Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0342/2015Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0342/2015

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar kommemorazzjoni Ewropea ta' għeluq il-mitt sena mill-Ġenoċidju Armen

13.4.2015 - (2015/2590(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Jean-Marie Cavada, Marielle de Sarnez, Juan Carlos Girauta Vidal, Ivan Jakovčić, Javier Nart, Frédérique Ries, Pavel Telička f'isem il-Grupp ALDE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0342/2015

Proċedura : 2015/2590(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0342/2015
Testi mressqa :
B8-0342/2015
Dibattiti :
Testi adottati :

B8‑0342/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar kommemorazzjoni Ewropea ta' għeluq il-mitt sena mill-Ġenoċidju Armen

(2015/2590(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta' Ġenoċidju,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Ġunju 1987 dwar soluzzjoni politika għall-kwistjoni tal-Armenja[1],

–       wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tat-2 ta' April 2009 dwar il-kuxjenza Ewropea u t-totalitarjaniżmu[2],

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi waħda mill-motivazzjonijiet ewlenin għall-moviment ta' unifikazzjoni Ewropea hija r-rieda li ma nħallux li gwerer u delitti kontra l-umanità jerġgħu jseħħu fl-Ewropa;

B.     billi l-Parlament Ewropew irrikonoxxa, fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Ġunju 1987, li l-ġrajjiet traġiċi li seħħew bejn l-1915 u l-1917 kontra l-Armeni fit-territorju tal-Imperu Ottoman jirrappreżentaw ġenoċidju kif definit fil-Konvenzjoni dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta’ Ġenoċidju;

C.     billi l-Parlament Ewropew enfasizza, fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' April 2009, l-importanza li l-memorji tal-imgħoddi jinżammu ħajjin, minħabba li l-ebda rikonċiljazzjoni ma tista' sseħħ mingħajr verità u tifkira;

D.     billi dan il-ġenoċidju ħalla effetti profondi u fit-tul fuq il-popolazzjonijiet ta' rifuġjati, b'mod speċjali fl-Unjoni Ewropea;

E.     billi l-ġenoċidju Armen jieħu sinifikat saħansitra akbar fil-kuntest tal-kommemorazzjonijiet ta' għeluq il-mitt sena mill-Ewwel Gwerra Dinjija;

1.      Jingħaqad fil-kommemorazzjoni ta' għeluq il-mitt sena mill-Ġenoċidju Armen fi spirtu ta' fratellanza, solidarjetà u ġustizzja Ewropea;

2.      Jistieden lis-soċjetà ċivili, lill-uffiċjali eletti, lill-assoċjazzjonijiet u lill-media wkoll biex jissieħbu f’din il-kommemorazzjoni;

3.      Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jingħaqdu mal-Parlament huwa u jfakkar dan iċ-ċentenarju;

4.      Jirringrazzja lil dawk kollha li kkontribwew għar-rikonoxximent u l-memorja tal-Ġenoċidju Armen fi spirtu ta’ ftuħ u solidarjetà, u jistedinhom jibqgħu jaħdmu f’din id-direzzjoni;

5.      Jipproponi li jiġi stabbilit jum Ewropew ta' tifkira tal-Ġenoċidju, bil-għan li jerġa' jitfakkar id-dritt tal-popli kollha u tan-nazzjonijiet kollha madwar id-dinja għall-paċi u d-dinjità;

6.      Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri tal-UE, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem.