Proċedura : 2015/2590(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0347/2015

Testi mressqa :

B8-0347/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 15/04/2015 - 16.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0094

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 138kWORD 63k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0342/2015
13.4.2015
PE555.099v01-00
 
B8-0347/2015

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-kommemorazzjoni ta' għeluq il-mitt sena mill-Ġenoċidju Armen (2015/2590(RSP))


Knut Fleckenstein, Victor Boștinaru, Richard Howitt, Vincent Peillon, Arne Lietz, Gilles Pargneaux, Sylvie Guillaume, Nikos Androulakis, Demetris Papadakis, Nicola Caputo, Tonino Picula, Marlene Mizzi, Zigmantas Balčytis, Ana Gomes, Tanja Fajon, Siôn Simon, Goffredo Maria Bettini, Andrejs Mamikins, Miroslav Poche, Neena Gill, Soraya Post, Elisa Ferreira, Liisa Jaakonsaari, Pier Antonio Panzeri f'isem il-Grupp S&D

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kommemorazzjoni ta' għeluq il-mitt sena mill-Ġenoċidju Armen (2015/2590(RSP))  
B8‑0347/2015

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Settembru 2005 dwar il-ftuħ tan-negozjati mat-Turkija(1),

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta' Ġenoċidju,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Ġunju 1987 dwar soluzzjoni politika għall-kwistjoni tal-Armenja(2),

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi waħda mill-motivazzjonijiet ewlenin għall-moviment tal-unifikazzjoni Ewropea u wieħed mill-valuri fundamentali tal-Unjoni Ewropea huwa r-rieda li ma nħallux li fl-Ewropa jerġgħu jseħħu gwerer u delitti kontra l-umanità;

B.     billi fl-1915, ftit wara l-Imperu Ottoman daħal fl-ewwel Gwerra Dinjija, ir-reġim tal-Kumitat tal-Unjoni u l-Progress (CUP), f’operazzjoni ppjanata ċentralment, ordna u esegwixxa deportazzjonijiet tal-massa u l-qerda ta’ aktar minn miljun Armen Ottoman u l-qirda tal-kultura tagħhom; billi l-Parlament Ewropew, fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ Ġunju 1987, irrikonoxxa li dawn l-avvenimenti jikkostitwixxu ġenoċidju skont it-tifsira tal-Konvenzjoni dwar il-prevenzjoni u l-kastig tad-delitt ta’ ġenoċidju;

C.     billi l-2015 hija għeluq il-mitt sena mill-Ġenoċidju Armen li twettaq fl-Imperu Ottoman;

D.     billi, fl-istess ħin, mijiet ta’ eluf ta’ Musulmani Ottoman mietu matul l-Ewwel Gwerra Dinjija bħala vittmi ta’ ġuħ u mard, kif ukoll ta’ qtil immirat; billi dan m’għandux inaqqas mill-fatt li l-qerda massiva tal-Armeni Ottoman kienet l-akbar atroċità unika tal-Ewwel Gwerra Dinjija;

E.     billi l-fundatur tar-Repubblika Torka, Mustafa Kemal Atatürk innifsu, irrikonoxxa l-atroċitajiet tal-massa kontra l-Armeni Ottomani, li sejħilhom ‘att tal-mistħija”; billi r-Repubblika Torka naqset milli tibni fuq din l-ammissjoni u tindirizza kwistjonijiet negattivi tal-istorja nazzjonali tagħha, u minflok ħaddnet forom differenti ta' ċaħda uffiċjali, u kompliet teqred il-wirt kulturali Armen; billi ċ-ċaħda tal-ġenoċidju jikkostitwixxi l-istadju finali ta' dan;

F.     billi l-bidliet fis-soċjetà Torka sa mill-bidu tal-21 seklu, u r-riformi li wittew it-triq għan-negozjati dwar l-adeżjoni fl-UE, ħolqu l-kundizzjonijiet sabiex ikun hemm dibattitu iktar miftuħ u liberu dwar kwistjonijiet storiċi fit-Turkija, inkluża l-kwistjoni Armena; billi bosta inizjattivi tas-soċjetà ċivili u skambji kulturali bejn it-Turkija u l-Armenja żviluppaw b'riżultat ta' dan; billi għadd ta' NGOs u intellettwali Torok qed iħejju kommemorazzjoni pubblika tal-100 anniversarju mill-Ġenoċidju Armen f'Istanbul;

G.     billi t-Turkija u l-Armenja bdew proċess ta’ normalizzazzjoni diplomatika, billi ffirmaw protokolli fl-2009 f’Ġinevra dwar l-istabbiliment u l-iżvilupp tar-relazzjonijiet, inkluż il-ftuħ tal-fruntiera; billi, madankollu, dan il-proċess issa waqaf;

H.     billi l-President Tork Recep Tayyip Erdoğan offra l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi tal-Ġenoċidju Armen, filwaqt li sejjaħ il-qtil tal-massa “inuman”; billi l-Prim Ministru tat-Turkija, Ahmet Davutoğlu, stqarr li t-Turkija “taqsam it-tbatija tal-Armeni”, u talab biex jintemmu t-tabùs fl-indirizzar tat-'trawma kbira li waqqfet l-istorja fl-1915' u ħa l-impenn li jagħti ‘r-rikonoxximent xieraq lill-wirt kulturali Armen fit-Turkija';

I.      billi l-Parlament Ewropew, fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' April 2009, enfasizza l-importanza li l-memorji tal-imgħoddi jinżammu ħajjin, minħabba li l-ebda rikonċiljazzjoni ma tista' sseħħ mingħajr verità, kommemorazzjoni u ġustizzja;

1.      Jipparteċipa fil-kommemorazzjoni ta' għeluq il-mitt sena mill-Ġenoċidju Armen, fi spirtu ta' solidarjetà u ġustizzja, u jweġġaħ il-memorja tal-vittmi innoċenti ta' dan il-ġenoċidju; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jissieħbu fil-kommemorazzjoni taċ-ċentenarju; jesprimi l-gratitudni tiegħu lil dawk kollha li kkontribwixxew għall-investigazzjoni, ir-rikonoxximent u l-memorja tal-Ġenoċidju Armen;

2.      Jenfasizza li l-prevenzjoni f'waqtha u s-sanzjoni effikaċi ta' ġenoċidji u delitti kontra l-umanità għandhom ikunu fost il-prijoritajiet ewlenin tal-komunità internazzjonali u tal-Unjoni Ewropea;

3.      Jilqa’ d-dikjarazzjonijiet mill-President Erdoğan u l-Prim Ministru Davutoğlu fejn joffru l-kondoljanzi u jirrikonoxxu l-atroċitajiet kontra l-Armeni Ottomani bħala pass fid-direzzjoni t-tajba; iħeġġeġ lit-Turkija tuża l-kommemorazzjoni taċ-ċentenarju mill-Ġenoċidju Armen bħala opportunità importanti biex tkompli bl-isforzi tagħha biex taċċetta l-imgħoddi tagħha, tirrikonoxxi l-Ġenoċidju Armen u b’hekk twitti t-triq għal rikonċiljazzjoni ġenwina bejn il-popli tat-Turkija u tal-Armenja;

4.      Huwa konvint li dibattitu miftuħ u ħieles fis-soċjetà Torka dwar il-kwistjonijiet storiċi, inkluż il-Ġenoċidju Armen, huwa marbut fil-fond mal-proċess ta’ demokratizzazzjoni, billi demokrazija b’saħħitha u matura ma tistax tinbena fuq il-bażi ta’ ċaħda ta’ fatti storiċi u responsabbiltajiet; f’dan ir-rigward, jirrikonoxxi r-rwol vitali li kellu l-bidu tal-proċess ta’ adeżjoni mal-UE fil-promozzjoni tad-demokratizzazzjoni tat-Turkija; jitlob għalhekk li l-proċess ta’ negozjati mal-UE jiġi msaħħaħ mill-ġdid bħala katalist importanti għal dibattitu aktar miftuħ u liberu dwar kwistjonijiet storiċi, inkluża l-qerda tal-Armeni Ottomani;

5.      Jistieden kemm lit-Turkija kif ukoll lill-Armenja biex iġeddu l-isforzi sabiex jinnormalizzaw ir-relazzjonijiet tagħhom billi jirratifikaw, mingħajr prekundizzjonijiet, il-protokolli dwar it-twaqqif ta’ relazzjonijiet diplomatiċi u dwar il-ftuħ tal-fruntiera; jenfasizza l-benefiċċji soċjali, umani, kulturali u ekonomiċi li n-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn it-Turkija u l-Armenja tipprovdi lill-popli tat-Turkija u tal-Armenja, inkluż billi jitneħħew il-preġudizzji rispettivi tagħhom u l-preġudizzji lejn xulxin;

6.      Jappoġġa bil-qawwa l-ħidma tal-akkademiċi Torok u Armeni, tal-NGOs u tar-rappreżentanti tal-kultura fil-promozzjoni tad-djalogu u r-rikonċiljazzjoni bejn it-Torok u l-Armeni; jistieden lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) biex b’mod konsistenti u proattiv jappoġġaw dawn l-attivitajiet;

7.      Jistieden lill-awtoritajiet Torok, lill-politiċi u l-mezzi tax-xandir fil-livelli kollha biex jieqfu milli jagħmlu dikjarazzjonijiet xewwiexa kontra l-minoranzi, inkluż l-Armeni, u biex jagħmlu l-almu tagħhom biex jiġġieldu d-diskors ta’ mibegħda u l-preġudizzju kontra l-minoranzi permezz, inter alia, tat-tneħħija tal-lingwaġġ derogatorju u diskriminatorju kollu minn kotba tal-iskola, u l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni komprensiva kontra d-diskriminazzjoni, inkluża projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni għal raġunijiet ta’ etniċità u identità reliġjuża;

8.      Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-President u lill-Parlament tal-Armenja u lill-President u lill-Parlament tat-Turkija.

 

 

(1)

ĠU C 227 E, 21.9.2006, p. 163.

(2)

ĠU C 190, 20.7.1987, p. 119.

Avviż legali - Politika tal-privatezza