazija fir-Russja
9.3.2015 - (2015/2592(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Tamás Meszerics, Rebecca Harms, Heidi Hautala, Peter Eriksson, Helga Trüpel, Bart Staes, Ernest Urtasun, Barbara Lochbihler, Reinhard Bütikofer, Indrek Tarand, Michèle Rivasi, Bronis Ropė f'isem il-Grupp Verts/ALE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0239/2015
B8‑0239/2015
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-omiċidju ta' Boris Nemtsov u l-istat tad-demokrazija fir-Russja
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-rapporti u r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja, b'mod partikolari r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2012 dwar restrizzjonijiet komuni rigward il-viżi għal uffiċjali Russi involuti fil-każ ta' Sergei Magnitsky[1], tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar l-istat tad-dritt fir-Russja[2], tat-13 ta' Marzu 2014 dwar ir-Russja: l-għoti ta' sentenzi lil dimostranti involuti fl-avvenimenti ta' Pjazza Bolotnaya[3], u tat-23 ta' Ottubru 2014 dwar l-għeluq tal-NGO 'Memorial' (rebbieħa tal-Premju Sakharov2009) fir-Russja[4], u tal-15 ta' Jannar 2015 dwar ir-Russja, b'mod partikolari dwar il-każ ta' Alexei Navalny[5],
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) tat-28 ta' Frar 2015 dwar l-omiċidju ta' Boris Nemtsov,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-kelliem għall-VP/RGħ tat-3 ta' Marzu 2015 dwar ir-rifjut li l-MPE Sandra Kalniete titħalla tidħol fit-territorju tal-Federazzjoni Russa,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-VP/RGħ dwar id-detenzjoni kontinwa ta' Nadiia Savchenko,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi fis-27 ta' Frar 2015, Boris Nemtsov, l-ex Deputat Prim Ministru tal-Federazzjoni Russa u sussegwentement wieħed mill-mexxejja tal-oppożizzjoni, nqatel b'arma tan-nar minn persuna mhux magħrufa ħdejn il-Kremlin fuq il-Pont Bolshoy Moskvoretsky, li normalment jinsab taħt osservazzjoni stretta mill-pulizija u minn kameras ta' sigurtà;
B. billi l-omiċidju seħħ ftit tal-ħin biss wara li s-Sur Nemtsov kien tkellem fuq l-istazzjon tar-radju indipendenti Ekho Moskvy, fejn ħeġġeġ lin-nies jingħaqdu f'manifestazzjoni skedata għall-1 ta' Marzu 2015 kontra l-kriżi ekonomika, il-korruzzjoni mifruxa u l-gwerra fl-Ukraina; billi skont il-kollaboraturi tiegħu, is-Sur Nemtsov kien qed jiġbor faxxiklu b'evidenza dwar l-allegazzjonijiet li t-truppi Russi kienu qegħdin jappoġġaw il-forzi separatisti fir-reġjuni ta' Donetsk u Luhansk fil-Lvant tal-Ukraina, u billi kellu l-ħsieb li jippubblika dan ir-rapport f'xi ħin f'Marzu 2015;
C. billi fl-1 ta' Marzu 2015, għexieren ta' eluf ta' persuni mmarċjaw f'Moska u fi bliet Russi oħrajn biex iselmu u jonoraw il-memorja tal-politiku tal-oppożizzjoni, bil-ġarr ta' ritratti tas-Sur Nemtsov u bi strixxi tad-drapp li jaqraw "Jien ma nibżax" (I am not afraid);
D. billi fit-2 ta' Marzu 2015, l-awtoritajiet Russi rrifjutaw id-dħul ta' Bogdan Borusewicz, il-President tal-Kamra tad-Deputati tal-Polonja, u tal-MPE Sandra Kalniete minħabba "l-attivitajiet anti Russi" tagħha, l-istess kif kienu għamlu fil-konfront tal-MPE Rebecca Harms f'Settembru 2014, u b'hekk ikkonfermaw l-eżistenza ta' lista sewda ta' personalitajiet tal-Punent u li tfasslet b'ritaljazzjoni għall-ipprojbizzjoni fuq l-ivvjaġġar imposta fuq xi ċittadini Russi mill-UE u mill-Istati Uniti tal-Amerika;
E. billi mill-aggressjoni Russa kontra l-Ukraina 'l hawn, l-awtoritajiet Russi u l-midja tal-istat żiedu l-pressjoni tagħhom fuq u l-intimidazzjoni tal-oppożizzjoni, dissidenti u vuċijet indipendenti, bil-ħolqien ta' klima ta' biża għall-kritiċi kollha tal-Kremlin, li ġew deskritti bħala tradituri;
F. billi fl-4 ta' Marzu 2015 qorti ta' Moska ċaħdet appell ieħor minn Nadiia Savchenko, MP tal-Ukraina, li ilha fuq strajk tal-ġuħ għal aktar minn 80 ġurnata, kontra id-detenzjoni illegali tagħha mill-Federazzjoni Russa;
G. billi l-qtil ta' Nemtsov hu l-aħħar fost serje ta' omiċidji ta' profil għoli ta' attivisti kontra l-korruzzjoni u ta' dimostranti favur id-drittijiet tal-bniedem, inkluż Aleksei Devotchenko, Natalia Estemirova, Aleksandr Litvinenko, Sergei Magnitskii, Stanislav Markelov u Anna Politkovskaia; billi, fl-ebda wieħed minn dawn il-każijiet, dawk responsabbli qatt ma tressqu quddiem il-ġustizzja;
H. billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja kostantement marret għall-agħar tul dawn l-aħħar snin u billi l-awtoritajiet Russi adottaw sensiela ta' liġijiet b'dispożizzjonijiet ambigwi u li qed jintużaw biex ipoġġu aktar restrizzjonijiet fuq l-atturi tal-oppożizzjoni u tas-soċjetà ċivili, u b'hekk ixekklu l-libertajiet tal-espressjoni u tal-għaqda;
I. billi l-liġi Russa dwar "aġenti barranin" titlob li dawk l-NGOs li jirċievu finanzjament barrani u li jipparteċipaw "f'attività politika" biex japplikaw biex jiddaħħlu fl-lista speċjali tal-gvern ta' aġenti barranin, u billi sadanittant spiss jiġu kklasifikati bħala "aġenti barranin" direttament mill-gvern, u b'hekk jiġu soġġetti għal skrutinju mill-qrib addizzjonali tal-gvern u huma mitluba li jiddikjaraw fil-pubblikazzjonijiet, dikjarazzjonijiet għall-istampa u r-rapporti kollha tagħhom, li dawn ġew prodotti minn aġent barrani;
J. billi l-implimentazzjoni ta' din il-liġi wasslet għal azzjonijiet severi, bħal tfittxijiet mill-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku, il-konfiska ta' proprjetà, pieni amministrattivi u miżuri oħrajn intiżi biex jipprevjenu u jiskoraġġixxu lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili milli jwettqu l-ħidma tagħhom; billi l-Ministeru tal-Ġustizzja għamel użu minn poteri introdotti ġodda biex jiddikjara 42 grupp bħala "aġenti barranin", inkluż l-organizzazzjonijiet favur id-drittijiet tal-bniedem l-aktar esperti u awtoritattivi tal-pajjiż, u billi uża pretesti burokratiċi biex jipprova jagħlaq bosta gruppi oħrajn;
K. billi f'Jannar 2015 id-Duma ħadet l-ewwel pass fl-approvazzjoni ta' liġi ġdida li tipprojbixxi l-attivitajiet ta' organizzazzjonijiet barranin "mhux mixtieqa" u li huma kkunsidrati ta' theddida għas-sigurtà nazzjonali, l-ordni pubblika jew għas-saħħa pubblika, u li jippermettu lill-awtoritajiet jiffriżaw l-assi tal-organizzazzjoni u jippenalizzaw lill-impjegati b'multi u b'perjodi sa tmien snin il-ħabs;
L. billi l-Federazzjoni Russa bħala membru sħiħ tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), ħadet l-impenn favur il-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem; billi t-tkomplija ta' ksur tal-istat tad-dritt u l-adozzjoni ta' liġijiet restrittivi fix-xhur reċenti qegħdin jiddubitaw dejjem aktar dwar il-konformità tar-Russja mal-obbligi internazzjonali u nazzjonali tagħha;
1. Jikkundanna bil-qawwa l-omiċidju ta' Boris Nemtsov u jestendi l-kondoljanzi tiegħu lill-familja tal-vittma, u jesprimi s-simpatija u l-appoġġ kollu tiegħu lill-poplu Russu kollu li f'dawn l-aħħar jiem inġabar fil-pjazzez tal-bliet ewlenin tal-pajjiż biex jiddefendi d-demokrazija u biex itemm l-agressjoni Russa kontra l-Ukraina;
2. Jitlob investigazzjoni mħaffa, trasparenti u imparzjali dwar iċ-ċirkostanzi tal-assassinju, sabiex dawk responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja;
3. Hu tal-fehma li dan il-qtil, għal darb'oħra, hu sinjal u r-riżultat tal-klima ta' biża' u intimidazzjoni li taffettwa s-sistema politika tal-Federazzjoni Russa, li b'mod drammatiku, ħadet xejra awtoritarja tul dawn l-aħħar snin; jikkritika bil-qawwi l-fatt li sigħat biss wara l-qtil ta' Boris Nemtsov, fil-midja Russa, inxterrdu l-akkużi, li taw x'jifhmu li dan l-omiċidju seħħ biss fl-interessi tal-Istati Uniti tal-Amerika, tal-Ukraina jew tal-Iżlamisti;
4. Jitlob lill-awtoritajiet Russi itemmu kull pressjoni, kull att ripressiv u kull intimidazzjoni - kemm politika kif ukoll ġuridika - kontra l-mexxejja tal-oppożizzjoni, ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u l-midja indipendenti, sabiex dawn jitħallew jaġixxu b'mod ħieles bi qbil mal-prinċipji bażiċi tal-kostituzzjoni Russa;
5. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet ġuridiċi u tal-infurzar tal-liġi Russi biex iwettqu dmirijiethom b'mod imparzjali u indipendenti, u ħieles minn indħil politiku;
6. Jitlob lill-awtoritajiet Russi itemmu kull att ta' abbuż, flimkien ma' attakki verbali u fiżiċi, fil-konfront tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem kollha madwar it-territorju tal-Federazzjoni Russa, u jiżguraw dawn ikunu jistgħu jwettqu l-attivitajiet leġittimi tagħhom mingħajr xkiel u fi kwalunkwe ċirkostanza;
7. Itenni t-tħassib serju tiegħu dwar il-liġi dwar "l-aġenti barranin" u l-mod li bih din qed tiġi implimentata u jitlob ir-rieżami tagħha; jikkunsidra wkoll li d-definizzjoni ta' "attività politika"mwettqa minn NGOs li jaċċettaw finanzjament barrani tant hi wiesgħa li tippermetti, fil-prattika, kontroll tal-gvern fuq kważi kull attività organizzata relatata mal-ħajja pubblika;
8. Jilqa' d-deċiżjoni tal-Qorti Suprema tat-28 ta' Jannar 2015, li ċaħdet l-ilment imressaq mill-Ministeru tal-Ġustizzja li talab l-għeluq "tas-Soċjetà Memorjal Russa" u l-allegazzjonijiet ta' ksur fi ħdan l-istruttura organizzattiva tagħha, u jitlob li l-NGOs l-oħra li jinsabu fuq il-lista ta' "aġenti barranin", jitneħħew minnha;
9. Jitlob lir-Russja tħassar kompletament il-liġi federali dwar il-"propaganda għal relazzjonijiet sesswali mhux tradizzjonali" u liġijiet simili reġjonali kontra l-propaganda li jillimitaw id-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari il-libertà ta' espressjoni u ta' għaqda fir-rigward ta' orjentazzjoni sesswali u identità tal-ġeneru; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-konsegwenzi negattivi fuq is-soċjetà ta' dawn il-liġijiet, li qegħdin joħolqu ambjent fejn id-diskriminazzjoni, id-diskors ta' mibegħda u l-vjolenza b'mibegħda kontra persuni LGBTI mhumiex punibbli; jitlob lill-VP/RGħ, lid-Delegazzjoni tal-UE lejn ir-Russja u lill-Istati Membri tal-UE jikkundannaw l-atti ta' vjolenza kontra l-persuni LGBTI u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, iqajmu l-kwistjoni mal-uffiċjali Russi relevanti u biex jappoġġaw l-inizjattivi tas-soċjetà ċivili u tal-gvern li għandhom l-għan li jissorveljaw il-każijiet ta' vjolenza u jedukaw lill-persunal tal-infurzar tal-liġi;
10. Ifakkar fl-importanza li r-Russja tikkonforma bis-sħiħ mal-obbligi legali internazzjonali tagħha, bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-OSKE, u mad-drittijiet fundamentali tal-bniedem u mal-istat tad-dritt kif minqux fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR);
11. Jitlob lill-VP/RGħ u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jiżguraw li l-każijiet kollha ta' persuni pproċessati għal raġunijiet politiċi jitqajmu meta jerġa' jingħata bidu għall-konsultazzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u r-Russja, u li r-rappreżentanti tar-Russja f'dawn il-konsultazzjonijiet jintalbu jwieġbu formalment dwar kull każ;
12. Jitlob lill-Presidenti rispettivi tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, kif ukoll lill-VP/RGħ biex ikomplu jsegwu dawn il-każijiet mill-qrib, ikomplu jqajmu dawn il-kwistjonijiet fil-formati u l-laqgħat differenti mar-Russja, u biex jirrappurtaw lura lill-Parlament dwar l-iskambji tagħhom mal-awtoritajiet Russi;
13. Iħeġġeġ lill-Kunsill jiżviluppa politika komuni fir-rigward tar-Russja li timpenja lit-28 Stat Membru tal-UE u lill-istituzzjonijiet tal-UE li jibagħtu messaġġ komuni qawwi dwar ir-rwol tad-drittijiet tal-bniedem fir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja u dwar il-bżonn li jintemm it-trażżin tal-libertà tal-espressjoni, tal-għaqda u tal-assoċjazzjoni fir-Russja;
14. Iħeġġeġ lill-VP/RGħ u lis-SEAE jiżguraw li l-Unjoni tfittex kull opportunità, fil-limiti tal-konfini tad-dritt domestiku Russu, biex ikomplu jinteraġixxu mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Russi u jappoġġawhom, inkluż dawk li jaħdmu għall-promozzjoni tal-valuri tad-demokrazija, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt;
15. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lis-SEAE, fir-rigward tal-fażi kontinwa ta' programmar tal-istrumenti finanzjarji tal-UE, iżidu l-assistenza finanzjarja tal-UE lis-soċjetà ċivili Russa permezz tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem u tal-fondi għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali, u biex jinkludu lill-Forum tas-Soċjetà Ċivili bejn l-UE u r-Russja fl-Istrument ta' Sħubija u fl-Istrument ta' Viċinat Ewropew programmi transkonfinali u multilaterali sabiex jiżguraw appoġġ sostenibbli u kredibbli fit-tul;
16. Jitlob il-ħelsien immedjat ta' Nadiia Savchenko u r-rispett tal-immunità tagħha bħala membru sħiħ tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa; jesprimi t-tħassib qawwi tiegħu għall-kondizzjoni ta' saħħitha u jħeġġeġ lill-awtoritajiet ġudizzjarji Russi japplikaw il-liġi umanitarja;
17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, u lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa.
- [1] ĠU C 68 E, 7.3.2014, p. 13.
- [2] Testi adottati, P7_TA(2013)0284.
- [3] Testi adottati, P7_TA(2014)0253.
- [4] Testi adottati, P8_TA(2014)0039.
- [5] Testi adottati, P8_TA(2015)0006.