Proċedura : 2015/2592(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0248/2015

Testi mressqa :

B8-0248/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 12/03/2015 - 8.4
CRE 12/03/2015 - 8.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 132kWORD 64k
9.3.2015
PE552.227v01-00
 
B8-0248/2015

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar l-omiċidju tal-kap tal-oppożizzjoni Russu Boris Nemtsov u l-istat tad-demokrazija fir-Russja (2015/2592(RSP))


Merja Kyllönen, Helmut Scholz, Marie-Christine Vergiat, Patrick Le Hyaric f'isem il-Grupp GUE/NGL

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-omiċidju tal-kap tal-oppożizzjoni Russu Boris Nemtsov u l-istat tad-demokrazija fir-Russja (2015/2592(RSP))  
B8‑0248/2015

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi Boris Nemtsov, xjentist u statist Russu u wieħed mill-aktar politiċi tal-oppożizzjoni liberali importanti, inqatel b'arma tan-nar fuq pont maġenb il-Kremlin fl-aħħar sigħat tas-27 ta' Frar 2015; billi l-awtoritajiet Russi qalu li l-omiċidju deher li kien wieħed fuq ordni ta' xi ħadd; billi għexieren ta' eluf ta' persuni pparteċipaw fil-protesta biex jonoraw il-politiku tal-oppożizzjoni Boris Nemtsov;

B.     billi l-adozzjoni ta' liġijiet ġodda dwar ir-reġistrazzjoni tal-partiti politiċi, il-finanzjament ta' NGOs, id-dritt ta' assemblea, l-estremiżmu, id-diffamazzjoni u r-restrizzjonijiet li jiffiltraw l-internet wara l-mobilizzazzjoni miżjuda tas-soċjetà ċivili u d-dimostrazzjonijiet tal-massa fl-2011 u l-2012, kkontribwiet b'mod sinifikanti għad-deterjorament tal-klima fir-rigward tal-iżvilupp ta' soċjetà ċivili ġenwina fir-Russja; billi l-liġi dwar "l-aġenti barranin" tibqa' suġġett ta' tħassib serju;

C.     billi s-sitwazzjoni tal-oppożizzjoni ekstraparlamentari fir-Russja saret estremament diffiċli; billi diversi proċessi u proċedimenti ġudizzjarji f'dawn l-aħħar snin, inkluż il-każijiet Magnitsky, Khodorkovsky u Navalny, u n-nuqqas milli jinstab u jitressaq il-qorti min wettaq l-omiċidju ta' Anna Politkovsky tefa' dubju dwar id-disponibbiltà tal-klassi politika u s-soċjetà tar-Russja biex tistabbilixxi sistema verament demokratika fejn hemm spazju għall-fehmiet politiċi differenti;

1.      Jikkundanna b'qawwa l-assassinju ta' Boris Nemtsov, u jestendi l-kondoljanzi sinċiera tiegħu lill-familja u l-ħbieb tiegħu;

2.      Jistieden lill-awtoritajiet Russi jagħmlu l-almu tagħhom biex iressqu lill-qattiela quddiem il-ġustizzja; iħeġġeġ sabiex l-investigazzjoni tkun trasparenti, fid-dettall u determinata;

3.      Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-klima ta' rabja u intolleranza li qiegħda tiżviluppa f'ħafna partijiet tal-Ewropa illum, inkluż il-Federazzjoni Russa; jitlob sforzi magħquda mill-forzi politiċi responsabbli kollha biex iwaqqfu dan l-iżvilupp perikoluż; jenfasizza li l-bidu mill-ġdid ta' djalogu kostruttiv bejn l-UE u r-Russja jkun kontribut importanti għal dan il-għan;

4.      Jenfasizza li ma hemmx objettiv politiku li jista' jiġġustifika l-omiċidju ta' persuna abbażi tal-interessi politiċi; jiddenunzja bħala politikament irresponsabbli s-sejħa mġedda għal "kolp qawwi fir-Russja" mill-politiku liberali Garry Kasparov immedjatament wara l-omiċidju tal-politiku tal-oppożizzjoni Boris Nemtsov; jistieden lill-forzi politiċi kollha li jżommu lura milli jużaw l-omiċidju ta' Nemtsov għall-finijiet politiċi tagħhom;

5.      Jikkritika b'mod espliċitu l-kampanja attwali mill-partijiet tal-midja u l-atturi politiċi fl-UE li jużaw l-omiċidju ta' Nemtsov għall-finijiet politiċi; ifakkar, f'dan il-kuntest, l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem;

6.      Jinsab imħasseb ħafna dwar il-gwerra ta' propoganda għaddejja bejn ir-Russja u l-Ukraina, l-UE u l-Istati Uniti u l-implikazzjonijiet għall-atmosfera fis-soċjetajiet rispettivi; jistieden b'urġenza lill-gvernijiet u l-parlamenti jwaqqfu din il-gwerra ta' propoganda u joħolqu l-kundizzjonijiet għall-pluraliżmu fil-mezzi tal-komunikazzjoni;

7.      Jiddeplora b'mod qawwi n-nuqqas tal-awtoritajiet Russi biex jirrispondu għall-kritika kemm fi ħdan il-Federazzjoni Russa kif ukoll fix-xena internazzjonali tal-Liġi dwar l-Aġenti Barranin, u l-adozzjoni tagħhom minflok emendi li jkomplu jirrestrinġu aktar il-possibbiltajiet li organizzazzjonijiet mhux kummerċjali jaġixxu u huma diskriminatorji min-natura tagħhom; jistieden bil-qawwa lir-Russja biex tagħmel eżami tal-leġiżlazzjoni rilevanti bl-iskop li tilħaq l-obbligi internazzjonali tagħha fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet demokratiċi;

8.      Jesprimi tħassib serju dwar il-kundizzjonijiet li marru għall-agħar b'mod drammatiku għas-soċjetà ċivili fir-Russja; jistieden bil-qawwa lill-Gvern Russu u l-Parlament Russu biex ireġġgħu lura t-tendenza attwali u jimpenjaw ruħhom fil-promozzjoni ta' soċjetà ċivili kritika;

9.      Jenfasizza li l-Federazzjoni Russa, bħala Stat Membru tal-Kunsill tal-Ewropa li ffirma u rratifika l-Protokoll Nru 6 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, hija soġġetta għal obbligu internazzjonali ċar li jipprojbixxi l-piena tal-mewt; huwa mħasseb dwar id-dibattitu li nbeda mid-deputati tad-Duma dwar bidla fil-kostituzzjoni Russa li tippermetti lill-awtoritajiet tal-Federazzjoni Russa li jirrevokaw obbligi li huma statutorji taħt il-liġi internazzjonali u jintroduċu mill-ġdid il-piena tal-mewt għall-hekk imsejħa reati politiċi;

10.    Jitlob tmiem immedjat tal-atti kollha ta' intimidazzjoni politikament motivati, inkluż fil-livell ġudizzjarju; jinsisti, għaldaqstant, li l-organizzazzjonijiet kollha tas-soċjetà ċivili, inklużi l-membri u l-kelliema tagħhom, li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem, jippromwovu drittijiet ugwali u għaldaqstant ma jistgħux jiġu kklasifikati bħala razzisti, ksenofobiċi jew neofaxxisti, iridu jkunu kapaċi jwettqu l-attivitajiet leġittimi tagħhom mingħajr interferenzi;

11.    Jisħaq li l-politiki tal-UE attwali kontra l-iżolament tar-Russja qegħdin jikkontribwixxu għal u jippromwovu interpretazzjoni mill-ġdid tad-drittijiet tal-bniedem, ibbażata ideoloġikament u politikament, bħala qasam tal-ġlieda għall-poter u huma għaldaqstant kontroproduttivi u għandhom jiġu mreġġa' lura; itenni li l-Federazzjoni Russa tibqa' sieħba strateġika għall-UE u l-Istati Membri tagħha, speċjalment mill-perspettiva li jkun hemm rispons għan-numru dejjem jikber ta' sfidi globali kif ukoll Ewropej u sforzi komuni għall-preservazzjoni tal-paċi dinjija u d-distensjoni u l-prevenzjoni ta' ċiklu ġdid ta' tellieqa għall-armi;

12.    Jistieden lir-RGħ/VP, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jibqgħu lura mill-passi kollha li jistgħu jkomplu jżidu u jeskalaw is-sitwazzjoni politika interna msaħħna attwali tar-Russja, u biex jerġgħu jiftħu l-kanali u formati differenti eżistenti kollha ta' taħdidiet għal djalogu politiku wiesa' mal-Federazzjoni Russa;

13.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, u lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa.

 

Avviż legali - Politika tal-privatezza