Proċedura : 2015/2582(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0245/2015

Testi mressqa :

B8-0245/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 12/03/2015 - 8.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 135kWORD 72k
9.3.2015
PE552.224v01-00
 
B8-0245/2015

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela (2015/2582(RSP))


Fabio Massimo Castaldo, Ignazio Corrao, Piernicola Pedicini, Dario Tamburrano, Rolandas Paksas, Valentinas Mazuronis f'isem il-Grupp EFDD

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela (2015/2582(RSP))  
B8‑0245/2015

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Venezwela,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–       wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li l-Venezwela hi firmatarja tiegħu,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tat-28 ta' Marzu u tal-15 ta' April 2014 tal-Kelliemi tal-eks Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP / RGħ) Catherine Ashton dwar il-bidu ta' djalogu fil-Venezwela,

–       wara li kkunsidra l-Osservazzjonijiet Konklużivi tal-Kumitat tan-NU kontra t-Tortura fil-Venezwela tal-24 ta' Novembru 2014,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-24 ta' Frar 2015 tal-Kelliemi tal-VP / RGħ Federica Mogherini dwar l-arrest tas-Sindku ta' Karakas Antonio Ledezma u s-sitwazzjoni fil-Venezwela,

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mis-Segretarju Ġenerali tal-Unjoni tan-Nazzjonijiet tal-Amerika t'Isfel (UNASUR), l-eks President tal-Kolombja Ernest Samper dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-20 ta' Ottubru 2014 mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Zeid Ra’ad Al Hussein,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi hemm livelli għolja ta' vjolenza, inkluż vjolenza politika, fil-Venezwela;

B.     billi Kluivert Roa, żagħżugħ ta' 14-il sena, li skont missieru fl-24 ta' Frar 2015 inżerta kien hemm b'kumbinazzjoni, la kien favur u lanqas kontra l-gvern, intlaqat b'tir ġo rasu li ħallih mejjet waqt dimostrazzjonijiet fil-belt ta' San Cristóbal fil-punent tal-Venezwela;  

C.     billi l-arrest u d-detenzjoni ta' dan l-aħħar tas-Sindku ta' Karakas u mexxej tal-oppożizzjoni Antonio Ledezma, hi sors ta' allarm, kif inhuma rapporti ta' allegata intimidazzjoni u trattrament ħażin ta' mexxejja oħra tal-oppożizzjoni li jinsabu l-ħabs kif ukoll ta' studenti li pparteċipaw fil-protesti tas-sena l-oħra; billi hemm riskju li s-sitwazzjoni ġenerali tkompli tiggrava s-sitwazzjoni diġà mqanqla fil-pajjiż;

D.     billi l-polarizzazzjoni politika dejjem tiżdied, il-kriżi ekonomika u l-iskarsezza tal-prodotti fil-Venezwela huma kwistjonijiet ta' tħassib kbir li jipperikolaw serjament l-istabilità tal-pajjiż fir-rigward tal-assigurazzjoni ta' futur paċifiku;

E.     billi l-President Nicolas Maduro ddikkjara li sa mill-elezzjoni tiegħu fl-2013, kien hemm ħames attentati ta' qtil fuqu u għadd imdaqqas ta' sabutaġġi u ta' komplotti kontrih;

F.     billi l-Venezwela hi l-ħames l-akbar pajjiż fid-dinja li jesporta ż-żejt u għandu l-akbar riservi taż-żejt fid-dinja;

G.     billi l-mudell ekonomiku tal-Venezwela, li jinvolvi tqassim mill-ġdid u investiment fi programmi soċjali, għadu jiddependi ferm fuq id-dħul miż-żejt;

H.     billi l-mewġa attwali ta' vjolenza sovversiva qed isseħħ fi żmien meta l-awtoritajiet Venezwelani qed jintensifikaw miżuri biex jikkumbattu d-diversi forom ta' spekulazzjoni u ta' gwerra ekonomika li qed jaffettwaw lill-pajjiż;

I.      billi t-talbiet leġittimi għal bidla jeħtieġ li jkunu indirizzati permezz ta' dibattitu paċifiku li jinvolvi lill-atturi politiċi, tas-soċjetà ċivili u atturi oħra kollha kkonċernati;

J.      billi l-libertà tal-espressjoni u d-dritt li tipparteċipa f'dimostrazzjonijiet paċifiċi huma fundametali għad-demokrazija; billi ma jistax ikun hemm ugwaljanza u ġustizzja għal kulħadd mingħajr rispett għal-libertajiet u d-drittijiet fundamentali ta' kull ċittadin;

K.     billi huwa biss ir-rispett għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u djalogu kostruttiv u li jirrispetta lil kulħadd, imwettqa fi spirtu ta' toleranza, li jistgħu jgħinu lill-pajjiż joħroġ minn din il-kriżi serja u jegħleb id-diffikultajiet futuri;

L.     billi kull arrest, u b'mod partikolari l-arrest ta' uffiċjal pubbliku elett, għandu jkun ibbażat fuq ordni ġuridika ċara, fuq akkużi verifikabbli u jkun segwit minn proċess ġust; billi l-preżunzjoni tal-innoċenza hija indispensabbli għal proċess ġuridiku xieraq;

M.    billi stat demokratiku m'għandux jikkriminalizza l-mexxejja tal-oppożizzjoni politika u għandu għalhekk jiggarantixxi l-parteċipazzjoni tas-setturi kollha fil-ħajja politika tal-pajjiż, kif ukoll jiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem ta' dawk li jiddikjaraw li jagħmlu parti mill-oppożizzjoni;

N.     billi l-allegazzjoni li qed jitħejja kolp ta' stat, l-hekk imsejħa 'Operación Jericó', hija akkuża gravi ħafna, u l-awtoritajiet kompetenti ta' kull stat għandhom l-obbligu li jiċċaraw u jimpedixxu tali operazzjoni;

O.     billi l-UNASUR bħala l-aktar organizzazzjoni reġjonali relevanti, segwiet l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni fil-Venezwela u ħabbret li se tibgħat missjoni lejn il-pajjiż li tikkonsisti mill-ministri tal-affarijiet barranin tal-Brażil, il-Kolombja u l-Ekwador, u li għandha tiġi segwita minn sessjoni straordinarja tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-UNASUR;

1.      Jikkundanna l-atti ta' vjolenza li seħħew matul id-dimostrazzjonijiet u, partikolarment, it-telf ta' ħajjiet li rriżulta minnhom; jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familja ta' Kluivert Roa, iż-żagħżugħ ta' 14-il sena li nqatel fl-24 ta' Frar 2015;

2.      Jinnota li wara l-mewt ta' Kluivert Roa, membru tal-pulizija ġie akkużat mill-prosekutur b'omiċidju intenzjonat, u appella għal proċess dovut; jinnota li l-membri tal-Gvern Venezwelan ikkundannaw il-qtil; jenfasizza l-fatt li armi fatali m'għandhom qatt jintużaw mill-forzi tas-sigurtà biex jikkontrollaw dimostrazzjonijiet pubbliċi;

3.      Jistieden lill-awtoritajiet Venezwelani jiżguraw li l-akkużi jkunu investigati malajr u b'mod imparzjali, b'rispett għall-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza u ta' proċess ġust;

4.      Ifakkar li hu essenzjali li l-libertà tal-espressjoni u d-drittijiet fundamentali jkunu rispettati, partikolarment f'sena li fiha se jsiru l-elezzjonijiet leġiżlattivi fil-Venezwela;

5.      Jitlob biex tintemm il-vjolenza u jinkoraġġixxi djalogu fl-ispettru politiku kollu li jiggarantixxi s-sikurezza pubblika u l-protezzjoni, flimkien ma' ritorn għall-paċi u n-normalità;

6.      Jappella għal investigazzjoni rapida u imparzjali tal-każijiet mhux solvuti kollha, b'mod partikolari fir-rigward tal-akkużi li saru kontra s-Sindku ta' Karakas; jitlob li jinħeles immedjatament jekk il-prosekuturi ma jressqux akkużi formali kontrih skont il-liġi u jekk l-allegazzjonijiet jirriżultaw li huma bla bażi, jew jekk l-akkużi ma jkunux ikkonfermati permezz ta' proċess imparzjali li jirrispetta bis-sħiħ l-istat tad-dritt;

7.      Jistieden lill-Gvern Venezwelan jaħdem mal-partiti politiċi kollha u mal-atturi tas-soċjetà ċivili biex jegħleb is-sitwazzjoni diffiċli fil-pajjiż u jindirizza t-tħassib leġittimu tal-poplu tal-Venezwela;

8.      Jilqa' l-inizjattivi mill-UNASUR u s-sħab reġjonali tal-Venezwela biex jappoġġaw u jippromovu medjazzjoni fil-pajjiż;

9.      Jistieden lill-awtoritajiet Venezwelani jiżguraw li gruppi armati jċedu immedjatament l-armi tagħhom u sabiex jxolju dawn il-gruppi, b'hekk itemmu l-impunità tagħhom, u jitolbu informazzjoni dwar reati mwettqa; jistieden lill-awtoritajiet Venezwelani jeħilsu lill-priġunieri kollha li nżammu b'mod arbitrarju, inklużi studenti, mexxejja tal-oppożizzjoni, ġurnalisti u dimostranti paċifiċi;

10.    Jitlob li r-reati kollha fil-kuntest ta' atti vjolenti li saru jkunu investigati bir-reqqa, u li dawk li wettquhom jittellgħu quddiem il-qrati u jingħataw kastig skont il-każ; jistieden lill-awtoritajiet Venezwelani jiżguraw andament xieraq tal-proċessi kollha, bi qbil mal-istandards internazzjonali;

11.    Jitlob lir-rappreżentanti tal-partiti kollha u l-membri tas-soċjetà Venezwelana jżommu l-paċi u l-kalma kemm fl-azzjonijiet kif ukoll fil-kliem;

12.    Ifakkar lill-Gvern Venezwelan li l-libertà tal-espressjoni u d-dritt ta' parteċipazzjoni f'dimostrazzjonijiet paċifiċi huma drittijiet fundamentali tal-bniedem f'kull demokrazija, kif rikonoxxut mill-Kostituzzjoni Venezwelana;

13.    Jilqa' l-isforzi kollha biex il-partijiet kollha jinġiebu madwar mejda, minħabba li djalogu sostnut u sinċier jirrapreżenta pass importanti biex ikun indirizzat it-tħassib leġittimu tal-poplu tal-Venezwela; jitlob lill-gvern nazzjonali, lill-mexxejja tal-oppożizzjoni, lill-istudenti u lis-soċjetà ċivili Venezwelana jibdew djalogu inklużiv, jaħdmu flimkien u immedjatament iwaqqfu kull forma ta' vjolenza u jaslu għal konsensus sabiex jegħlbu s-sitwazzjoni attwali;

14.    Ifakkar lill-Gvern tal-Venezwela fl-obbligu tiegħu li jiżgura s-sigurtà taċ-ċittadini kollha fil-pajjiż, indipendentement mill-opinjoni u l-affiljazzjonijiet politiċi tagħhom; ifakkar li r-rispett għall-prinċipju tas-separazzjoni tas-setgħat hu fundamentali għad-demokrazija;

15.    Jistieden lill-awtoritajiet Venezwelani jikkonfiskaw immedjatament l-armi tal-gruppi armati mhux ikkontrollati li huma favur il-gvern, ixoljuhom u jtemmu l-impunità tagħhom; jitlob għal kjarifika dwar l-imwiet li seħħew sabiex dawk li wettquhom jistgħu jinżammu responsabbli għall-azzjonijiet tagħhom;

16.    Jinkoraġġixxi lill-partijiet kollha, partikolarment lill-awtoritajiet Venezwelani, ifittxu djalogu paċifiku, ikunu disponibbli għat-taqsimiet kollha tas-soċjetà Venezwelana biex jiddefinixxu punti ta' konverġenza u jippermettu lill-atturi politiċi jiddiskutu l-aktar problemi serji li l-pajjiż qed jiffaċċja;

17.    Ifakkar fl-importanza tar-rwol tal-Venezwela fil-ħolqien u t-tisħiħ ta' proċess ta' kooperazzjoni u ta' integrazzjoni għall-benefiċċju tal-popli tal-Amerika Latina;

18.    Jiddispjaċih dwar l-eżistenza ta' ċensura tal-midja u tal-internet u l-fatt li l-aċċess għal uħud mill-blogs u n-netwerks soċjali hu limitat; ifakkar li r-rispett għall-pluraliżmu politiku, il-libertà tal-espressjoni u tal-opinjoni, il-protezzjoni tal-ġurnalisti kif ukoll settur tal-midja ħieles u indipendenti huma elementi fundamentali ta' proċess politiku demokratiku;

19.    Ifakkar fl-importanza tar-rispett għad-drittijiet bażiċi tal-bniedem u l-libertà tal-espressjoni fiċ-ċirkustanzi kollha, u jinkoraġġixxi lill-atturi kollha tas-soċjetà Venezwelana jimmiraw li jiksbu riżultati konkreti;

20.    Ifakkar li l-libertà tal-informazzjoni hu dritt fundamentali tal-bniedem, u jħeġġeġ lill-mezzi kollha tal-midja nazzjonali u internazzjonali jippreżentaw is-sitwazzjoni b'mod oġġettiv, jieħdu pożizzjoni imparzjali u jaġixxu b'mod responsabbli billi jkopru l-ġrajjiet b'mod ġust, preċiż u bilanċjat;

21.    Ifakkar li l-Artikolu 58 tal-Kostituzzjoni tal-Venezwela espliċitament jipprojbixxi ċ-ċensura tal-midja; jistenna ġurnaliżmu responsabbli f'isem il-midja, jikkundanna kull instigazzjoni ta' vjolenza mmexxija mill-midja u jitlob lill-midja żżomm lura milli twettaq tali azzjonijiet fil-futur;

22.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela u lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana.

 

Avviż legali - Politika tal-privatezza