Proċedura : 2015/2582(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0246/2015

Testi mressqa :

B8-0246/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 12/03/2015 - 8.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0080

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 140kWORD 77k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0236/2015
9.3.2015
PE552.225v01-00
 
B8-0246/2015

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela (2015/2582(RSP))


Francisco Assis, Victor Boștinaru, Carlos Zorrinho, Ramón Jáuregui Atondo, Elena Valenciano, Nicola Caputo, Juan Fernando López Aguilar, José Blanco López, Victor Negrescu, Viorica Dăncilă, Marlene Mizzi, Tanja Fajon, Miltiadis Kyrkos, Alessia Maria Mosca, Goffredo Maria Bettini, Andi Cristea, Tonino Picula, Sorin Moisă, Zigmantas Balčytis f'isem il-Grupp S&D

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela (2015/2582(RSP))  
B8‑0246/2015

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Diċembru 2014 dwar il-persekuzzjoni tal-oppożizzjoni demokratika fil-Venezwela(1),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela(2),

–       wara li kkunsidra l-istqarrijiet għall-istampa tal-24 ta' Frar 2015 tal-kelliem tar-Rappreżentant Għoli tal-UE, Federica Mogherini dwar l-arrest tas-Sindku ta' Karakas, Antonio Ledezma, u s-sitwazzjoni fil-Venezwela,

–       wara li kkunsidra l-istqarrija tal-kelliem tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tas-26 ta' Frar 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela,

–       wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa tas-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani tal-20 ta' Frar 2015 dwar id-detenzjoni tas-Sindku ta' Karakas,

–       wara li kkunsidra l-istqarrija tas-Segretarju Ġenerali tal-Unjoni tan-Nazzjonijiet tal-Amerika t'Isfel (UNASUR) tal-25 ta' Frar 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela u dwar il-mewt tal-istudent ta' 14-il sena Kluivert Roa,

–       wara li kkunsidra l-istqarrijiet għall-istampa tal-kelliem tar-Rappreżentant Għoli tal-UE ta' dak iż-żmien, Catherine Ashton, tat-28 ta' Marzu 2014 u l-15 ta' April 2014 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela,

–       wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar id-Detenzjoni Arbitrarja tas-26 ta' Awwissu 2014,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-20 ta' Ottubru 2014 mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar id-detenzjoni ta' dimostranti u persunaġġi politiċi fil-Venezwela,

–       wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas ta' Kooperazzjoni Interreġjonali konkluż fl-1999 bejn l-UE u l-Mercosur,

–       wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li l-Venezwela hi parti tiegħu,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi wara d-detenzjoni ta' politiċi eletti demokratikament, it-tneħħija tal-immunità leġiżlattiva ta' membri tal-Assemblea Ġenerali u l-priġunerija ta' personaġġi ewlenin tal-oppożizzjoni sa minn Frar 2014 qed ikunu hemm protesti fit-toroq tal-Venezwela;

B.     billi mill-inqas 44 persuna nqatlu sa minn Frar 2014, inkluż tifel ta' 14-il sena;

C.     billi wara l-protesti kontra l-gvern fi frar 2014, ħafna mid-demostranti ġew arrestati iżda 83 persuna kien għadhom qed jinżammu l-ħabs fi Frar 2015 u attwali qed jiġu proċessati fil-qrati għal allegat involviment fil-protesti;

D.     billi l-libertà tal-espressjoni u d-dritt li wieħed jipparteċipa f'dimostrazzjonijiet paċifiċi huma fundamentali għad-demokrazija; billi ma jistax ikun hemm ugwaljanza u ġustizzja għal kulħadd mingħajr ir-rispett għal-libertajiet u d-drittijiet fundamentali ta' kull ċittadin;

E.     billi huwa biss ir-rispett għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u djalogu kostruttiv u li jirrispetta lil kulħadd imwettaq fi spirtu ta' tolleranza, li jista' jgħin lill-pajjiż joħroġ minn din il-kriżi serja u jegħleb id-diffikultajiet futuri;

F.     billi l-"Mesa deDdialogo" (mejda ta' djalogu) bejn il-gvern u l-oppożizzjoni kien beda, u sfortunatament twaqqaf mingħajr ma rnexxielu jikseb riżultati;

G.     billi l-Venezwela kienet eletta fil-Kunsill tas-Sigurtá tan-NU f'Ottubru 2014;

H.     billi l-Venezwela ngħaqdet mal-blokk reġjonali tal-Mercosur f'Jannar tal-2012;

I.      billi l-Venezwela ffirmat il-Protokoll Addizzjonali tat-Trattat Kostituttiv tal-UNASUR dwar Impenn għad-Demokrazija u barra minn hekk approvat il-protokolli dwar l-impenn għad-demokrazija u l-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem meta saret membru sħiħ tal-Mercosur;

J.      billi l-UE qed tinnegozja Ftehim ta' Assoċjazzjoni mal-Mercosur, li jinkludi fih pilastru politiku, pilastru kummerċjali u pilastru ta' kooperazzjoni;

K.     billi f'Ġunju 2014 f'Karakas ġie organizzat skambju annwali mill-UE bejn id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-UE u dawk tal-Venezwela;

L.     billi l-UE qed tiffinanzja firxa wiesgħa ta' proġetti mal-Gvern tal-Venezwela u l-għaqdiet mhux governattivi bl-għan li jissaħħu d-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, b'mod partikolari taħt l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem;

M.    jeprimi l-kondoljanzi sinċiera tiegħu lill-qraba tad-dimostranti li tilfu ħajjithom, u jawgura l-fejqan ta' malajr lid-diversi persuni midruba;

1.      Jitlob lill-awtoritajiet tal-Venezwela biex jeħilsu immedjatament lis-Sindku elett demokratikament ta' Karakas, Antonio Ledezma, li qed jinżamm f'ħabs militari;

2.      Jitlob lill-Gvern tal-Venezwela jeħles lid-dimostranti politiċi u l-mexxejja tal-oppożizzjoni l-oħra kollha li qed jinżammu f'ħabsijiet militari, fejn qed jinżammu incommunicado; jistieden lill-awtoritajiet tal-Venezwela jirtiraw l-akkużi u l-mandati ta' arrest politikament motivati kontra l-mexxejja tal-oppożizzjoni;

3.      Jitlob li tintemm il-vjolenza, li qed tikkawża spiral ta' polarizzazzjoni, u li jkun hemm djalogu li jinvolvi l-ispettru politiku kollu għall-iżgurar tas-sikurezza pubblika u l-protezzjoni, biex jerġa' jkun hemm il-kalma u n-normalità;

4.      Jistieden lill-Gvern tal-Venezwela jiżgura li l-poplu ma jiġix ikkastigat talli jeżerċita d-drittijiet tiegħu ta' għaqda paċifika u libertà tal-espressjoni; jitlob lill-gvern jirrevoka r-Riżoluzzjoni 008610 ppubblikata dan l-aħħar, li tippermetti lill-forzi tas-sigurtá jużaw forza potenzjalment letali, b'arma tan-nar jew arma oħra b'potenzjal li toqtol, biex iwaqqfu l-protesti taċ-ċivili, b'mod li jmur kontra l-Artikolu 68 tal-Kostituzzjoni tal-Venezwela;

5.      Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-possibilità ta' aktar protesti li jwasslu għal aktar atti ta’ vjolenza, li jservu biss biex japprofondixxu d-distakk bejn il-pożizzjoni tal-gvern u dik tal-oppożizzjoni u jippolarizzaw saħansitra aktar l-iżviluppi politiċi sensittivi li qed iseħħu fil-Venezwela; jitlob lir-rappreżentanti tal-partijiet u t-taqsimiet kollha tas-soċjetà Venezwelana biex iżommu l-kalma kemm fl-azzjonijiet kif ukoll fil-kliem;

6.      Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Venezwela jżomm il-kundizzjonijiet biex il-pajjiż jagħmel l-elezzjonijiet parlamentari fl-2015, skont il-kalendarju previst; jitlob lill-partiti tal-oppożizzjoni jżommu l-ġlieda politika fil-konfini tal-ordni kostituzzjonali, u jirreżistu kwalunkwe pressjoni li jirradikalizzaw l-azzjonijiet tagħhom;

7.      Jistieden lill-Gvern tal-Venezwela sabiex jikkonforma mal-Kostituzzjoni tiegħu stess u l-obbligi internazzjonali fir-rigward tal-indipendenza tal-ġudikatura, id-dritt għal-libertà ta' espressjoni, assoċjazzjoni u għaqda paċifika, u d-dritt għall-pluraliżmu politiku, li huma pedamenti tad-demokrazija;

8.      Jitlob lill-Gvern tal-Venezwela jirrispetta l-konvenzjonijiet u l-protokolli tad-drittijiet tal-bniedem li l-pajjiż irratifika jew approva bħala membru sħiħ tal-UNASUR u l-Mercosur;

9.      Jistieden lill-Gvern tal-Venezwela jerġa' jqis id-deċiżjoni li ħa fl-2013 li jirtira mill-Konvenzjoni Amerikana tad-Drittijiet tal-Bniedem, u biex jieħu l-passi meħtieġa biex jerġa' lura fil-konvenzjoni;

10.    Jinkoraġġixxi lill-partijiet kollha jfittxu djalogu paċifiku, li jilħaq lit-taqsimiet kollha tas-soċjetà Venezwelana biex jiġu identifikati l-punti ta' konverġenza u jippermettu lill-atturi politiċi jiddiskutu l-aktar problemi serji li qed iħabbat wiċċu magħhom il-pajjiż;

11.    Ifakkar li r-rispett tal-prinċipju tas-separazzjoni tas-setgħat huwa fundamentali f'demokrazija, u li s-sistema ġudizzjarja ma tistax tintuża bħala arma politika; jistieden lill-awtoritajiet tal-Venezwela jiżguraw is-sigurtà taċ-ċittadini kollha fil-pajjiż, indipendentement mill-opinjoni u l-affiljazzjonijiet politiċi tagħhom;

12.    Jitlob lill-awtoritajiet tal-Venezwela jiżguraw li l-akkużi ta' komplotti allegati ta' kolpi kontra l-gvern jiġu investigati, bir-rispett dovut għall-prinċipju tal-preżunzjoni ta' innoċenza u għall-imparzjalitá;

13.    Jitlob lill-Gvern tal-Venezwela jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem, iwettaq investigazzjonijiet effettivi tal-ksur allegat tad-drittijiet tad-drittijiet tal-bniedem, u joħloq ambjent li fih id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u NGOs indipendenti jistgħu iwettqu l-ħidma leġittima tagħhom għall-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija;

14.    Jitlob li jsiru sforzi fil-livell reġjonali biex ikun faċilitat id-djalogu bejn il-partijiet kollha, b'mod partikolari bl-għajnuna tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani u kontribut mill-istati membri l-oħra tal-Mercosur;

15.    Jiddispjaċih dwar il-falliment tal-isforzi reċenti tas-Segretarju Ġenerali tal-UNASUR li jerġa' jniedi d-djalogu bejn il-gvern u l-membri tal-oppożizzjoni, li nbeda f'April 2014 biex jgħin lill-pajjiż jegħleb l-isfidi attwali u jiggarantixxi d-drittijiet tal-bniedem tal-Venezwelani kollha;

16.    Jinsab imħasseb dwar il-fatt li, f'sena ta' elezzjoni, l-oppożizzjoni politika kienet vittma ta' detenzjoni arbitrarja u attakki, li jistgħu jqajmu dubju kemm dwar il-leġittimità kif ukoll dwar l-eżitu tal-proċess elettorali;

17.    Jitlob lill-Gvern tal-Venezwela jiggarantixxi strettament newtralitá u trasparenza massima fir-regoli tal-proċess demokratiku sabiex jippermetti lill-partiti politiċi u lill-kandidati kollha jipparteċipaw u jagħmlu l-kampanja elettorali tagħhom f'kundizzjonijiet ugwali;

18.    Jistieden lill-pajjiżi ġirien aktar influenti biex jiffaċilitaw id-djalogu bejn l-oppożizzjoni u l-gvern, jirriżolvu l-każijiet pendenti tad-drittijiet tal-bniedem u jiggarantixxu rispett sħiħ għar-regoli demokratiċi fl-elezzjonijiet li ġejjin;

19.    Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' djalogu bilaterali formali bejn l-UE u l-Gvern tal-Venezwela, u jħeġġeġ aktar diskussjonijiet ad hoc dwar id-drittijiet tal-bniedem waqt laqgħat bejn id-Delegazzjoni tal-UE, l-ambaxxati tal-Istati Membri u l-awtoritajiet tal-Venezwela;

20.    Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' progress fin-negozjati tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Mercosur u jistieden liż-żewġ partijiet iniedu rawnd ġdid ta' negozjati u jsaħħu l-klawżola dwar id-djalogu politiku u tad-drittijiet tal-bniedem;

21.    Jitlob lis-SEAE, id-Delegazzjoni tal-UE u d-delegazzjonijiet tal-Istati Membri biex ikomplu josservaw l-investigazzjonijiet u l-proċessi tal-mexxejja tal-oppożizzjoni;

22.    Jitlob lill-UE tkompli tiffinanzja proġetti bl-għan li jissaħħu d-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, b'mod partikolari taħt l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem;

23.    Jenfasizza li l-Parlament għandu jibgħat delegazzjoni fir-reġjun biex tinġabar informazzjoni aġġornata dwar is-sitwazzjoni fil-post, u jinsab kunfidenti li d-delegazzjoni se tkun tista' twettaq il-missjoni tagħha mingħajr xkiel u skont l-iskeda;

24.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana u lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani.

 

 

(1)

Testi adottati, P8_TA(2014)0106.

(2)

Testi adottati, P7_TA(2014)0176.

Avviż legali - Politika tal-privatezza