MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-kommemorazzjoni ta' għeluq il-mitt sena mill-Ġenoċidju Armen
13.4.2015 - (2015/2590(RSP))
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Takis Hadjigeorgiou, Neoklis Sylikiotis, Barbara Spinelli, Curzio Maltese, Patrick Le Hyaric, Younous Omarjee, Fabio De Masi, Josu Juaristi Abaunz, Miloslav Ransdorf, Kostas Chrysogonos, Kostadinka Kuneva, Lidia Senra Rodríguez, Martina Michels f'isem il-Grupp GUE/NGL
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0342/2015
B8‑0346/2015
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kommemorazzjoni ta' għeluq il-mitt sena mill-Ġenoċidju Armen
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,
– wara li kkunsidra l-Istqarrija Universali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tal-10 ta' Diċembru 1948,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tas-16 ta' Diċembru 1966,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Ġunju 1987 dwar soluzzjoni politika għall-kwistjoni tal-Armenja[1], li rrikonoxxiet il-Ġenoċidju Armen,
– wara li kkunsidra l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa tal-24 ta' April 1998, li kkomemorat 'l-ewwel ġenoċidju tas-seklu għoxrin' u d-'delitt kontra l-umanità' imwettaq kontra l-poplu Armen,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2015 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja fl-2013 u l-politika tal-UE dwar il-kwistjoni[2], u b'mod partikolari l-paragrafu 77 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta' Ġenoċidju tad-9 ta' Diċembru 1948,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Inapplikabilità ta' Limitazzjonijiet Statutorji għad-Delitti tal-Gwerra u d-Delitti Kontra l-Umanità tas-26 ta' Novembru 1968,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2000 dwar il-progress tat-Turkija lejn l-adeżjoni[3],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Settembru 2005 dwar il-ftuħ tan-negozjati mat-Turkija[4],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet u d-dikjarazzjonijiet minn korpi leġiżlattivi u minn gvernijiet ta' għadd ta' Stati Membri tal-UE, kif ukoll ta' Stati oħra,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-2015 jimmarka għeluq il-mitt sena mill-Ġenoċidju Armen imwettaq fl-Imperu Ottoman wara deċiżjoni li jinqerdu l-Armeni, li rriżultat fil-mewt ta' 1.5 miljun ruħ;
B. billi dan il-ġenoċidju, li inkluda l-esproprjazzjoni, l-massakri, it-tindif etniku u l-qerda tal-wirt Armen, kellu wkoll effetti profondi u fit-tul fuq popolazzjonijiet ta' refuġjati, b'mod partikolari fil-kontinent Ewropew;
C. billi l-Parlament Ewropew irrikonoxxa fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Ġunju 1987 li l-avvenimenti traġiċi li seħħew fl-1915-1917 li jinvolvu l-Armeni li kienu jgħixu fit-territorju tal-Imperu Ottoman jikkostitwixxu ġenoċidju fis-sens tal-Konvenzjoni dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta' Ġenoċidju adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fid-9 ta' Diċembru 1948;
D. billi, sal-lum, il-gvern Tork rrifjuta li jirrikonoxxi l-ġenoċidju tal-1915, u b'hekk qed jirrifjuta li jaċċetta parti mill-istorja tal-pajjiż, u b'hekk ma jieħux it-tagħlimiet mill-istorja tiegħu;
E. billi f'dawn l-aħħar snin fit-Turkija, attivisti, ġurnalisti u kittieba, fost l-oħrajn, tkellmu favur ir-rikonoxximent min-naħa tat-Turkija tal-Ġenoċidju Armen; billi dan għadu meqjus bħala att punibbli skont il-Kostituzzjoni Torka; billi xi wħud, bħall-ġurnalist Hrant Dink, ħallsu għall-kundanna tal-ġenoċidju b'ħajjithom;
F. billi n-NU rrikonoxxiet il-Ġenoċidju Armen fl-1985, u numru ta' pajjiżi u ta' parlamenti, inklużi Stati Membri tal-UE, għamlu dan ukoll;
G. billi r-rikonoxximent tal-Ġenoċidju Armen mill-Gvern Tork jikkontribwixxi għat-tnaqqis tat-tensjonijiet u għat-titjib fir-relazzjonijiet bilaterali bejn it-Turkija u l-Armenja;
1. Jipparteċipa fil-kommemorazzjoni tal-għeluq il-mitt sena mill-Ġenoċidju Armen u jfakkar il-memorja tal-1.5 miljun ċivil innoċenti li tilfu ħajjithom;
2. Jistieden lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri tal-UE u lis-soċjetà ċivili biex jingħaqdu fil-kommemorazzjoni ta' dan iċ-ċentinarju; jirrimarka li l-parteċipazzjoni fil-kommemorazzjoni tikkontribwixxi biex titwaqqaf il-kospirazzjoni tas-silenzju imposta mit-Turkija fuq dan il-ġenoċidju, kif ukoll fuq it-trattament tal-poplu Kurd fil-pajjiż, l-okkupazzjoni kontinwa ta' Ċipru u l-inkoraġġiment u l-parteċipazzjoni fil-kriżi fis-Sirja;
3. Jistieden lit-Turkija biex tuża l-100 anniversarju biex tirrikonoxxi l-Ġenoċidju Armen imwettaq mill-Imperu Ottoman u biex tiffaċċa din il-parti tal-istorja tal-pajjiż, peress li hija biss il-verità li tippermetti lill-pajjiż biex isir verament demokratiku u jimxi 'l quddiem mingħajr dan il-piż, u biex jiżviluppa relazzjonijiet tajba bejn il-ġirien, mal-Armenja;
4. Jistieden lill-awtoritajiet Torok jiftħu l-arkivji kollha li jagħtu lill-istudjużi tal-istorja, lill-akkademiċi u lir-riċerkaturi l-opportunità li jixħtu dawl fuq dawk l-avvenimenti traġiċi u jagħtu bidu għal dibattitu pubbliku tassew trasparenti fil-livelli kollha bil-għan li l-politika tas-silenzju tintemm u jiġi rikonoxxut il-ġenoċidju;
5. Iħeġġeġ lill-gvernijiet u lill-parlamenti biex jesprimu rispett għall-vittmi u biex jirrikonoxxu li l-Ġenoċidju Armen jammonta għal paġna skura fl-istorja taċ-ċivilizzazzjoni dinjija;
6. Iqis li l-istorja, inkluż il-Ġenoċidju Armen, għandha tiġi mgħallma fid-dawl vera tagħha sabiex tiġi evitata r-ripetizzjoni tagħha;
7. Jipproponi li jiġi stabbilit jum ta' tifkira tal-Ġenoċidju Armen;
8. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE, lill-President u lill-Parlament tal-Armenja, u lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tat-Turkija.
- [1] ĠU C 190, 20.7.1987, p. 119.
- [2] Testi adottati, P8_TA(2015)0076.
- [3] ĠU C 223, 8.8.2001, p. 182.
- [4] ĠU C 227 E, 21.9.2006, p. 163.