MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar kommemorazzjoni Ewropea ta' għeluq il-mitt sena mill-Ġenoċidju Armen
13.4.2015 - (2015/2590(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Fabio Massimo Castaldo, Laura Agea, Rolandas Paksas, Robert Jarosław Iwaszkiewicz, Ignazio Corrao f'isem il-Grupp EFDD
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0342/2015
B8‑0343/2015
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar kommemorazzjoni Ewropea ta' għeluq il-mitt sena mill-Ġenoċidju Armen
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu tat-28 ta' Settembru 2005[1], tat-28 ta' Frar 2002[2], tal-15 ta' Novembru 2000[3], tat-18 ta' Ġunju 1987[4] u tat-2 ta' April 2009[5] dwar il-kuxjenza Ewropea u t-totalitarjaniżmu,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1948 dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta' Ġenoċidju,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi waħda mill-motivazzjonijiet ewlenin għall-moviment ta' unifikazzjoni Ewropea hija r-rieda li tiġi evitata r-rikorrenza ta' gwerer u delitti kontra l-umanità fl-Ewropa;
B. billi l-Parlament Ewropew irrikonoxxa formalment fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Ġunju 1987 li l-ġrajjiet traġiċi li seħħew fl-1915-1917 li kienu jinvolvu l-Armeni li kienu jgħixu fit-territorju tal-Imperu Ottoman jikkostitwixxu ġenoċidju fis-sens tal-Konvenzjoni dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta' Ġenoċidju;
C. billi l-Parlament Ewropew enfasizza, fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' April 2009, l-importanza li jinżammu ħajjin il-memorji tal-passat, peress li ma jistax ikun hemm rikonċiljazzjoni mingħajr verità u tifkira;
D. billi dan il-ġenoċidju ħalla effetti profondi u fit-tul fuq il-popolazzjonijiet ta' rifuġjati, b'mod speċjali fl-Unjoni Ewropea;
E. billi l-Ġenoċidju Armen jieħu sinifikat saħansitra akbar fil-kuntest tal-kommemorazzjonijiet ta' għeluq il-mitt sena mill-Ewwel Gwerra Dinjija;
F. billi t-Turkija rratifikat il-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta' Ġenoċidju fl-1950;
G. billi l-Ġenoċidju Armen inħoloq u twettaq mill-Imperu Ottoman bejn l-1915 u l-1923, u dan wassal għad-deportazzjoni ta' kważi 2 000 000 Armen, li minnhom 1 500 000 raġel, mara, u tifel u tifla nqatlu, filwaqt li l-500 000 ruħ li baqgħu ħajjin tkeċċew minn djarhom, u wassal ukoll għall-kanċellazzjoni ta' aktar minn 2 500 sena ta' preżenza Armena fil-patrija storika ta' dan il-poplu;
H. billi fl-24 ta' Mejju 1915 il-Forzi Alleati – il-Gran Brittanja, Franza u r-Russja – ħarġu dikjarazzjoni konġunta li għall-ewwel darba fl-istorja takkuża lil gvern ieħor li wettaq "delitt kontra l-umanità"; billi din id-dikjarazzjoni konġunta ddikjarat li "fid-dawl ta' dawn id-delitti ġodda tat-Turkija kontra l-umanità u ċ-ċiviltà, il-Gvernijiet Alleati jħabbru pubblikament lis-Sublime Porte li huma se jżommu personalment responsabbli għal dawn id-delitti l-membri kollha tal-Gvern Ottoman, kif ukoll dawk l-aġenti tagħhom li huma implikati f'tali massakri";
I. billi wara l-Ewwel Gwerra Dinjija, il-Gvern Tork akkuża lill-ogħla mexxejja involuti fl-"organizzazzjoni u t-twettiq" tal-Ġenoċidju Armen u fil-"massakru u l-qerda tal-Armeni";
J. billi f'sensiela ta' proċessi quddiem qorti marzjali, uffiċjali tar-Reġim taż-Żgħażagħ Torok ittellgħu l-qorti u nstabu ħatja kif akkużati li organizzaw u wettqu u massakri kontra l-poplu Armen; billi l-organizzaturi ewlenin tal-Ġenoċidju Armen, il-Ministru tal-Gwerra Enver, il-Ministru tal-Intern Talaat u l-Ministru tal-Forza Navali Djemal, kollha ġew ikkundannati għall-mewt għad-delitti tagħhom, iżda l-verdetti tal-qrati ma ġewx infurzati;
K. billi Raphael Lemkin, li ħoloq t-terminu 'ġenoċidju' fl-1944, u li kien l-ewwel proponent tal-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Ġenoċidju, invoka l-każ Armen bħala eżempju definittiv ta' ġenoċidju fis-seklu għoxrin;
L. billi l-ewwel riżoluzzjoni dwar il-ġenoċidju adottata min-Nazzjonijiet Uniti fuq insistenza ta' Lemkin, ir-Riżoluzzjoni 96(1) tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tal-11 ta' Diċembru 1946, u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Ġenoċidju stess irrikonoxxew il-Ġenoċidju Armen bħala t-tip ta' delitt li n-Nazzjonijiet Uniti riedet tipprevjeni bil-kodifikazzjoni ta' standards eżistenti;
1. Jikkundanna l-atti ta' ġenoċidju kontra l-poplu Armen ippjanati u mwettqa ripetutament mill-Imperu Ottoman u mid-diversi reġimi fit-Turkija bejn l-1894 u l-1923, l-esproprjazzjoni ta' arthom, il-massakri u t-tindif etniku bl-għan tal-qerda tal-popolazzjoni Armena, id-distruzzjoni tal-patrimonju Armen u ċ-ċaħda tal-ġenoċidju, it-tentattivi kollha biex jevitaw ir-responsabilità u biex jintesew għalkollox id-delitti mwettqa u l-konsegwenzi tagħhom;
2. Jingħaqad fil-kommemorazzjoni ta' għeluq il-mitt sena mill-Ġenoċidju Armen fi spirtu ta' fratellanza, solidarjetà u ġustizzja Ewropea; ifakkar il-1.5 miljun vittma innoċenti tal-Ġenoċidju Armen, u jagħti ġieħ lil dawk l-eroj li mietu martri u li baqgħu ħajjin li ġġieldu għal ħajjithom u għad-dinjità tal-bniedem;
3. Ifaħħar l-atti ta' libertà u kuraġġ ta' dawk l-individwi 'ġusti' kollha, kemm Ottomani kif ukoll barranin, li, billi pperikolaw ħajjithom u l-libertà tagħhom, ippruvaw isalvaw lill-Armeni li kienu vittmi tal-ġenoċidju mwettaq fl-Imperu Ottoman;
4. Jistieden lill-VP/RGħ, lis-soċjetà ċivili, lill-uffiċjali eletti u lil dawk mhux eletti, lill-assoċjazzjonijiet u lill-midja biex jingħaqdu wkoll f'din il-kommemorazzjoni u biex jgħaqqdu l-isforzi tagħhom biex terġa' tinkiseb ġustizzja storika u jingħata ġieħ lill-memorja tal-vittmi tal-Ġenoċidju Armen;
5. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, bħala rappreżentanti tal-istituzzjonijiet tal-UE, biex jingħaqdu mal-Parlament fit-tfakkira ta' dan iċ-ċentenarju sabiex b'mod aktar koerenti jitwettaq l-għan fundamentali tal-prevenzjoni ta' ġenoċidji u delitti kontra l-umanità;
6. Jirringrazzja lil dawk kollha li kkontribwew u li jibqgħu jikkontribwixxu għar-rikonoxximent formali u l-memorja tal-Ġenoċidju Armen, fi spirtu ta' ftuħ u solidarjetà, u jistedinhom jibqgħu jaħdmu f'din id-direzzjoni; jesprimi l-appoġġ qawwi tiegħu għall-impenn tal-Armenja u tal-poplu Armen li jkomplu t-taqbida internazzjonali għall-prevenzjoni ta' ġenoċidji, għar-rikonoxximent legali tal-ġenoċidju, għar-restawrazzjoni tad-drittijiet ta' persuni soġġetti għal ġenoċidju u għall-istabbiliment tal-ġustizzja storika;
7. Jipproponi li jiġi stabbilit jum Ewropew ta' tifkira tal-ġenoċidju, bil-għan li jerġa' jitfakkar id-dritt tal-popli kollha, mingħajr ebda preġudizzju razzjali jew reliġjuż, u tan-nazzjonijiet kollha madwar id-dinja għall-paċi u d-dinjità;
8. Ifakkar li ċaħdiet tal-Ġenoċidju Armen u ta' delitti oħra kontra l-umanità, kif ukoll atti ta' razziżmu, ksenofobija u mibegħda reliġjuża, jikkostitwixxu ksur ċar tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u għalhekk għandhom jiġu kkundannati;
9. Jitlob lill-Istati Membri kollha, qabel il-100 anniversarju tal-Ġenoċidju Armen, biex jirrikonoxxu legalment dan il-fatt, u jħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE jikkontribwixxu iktar għal dan ir-rikonoxximent;
10. Jistieden lit-Turkija tiffaċċja l-istorja u tirrikonoxxi uffiċjalment il-Ġenoċidju Armen u l-esproprjazzjoni konsegwenti tiegħu, tfittex il-fidwa u tagħmel restituzzjoni xierqa għal pajjiż Ewropew aspiranti, inkluż, iżda mhux limitat għal, l-iżgurar tad-dritt tal-poplu Armen li jirritorna lejn il-patrija tiegħu u li joħloq mill-ġdid rabta sikura magħha – affarijiet li kollha jirriżultaw mill-imperattiv fundamentali li tinkiseb ir-rikonċiljazzjoni permezz tal-verità;
11. Jistieden lill-Gvern tat-Turkija biex jirrispetta u jimplimenta bis-sħiħ l-obbligi legali li assuma, inklużi dawk id-dispożizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-protezzjoni tal-wirt kulturali u, b'mod partikolari, biex ifassal in buona fede inventarju integrat tal-wirt kulturali Armen, Grieg u Assirjan u ta' wirt kulturali ieħor li nqered jew li ġie rrovinat matul l-aħħar seklu, u fuq il-bażi tiegħu jiżviluppa strateġija ta' restawr prijoritarju ta' bliet kapitali, knejjes, skejjel, fortizzi, ċimiterji u teżori oħra antiki u medjevali li jinsabu fl-Armenja tal-Punent storika, u biex jagħmlu l-istituzzjonijiet kulturali u reliġjużi msemmija hawn fuq operattivi bis-sħiħ;
12. Jistieden lill-Gvern tat-Turkija biex jirrikonoxxi u jikkundanna l-Ġenoċidju Armen u biex iniedi ċ-ċelebrazzjoni tant mistennija tat-tradizzjoni nazzjonali Armen fuq il-bażi ta' normalizzazzjoni Torka-Armena totali ankrata fis-suppożizzjoni tat-teħid ta' responsabbiltà tal-piż tal-istorja, ir-riżoluzzjoni paċifika tal-kwistjonijiet pendenti kollha u Ewropizzazzjoni sħiħa tar-relazzjoni tagħhom li sservi bħala punt ta' tluq għal rikonċiljazzjoni storika tal-poplu Armen u dak Tork;
13. Jistieden lill-Gvern tat-Turkija biex jerġa' jagħti l-ħajja u jirratifika, flimkien mal-Armenja, iż-żewġ protokolli dwar l-Istabbiliment ta' Relazzjonijiet Diplomatiċi u n-Normalizzazzjoni tar-Relazzjonijiet iffirmati fi Zurich fid-9 ta' Ottubru 2009;
14. Ifakkar li r-rikonoxximent uffiċjali tal-Ġenoċidju Armen irodd ukoll id-dinjità lid-dixxendenti tal-vittmi u s-superstiti Armeni; ifakkar li l-aħħar att ta' ġenoċidju huwa ċ-ċaħda tiegħu;
15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri tal-UE, lill-Gvern tat-Turkija, lill-Gvern tal-Armenja u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà.