Proċedura : 2015/2592(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0249/2015

Testi mressqa :

B8-0249/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 12/03/2015 - 8.4
CRE 12/03/2015 - 8.4

Testi adottati :

P8_TA(2015)0074

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 136kWORD 66k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0239/2015
9.3.2015
PE552.228v01-00
 
B8-0249/2015

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar ir-Russja, partikolarment il-każ ta' Boris Nemtsov (2015/2592(RSP))


Charles Tannock, Ryszard Antoni Legutko, Ryszard Czarnecki, Anna Elżbieta Fotyga, Tomasz Piotr Poręba, Roberts Zīle, Jussi Halla‑aho, Ruža Tomašić f'isem il-Grupp ECR

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-Russja, partikolarment il-każ ta' Boris Nemtsov (2015/2592(RSP))  
B8‑0249/2015

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2013 dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat: ħidma favur sħubija aktar b'saħħitha – il-pożizzjoni tal-PE dwar ir-rapporti ta' progress 2012(1),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, partikolarment dik tat-23 ta' Ottubru 2014 dwar l-għeluq tal-NGO 'Memorial' (rebbieħ tal-Premju Sakharov2009) fir-Russja(2),

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Samit tas-Sħubija tal-Lvant f'Vilnius fid-29 ta' Novembru 2013,

–       wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-Russja, partikolarment l-Artikolu 118 tagħha, li jiddikjara li l-ġustizzja fil-Federazzjoni Russa għandha tiġi amministrata biss mill-qrati, u l-Artikolu 120 tagħha, li jistipula li l-imħallfin huma indipendenti u huma subordinati biss għall-Kostituzzjoni Russa u għad-dritt federali,

–       wara li kkunsidra l-konsultazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja dwar id-drittijiet tal-bniedem,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-4 ta' Marzu 2014 mill-Ombudsman tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Federazzjoni Russa, Vladimir Lukin, dwar dimostrazzjonijiet pubbliċi f'Moska u l-passi meħuda mill-aġenziji tal-infurzar tal-liġi,

–       wara li kkunsidra l-miżuri tal-Indiċi tal-Perċezzjonijiet tal-Korruzzjoni għall-2014 minn Transparency International u l-livelli ta' perċezzjoni tal-korruzzjoni tas-settur pubbliku fir-Russja,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.     billi Boris Nemtsov, personalità prominenti tal-politika Russa u tal-oppożizzjoni tal-President Vladimir Putin, inqatel b'tiri f'Moska qrib il-Kremlin fis-27 ta' Frar 2015;

B.     billi l-qtil ta' Boris Nemtsov jissimbolizza kontinwazzjoni ta' opppressjoni mhix xierqa lejn l-oppożizzjoni politika fir-Russja, u t-tkomplija tad-degradazzjoni tal-istat tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt fir-Russja;

C.     billi Nemtsov kien meqjus bħala wieħed mill-mexxejja tal-oppożizzjoni l-aktar mibgħuda mill-Kremlin u koawtur ta' rapporti li jikxfu każijiet ta' korruzzjoni u ta' abbużi tas-setgħa minn Vladimir Putin u minn persuni ferm qrib tiegħu, u billi kien wasal biex jippubblika l-aktar xogħol reċenti tiegħu dwar il-parteċipazzjoni tas-suldati Russi fit-territorju tal-Ukraina; billi eżatt wara l-mewt ta' Nemtsov, is-servizz tas-sigurtà Russu daħlu fl-appartment u fl-uffiċċju tiegħu u ħadu dokumenti u hard drives;

 

D.     billi l-każijiet ta' qtil ta' kritiċi tal-President Putin Anna Politkovskaia, Aleksandr Litvinenko, Zelimkhan Yandarbiyev, Stanislav Markelov, Natalia Eastemirova, Sergei Iushenkov u Iurii Shchekochikhin u l-qtil ta' Sergei Magnitskii jirrakuntaw storja ta' tħassib dwar l-istat tad-demokrazija fir-Russja;

E.     billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja marret għall-agħar tul dawn l-aħħar snin u billi l-awtoritajiet Russi adottaw sensiela ta' liġijiet b'dispożizzjonijiet ambigwi u li qed jintużaw biex ipoġġu aktar restrizzjonijiet fuq l-atturi tal-oppożizzjoni u tas-soċjetà ċivili, u b'hekk ixekklu l-libertajiet tal-espressjoni u tal-għaqda;

F.     billi l-istat tal-ġudikatura fir-Russja hu tal-biża', b'imħallfin li m'humiex indipendenti u imparzjali u hemm nuqqas kważi totali ta' rispett għad-drittijiet tal-konvenuti;

G.     billi t-tifrik u l-kaxxi s-suwed tal-ajruplan Tu-154 tal-Gvern Pollakk, li kkraxxja qrib Smolensk f'April 2010 u qatel lill-President Pollakk u membri prominenti politiċi, militari u kulturali, għadhom f'idejn ir-Russja; billi l-awtoritajiet Russi qed jirrifjutaw li jirriturnawhom lill-Polonja minkejja d-diversi appelli biex dan iseħħ;

H.     billi l-Federazzjoni Russa bħala membru sħiħ tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), ħadet l-impenn favur il-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem;

I.      billi l-awtoritajiet Russi qed iwessgħu l-programmi tagħhom ta' sorveljanza tal-massa, li qed jipprovduhom b'għodda ferm qawwija li tista' tintuża biex tissorvelja u topprimi ilħna ta' oppożizzjoni;

1.      Jikkundanna bil-qawwa l-qtil ta' Boris Nemtsov, u jfakkar li l-qtil ta' Nemtsov kien biss każ ieħor ta' qtil motivat politikament fir-Russja, dirett biex isikket il-kritiċi tal-President Vladimir Putin u ta' personalitajiet politiċi prominenti tal-oppożizzjoni Russa;

2.      Jitlob għal investigazzjoni internazzjonali dwar il-qtil ta' Boris Nemtsov, għaliex jidher li dan hu l-uniku mod li bih dawk responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja; jenfasizza l-fatt li kemm iċ-ċirkustanzi kif ukoll il-post tal-qtil – żona ta' Moska taħt is-sorveljanza kostanti tal-forzi speċjali tas-sigurtà – jindikaw l-involviment ta' professjonisti imħarrġa sew fil-qtil;

3.      Jieħu nota tal-arrest ta' erba' suspettati ta' oriġini Ċeċena mħabbar mill-awtoritajiet Russi;

4.      Jistieden lill-Gvern Russu jirrispetta d-drittijiet taċ-ċittadini kollha li jeżerċitaw il-libertajiet fundamentali tagħhom, bħal-libertà tal-espressjoni u tal-opinjoni, il-libertà tal-għaqda u tal-assoċjazzjoni u d-drittijiet universali tal-bniedem;

5.      Ifakkar fl-importanza li r-Russja tikkonforma bis-sħiħ mal-obbligi legali internazzjonali tagħha, bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-OSKE, u mad-drittijiet fundamentali tal-bniedem u mal-istat tad-dritt kif minqux fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR);

6.      Jesprimi tħassib dwar in-nuqqas kontinwu ta’ progress fit-tressiq quddiem il-ġustizzja ta’ dawk responsabbli għall-mewt ta’ individwi fosthom ta' Sergei Magnitskii; iħeġġeġ lill-Kunsill jikkunsidra u jirrispondi għar-rakkomandazzjoni tal-Parlament ta' Ottubru 2012 li ssejjaħ għal sanzjonijiet immirati tal-UE kontra dawk identifikati bħala responsabbli għal-mewt ta' Magnitskii u ta' oħrajn implikati f'każijiet ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem;

7.      Jitlob li b'mod immedjat tinħeles Nadiia Savchenko u ċittadini oħra Ukraini u Ewropej miżmuma illegalment fir-Russja;

8.      Iħeġġeġ lill-awtoritajiet ġuridiċi u tal-infurzar tal-liġi Russi biex iwettqu dmirijiethom b'mod imparzjali u indipendenti;

9.      Jenfasizza li l-libertà tal-għaqda fil-Federazzjoni Russa hi mogħtija bl-Artikolu 31 tal-Kostituzzjoni Russa u tinsab fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, li tagħhom ir-Russja hi firmatarja, u b'hekk l-awtoritajiet Russi huma obbligati li jirrispettawha;

10.    Jistieden lill-awtoritajiet Russi biex immedjatament jirritoraw it-tifrik tal-ajruplan Tu-154 tal-Gvern Pollakk u tal-kaxxi suwed kollha lill-Polonja; jenfasizza l-fatt li l-livell ta' dipendenza tal-ġudikatura Russa fuq l-awtoritajiet jimmina kull investigazzjoni imparzjali u onesta; jitlob biex issir investigazzjoni internazzjonali u indipendenti fil-kawżi tal-waqgħa tal-ajruplan Tu-154 tal-Gvern Pollakk, bi qbil mad-deċiżjonijiet u l-azzjonijiet meħuda wara t-twaqqigħ tat-titjira MH17 tal-Malaysian Airlines;

11.    Jistieden lill-Presidenti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, kif ukoll lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli, biex tkompli ssegwi mill-qrib il-każijiet kollha li jkunu motivati politikament, tkomplu tqajjem dawn il-kwistjonijiet fil-formati u l-laqgħat differenti mar-Russja, u biex tirrappurta lura lill-Parlament dwar l-iskambji mal-awtoritajiet Russi;

12.    Iħeġġeġ lill-Kunsill jiżviluppa politika komuni fir-rigward tar-Russja li timpenja lit-28 Stat Membru tal-UE u lill-istituzzjonijiet tal-UE favur messaġġ komuni qawwi tar-rwol tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet tal-bniedem fir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja u dwar il-bżonn li jintemm it-trażżin tal-libertà tal-espressjoni, tal-għaqda u tal-assoċjazzjoni fir-Russja;

13.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, u lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa.

 

(1)

Testi adottati, P7_TA(2013)0446.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2014)0039.

 

Avviż legali - Politika tal-privatezza