Proċedura : 2015/2582(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0243/2015

Testi mressqa :

B8-0243/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 12/03/2015 - 8.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 152kWORD 90k
9.3.2015
PE552.222v01-00
 
B8-0243/2015

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela (2015/2582(RSP))


Javier Couso Permuy, Marina Albiol Guzmán, Inês Cristina Zuber, João Ferreira, Miguel Viegas, Fabio De Masi, Neoklis Sylikiotis, Ángela Vallina, Paloma López Bermejo, Lidia Senra Rodríguez, Sabine Lösing, Sofia Sakorafa, Emmanouil Glezos, Younous Omarjee, Kostas Chrysogonos, Stelios Kouloglou f'isem il-Grupp GUE/NGL

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela (2015/2582(RSP))  
B8‑0243/2015

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Kapitolu 1, l-Artikolu 1(2) tal-Karta tan-NU tal-1945, bil-għan iddikjarat tiegħu "li jiżviluppa relazzjonijiet ta' ħbiberija fost in-nazzjonijiet ibbażati fuq ir-rispett għall-prinċipju tad-drittijiet ugwali u l-awtodeterminazzjoni tal-popli, u jieħu miżuri xierqa oħra biex tissaħħaħ il-paċi universali",

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 1 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Artikolu 1 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, li t-tnejn li huma jiddikkjaraw li "il-popli kollha għandhom id-dritt għal awtodeterminazzjoni" u li "bis-saħħa ta' dak id-dritt jiddeterminaw b'mod liberu l-istatus politiku tagħhom u jsegwu liberament l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u kulturali tagħhom",

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Summit tal-Kapijiet ta' Stat u Gvern tas-CELAC (il-Komunità ta' Stati tal-Amerika Latina u tal-Karibew) u l-UE tas-27 ta' Jannar 2013, fejn il-firmatarji tennew mill-ġdid l-impenn tagħhom għall-finijiet u l-prinċipji kollha mnaqqxa fil-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u l-appoġġ tagħhom għall-isforzi kollha biex tinżamm ugwaljanza sovrana fl-istati kollha u biex jiġu rispettati l-integrità territorjali u l-indipendenza politika tagħhom,

–       wara li kkunsidra l-Proklamazzjoni tal-Amerika Latina u l-Karibew bħala Żona ta' Paċi, maqbula fit-Tieni Summit ta' CELAC li sar f'Ħavana fit-28 u d-29 ta' Jannar 2014,

–       wara li kkunsidra l-prinċipju tan-noninterferenza stabbilit fil-Karta tan-NU,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–       wara li kkunsidra l-elezzjoni tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela bħala membru tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u l-konklużjonijiet tal-aħħar Eżami Perjodiku Universali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-Venezwela,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Diplomatiċi tal-1961,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-7 ta' Marzu 2015 mis-Segretarju Ġenerali tal-Unjoni tan-Nazzjonijiet tal-Amerika t'Isfel (UNASAR) wara ż-żjara tal-UNASUR fil-Venezwela.

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tas-sitwazzjoni fil-Venezwela minn Mercosur, l-UNASUR u CELAC, u b'mod partikolari d-dikjarazzjonijiet ta' Mercosur u CELAC ta' tiċħid tal-miżuri unilaterali koerċittivi tal-Istati Uniti kontra r-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet dwar il-Venezwela mir-rebbieħ Arġentin tal-Premju Nobel għall-Paċi Adolfo Pérez Esquivel u mill-Papa Franġisku,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni / tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), b'mod partikolari l-aktar dikjarazzjoni reċenti mill-kelliema tagħha, tal-24 ta' Frar 2015,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti dwar il-Venezwela, b'mod partikolari dawk tal-24 ta' Mejju 2007(1), it-23 ta' Ottubru 2008(2), is-7 ta' Mejju 2009(3), il-11 ta' Frar 2010(4), it-8 ta' Lulju 2010(5), l-24 ta' Mejju 2012(6), is-27 ta' Frar 2014(7) u t-18 ta' Diċembru 2014(8),

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi twettqet gwerra ekonomika minn xi setturi fil-Venezwela għal dawn l-aħħar xhur permezz ta' żieda fil-prezzijiet, prodotti li jiddaħħlu bil-kuntrabandu u attivitajiet ta' żamma tal-istokk; billi l-Gvern tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela kkundanna "l-Operazzjoni Jericho", jiġifieri l-aħħar attentat ta' kolp ta' stat kontra l-gvern elett demokratikament, ippjanat għat-12 ta' Frar 2014 mill-oppożizzjoni tal-lemin estrem u ffinanzjat u appoġġjat mill-Gvern tal-Istati Uniti bl-appoġġ ta' għadd ta' uffiċjali militari għolja Venezweljani;

B.     billi skont informazzjoni pprovduta mill-Gvern Venezweljan, l-attentat kolp ta' stat kien ibbażat fuq pjan b'erba' stadji biex jitneħħa l-President Madura, fejn jibda bi gwerra ekonomika u jispiċċa b'rewwixta militari vjolenti b'ajruplani tal-gwerra Tucano biex jibbumbardjaw miri strateġiċi inklużi kwartieri ġenerali ewlenin tal-gvern bħall-Palazz Presidenzjali u l-Ministeru għad-Difiża u l-kanal tat-televiżjoni Telesur; dan kien ippjanat li jsir wara l-pubblikazzjoni ta' manifest li jitlob għal "tranżizzjoni" u jeħtieġ il-formazzjoni ta' gvern provviżorju; billi dan il-manifest ġie ffirmat mill-mexxejja tal-oppożizzjoni, inklużi Antonio Ledezma, María Corina Machado u Leopoldo López;

C.     billi dan "il-Pjan ta' 100 ġurnata għat-Tranżizzjoni" kien se jinkludi serje ta' miżuri li għandhom jiġu implimentati mill-junta li kienet se tiġi stabbilita, inklużi sejħa għal elezzjonijiet bikrija, privatizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi kollha u l-intervent tal-FMI, il-Bank Dinji u l-Bank Inter-Amerikan tal-Iżvilupp fl-ekonomija Venezweljana;

D.     billi l-President Maduro ħabbar aktar rivelazzjonijiet għall-ġimgħat li ġejjin, u qal li se jippreżenta evidenza lis-Summit tal-Ameriki li se jsir f'April 2015 f'Panama; billi l-mexxejja tal-oppożizzjoni ġew imħeġġa li jżommu lura minn kunflitt armat u jirrispettaw il-Kostituzzjoni Venezweljana;

E.     billi s-Sindku Metropolitan tal-Karakas, Antonio Ledezma, ġie arrestat wara mandat maħruġ mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u akkużat b'konfoffa u assoċjazzjoni b'intenzjoni kriminali għal allegat involviment tiegħu fil-komplott; billi ż-żewġ reati huma definiti u penalizzati taħt il-Kodiċi Kriminali tal-Venezwela u l-Liġi Organika kontra l-Kriminalità Organizzata u l-Finanzjament tat-Terroriżmu;

F.     billi wara l-vjolenza fl-Istat ta' Táchira, żagħżugħ ta' 14-il sena, Kluivert Roa, inqatel b'arma tan-nar fl-24 ta' Frar 2015; billi l-uffiċjal tal-puliżija allegatament responsabbli għall-qtil ġie arrestat f'24 siegħa u qiegħed jiġi pproċessat;

G.     billi f'Diċembru 2014, il-President tal-Istati Uniti Barack Obama ħabbar mandat fejn impona sanzjonijiet fuq il-Venezwela; billi t-33 nazzjon tal-Amerika Latina u l-Karibew ikkundannaw u ċaħdu dawn is-sanzjonijiet unilaterali imponuti mill-Istati Uniti fuq il-Venezwela; billi l-Gvern tal-Venezwela rreaġixxa billi ħabbar sett ta' miżuri fl-implimentazzjoni tal-Artikoli tal-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Diplomatiċi;

H.     billi wieħed mill-komponenti tad-destabbilizzazzjoni għaddejja tal-Venezwela kien, u jibqa' jkun, il-finanzjament ta' miljuni kbar ta' dollari tal-organizzazzjonijiet kontra l-gvern u l-partiti politiċi li ilu għaddej għal aktar minn 12-il sena min-naħa tal-aġenziji tal-Istati Uniti bħall-USAID u l-Fondazzjoni Nazzjonali għad-Demokrazija; billi l-President Obama reċentament awtorizza fond speċjali li jammonta għal USD 5.5 miljuni biex jiffinanzja gruppi kontra l-gvern fil-Venezwela permezz tad-Dipartiment tal-Istati;

I.      billi fi Frar 2014, il-pjan magħruf bħala "La Salida" ("Il-Ħruġ") ingħata bidu, b'dimostrazzjoni organizzata mill-istudenti wara sejħa mill-partiti politiċi tal-lemin u tal-lemin estrem, li nbidlet fi vjolenza li damet għal diversi xhur bl-għan ċar li jiġi destabbilit il-gvern elett demokratikament tal-Venezwela; billi bejn Frar u Ġunju 2014, 43 ruħ ġew maqtula u 878 midruba; billi din l-istrateġija ma kinitx ġdida, peress li x-xenarju huwa simili għal dak tal-kolp tal-2002 u l-vjolenza li segwiet l-elezzjoni demokratika tal-President Nicolás Madura f'April 2013; billi l-mexxejja tal-oppożizzjoni dak iż-żmien irrifjutaw li jirrikonoxxu r-riżultati tal-elezzjoni u b'mod ripetut ħeġġew il-vjolenza; billi fil-lejl tal-elezzjonijiet, 11-il Venezweljan, inklużi żewġt itfal, mietu wara l-attakki taċ-ċelebrazzjonijiet Bolvarjani;

J.      Billi l-Comité de Víctimas de la Guarimba y el Golpe Continuado (il-Kumitat tal-Vittmi tal-Vjolenza fuq il-Barrikati fit-Toroq u l-Kolp ta' Stat), magħmul mill-vittmi tal-vjolenza u l-qraba tagħhom, appellaw lill-komunità internazzjonali biex iżżomm lura milli tuża d-drittijiet tal-bniedem għal skopijiet politiċi u biex ma tikkooperax mal-atturi politiċi tal-Venezwela li qed jippruvaw isikktu jew jimmanipulaw l-azzjonijiet ta' vjolenza u mibegħda li l-Venezwela ġarrbet bejn Frar u Ġunju 2014 billi l-qraba tal-vittmi talbu biex dawk responsabbli jiġu mħarrka u appellaw biex tintemm l-impunità għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem promossi fil-pajjiż;

K.     billi d-delagazzjoni investigattiva tal-UNASUR ffurmata mis-Segretarju Ġenerali tal-UNASUR, l-eks President Kolombjan Ernesto Samper u l-Ministri għall-Affarijiet Barranin Brażiljani, Ekwadorjani u Kolombjani żaru l-pajjiż fis-6 u s-7 ta' Marzu 2015 sabiex jappoġġjaw l-isforzi għall-paċi; billi waqt din iż-żjara, is-Sur Samper tenna mill-ġdid il-pożizzjoni tal-UNASUR, li "hi fl-Ittra tal-Kostituzzjoni u ġiet approvata fil-Klawżola Demokratika tat-Trattat" u "hi assolutament ċara u konklużiva li kwalunkwe sforz ta' destabbilizzazzjoni li jsir f'demokrazija jew kull attentat biex jiġi destabbilizzat gvern se jintlaqa' b'rifjut unanimu mill-pajjiżi tal-UNASUR"; billi l-kelliem għall-partit tal-lemin Mesa de Unidad Democrática (Pjattaforma għal Unità Demokratika), Jesús "Chuo" Torrealba, iddeskriva ż-żjara tal-UNASUR bħala att ta' provokazzjoni kontra l-oppożizzjoni Venezwaljana; billi diġà f'Marzu 2014 missjoni ministerjali tal-UNASUR kienet żaret il-Venezwela b'appoġġ għal djalogu inklużiv, u f'April 2014 saru laqgħat bejn il-gvern, l-oppożizzjoni, l-organizzazzjonijiet tal-istudenti, it-trejdunjins, il-persuni fin-negozju u l-gruppi reliġjużi bil-medjazzjoni tal-UNASUR u l-Vatikan;

L.     billi s-Segretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki-Moon esprima appoġġ għaż-żjara tad-delegazzjoni tal-UNASUR fil-Venezwela; billi l-Viċi President tal-UE / Rappreżentant Għoli reċentament laqgħu inizjattivi mill-UNASUR u s-sħab reġjonali tal-Venezwela b'appoġġ għal medjazzjoni fil-pajjiż;

M.    billi l-Papa Franġisku ħeġġeġ lill-Venezwela tirritorna għal triq komuni fl-interess tan-nazzjon, billi tiftaħ mill-ġdid spazji ta' fehim u djalogu kostruttiv ġenwin;

N.     billi maġġoranza tal-midja nazzjonali u internazzjonali qegħdin jippreżentaw is-sitwazzjoni fil-Venezwala min-naħa waħda biss; billi l-manipulazzjoni tal-informazzjoni, b'mod partikolari permezz ta' netwerks soċjali, qiegħda tifrex xnigħat u immaġnijiet foloz meħuda fis-Sirja, ċ-Ċilì, l-Eġittu, Spanja u s-Singapor daqs li kieku kienu mill-Venezwela;

O.     billi r-rebbieħ tal-Premju Nobel għall-Paċi Adolfo Pérez Esquivel għamel sejħa biex id-demokrazija fil-Veneżwela titħares kontra tentattivi li jiddestabbilizzaw il-gvern, fejn wissa li tentattivi ta' kolp ta' stat qegħdin javvanzaw permezz ta' metodoloġiji ġodda fl-Amerika Latina u ddenunzja lill-kumpaniji multinazzjonali tal-midja korporattiva bħal CNN u Fox News li jxandru propaganda tal-gwerra f'isem il-paċi u l-mibegħda f'isem il-libertà;

P.     billi saru 19-il elezzjoni differenti fil-Venezwela fl-aħħar 14-il sena; billi, minkejja elezzjonijiet demokratiċi, parti mill-oppożizzjoni tirrifjuta li tirrikonoxxi l-leġittimità tal-gvern; billi l-Kostituzzjoni tar-Repubblika Bolvarjana tal-Venezwela tinkludi mekkanimżi ta' demokrazija parteċipattiva, bħad-dispożizzjoni għal referendum li jirrevoka l-mandat tal-President; billi l-elezzjonijiet leġiżlattivi għandhom isiru din is-sena;

Q.     billi r-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela ġiet eletta b'appoġġ wiesa' bħala membru tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU; billi l-Venezwela aċċettat 97 % tar-rakkomandazzjonijiet tal-aħħar Eżami Perjodiku Universali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem, tal-2011; billi 80 % tar-rakkomandazzjonijiet kienu direttament applikabbli u l-Istat tal-Venezwela kkommetta lilu nnifsu għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet l-oħrajn aċċettati; billi l-Venezwela, f'Ottubru 2014, ġiet eletta għal waħda mill-ħames sedi li jalternaw fuq il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU għall-perjodu 2015-2016, b'181 vot favur minn 193 membru tan-NU; billi fis-6 u s-7 ta' Novembru 2014 l-Istat Venezweljan deher quddiem il-Kumitat tan-NU kontra t-Torutra, li skrutinizza l-konformità tal-Istat mal-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti;

R.     billi bejn l-2006 u l-2013 il-Venezwela telgħet tlettax-il post, sas-67 post minn 187, fl-Indiċi ta' Żvilupp Uman tan-NU; billi f'dawn l-aħħar għaxar snin, il-Gvern tal-Venezwela żied in-nefqa soċjali għal aktar minn 60.6 %; billi l-Venezwela illum hi pajjiż bl-inqas rata ta' inugwaljanzi fir-reġjun;

S.     billi skont CEPAL (il-Kummissjoni Ekonomika tan-NU għall-Amerika Latina), il-Venezwela naqqset b'mod sinifikanti r-rata ta' faqar tagħha u żiedet l-istennija tal-għomor; billi l-livell ta' faqar estrem niżel għal livell rekord ta' 5.4 % fl-2015, meta mqabbel ma' 21 % fl-1998; billi l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO) tan-NU ferħet lill-Gvern Venezweljan talli naqqas b'mod sinifikanti l-għadd ta' persuni jbatu minn malnutrizzjoni, għaldaqstant f'konformità ma' wieħed mill-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju tan-NU;

T.     billi l-Venezwela hi l-ħames l-akbar pajjiż fid-dinja li jesporta ż-żejt u għandu l-akbar riservi taż-żejt fid-dinja; billi, skont l-abbozz ta' baġit għall-2015, 38 % tan-nefqa pubblika se jkun devot għall-investiment soċjali, inklużi l-edukazzjoni, id-djar u l-iżvilupp urban, il-kura tas-saħħa, is-sigurtà soċjali, il-kultura, il-komunikazzjoni u x-xjenza u t-teknoloġija, li jammonta għal 8.2 % tal-PDG tal-Venezwela;

1.      Jikkundanna b'mod qawwi l-aħħar attentat ta' kolp ta' stat u l-vjolenza relatati minn gruppi tal-oppożizzjoni tal-lemin u tal-lemin estrem fil-Venezwela; jiddeplora l-kampanja permanenti ta' destabbilizzazzjoni kontra r-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela permezz ta' atti vjolenti jseħħu f'qafas simili għal dak l-attentat ta' kolp ta' stat preċedenti tal-2002;

2.      Jiddispjaċih ħafna bit-telf ta' ħajjiet, u jestendi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi; jistieden lil dawk responsabbli għat-twettiq jew it-tixwix tar-reati konċernati biex jinżammu responsabbli għall-azzjonijiet tagħhom; jesprimi r-rispett tiegħu għas-sistema ġudizzjarja tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, u għaldaqstant huwa kontra kwalunkwe interferenza fil-proċedimenti ġudizzjarji għaddeja fil-livell nazzjonali;

3.      Jiddispjaċih dwar il-passat relatat mal-kolp ta' stat ta' xi membri tal-oppożizzjoni, bħal Antonio Ledezma, María Corina Machado u Leopoldo López, li f'okkażjonijiet preċedenti poġġew lilhom infushom barra mill-qafas demokratiku billi ppruvaw jiksru l-ordni kostituzzjonali Venezweljana;

4.      Ifakkar fir-rispett sħiħ tiegħu għall-prinċipju tan-nonintervent fl-affarijiet interni tal-istati skont il-liġi internazzjonali; jiddeplora bil-qawwa kwalunkwe interferenza mill-UE jew xi pajjiż ieħor fl-affarijiet interni tal-pajjiżi terzi; f'dan ir-rigward, jiddeplora d-deċiżjoni tal-Istati Uniti li jimponu sanzjonijiet kontra l-Venezwela;

5.      Jerġa' jfakkar fl-appoġġ sħiħ tiegħu u solidarjetà mal-poplu Venezweljan, il-proċess Bolivarjan u l-President elett Nicolás Maduro; huwa kontra l-attakki kollha fuq id-demokrazija u s-sovranità tal-Venezwela;

6.      Jiddenunzja l-għanijiet mhux demokratiċi u ribellużi tal-kampanja ta' destabbilizzazzjoni; jiġbed l-attenzjoni dwar l-interessi imperjali tal-Istati Uniti fl-iżgurar tal-aċċess tagħhom għar-riżorsi taż-żejt tal-Venezwela u l-għan politiku tagħhom li jxekklu l-pajjiżi tal-Alleanza Bolivarjana għall-Popli tal-Amerka Tagħna (ALBA);

7.      Jinsab fi qbil mal-prinċipji fil-Proklamazzjoni tal-Amerika Latina u l-Karibew bħala Żona ta' Paċi, u jħeġġeġ lill-komunità internazzjonali kollha biex tirrispetta bis-sħiħ din il-proklamazzjoni fir-relazzjonijiet tagħha mal-pajjiżi CELAC, inkluż impenn biex ma tintervjenix direttament jew indirettament fl-affarijiet interni ta' kwalunkwe stat ieħor u biex tosserva l-prinċipji ta' sovranità nazzjonali, drittijiet ugwali u awtodeterminazzjoni tal-popli;

8.      Jenfasizza li djalogu ma' pajjiżi terzi ma għandux, taħt l-ebda ċirkostanza, jirriżulta f'restrizzjonijiet li jiġu imponuti fuq id-dritt tal-popli għal awtodeterminazzjoni; jiddeplora l-fatt li l-UE u l-Istati Membri tagħha ħafna drabi jagħtu prijorità lill-kunsiderazzjonijiet diplomatiċi, politiċi u ekonomiċi minflok id-drittijiet tal-bniedem, approċċ li, barra minn hekk, jagħti lok għal politika kkaratterizzata minn standards doppji, li hu f'kunflitt ma' viżjoni universali tad-drittijiet tal-bniedem; jikkundanna l-użu qarrieqi tad-drittijiet tal-bniedem għal skopijiet politiċi mill-Parlament Ewropew, b'mod partikolari fil-każ tal-Venezwela; ifakkar li din hi d-disa' riżoluzzjoni dwar dan il-pajjiż mill-2007 'l hawn, u li ħafna mir-riżoluzzjonijiet ġew adottati qabel l-elezzjonijiet jew fl-istess żmien li kien għaddej proċess ta' destabbilizzazzjoni;

9.      Jiddeplora r-rwol tal-midja internazzjonali fit-tixrid ta' xnigħat u l-użu ta' immaġnijiet foloz bil-għan li tiġi ġġenerata atmosfera ta' vjolenza u destabbilizzazzjoni li timmina l-Gvern tal-Venezwela; ifakkar li l-libertà tal-informazzjoni hija dritt tal-bniedem fundamentali, u jitlob lill-midja internazzjonali taġixxi b'mod responsabbli u tkopri l-avvenimenti b'mod ġust, preċiż u bbilanċjat, li bħalissa mhuwiex il-każ;

10.    Jilqa' l-implimentazzjoni tal-politiki tal-inklużjoni soċjali fil-Venezwela bbażati fuq ir-responsabbiltà u l-ġustizzja soċjali, l-ugwaljanza, is-solidarjetà u d-drittijiet tal-bniedem, li għenu sabiex titnaqqas l-inugwaljanza fil-pajjiż, b'mod partikolari f'termini ta' miżuri ta' żvilupp soċjali u l-progress sinifikanti li sar fit-tnaqqis tal-faqar jew fil-qasam tal-edukazzjoni, inklużi l-qerda tal-illitteriżmu fl-2005 u l-multiplikazzjoni tal-għadd ta' studenti ta' edukazzjoni għolja;

11.    Ifakkar fl-importanza tar-rwol tal-Venezwela fil-ħolqien u t-tisħiħ ta' proċess ta' kooperazzjoni u ta' integrazzjoni għall-benefiċċju tal-popli tal-Amerika Latina; jenfasizza l-progress sinifikanti li sar fl-integrazzjoni reġjonali u l-kooperazzjoni favur il-popli tal-Amerika Latina; jilqa' l-kisbiet sinifikanti tal-ALBA u CELAC fl-oqsma tas-saħħa, l-edukazzjoni, il-kultura u l-integrazzjoni finanzjarja;

12.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvern tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, lill-Parlament ta' Mercosur, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latinamerikana, u lill-korpi reġjonali Latin-Amerikani inklużi l-UNASUR, l-ALBA u CELAC.

 

(1)

ĠU L 120E, 24.4.2008, p. 484.

(2)

ĠU L 15E, 21.1.2010, p. 85.

(3)

ĠU L 212E, 5.8.2010, p. 113.

(4)

ĠU C 341E, 16.12.2010, p. 69.

(5)

ĠU L 351E, 2.12.2011, p. 130.

(6)

ĠU L 264E, 13.9.2013, p. 88.

(7)

Testi adottati, P7_TA(2014)0176.

(8)

Testi adottati, P8_TA(2014)0106.

Avviż legali - Politika tal-privatezza