Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0338/2015Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0338/2015

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-obbligu ta' sturdament minn qabel ta' annimali u l-preżenza obbligatorja tal-veterinarji u tal-ispetturi awtorizzati u indipendenti biex jissorveljaw l-operazzjonijiet differenti relatati mal-qatla tal-annimali

16.3.2015

imressqa skont l-Artikolu 133 tar-Regoli ta' Proċedura

Sophie Montel, Marine Le Pen, Dominique Bilde

B8‑0338/2015

Proposta għal riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-obbligu ta' sturdament minn qabel ta' annimali u l-preżenza obbligatorja tal-veterinarji u tal-ispetturi awtorizzati u indipendenti biex jissorveljaw l-operazzjonijiet differenti relatati mal-qatla tal-annimali

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1099/2009 tal-24 ta' Settembru 2009 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt il-qatla;

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 133 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi kull sena fl-Unjoni Ewropea, 360 miljun bovini, porċini u kaprini huma maqtula fil-biċċeriji;

B.     billi "l-annimali għandu jinħelsilhom kwalunkwe uġigħ, dwejjaq jew tbatija li jista' jiġi evitat waqt il-qtil tagħhom u operazzjonijiet relatati";

C.     billi, skont numru ta' rapporti uffiċjali, fi Franza, għall-inqas 50 % tal-biċċeriji jipprattikaw it-tħanxir mingħajr sturdament minn qabel għal raġunijiet ta' qligħ;

D.     billi l-protezzjoni tat-trattament xieraq tal-annimali hija responsabbiltà ta' uffiċjal maħtur mill-operatur, u b'hekk il-biċċerija tkun de facto qed tiġġudika lilha nnifisha;

E.     billi l-awtomonitoraġġ wera l-limiti tiegħu wara li seħħew ħafna skandli fl-industrija agroalimentari;

1.      jitlob li l-isturdament minn qabel ikun obbligatorju u li l-veterinarji jew l-ispetturi awtorizzati u indipendenti jkunu preżenti waqt il-qatla biex jiġi evitat li jkunu imdendla jew imtella annimali konxji jew li jiġi evitat li jiġu ppreparati jew mismuta annimali li jkunu għadhom ħajjin;

2.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jibgħat din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-ismijiet tal-firmatarji, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri.