Proċedura : 2015/2592(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0251/2015

Testi mressqa :

B8-0251/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 12/03/2015 - 8.4
CRE 12/03/2015 - 8.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 137kWORD 76k
9.3.2015
PE552.230v01-00
 
B8-0251/2015

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar l-omiċidju tal-kap tal-oppożizzjoni Russu Boris Nemtsov u l-istat tad-demokrazija fir-Russja (2015/2592(RSP))


Fabio Massimo Castaldo, Ignazio Corrao, Piernicola Pedicini, Kristina Winberg, Peter Lundgren f'isem il-Grupp EFDD

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-omiċidju tal-kap tal-oppożizzjoni Russu Boris Nemtsov u l-istat tad-demokrazija fir-Russja (2015/2592(RSP))  
B8‑0251/2015

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-rapporti u r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja,

−      wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja 2012 u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni(1),

 

−      wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-kelliem tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) tat-30 ta' Diċembru 2014 dwar il-kundanna ta' Alexsei Navalnyi u ħuh Oleg Navalnyi mill-Qorti ta' Zamoskvoretsky,

−      wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) tal-4 ta' Marzu 2015 dwar iż-żamma taħt arrest ta' Nadiia Savchenko,

−      wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-kelliem tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) tal-4 ta' Marzu 2015 dwar il-ħtif u ż-żamma illegali taħt arrest tal-uffiċjal tal-pulizija Estonjan,

−      wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-kelliem tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) tat-3 ta' Marzu 2015 dwar ir-rifjut li l-MPE Sandra Kalniete titħalla tidħol fit-territorju tal-Federazzjoni Russa,

−      wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) tat-28 ta' Frar 2015 dwar l-omiċidju ta' Boris Nemtsov,

−      wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, id-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem u d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Dritt u r-Responsabilità tal-Individwi, Gruppi u Organi tas-Soċjetà li Jippromwovu u Jipproteġu d-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali Universalment Rikonoxxuti,

−      wara li kkunsidra l-konsultazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja dwar id-drittijiet tal-bniedem tat-28 ta' Novembru 2013,

−      wara li kkunsidra r-riżultati tal-laqgħat tal-Kunsill Affarijiet Barranin tad-19 ta' Jannar 2015, tad-29 ta' Jannar 2015 u tad-9 ta' Frar 2015,

−      wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-Russja, b’mod partikolari l-Artikolu 118 tagħha, li jgħid li l-ġustizzja fil-Federazzjoni Russa għandha tkun amministrata mill-qrati biss, u l-Artikolu 120 tagħha, li jipprevedi li l-imħallfin huma indipendenti u subordinati biss għall-Kostituzzjoni Russa u għad-dritt federali,

−      wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li t-tnejn ġew ratifikati mir-Russja fl-1973,

−      wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) eżistenti li jistabbilixxi sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom minn naħa, u l-Federazzjoni Russa min-naħa l-oħra, kif ukoll in-negozjati sospiżi għal ftehim ġdid bejn l-UE u r-Russja,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi Boris Nemtsov kien politiku liberali Russu, kopresident tal-Partit Repubblikan tar-Russja – il-Partit tal-Libertà Popolari (RPR-PARNAS), partit politiku reġistrat bl-ebda siġġu fid-Duma tal-Istat u b'siġġu wieħed fil-livell tal-parlament reġjonali;

B.     billi Boris Nemtsov kien Deputat Prim Ministru tar-Russja fl-1997 u fl-1998, u serva taħt il-President Boris Yeltsin; billi huwa kien avversarju politiku u kritiku li jitkellem apertament fir-rigward ta' Vladimir Putin mill-1999 'l hawn, meta ppromwova l-Unjoni tal-Forzi Leminija bħala kofundatur, li serviet bħala koalizzjoni liberali demokratika li kisbet kważi 6 miljun vot (8,6 % tal-voti kollha) fl-elezzjonijiet parlamentari ta' Diċembru 1999;

C.     billi Boris Nemtsov kien organizzatur attiv u parteċipant fil-Marċi tad-Dissidenti, l-azzjonijiet ċivili Strateġija 31, ir-rallies ''Għal Elezzjonijiet Ġusti'' u l-protesti tal-oppożizzjoni organizzati mill-2006 'l hawn, u billi ġie arrestat fl-2007, l-2010 u l-2011 matul id-dimostrazzjonijiet;

D.     billi Boris Nemtsov inqatel fis-27 ta' Frar 2015 fuq pont qrib il-Kremlin u l-Pjazza l-Ħamra ta' Moska fejn kien miexi ma' mara, minn persuna f'karozza bajda li sparalu għal bosta drabi f'dahru, skont verżjoni uffiċjali tal-pulizija;

E.     billi l-qtil seħħ jum qabel protesta ppjanata minn Nemtsov kontra l-President Vladimir Putin, u dan l-avveniment imbagħad inbidel f'marċ ta' eluf ta' persuni biex jonoraw il-mexxej politiku wara l-omiċidju tiegħu;

F.     billi f'intervista mal-Financial Times is-Sur Nemtsov iddikjara li kien qed jaħdem fuq rapport dwar is-suldati Russi fl-Ukraina, u f'intervista oħra mas-sit tal-aħbarijiet Russu 'Sobesednik' ippubblikata fl-10 ta' Frar 2015 esprima l-biża' tiegħu li għad jinqatel;

G.     billi l-awtoritajiet Russi stabbilixxew Kumitat Investigattiv biex jistħarrġu dwar l-omiċidju tas-Sur Nemtsov, u dan il-kumitat ħareġ b'lista twila ta' persuni possibilment suspettati inklużi ultra nazzjonalisti, estremisti Iżlamiċi, għedewwa personali u gruppi relatati mal-politika;

H.     billi m'hemmx evidenza ċara dwar ir-responsabilità jew ir-raġunijiet għall-omiċidju;

I.      billi skont il-kap tas-servizz tas-sigurtà federali FSB Alexander Bortnikov, ġew arrestati għadd ta' rġiel issuspettati li wettqu dan id-delitt u l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin;

J.      billi lil hinn mir-Russja, il-politiċi li jopponu lil Vladimir Putin għall-bidu bdew iwaħħlu fih, iżda l-Kremlin ċaħad l-akkużi kollha u qal li kienu ''illoġiċi'' u ''inaċċettabbli'' billi s-Sur Nemtsov ma kienx ta' periklu għall-President; billi l-Kremlin kien issuġġerixxa li l-omiċidju seta' kien ''provokazzjoni'' immirata sabiex tiddestabilizza lill-gvern u s-sitwazzjoni fir-Russja;

K.     billi l-komunità internazzjonali kkundannat l-omiċidju u appellat għal investigazzjonijiet trasparenti u indipendenti sabiex tiġi stabbilita l-verità;

L.     billi wisq probabbli jeżistu raġunijiet politiċi għal dan l-omiċidju, u l-libertà tal-espressjoni u tal-attività politika għandhom jiġu żgurati għal kulħadd fir-Russja, u dan mingħajr preġudizzju jew biża' u għaċ-ċittadini kollha;

M.    billi kien hemm bosta kritika wara l-adozzjoni tal-''liġi dwar l-aġenti barranin'', li timponi obbligu fuq kull NGO li jirċievi finanzjament barrani u li huwa impenjat f'''attivitajiet politiċi'', frażi mhux definita b'mod ċar, li jirreġistra bħala ''organizzazzjoni li twettaq funzjonijiet ta' aġent barrani'';

N.     billi f'Ġunju 2013 ġiet introdotta liġi federali li tipprojbixxi l-''propoganda ta' relazzjonijiet sesswali mhux tradizzjonali fost il-minorenni'';

O.     billi, kif indikat fir-rapport ta' Amnesty International dwar il-ksur tad-dritt għal-libertà tal-espressjoni, ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni fir-Russja, il-lista ta' ġurnalisti attakkati u maqtula fir-Russja qed tkompli tikber;

P.     billi għandu jkun hemm konformità kemm mal-libertà tal-espressjoni u kemm mar-rispett għal-liġijiet u r-regolamenti, filwaqt li fl-istess ħin il-Gvern Russu ma jixtieqx li jiġi destabbilizzat minn atturi esterni bħal pereżempju pajjiżi terzi;

Q.     billi fir-rigward tar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja hemm bżonn li tittaffa' t-tensjoni u li tiġi stabbilita mill-ġdid sitwazzjoni ta' kollaborazzjoni trankwilla u paċifika;

1.      Jikkundanna l-omiċidju ta' Boris Nemtsov u jagħti l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittma, u lil bosta li pparteċipaw fil-marċ li sar wara l-qtil;

2.      Jistieden lill-awtoritajiet Russi jwettqu l-investigazzjonijiet tagħhom b'mod trasparenti u ċar sabiex jiskopru kemm jista' jkun malajr min qatel lis-Sur Nemtsov u jistabbilixxu r-raġunijiet għall-omiċidju tiegħu;

3.      Jistieden lill-awtoritajiet Russi jiggarantixxu l-indipendenza u l-imparzjalità tal-investigazzjoni sabiex jeskludu kull parteċipazzjoni ta' persuni b'rabtiet mal-istat;

4.      Jenfasizza l-importanza li tiġi żgurata l-libertà tal-espressjoni u ta' attività politika, li jippermettu lill-persuni jesprimu liberament l-ideat tagħhom u jorganizzaw avvenimenti, u jekk neċessarju protesti u dimostrazzjonijiet oħra mingħajr vjolenza, restrizzjonijiet, fastidju jew theddid kontra l-organizzaturi tad-dimostrazzjonijiet jew min jipparteċipa fihom;

5.      Jenfasizza l-importanza li jkun hemm forzi tal-oppożizzjoni politiċi, sabiex ikun żgurat dibattitu kostanti u skambju ta' fehmiet u ideat fil-politika u fil-proċessi tat-tfassil tal-liġijiet fir-Russja;

6.      Jistieden lill-Gvern Russu jiżgura l-libertà tal-espressjoni, ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni fir-Russja, b'rispett għall-għażla libera tal-individwi, u dan minkejja n-nazzjonalità, l-orjentazzjoni sesswali jew il-fehmiet politiċi tagħhom, skont id-dritt u l-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u l-Kostituzzjoni Russa;

7.      Jistieden lill-Gvern Russu jippromwovi l-libertà tal-midja u l-pluraliżmu, u jiggarantixxi li ma jkunx hemm ċensura fuq il-midja tal-massa;

8.      Jikkundanna kull forma ta' persekuzzjoni u fastidju fir-rigward tal-ġurnalisti, kif ukoll ir-riżultati mhux sodisfaċenti tal-investigazzjonijiet b'rabta ma' attakki li seħħew fil-passat;

9.      Jistieden lill-Gvern Russu jippromwovi dibattitu politiku ġust u ħieles, li jevita kull xorta ta' atmosfera ta' intolleranza għall-protesti pubbliċi;

10.    Jistieden lill-awtoritajiet Russi jiżguraw ir-rispett għad-drittijiet tal-minoranzi kollha u r-rappreżentanza tagħhom fis-setturi kollha tas-soċjetà, fil-livell politiku, soċjali, kulturali u ekonomiku;

11.    Jenfasizza li l-istituzzjonijiet Ewropej u r-Russja għandhom jikkooperaw sabiex jistabbilixxu mill-ġdid ir-rispett reċiproku għall-moviment tal-persuni u l-prodotti, flimkien mar-rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali kollha;

12.    Jesprimi t-tama li r-relazzjonijiet bejn ir-Russja u l-UE se jkunu bbażati fuq ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem f'kuntest ta' paċi u armonija;

13.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa, lis-SEAE, lill-OSKE u lill-Kunsill tal-Ewropa.

 

(1)

Testi adottati, P7_TA(2013)0575.

Avviż legali - Politika tal-privatezza