Proċedura : 2015/2592(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0247/2015

Testi mressqa :

B8-0247/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 12/03/2015 - 8.4
CRE 12/03/2015 - 8.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0074

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 144kWORD 79k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0239/2015
9.3.2015
PE552.226v01-00
 
B8-0247/2015

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar l-omiċidju tal-kap tal-oppożizzjoni Russu Boris Nemtsov u l-istat tad-demokrazija fir-Russja (2015/2592(RSP))


Guy Verhofstadt, Johannes Cornelis van Baalen, Beatriz Becerra Basterrechea, Izaskun Bilbao Barandica, Dita Charanzová, Gérard Deprez, Marielle de Sarnez, Martina Dlabajová, Fredrick Federley, Juan Carlos Girauta Vidal, Antanas Guoga, Ivan Jakovčić, Petr Ježek, Kaja Kallas, Ilhan Kyuchyuk, Louis Michel, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Jozo Radoš, Frédérique Ries, Marietje Schaake, Pavel Telička, Ramon Tremosa i Balcells f'isem il-Grupp ALDE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-omiċidju tal-kap tal-oppożizzjoni Russu Boris Nemtsov u l-istat tad-demokrazija fir-Russja (2015/2592(RSP))  
B8‑0247/2015

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra ir-riżoluzzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja, b'mod partikolari r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2012 dwar l-istabbiliment ta' restrizzjonijiet komuni rigward il-viżi għal uffiċjali Russi involuti fil-każ ta' Sergei Magnitsky(1), ir-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar l-istat tad-dritt fir-Russja(2), tat-13 ta' Marzu 2014 dwar ir-Russja: l-għoti ta' sentenzi lil dimostranti involuti fl-avvenimenti ta' Pjazza Bolotnaya(3), u tat-23 ta' Ottubru 2014 dwar l-għeluq tal-NGO 'Memorial' (rebbieħa tal-Premju Sakharov2009) fir-Russja(4), ir-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill tat-2 ta' April 2014 dwar l-istabbiliment ta' restrizzjonijiet komuni rigward il-viżi għal uffiċjali Russi involuti fil-każ ta' Sergei Magnitsky(5), u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2015 dwar ir-Russja, partikolarment il-każ ta' Alexei Navalny(6),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina, b'mod partikolari dik tas-15 ta' Jannar 2015(7),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat u s-Sħubija tal-Lvant (SL),

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi r-rispett għall-indipendenza, l-integrità territorjali, l-invjolabiltà tal-fruntieri u r-riżoluzzjoni paċifika ta' tilwim huma prinċipji ewlenin li r-Russja għandha l-obbligu li tirrispetta fid-dawl tar-ratifika tagħha tal-Karta tan-NU u tal-Att Finali ta' Ħelsinki tal-Konferenza dwar is-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (CSCE); billi l-prinċipji tad-demokrazija, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt huma impenji ewlenin relatati mas-sħubija tar-Russja fil-Kunsill tal-Ewropa, l-OSKE u n-NU;

B.     billi l-annessjoni tal-Krimea mir-Russja, u l-intervent militari u l-appoġġ tagħha għas-separatisti fl-Ukraina tal-lvant jiksru d-dritt internazzjonali, inkluż il-Karta tan-NU, l-Att Finali ta’ Ħelsinki u l-Ftehim ta’ Budapest tal-1994; billi dawn l-azzjonijiet jikkostitwixxu theddida mhux biss għall-unità u l-indipendenza tal-Ukraina iżda wkoll għall-kontinent Ewropew kollu kemm hu;

C.     billi l-Parlament esprima t-tħassib tiegħu f'bosta okkażjonijiet dwar l-istat tad-demokrazija fir-Russja, u dwar il-falliment sistematiku li jiġi rispettat l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet fundamentali; billi l-istat tad-dritt, l-istandards ta' proċess ġust, il-proċess dovut u l-indipendenza tal-ġudikatura mhumiex rispettati fir-Russja; billi l-aħħar elezzjonijiet presidenzjali u tad-Duma tal-Istat naqsu milli jilħqu l-istandards tal-OSKE;

D.     billi n-nuqqas ta' libertà tal-midja tagħmilha diffiċli għall-poplu Russu li jkollu aċċess għal informazzjoni li effettivament ma tkunx biss propaganda għall-politiki tal-gvern, inkluż barra mir-Russja;

E.     billi l-UE permezz tas-Sħubija għall-Modernizzazzjoni, ripetutament offriet assistenza u għarfien espert lir-Russja, għat-tisħiħ tal-istat tad-dritt, biex twettaq l-obbligi internazzjonali tagħha u tiżviluppa l-potenzjal ekonomiku sħiħ tagħha;

F.     billi l-UE fetħet negozjati mar-Russja dwar ftehim ġdid bejn l-UE u r-Russja, li kien se jagħti nifs ġdid lis-sħubija bilaterali; billi dawn in-negozjati ġew sospiżi b'reazzjoni għall-annessjoni illegali tal-Krimea mir-Russja u għad-destabilizzazzjoni kontinwa fl-Ukraina;

G.     billi l-forzi militari Russi huma preżenti fuq it-territorju rikonoxxut internazzjonalment tal-Georgia u l-Moldova, bi ksur tal-liġi internazzjonali;

1.      Jiddeplora l-omiċidju ta' Boris Nemtsov, li kien deputat Prim Ministru tal-Federazzjoni Russa u politiku ewlieni tal-moviment tal-oppożizzjoni RPR-Parnas, jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familja tiegħu u l-qraba tiegħu u jappella għal inkjesta indipendenti sabiex dawk responsabbli jinġiebu quddiem il-ġustizzja;

2.      Jindika li dan l-omiċidju hu wieħed fost numru dejjem akbar ta' omiċidji u ta' mwiet suspettużi mhux solvuti b'motivazzjoni politika mwettqa fir-Russja sa mill-1998, inkluż dawk tal-ġurnalista investigattiva Anna Politkovskaia, l-avukat Stanislav Markelov, il-ġurnalista Anastasiia Baburova, id-difensur tad-drittijiet tal-bniedem Natalia Estemirova, l-avukat Sergei Magnitskii, u issa tal-politiku Boris Nemtsov;

3.      Jinsab allarmat bl-atmosfera ta' mibegħda fil-konfront tal-attivisti tal-oppożizzjoni, tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, tal-minoranzi u n-nazzjonijiet tal-viċinat, li qed tiżdied fir-Russja fis-snin reċenti, istigata mill-propoaganda tal-istat u mill-midja tal-istat bħala parti minn kultura politika li tbiegħed lilha nnifisha minn prinċipji demokratiċi;

4.      Jinsab imħasseb mid-deterjorament sistematiku tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt fir-Russja bħala riżultat tal-isforzi mill-awtoritajiet tal-istat biex isikktu l-libertà tal-kelma, jostakolaw l-attivitajiet tal-oppożizzjoni, jirreaġixxu bl-użu ta' ripressjoni għal kwalunkwe attività immirata biex tinkixef il-korruzzjoni fost l-elite politika u ekonomika u biex toħnoq l-attivitajiet tas-soċjetà ċivili; jikkundanna l-intimidazzjoni tal-vuċijiet kritiċi permezz ta' vjolenza, proċessi, tfigħ il-ħabs u miżuri oħrajn użati mill-Istat, u r-restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-istmapa u l-libertà tal-internet;

5.      Jiddispjaċih għall-fatt li s-sistema ġudizzjarja Russa qed tintuża ħażin bħala strument ta' poter li jgħatti arresti, proċessi b'motivazzjoni politika, u tfigħ il-ħabs b'kunċett ta' legalità u li jkopri l-impunità ta' dawk fil-poter;

6.      Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar it-tnaqqis serju fir-ritmu ekonomiku fir-Russja, li hu primarjament minħabba t-tnaqqis fil-prezzijiet tal-enerġija u l-ambjent ta' investiment mhux trasparenti, li hu mxekkel mill-korruzzjoni u mgħawweġ biex jaħdem favur l-interessi tal-elite politika Russa, iżda li hu aggravat ukoll mis-sanzjonijiet ekonomiċi imposti fuq ir-Russja;

7.      Ifakkar lir-Russja dwar l-obbligi tagħha bħala Membru tal-Kunsill tal-Ewropa;

8.      Jikkundanna bil-qawwa l-okkupazzjoni illegali u l-annessjoni tal-Krimea u l-involviment sostnut tar-Russja fil-ġlied fil-lvant tal-Ukraina; iħeġġeġ lir-Russja taċċetta li hi parti mill-kunflitt u biex din timplimenta bis-sħiħ il-ftehim Minsk II, inkluż l-irtirar sħiħ tal-assi u tal-forzi militari tagħha mit-territorju tal-Ukraina u biex ittemm kompletament l-appoġġ militari u l-forniment ta' provvisti lis-separatisti;

9.      Jieħu nota tal-iskambju parzjali ta' priġunieri tal-gwerra u jitlob liż-żewġ naħat biex jirrilaxxaw, kif miftiehem f'Minsk, il-priġunieri kollha, inkluż Nadiia Savchenko, li qed tinżamm mill-awtoritajiet Russi f'ħabs f'Moska;

10.    Iħeġġeġ rwol aktar attiv mill-UE fl-OKSE; jappella għal mandat aktar b'saħħtu għall-osservaturi tal-OSKE fl-Ukraina tal-lvant sabiex jissorveljaw l-implimentazzjoni tal-ftehimiet ta' Minsk, inkluż il-kontroll sħiħ tal-fruntiera bejn ir-Russja u l-Ukraina, u jippretendi li l-Istati Membri jwettqu l-impenji tagħhom li joffru persunal u tagħmir għall-missjoni tal-OSKE sabiex tkun tista' twettaq il-kompiti tagħha;

11.    Iwissi lir-Russja milli tkompli twettaq aktar attivitajiet ta' destabilizzazzjoni kontra l-ġirien tagħha, jindika l-impenn dikjarat tar-Russja li tfittex soluzzjoni paċifika għat-tilwim, u jħeġġeġ lir-Russja twettaq rwol attiv u kostruttiv f'organizzazzjonijiet komuni Ewropej, inkluż l-OSKE u l-Kunsill tal-Ewropa; itenni l-impenn tiegħu favur l-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-istati kollha fl-Ewropa u jinsisti fuq id-dritt tagħhom li jagħżlu l-alleanzi tagħhom b'mod ħieles;

12.    Iħeġġeġ lill-President tal-Kunsill Ewropew u lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli (VP/RGħ) biex ifasslu strateġija politika komprensiva li tippermetti lill-UE tikseb mill-ġdid l-inizjattiva u biex isegwu politika proattiva fir-rigward tar-Russja;

13.    Hu tal-fehma li din l-istrateġija tal-UE għandha tkun immirata biex twassal lir-Russja tirrispetta bis-sħiħ il-prinċipji tal-OSKE u tinċentiva lill-mexxejja tagħha jaqilgħu lir-Russja mill-awtoiżolament politiku u ekonomiku tagħha; iqis li din l-istrateġija għandha bżonn tkun ibbażata fuq approċċ fuq żewġ binarji: strateġija li tillimita l-isfidi mill-politika ta' konfrontazzjoni attwali tar-Russja u fl-istess ħin strateġija ta' parteċipazzjoni aktar profonda mal-poplu Russu u mas-soċjetà ċivili, b'enfasi aktar qawwi fuq id-drittijiet tal-bniedem tal-poplu fir-Russja;

14.    Jemmen li r-Russja tibqa' attur globali importanti u li hu fl-interess strateġiku tal-UE u tar-Russja li jrattbu l-pożizzjoni tagħhom u jniedu mill-ġdid ir-relazzjonijiet bejniethom, permezz tad-diplomazija u l-medjazzjoni, abbażi tar-rispett għad-dritt internazzjonali u tal-impenji tal-OSKE;

15.    Iħeġġeġ lill-VP/RGħ, skont l-ewwel binarju strateġiku, tfassal sanzjonijiet ulterjuri, immirati lejn setturi ekonomiċi ewlenin u uffiċjali responsabbli fis-servizz tal-istat Russu u lil hinn, għal ksur tad-dritt internazzjonali u tal-integrità territorjali tal-istati tal-viċinat, sabiex il-Kunsill Ewropew u il-Kunsill jitħallew jadottaw minnufih dawn is-sanzjonijiet jekk tinkiser il-linja tal-waqfien mill-ġlied miftehma f'Minsk jew f'każ ta' ksur ta' kwalunkwe ftehim internazzjonali ieħor; hu tal-fehma li dawn is-sanzjonijiet ulterjuri għandhom ikunu mmirati partikolarment fuq is-setturi tal-enerġija u finanzjarji; itenni li s-sanzjonijiet adottati s'issa huma riversibbli u skalabbli, skont l-implimentazzjoni tal-ftehimiet ta' Minsk u s-sitwazzjoni fil-post;

16.    Jirreferi għar-rakkomandazzjoni tiegħu tat-2 ta' April 2014 dwar l-istabbiliment ta' restrizzjonijiet komuni tal-viżi għall-uffiċjali Russi involuti fil-każ ta' Sergei Magnitskii u jħeġġeġ lill-VP/RGħ u l-Kummissjoni biex iressqu l-inizjattiva relevanti fil-Kunsill mingħajr dewmien; hu tal-fehma li għandhom jitqiesu miżuri restrittivi immirati fuq il-persuna, f'każ li ma jkun hemm l-ebda investigazzjoni kredibbli dwar l-omiċidju ta' Boris Nemtsov;

17.    Hu tal-fehma li s-sanzjonijiet għandhom jitnaqqsu b'mod gradwali u tkun żviluppata l-kooperazzjoni darba li r-Russja timplimenta bis-sħiħ il-ftehimiet ta' Minsk, tikkontribwixxi għal soluzzjoni paċifika tal-kunflitt fl-Ukraina tal-lvant u tirrispetta bis-sħiħ l-impejni tagħha fl-OSKE, inkluż l-integrità territorjali, l-indipendenza u s-sovranità tal-ġirien tagħha;

18.    Jitlob lill-VP/RGħ tiżviluppa, b'koordinazzjoni mal-Kummissjoni, possibilitajiet għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni diretta mal-popolazzjoni Russa, mal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, l-istituzzjonijiet xjentifiċi u kulturali u mas-soċjetà ċivili;

19.    Jieħu nota tas-sospensjoni tan-negozjati dwar l-iffaċilitar tal-viżi, u jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffaċilitaw il-ħruġ tal-viżi għal ċittadini Russi li mhumiex fil-mira tal-miżuri restrittivi tal-UE jew tal-Istati Uniti sabiex jissaħħu l-iskambji tal-istudenti u tax-xjenzati, u l-kuntatti kummerċjali u tas-soċjetà ċivili; jissottolinja li l-UE u l-Istati Membri għandhom ambitu biżżejjed biex jiffaċilitaw ir-regoli tal-viżi b'mod unilaterali;

20.    Iħeġġeġ lill-VP/RGħ teżamina, b'kooperazzjoni mal-Kummissjoni, modi possibbli għall-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Unjoni Dognali EwroAsjatika;

21.    Jenfasizza l-importanza li jingħata appoġġ politiku, ekonomiku u finanzjarju lill-Ukraina, il-Moldova u l-Georgia, li b'mod demokratiku ddeċidew li jiffirmaw Ftehim ta' Assoċjazzjoni mal-UE, li tingħata għajnuna fl-isforzi għal riforma tal-gvernijiet tagħhom u li titmexxa 'l quddiem il-kooperazzjoni settorjali, partikolarment fir-rigward tal-enerġija, il-ġustizzja u l-affarijiet interni u l-ambjent; jissottolinja l-bżonn ta' proċedura dettaljata għall-kontroll ex ante u ex post tat-twettiq tal-miri maqbula b'mod komuni bejn il-partijiet;

22.    Iħeġġeġ lill-VP/RGħ biex toħloq pjan ta' aġġornament tal-komunikazzjoni strateġika tal-UE, sabiex din titratta b'mod effettiv id-disinformazzjoni u jingħata appoġġ għall-iżvilupp, fl-UE u fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, ta' inizjattivi tal-midja fil-lingwa Russa;

23.    Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi abbozz ta' leġiżlazzjoni li tipprojbixxi l-finanzjament tal-partiti politiċi fl-UE minn partijiet interessati politiċi jew ekonomiċi esterni għall-UE;

24.    Jindika l-importanza li titnaqqas id-dipendenza għall-enerġija tal-UE minn pajjiżi awtoritarji li jesportaw iż-żejt u l-gass, it-tisħiħ tad-diversifikazzjoni enerġetika tagħha, u l-iktar importanti, l-iffinalizzar tal-Unjoni għall-Enerġija bit-tisħiħ tal-qafas regolatorju komuni, l-iffinalizzar tal-grid tal-enerġija bil-bini ta' interkonnetturi tal-enerġija u bl-adozzjoni ta' mekkaniżmu komuni għan-negozjati ma' pajjiżi terzi;

25.    Iħeġeġġ lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-liġi tal-kompetizzjoni eżistenti li tissepara lis-sidien tal-infrastruttura tal-enerġija mill-produtturi tal-enerġija, inkluż fil-każ tal-fluss invers tal-gass mis-Slovakkja sal-Ukraina;

26.    Jissottolinja l-fatt li l-iżviluppi fil-Viċinat tal-Lvant juru l-bżonn ta' unità tal-UE u biex l-Istati Membri iżidu n-nefqa għad-difiża u l-kapaċitajiet tagħhom, u dwar il-bżonn li tkun żviluppata politika ta' sigurtà komuni u ta' difiża għal kooperazzjoni reali u tanġibbli fid-difiża;

27.    Jikkundanna l-ħtif illegali ta ' uffiċjal tas-sigurtà Estonjan mit-territorju Estonjan lejn ir-Russja u jtenni t-talbiet tiegħu lill-awtoritajiet Russi sabiex immedjatament jeħilsu lis-Sur Kohver u jippermettulu ritorn sikur lejn l-Estonja;

28.    Itenni t-talba tiegħu li dawk responsabbli għat-twaqqigħ tat-titjira MH17 għandhom jitressqu quddiem il-ġustizzja Ukraina jew dik internazzjonali;

29.    Jissottolinja l-fatt li l-approvazzjoni tar-Russja għall-irkupru sħiħ tar-relitt u tal-kaxxi s-suwed mis-sit tat-tiġrif tat-titjira TU154 tal-Forza tal-Ajru Pollakka sservi bħala miżura ta' bini tal-fiduċja;

30.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lid-Duma tal-Istat Russu u lill-Kunsill tal-Federazzjoni u lill-Gvern u l-President Russu.

 

(1)

ĠU C 68E, 7.3.2014, p. 13.

(2)

Testi adottati, P7_TA(2013)0284.

(3)

Testi adottati, P7_TA(2014)0253.

(4)

Testi adottati, P8_TA(2014)0039.

(5)

Testi adottati, P7_TA(2014)0258.

(6)

Testi adottati, P8_TA(2015)0006.

(7)

Testi adottati, P8_TA(2015)0011.

Avviż legali - Politika tal-privatezza