Proċedura : 2015/2582(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0244/2015

Testi mressqa :

B8-0244/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 12/03/2015 - 8.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0080

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 145kWORD 81k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0236/2015
9.3.2015
PE552.223v01-00
 
B8-0244/2015

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela (2015/2582(RSP))


Fernando Maura Barandiarán, Dita Charanzová, Beatriz Becerra Basterrechea, Izaskun Bilbao Barandica, Enrique Calvet Chambon, Gérard Deprez, Marielle de Sarnez, Juan Carlos Girauta Vidal, Fredrick Federley, Nathalie Griesbeck, Antanas Guoga, Ivan Jakovčić, Petr Ježek, Ilhan Kyuchyuk, Louis Michel, Javier Nart, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Jozo Radoš, Frédérique Ries, Marietje Schaake, Pavel Telička, Ramon Tremosa i Balcells, Hilde Vautmans, Renate Weber, Johannes Cornelis van Baalen f'isem il-Grupp ALDE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela (2015/2582(RSP))  
B8‑0244/2015

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela, b'mod partikolari dik tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela(1) u dik tat-18 ta' Diċembru 2014 dwar il-persekuzzjoni tal-oppożizzjoni demokratika fil-Venezwela(2),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' April 2012 dwar iċ-ċertezza ġuridika tal-investimenti Ewropej barra l-Unjoni Ewropea(3),

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet għall-istampa tat-23 ta' Frar 2015 mill-kelliem għall-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà Federica Mogherini dwar l-arrest tas-Sindku ta' Karakas Antonio Ledezma u s-sitwazzjoni fil-Venezwela,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (IACHR) tal-24 ta' Frar 2015,

–       wara li kkunsidra l-opinjoni tas-26 ta' Awwissu 2014 tal-Grupp ta' Ħidma dwar id-Detenzjoni tal-Kummissjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-20 ta' Ottubru 2014 mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar id-detenzjoni tad-dimostranti u l-politiċi fil-Venezwela,

–       wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li l-Venezwela hija parti għalih,

–       wara li kkunsidra r-Rapport Nru 2014/2015 ta' Amnesty International bit-titolu ''The State of the World’s Human Rights'', ippubblikat fil-25 ta' Frar 2015, kif ukoll ir-rapport dwar il-Venezwela ta' Human Rights Watch bit-titolu ''New Military Authority to Curb Protests'', ippubblikat fit-12 ta' Frar 2015,

–       wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas ta' Kooperazzjoni Interreġjonali konkluż fl-1999 bejn l-UE u l-Mercosur,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi Antonio Ledezma, li ġie elett demokratikament darbtejn bħala Sindku tad-Distrett Metropolitan ta' Karakas u li huwa mexxej veteran tal-oppożizzjoni, fid-19 ta' Frar 2015 inżamm arrestat arbitrarjament mill-uffiċjali tas-Servizz tal-Intelligence Bolivarjan (Sebin), li min-naħa tagħhom ma pproduċewx mandat ta' arrest jew evidenza li kien wettaq xi reat; billi wara d-detenzjoni, Antonio Ledezma ġie mixli b'komplott u assoċjazzjoni għat-twettiq ta' reati u mitfugħ fil-ħabs militari ta' Ramo Verde;

B.     billi ż-żamma taħt arrest ta' persuni ċivili f'ħabs militari mhijiex kompatibbli mal-istandards internazzjonali; billi l-Venezwela għandha l-obbligu tiggarantixxi l-ħajja, it-trattament uman u s-sikurezza tal-persuni kollha mċaħħda mil-libertà, u li tiggarantixxi li l-kundizzjonijiet ta' detenzjoni jkunu konformi mal-istandards internazzjonali applikabbli;

C.     billi l-preżunzjoni ta' innoċenza tista' titqies miksura f'każ li persuna li qed tiffaċċja akkużi kriminali tkun suġġetta għal detenzjoni qabel il-proċess mingħajr ma tingħata ġustifikazzjoni adegwata, billi f'dan il-każ id-detenzjoni issir kastig aktar milli miżura ta' prekawzjoni;

D.     billi skont l-organizzazzjonijiet lokali u internazzjonali, sena wara d-demostrazzjonijiet paċifiċi 1 700 dimostrant qegħdin jistennew il-proċess, 69 oħra għadhom il-ħabs, u tal-anqas 40 oħra nqatlu fil-protesti, filwaqt li min qatilhom għadu ma refax ir-responsabbiltà; billi d-dimostranti ntlaqgħu b'saħħa eċċessiva u vjolenza sistematika mill-pulizija, membri tal-Gwardja Nazzjonali u gruppi vjolenti u inkontrollati favur il-gvern;

E.     billi żdiedet l-intimidazzjoni u t-trattament ħażin tal-mexxejja tal-oppożizzjoni li ntefgħu l-ħabs kif ukoll tal-istudenti li pparteċipaw fil-protesti tal-2014; billi Leopoldo López, Daniel Ceballos u politiċi oħra tal-oppożizzjoni għadhom arrestati arbitrarjament, María Corina Machado tneħħiet mill-kariga illegalment u arbitrarjament, ġiet miċħuda mill-mandat tagħha u mkeċċija mill-Parlament tal-Venezwela, filwaqt li l-Gvern tal-Venezwela qed jhedded li jneħħi l-immunità tad-deputat Julio Borges;

F.     billi l-membri tal-Qorti Suprema ċaħdu apertament il-prinċipju tas-separazzjoni tas-setgħat, wegħdu pubblikament li jimpenjaw ruħhom sabiex jippromwovu l-aġenda politika tal-gvern, u qatgħu kemm-il darba sentenzi favur il-gvern u b'hekk ivvalidaw in-nuqqas ta' kunsiderazzjoni tal-gvern għad-drittijiet tal-bniedem; billi f'Diċembru 2014, il-maġġoranza favur il-gvern tal-Assemblea Nazzjonali ħatret 12-il membru ġdid tal-Qorti Suprema permezz ta' votazzjoni b'maġġoranza sempliċi, wara li ma rnexxilhiex tikseb maġġoranza ta' żewġ terzi, li biex tiksibha kien jeħtiġilha tilħaq kunsens mal-oppożizzjoni; billi fl-2004 ġiet adottata liġi magħrufa bħala ''court-packing'', li tipprevedi li votazzjoni b'maġġoranza sempliċi hija valida biss jekk wara tliet votazzjonijiet ma tkunx inkisbet votazzjoni b'maġġoranza ta' żewġ terzi;

G.     billi r-Riżoluzzjoni Nru 8610 il-ġdida tal-Ministeru tad-Difiża tippermetti lill-militar juża armi tan-nar biex jikkontrolla ''laqgħat pubbliċi u dimostrazzjonijiet paċifiċi''; billi skont l-Artikolu 68 tal-Kostituzzjoni tal-Venezwela, l-użu ta' armi tan-nar u sustanzi tossiċi għall-kontroll ta' dimostrazzjonijiet paċifiċi huwa pprojbit; billi skont l-istandards internazzjonali, l-użu tal-forzi militari f'operazzjonijiet tas-sigurtà pubblika għandu jkun limitat;

H.     billi fl-24 ta' Frar 2015 inqatel student ta' 14-il sena bl-isem ta' Kluivert Roa matul dimostrazzjoni dwar l-iskarsezza tal-ikel u tal-mediċina f'San Cristóbal, fl-Istat ta' Táchira; billi fil-25 ta' Frar 2015 l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali ddikjara li uffiċjal tal-pulizija ġie akkużat b'omiċidju intenzjonat, fost reati oħra;

I.      billi l-libertà tal-espressjoni u d-dritt li wieħed jipparteċipa f'dimostrazzjonijiet paċifiċi huma fundametali għad-demokrazija; billi ma jistax ikun hemm ugwaljanza u ġustizzja għal kulħadd mingħajr ir-rispett għal-libertajiet u d-drittijiet fundamentali ta' kull ċittadin; billi jeżistu bosta rapporti li jikkonfermaw li l-midja qed tkun suġġetta għal ċensura u intimidazzjoni dejjem akbar;

J.      billi skont l-aħħar stħarriġ, 7 minn kull 10 Venezwelan iqisu li s-sitwazzjoni fil-Venezwela hija negattiva; billi n-nuqqas min-naħa tal-istat li jżomm il-liġi u l-ordni wassal lill-Venezwela sabiex issir wieħed mill-aktar pajjiżi vjolenti fid-dinja;

K.     billi huwa biss ir-rispett għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u djalogu kostruttiv u li jirrispetta lil kulħadd imwettaq fi spirtu ta' toleranza, li jista' jgħin lill-pajjiż joħroġ minn din il-kriżi serja u jegħleb id-diffikultajiet futuri;

L.     billi l-Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jistabbilixxi li l-investimenti Ewropej f'pajjiżi terzi huma element fundamentali tal-Politika Kummerċjali Komuni tal-Unjoni Ewropea. u għaldaqstant parti integrali mill-politika għall-azzjoni esterna tagħha, u billi skont it-Trattat ta' Lisbona l-investiment dirett barrani huwa kompetenza esklużiva tal-UE, kif stabbilit fl-Artikoli 3(1)(e), 206 u 207 tat-TFUE;

1.      Jistieden lill-awtoritajiet tal-Venezwela jeħilsu immedjatament lil Antonio Ledezma, Leopoldo López, Daniel Ceballos u lid-dimostranti paċifiċi, studenti u mexxejja tal-oppożizzjoni kollha li nżammu arrestati arbitrarjament talli eżerċitaw id-dritt għal-libertà tal-espressjoni u d-drittijiet fundamentali tagħhom, u dan skont it-talbiet li saru minn bosta organizzazzjonijiet internazzjonali u tan-NU; jistieden lill-awtoritajiet tal-Venezwela jirtiraw l-akkużi mingħajr bażi kontriehom;

2.      Jistieden lill-awtoritajiet tal-Venezwela jiżguraw li Antonio Ledezma, Leopoldo López, Daniel Ceballos u l-priġunieri politiċi l-oħra kollha jingħataw kull attenzjoni medika li jkun hemm bżonn, kif ukoll aċċess immedjat, privat u regolari għall-familthom u għall-avukati tal-għażla tagħhom; jinsab imħasseb sew dwar il-kundizzjoni tal-priġunieri, li sejra għall-agħar;

3.      Jikkundanna l-persekuzzjoni politika u r-repressjoni tal-oppożizzjoni demokratika u ta' dawk li jidentifikaw lilhom infushom mal-oppożizzjoni tal-gvern, u jħeġġeġ lill-Gvern tal-Venezwela sabiex jevita milli jikkriminalizzahom; ifakkar lill-awtoritajiet li l-ilħna tal-oppożizzjoni huma indispensabbli għal soċjetà demokratika;

4.      Jinsab imħasseb ħafna dwar is-sitwazzjoni li sejra lura fil-Venezwela, u jikkundanna l-użu tal-vjolenza kontra d-dimostranti; jistieden lill-Gvern tal-Venezwela jirrispetta l-kostituzzjoni tiegħu stess billi ma jużax armi tan-nar u sustanzi tossiċi biex jikkontrolla dimostrazzjonijiet paċifiċi, u jħeġġeġ lill-gvern jirrevoka r-Riżoluzzjoni Nru 8610; jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi, u partikolarment lill-familja ta' Kluivert Roa;

5.      Ifakkar lill-Gvern Venezwelan li l-libertà tal-espressjoni, id-dritt li wieħed jipparteċipa f'dimostrazzjonijiet paċifiċi u l-pluraliżmu politiku huma drittijiet fundamentali tal-bniedem f'demokrazija, kif rikonoxxut mill-Kostituzzjoni Venezwelana; jenfasizza li bħala membru mhux permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Gvern tal-Venezwela għandu responsabbiltà partikolari li jikkonforma mal-istat tad-dritt u mal-liġi internazzjonali;

6.      Jistieden lill-Gvern Venezwelan jiżgura li l-akkużi jkunu investigati malajr u b'mod imparzjali, bl-ebda marġni ta' impunità, b'rispett sħiħ għall-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza u ta' proċess ġust; ifakkar li r-rispett għall-prinċipju tas-separazzjoni tas-setgħat huwa fundamentali f'demokrazija, u li s-sistema ġudizzjarja ma tistax tintuża bħala arma politika; jistieden lill-awtoritajiet tal-Venezwela jiżguraw is-sigurtà taċ-ċittadini kollha fil-pajjiż, indipendentement mill-opinjoni u l-affiljazzjonijiet politiċi tagħhom;

7.      Jistieden lill-awtoritajiet tal-Venezwela, fid-dawl tal-elezzjonijiet parlamentari li ġejjin, jużaw dan il-perjodu sabiex jistabbilixxu proċess politiku inklużiv ibbażat fuq il-kunsens u s-sjieda konġunta, permezz ta' djalogu nazzjonali ġenwin li fih jipparteċipaw b'mod sinifikanti s-setgħat politiċi demokratiċi kollha fil-qafas tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u b'rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem; jappella wkoll liż-żewġ naħat jiddiskutu l-aktar problemi serji li qed jiffaċċja l-pajjiż biex b'hekk isiru r-riformi ekonomiċi u ta' governanza neċessarji; jistieden lill-awtoritajiet tal-Venezwela jiżguraw li jsiru elezzjonijiet parlamentari ħielsa u ġusti fi ħdan proċess kompletament inklużiv, bil-parteċipazzjoni tal-atturi demokratiċi kollha;

8.      Jilqa' l-inizjattiva tal-Unjoni tan-Nazzjonijiet tal-Amerka t'Isfel (UNASUR) sabiex tiftaħ kanali ta' djalogu u ta' fehim bejn il-partijiet kunfliġġenti, tiggarantixxi s-sikurezza u l-ħarsien tal-pubbliku, u li jerġgħu jsaltnu l-kalma u n-normalità fil-Venezwela;

9.      Iħeġġeġ lill-UE, l-Istati Membri u l-komunità internazzjonali jagħmlu dikjarazzjonijiet u jieħdu miżuri sabiex juru solidarjetà mal-poplu tal-Venezwela matul dan il-perjodu diffiċli;

10.    Ifakkar li l-objettiv tan-negozjati li għaddejjin dwar il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Mercosur huwa l-introduzzjoni ta' qafas għall-integrazzjoni ekonomika u d-djalogu politiku bejn iż-żewġ partijiet sabiex jinkiseb l-ogħla livell ta' progress u prosperità għaż-żewġ reġjuni, u jemmen li biex negozjati bħal dawn ikunu ta' suċċess, iż-żewġ naħat iridu jersqu għal dawn it-taħdidiet fi spirtu ta' frankezza u fiduċja reċiproka; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jesploraw u jadottaw kull miżura meħtieġa sabiex iħarsu l-interessi Ewropej u l-prinċipju taċ-ċertezza ġuridika tal-intrapriżi Ewropej fil-Venezwela;

11.    Jitlob lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), lid-Delegazzjoni tal-UE għall-Venezwela, kif ukoll lid-delegazzjonijiet tal-Istati Membri fil-pajjiż ikomplu josservaw mill-qrib l-investigazzjonijiet u s-smigħ tal-proċessi tal-mexxejja tal-oppożizzjoni; ifakkar fit-talba tiegħu li tintbagħat delegazzjoni ad hoc tal-Parlament Ewropew biex tivvaluta s-sitwazzjoni fil-Venezwela u li jkun hemm djalogu mas-setturi kollha involuti fil-kunflitt mill-aktar fis possibbli;

12.    Jistieden lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lill-VP/RGħ Federica Mogherini jappellaw għall-ħelsien immedjat tad-dimostranti li ġew arrestati arbitrarjament mindu bdew il-protesti;

13.    Jistieden lill-Kunsill jadotta sanzjonijiet immirati u miżuri oħra kontra l-awtoritajiet u kull persuna oħra responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tad-dimostranti u l-oppożizzjoni demokratika;

14.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana u lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani.

 

(1)

Testi adottati, P7_TA(2014)0176.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2014)0106.

(3)

ĠU C 258E, 7.9.2013, p. 84.

Avviż legali - Politika tal-privatezza