Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0359/2015Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0359/2015

ABBOZZ TA' MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar ir-Rapport ta' Progress 2014 dwar il-Bosnja-Ħerżegovina

22.4.2015 - (2014/2952(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Cristian Dan Preda f'isem il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin


Proċedura : 2014/2952(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0359/2015

B8-0000/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-Rapport ta' Progress 2014 dwar il-Bosnja-Ħerzegovina

(2014/2952(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA) bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom min-naħa waħda u l-Bosnja-Ħerzegovina (BiH) min-naħa l-oħra, iffirmat fis-16 ta' Ġunju 2008 u rratifikat mill-Istati Membri kollha tal-UE u mill-Bosnja-Ħerzegovina,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-19-20 ta' Ġunju 2003 dwar il-Balkani tal-Punent u l-anness tagħhom bit-titolu "L-Aġenda ta' Tessaloniki għall-Balkani tal-Punent: nimxu lejn l-integrazzjoni Ewropea",

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Ottubru, is-17-18 ta' Novembru, il-15 u s-16 ta' Diċembru 2014,

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "L-Istrateġija tat-Tkabbir u l-Isfidi Ewlenin 2014-2015" tat-8 ta' Ottubru 2014 (COM(2014)0700), akkumpanjata mid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni SWD(2014)0305 bit-titolu "Bosnja-Ħerzegovina: Rapport ta' Progress 2014", kif ukoll id-Dokument ta' Strateġija Indikattiv dwar il-Bosnja-Ħerzegovina (2014-2017), adottat fil-15 ta' Diċembru 2014,

–       wara li kkunsidra l-Impenn bil-Miktub għall-Integrazzjoni tal-UE adottat mill-Presidenza tal-BiH fid-29 ta' Jannar 2015 u approvat mill-Assemblea Parlamentari tal-BiH fit-23 ta' Frar 2015,

–       wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill tad-19 ta' Jannar 2015 li taħtar lil Lars-Gunnar Wigemark bħala Rappreżentant Speċjali tal-UE u Kap tad-Delegazzjoni għall-Bosnja-Ħerzegovina,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-pajjiż,

–       wara li kkunsidra l-ħidma ta' Cristian Dan Preda bħala rapporteur permanenti dwar il-Bosnja-Ħerzegovina tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-UE ddikjarat ripetutament l-impenn inekwivoku tagħha għall-perspettiva Ewropea tal-BiH u l-integrità territorjali, is-sovranità u l-unità tagħha;

B.     billi l-UE offriet opportunità ġdida lill-BiH ibbażata fuq approċċ ikkoordinat imfassal biex jgħin lill-pajjiż ikompli bil-proċess ta' riforma tiegħu, itejjeb is-sitwazzjoni soċjali u ekonomika tiegħu u joqrob aktar lejn l-Unjoni Ewropea; billi issa qed jintalbu impenn u rabta ugwalment inekwivoċi mill-klassi politika tal-pajjiż; billi l-adeżjoni mal-UE hija proċess inklużiv li jappartjeni lill-pajjiż kollu u liċ-ċittadini kollha tiegħu, u teħtieġ kunsens nazzjonali dwar l-aġenda ta' riforma;

C.     billi l-istruttura istituzzjonali tant kumplessa u ineffiċjenti, in-nuqqas ta' kooperazzjoni u koordinazzjoni suffiċjenti bejn il-mexxejja politiċi tal-BiH u l-livelli kollha ta' gvern, in-nuqqas ta' viżjoni komuni u rieda politika, u l-attitudnijiet etnoċentriċi fixklu serjament il-progress fil-pajjiż; billi nuqqas ta' qbil dwar linji politiċi u etniċi kellhom effett negattiv kbir fuq il-ħidma tal-assemblej fil-livell statali;

D.     billi l-perjodu estiż ta' staġnar politiku jirrappreżenta impediment serju għall-istabilizzazzjoni u l-iżvilupp tal-pajjiż u qiegħed iċaħħad liċ-ċittadini minn futur sigur u prosperuż; billi l-apatija politika, il-qgħad, il-livelli għoljin ħafna ta' korruzzjoni u n-nuqqas ta' kuntentizza bil-klassi politika wasslu għal inkwiet ċivili, li nfirex minn Tuzla għal mal-pajjiż kollu fi Frar 2014;

E.     billi l-UE poġġiet l-istat tad-dritt fil-qalba tal-proċess ta' tkabbir tagħha; billi appoġġ politiku b'saħħtu huwa essenzjali sabiex jinkiseb progress f'dawn l-oqsma;

F.     billi l-korruzzjoni hija mifruxa, l-amministrazzjoni pubblika frammentata, il-ħafna sistemi legali differenti joħolqu sfida, il-mekkaniżmi ta' kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili għadhom dgħajfa, ix-xena tal-midja hija polarizzata, u l-ugwaljanza tad-drittijiet mhix żgurata għall-popli u ċ-ċittadini kostituttivi kollha;

G.     billi aktar minn 50 % tad-dħul tal-istat tal-BiH jintefaq fuq iż-żamma tal-amministrazzjoni f'diversi livelli; billi skont l-indikaturi tal-Bank Dinji, il-BiH hija l-pajjiż Ewropew bl-iktar klassifikazzjoni baxxa għal faċilità biex isir il-kummerċ u wieħed mill-pajjiżi li jinsab l-aktar fil-baxx fl-Indiċi dwar il-Perċezzjoni tal-Korruzzjoni; billi l-BiH għandha l-ogħla rata ta' qgħad fost iż-żgħażagħ fl-Ewropa (59 % tal-popolazzjoni attiva għandha bejn il-15 u l-24 sena);

1.      Jilqa' l-fatt li l-Kunsill wieġeb għas-sejħa tiegħu biex jerġa' jiġi kkunsidrat l-approċċ tal-UE lejn il-BiH; iħeġġeġ lill-mexxejja l-ġodda tal-BiH jimpenjaw ruħhom bis-sħiħ ħalli jwettqu r-riformi istituzzjonali, ekonomiċi u soċjali meħtieġa biex itejbu l-ħajjiet taċ-ċittadini tal-BiH u jippermettu li jsir progress fit-triq lejn l-adeżjoni mal-UE; jindika li biex l-applikazzjoni għas-sħubija tiġi kkunsidrata, se jkun meħtieġ li jsir progress sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-aġenda għar-riformi, inkluż il-Patt għal Tkabbir u Impjiegi; jenfasizza l-fatt li l-BiH, bħal pajjiżi kandidati (potenzjali) l-oħra kollha, għandha tiġi ġġudikata fuq il-merti tagħha stess, u li r-rapidità u l-kwalità tar-riformi meħtieġa għandhom jiddeterminaw l-iskeda ta' żmien għall-adeżjoni tagħha;

2.      Jisħaq li l-Kummissjoni għandha tagħti attenzjoni partikolari lill-implimentazzjoni tad-deċiżjoni Sejdić-Finci meta mistoqsija mill-Kunsill biex tipprepara opinjoni dwar l-applikazzjoni għal sħubija mal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tkun lesta tiffaċilita ftehim dwar l-implimentazzjoni tagħha ħalli tiggarantixxi drittijiet ugwali għaċ-ċittadini kollha u tkun strumentali fl-implimentazzjoni tal-objettivi tal-aġenda tal-UE, inklużi sistema funzjonali ta' governanza tajba, żvilupp demokratiku u prosperità ekonomika u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem;

3.      Jappoġġja bil-qawwa l-integrazzjoni Ewropea tal-BiH u jemmen li l-involviment rinforzat tal-UE għandu jiffoka, fost l-oħrajn, fuq kwistjonijiet soċjoekonomiċi, l-ambjent tan-negozju, il-qafas istituzzjonali, l-istat tad-dritt u l-governanza, il-politika ta' infurzar tal-liġi, ġudikatura indipendenti, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika, is-soċjetà ċivili u ż-żgħażagħ, filwaqt li jżomm kif inhi l-kondizzjonalità tal-UE għall-adeżjoni; jistieden lill-VP/RGħ, il-Kummissjoni u l-Istati Membri biex iżommu pożizzjoni tal-UE kkoordinata, konsistenti u koerenti u juru li l-integrazzjoni tal-BiH fl-UE hija prijorità għall-politika barranija tal-UE; jenfasizza li l-UE għandha tfittex li tiġbor flimkien id-donaturi finanzjarji kollha sabiex tappoġġja l-implimentazzjoni effiċjenti tal-approċċ imġedded tal-UE u l-Impenn bil-Miktub;

4.      Jilqa' l-Impenn bil-Miktub għall-Integrazzjoni tal-UE, adottat mill-Presidenza tal-BiH, iffirmat mill-mexxejja tal-partiti politiċi kollha u approvat mill-Parlament tal-BiH fit-23 ta' Frar 2015, dwar miżuri li jistabbilixxu l-funzjonalità u l-effiċjenza istituzzjonali, iniedu riformi fil-livelli kollha ta' governanza, jaċċelleraw il-proċess ta' rikonċiljazzjoni u jsaħħu l-kapaċità amministrattiva; jirrikonoxxi li l-Impenn witta t-triq għal qbil fil-Kunsill fis-16 ta' Marzu 2015 biex jipproċedi bil-konklużjoni u d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA); jitlob li jkun hemm kollaborazzjoni sħiħa tal-mexxejja politiċi kollha fl-implimentazzjoni bir-reqqa u effiċjenti ta' dan l-Impenn, speċjalment fit-tisħiħ tal-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata; ifakkar li l-impenn politiku u s-sjieda ġenwina tal-proċess tar-riforma huma kruċjali; jistieden lill-mexxejja l-ġodda tal-BiH jaqblu mal-UE dwar pjan direzzjonali konkret għal aġenda ta' riforma wiesgħa u inklużiva biex il-pajjiż javvanza fit-triqtu lejn l-UE; jitlob li jkun hemm trasparenza fil-proċess tar-riformi tal-ippjanar u l-implimentazzjoni u jħeġġeġ lis-soċjetà ċivili tkun inkluża fil-proċess ta' riforma;

5.      Iħeġġeġ lill-mexxejja politiċi l-ġodda ma jużawx retorika nazzjonalista u seċessjonista ta' firda li tippolarizza lis-soċjetà u biex jimpenjaw ruħhom serjament f'riformi li jtejbu l-ħajjiet taċ-ċittadini tal-BiH, joħolqu stat demokratiku, inklużiv u li jiffunzjona u jressqu l-pajjiż eqreb lejn l-UE;

6.      Jistieden lill-mexxejja politiċi biex jagħtu prijorità lill-istabbiliment ta' mekkaniżmu ta' koordinament tal-UE effikaċi, li jorbot l-istituzzjonijiet fil-livelli kollha ta' governanza b'mod effiċjenti, ħalli jiżgura allinjament mal-acquis tal-UE u l-infurzar tiegħu mal-pajjiż kollu fl-interess tal-prosperità ġenerali taċ-ċittadini tiegħu; jisħaq li mingħajr tali mekkaniżmu, il-proċess ta' adeżjoni mal-UE se jibqa' mwaħħal, peress li l-organizzazzjoni attwali tal-pajjiż hi wisq ineffiċjenti u ma tiffunzjonax; jenfasizza li l-istabbiliment ta' tali mekkaniżmu se jiftaħ it-triq għall-BiH biex tibbenefika b'mod sħiħ mill-finanzjament disponibbli; jenfasizza l-ħtieġa li jittieħdu passi konkreti ta' riforma u li l-pajjiż u ċ-ċittadini tiegħu jingħataw direzzjoni ċara;

7.      Jenfasizza li l-indirizzar tal-ħtiġijiet soċjoekonomiċi taċ-ċittadini għandhom ikunu prijorità; iqis li huwa wkoll kruċjali, madankollu, li tkompli għaddejja l-ħidma, b'mod parallel, fuq ir-riformi politiċi u d-demokratizzazzjoni tas-sistema politika; jenfasizza l-fatt li l-prosperità ekonomika hija possibbli biss jekk tkun ibbażata fuq soċjetà u stat demokratiċi u inklużivi; jenfasizza wkoll li l-BiH mhix se tkun kandidat b'suċċess għal sħubija fl-UE sa ma jkunu ġew stabbiliti l-kundizzjonijiet istituzzjonali xierqa; jinnota li r-riforma kostituzzjonali mmirata lejn il-konsolidazzjoni, is-simplifikazzjoni u t-tisħiħ tal-qafas istituzzjonali tibqa' kruċjali għat-trasformazzjoni tal-BiH fi stat effikaċi, inklużiv u kompletament funzjonali; ifakkar li r-riforma kostituzzjonali futura għandha tieħu wkoll kont tal-prinċipji tal-federaliżmu, id-deċentralizzazzjoni, is-sussidjarjetà u r-rappreżentanza leġittima sabiex tiġi żgurata l-integrazzjoni effiċjenti u bla xkiel tal-BiH fl-UE; iħeġġeġ lill-mexxejja politiċi kollha biex jaħdmu fuq l-introduzzjoni tal-bidliet meħtieġa;

8.      Jilqa' l-inizjattivi tal-Kummissjoni biex tgħaġġel l-implimentazzjoni ta' proġetti taħt l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA) u ssaħħaħ il-governanza ekonomika; jiddispjaċih li n-nuqqas ta' azzjoni jista' jkollu implikazzjonijiet fuq l-allokazzjoni tal-fondi tal-UE għall-iżvilupp politiku u soċjoekonomiku taħt l-IPA-II; iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti biex jaqblu fuq strateġiji tas-setturi madwar il-pajjiż kollu, b'mod partikolari fl-oqsma ta' prijorità tat-trasport, l-enerġija, l-ambjent u l-agrikoltura bħala rekwiżiti ewlenin biex ikunu jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mill-finanzjament tal-IPA;

9.      Ifaħħar l-andament organizzat tal-elezzjonijiet ta' Ottubru 2014; jinnota, madankollu, li għat-tieni darba konsekuttiva l-proċess elettorali seħħ mingħajr ma kull ċittadin seta' jikkontesta għal kull kariga; jenfasizza l-importanza kruċjali tat-twaqqif tal-organi parlamentari ġodda kollha u l-gvernijiet fil-livelli kollha bħala kwistjoni ta' urġenza; iħeġġeġ lill-mexxejja l-ġodda josservaw il-prinċipju ta' vot universali, ugwali u dirett, iżommu kuntatt man-nies, jinvolvu ruħhom mas-soċjetà ċivili u jipprovdu tweġibiet responsabbli u immedjati għat-tħassib leġittimu tagħhom; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jinvestigaw allegazzjonijiet serji ħafna kontra l-Prim Ministru tar-Repubblika Srpska (RS) dwar l-involviment tagħha fix-xiri tal-voti ta' żewġ MPs li ma jappartjenux mal-partit tagħha sabiex tikseb maġġoranza fl-Assemblea Nazzjonali tal-RS (RSNA);

10.    Jilqa' s-solidarjetà nazzjonali u internazzjonali ferm kbira, inkluż fi ħdan il-Programm ta' Rkupru għall-Għargħar tal-UE, bħala rispons għad-diżastri naturali tal-2014; jilqa' l-fatt li l-UE ħadet miżuri ta' salvataġġ u sokkors immedjati u sostanzjali, fuq talba tal-BiH, u organizzat konferenza tad-donaturi li saret f'Lulju 2014, li kienet ospitata mill-Kummissjoni u organizzata b'mod konġunt ma' Franza u s-Slovenja; jenfasizza li l-Kummissjoni stiednet lill-BiH biex tissieħeb fil-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili; jitlob għal miżuri preventivi effikaċi u kkoordinati fil-livelli kollha biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi tad-diżastri attwali u biex jiġu evitati diżastri bħal dawn fil-futur; jilqa' l-ħafna eżempji pożittivi ta' kooperazzjoni interetnika mill-qrib ħafna u appoġġ wara l-għargħar bħala sinjal li r-rikonċiljazzjoni hija possibbli; jemmen li l-kooperazzjoni reġjonali u r-relazzjonijiet mill-qrib ma' pajjiżi ġirien huma fatturi essenzjali fir-rispons għal diżastri bħal dawn fil-futur;

11.    Ifakkar li amministrazzjoni pubblika professjonali, effikaċi u bbażata fuq il-mertu hija s-sinsla tal-proċess ta' integrazzjoni tal-BiH u ta' kwalunkwe pajjiż li jaspira li jsir Stat Membru tal-UE; jinsab imħasseb serjament dwar il-fatt li l-amministrazzjoni pubblika, li mistennija tgħin lill-BiH tavvanza lejn is-sħubija mal-UE u ttejjeb il-kundizzjonijiet tal-għajxien taċ-ċittadini tagħha, għadha frammentata, politiċizzata u ma tiffunzjonax sew; jibqa' mħasseb dwar is-sostenibbiltà finanzjarja tagħha u l-fatt li n-nuqqas ta' rieda politika li tirriforma l-amministrazzjoni jista' jkollu impatt fuq l-għoti tas-servizzi pubbliċi; iħeġġeġ l-atturi kompetenti kollha jadottaw strateġija ġdida għar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika u pjan ta' azzjoni lil hinn mill-2014 sabiex jissimplifikaw l-istruttura istituzzjonali kumplessa, jiġu razzjonalizzati n-nefqiet u jagħmlu l-istat aktar funzjonali;

12.    Iħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jagħmlu l-ġlieda kontra l-korruzzjoni prijorità assoluta, peress li għadha ma rriżultatx f'titjib sodisfaċenti u li l-korruzzjoni taffettwa s-setturi kollha, inklużi s-saħħa u l-edukazzjoni, tisfrutta l-aktar persuni vulnerabbli, u żżid il-pessimiżu, bir-riżultat li aktar u aktar ċittadini jitilfu l-fiduċja fl-istituzzjonijiet tagħhom; jitlob għal mekkaniżmi effikaċi kontra l-korruzzjoni, segwitu ġudizzjarju indipendenti u konsultazzjonijiet inklużivi mal-partijiet interessati kollha li għandhom jiggarantixxu l-adozzjoni fil-ħin ta' qafas strateġiku mġedded għall-2015-2019; jitlob, b'mod ġenerali, għall-implimentazzjoni effiċjenti tal-miżuri kontra l-korruzzjoni; jilqa' l-adozzjoni ta' sett ta' liġijiet kontra l-korruzzjoni, inkluż dwar il-promozzjoni tal-ħarsien tal-informaturi fil-livell statali u l-ħolqien ta' entitajiet preventivi fil-livell ta' federazzjoni; jikkundanna t-tentattivi biex jiddgħajfu l-prinċipji eżistenti tal-istat tad-dritt u jinsab imħasseb li l-liġi l-ġdida dwar il-kunflitti ta' interess iddgħajjef il-qafas legali u tirrappreżenta pass lura fil-prevenzjoni ta' kunflitti ta' interess billi żżid ir-riskju ta' interferenza politika u ma toffri l-ebda inċentiv għall-uffiċjali biex jikkonformaw; jitlob għat-tisħiħ tal-korpi parlamentari għall-prevenzjoni tal-kunflitti ta' interess; iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti jtejbu ir-rekord rigward l-investigazzjoni effikaċi, il-prosekuzzjoni u l-kundanni f'każijiet ta' korruzzjoni ta' profil għoli, speċjalment fil-qafas tal-akkwist pubbliku u l-privatizzazzjoni;

13.    Jibqa' mħasseb serjament dwar l-ineffiċjenza tas-sistema ġudizzjarja, ir-riskju ta' interferenza politika fi proċedimenti tal-qorti, il-politiċizzazzjoni ta' proċeduri ta' ħatra, il-ġudikatura u l-proċess baġitarju ta' prosekuzzjoni frammentati u r-riskju ta' kunflitti ta' interess fost il-ġudikatura; iħeġġeġ lill-mexxejja l-ġodda tal-pajjiż biex jimpenjaw ruħhom fit-twettiq ta' riformi strutturali u istituzzjonali li jindirizzaw, fost l-oħrajn, l-armonizzazzjoni tal-erba' sistemi legali differenti; jistedinhom jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni, bħar-riforma istituzzjonali tal-ġudikatura fil-livell statali, inkluża l-adozzjoni ta' liġi dwar il-qrati tal-BiH; iħeġġeġ lill-Kunsill tal-Ministri li jmiss biex jadotta l-Istrateġija ta' Riforma Ġudizzjarja l-ġdida diġà ppreparata; itenni mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għall-uffiċċju tal-Ombudsman; jinnota li moratorju fuq il-piena kapitali għadu fis-seħħ skont il-Kostituzzjoni tal-RS u jħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-RS jabolixxu l-piena tal-mewt mingħajr aktar dewmien;

14.    Jinsab imħasseb li l-aċċess għal għajnuna legali bla ħlas huwa limitat ħafna u li d-dritt għall-għoti tagħha għadha regolata legalment madwar il-BiH kollha, fejn b'hekk tirrestrinġi d-dritt għall-ġustizzja għall-persuni l-aktar vulnerabbli; iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti jadottaw liġi dwar l-għajnuna legali mingħajr ħlas fil-livell statali u jiddefinixxu b'mod ċar ir-rwol tas-soċjetà ċivili fil-provvista tagħha;

15.    Jilqa' it-twessigħ tad-Djalogu Strutturat UE-BiH dwar il-Ġustizzja biex jinkludi kwistjonijiet addizzjonali dwar l-istat tad-dritt, speċjalment il-korruzzjoni u d-diskriminazzjoni, u l-fatt li qed iwassal xi riżultati pożittivi fil-kooperazzjoni reġjonali, l-ipproċessar tad-delitti tal-gwerra, u l-professjonaliżmu u l-effiċjenza tal-ġudikatura; jilqa' l-inklużjoni tas-soċjetà ċivili fil-proċess; jinnota li l-kundizzjonijiet f'diversi qrati fl-Entitajiet marru għall-aħjar, inkluża l-protezzjoni tax-xhieda;

16.    Jinsab imħasseb li ċerti dikjarazzjonijiet tefgħu dubju fuq il-leġittimità tal-kundanni tal-ICTY, u għaldaqstant dgħajfu l-qorti fl-Aja; jitlob li jittieħdu passi biex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-vittmi u jtejbu l-ħidma tal-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-BiH billi jiġi rivedut l-ipproċessar tal-każijiet ta' delitti tal-gwerra tal-Kategorija II; jilqa' l-progress fit-tnaqqis tal-każijiet pendenti tad-delitti tal-gwerra; jinnota li l-prosekuzzjoni tal-każijiet ta' delitti tal-gwerra li jinvolvu vjolenza sesswali tjiebet u jitlob li dan il-proċess jitkompla fil-futur; jenfasizza l-ħtieġa li l-awtoritajiet kompetenti jadottaw il-programm fil-livell statali li ilu ħafna pendenti ħalli jtejbu l-istatus tal-vittmi ta' tali delitti tal-gwerra, inkluż id-dritt tagħhom għal kumpens, biex jiżguraw l-aċċess effikaċi tagħhom għall-ġustizzja u jaġġornaw id-dispożizzjonijiet tal-liġi kriminali tal-BiH dwar il-vjolenza sesswali f'konformità mal-istandards internazzjonali;

17.    Jinsab imħasseb bin-numru dejjem għoli ta' persuni nieqsa u l-progress kajman f'dan ir-rigward; jistieden lill-awtoritajiet biex jibdew kooperazzjoni intensiva bejn iż-żewġ entitajiet, u jżidu l-isforzi tagħhom fit-tfittxija għall-persuni nieqsa;

18.    Jiftakar fil-vittmi kollha tal-ġenoċidju ta' Srebrenica tal-1995 u jesprimi l-kondoljanzi sinċieri tiegħu lill-familji u s-superstiti; jesprimi l-appoġġ tiegħu għal organizzazzjonijiet bħall-Assoċjazzjoni tal-Ommijiet ta' Srebrenica u l-enklavi ta' Žepa minħabba fir-rwol ċentrali tagħhom biex iżidu s-sensibilizzazzjoni u jibnu bażi usa' għar-rikonċiljazzjoni fost iċ-ċittadini kollha tal-pajjiż; jistieden liċ-ċittadini kollha tal-BiH biex jużaw l-20 anniversarju tal-massakru ta' Srebrenica bħala opportunità biex itejbu r-rikonċiljazzjoni u l-kooperazzjoni, li huma prerekwiżiti ewlenin sabiex il-pajjiżi kollha tar-reġjun jimxu 'l quddiem fit-triq tagħhom lejn l-Ewropa;

19.    Jinnota bi tħassib li għad hemm 84 500 persuna spostati internament (IDPs) u 6 853 refuġjat fil-BiH; jinsab imħasseb dwar il-ksur tad-drittijiet ta' persuni rimpatrijati fl-RS; jilqa' madankollu l-miżuri l-ġodda adottati mill-Parlament tal-Federazzjoni li jippermettu lill-persuni rimpatrijati mill-RS jaċċessaw il-benefiċċji tal-pensjoni u l-kura tas-saħħa fil-Federazzjoni, filwaqt li jissuġġerixxi li aċċess ugwali għal benefiċċji tal-assistenza soċjali għaċ-ċittadini kollha huwa importanti; jistieden lil-livelli kollha tal-gvern, b'mod partikolari lill-awtoritajiet tal-RS, biex jiffaċilitaw u jħaffu r-ritorn tal-IDPs u r-refuġjati billi jintroduċu u jimplimentaw il-miżuri leġislattivi u amministrattivi kollha meħtieġa; iħeġġeġ li jkun hemm kooperazzjoni dwar din il-kwistjoni u li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet xierqa għar-riintegrazzjoni paċifika u sostenibbli tagħhom; jitlob għall-implimentazzjoni effikaċi tal-Istrateġija Riveduta dwar l-Anness VII tal-Ftehim ta' Paċi ta' Dayton; jitlob għat-tkomplija ta' kooperazzjoni reġjonali tajba fil-qafas tal-Proċess tad-Dikjarazzjoni ta' Sarajevo; iħeġġeġ għal approċċ komprensiv li jindirizza l-isfidi li baqgħu fir-rigward tat-tneħħija tal-mini mill-pajjiż sal-2019;

20.    Jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għal-liberalizzazzjoni tal-viża, li ġabet magħha effetti pożittivi viżibbli għaċ-ċittadini tal-BiH; itenni mill-ġdid l-impenn tiegħu biex jiġi salvagwardjat id-dritt tal-ivvjaġġar mingħajr viża għaċ-ċittadini tal-Balkani tal-Punent; jappella fl-istess ħin għal miżuri fil-livell nazzjonali, b'mod partikolari miżuri soċjoekonomiċi mmirati għall-gruppi aktar vulnerabbli, għal miżuri attivi mmirati lejn kooperazzjoni msaħħa u skambju ta' informazzjoni biex jitwaqqfu netwerks ta' kriminalità organizzata, għal kontrolli msaħħa fuq il-fruntieri u għal kampanji ta' sensibilizzazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni biex tadotta miżuri li jżommu l-integrità tal-iskema mingħajr viża u jindirizzaw abbużi potenzjali tas-sistema tal-asil tal-UE f'kooperazzjoni mal-Istati Membri;

21.    Jinnota li l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni hija fundamentali sabiex jiġu miġġielda tentattivi ta' infiltrazzjoni kriminali tas-sistemi politiċi, legali u ekonomiċi; jinnota li sar xi progress fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu; ifakkar fl-importanza li jintlaħqu r-rakkomandazzjonijiet tal-GRECO; jinsab imħasseb dwar rapporti ta' radikalizzazzjoni dejjem tikber fost iż-żgħażagħ fil-BiH, li minnhom numru relattivament għoli, meta mqabbel ma' pajjiżi oħra fir-reġjun, qegħdin jingħaqdu mal-ġellieda terroristiċi tal-ISIL; iħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jemendaw il-Kodiċi Kriminali ħalli jsaħħu l-kriminalizzazzjoni tal-iffinanzjar tat-terroriżmu; jilqa' l-emenda lill-Kodiċi Kriminali biex tiġi projbita u penalizzata s-sħubija ma' gruppi parlamentari barranin biex tiġi evitata r-radikalizzazzjoni reliġjuża; jenfasizza, barra minn hekk, l-importanza li jiġu evitati l-forom kollha ta' estremiżmu u radikalizzazzjoni vjolenti; jilqa' wkoll operazzjonijiet tal-pulizija fuq skala kbira fil-BiH kollha li rriżultaw fl-arrest ta' persuni suspettati li jorganizzaw, jappoġġjaw u jiffinanzjaw attivitajiet terroristiċi, inklużi l-ġellieda barranin; jitlob għall-inklużjoni ta' dispożizzjoni dwar ir-reati ta' mibegħda fil-Kodiċi Kriminali tal-Federazzjoni tal-BiH; ifaħħar lill-aġenziji rilevanti tal-BiH għall-professjonalità li wrew fl-isforzi u d-determinazzjoni tagħhom għall-ġlieda kontra t-theddid għas-sigurtà li dejjem qed jikber; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi għajnuna lill-awtoritajiet kompetenti fit-trażżin tat-theddid kollu għas-sigurtà u dak terroristiku;

22.    Jinnota li l-BiH għadha pajjiż ta' oriġini, tranżitu u destinazzjoni għat-traffikar tal-bnedmin; jirrakkomanda lill-awtoritajiet jieħdu miżuri effikaċi, inklużi miżuri leġiżlattivi, biex jiġġieldu t-traffikar tad-drogi u tal-bnedmin u jipprovdu protezzjoni għall-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin;

23.    Iqis li huwa essenzjali li jissaħħaħ ir-rwol tas-soċjetà ċivili billi titħalla tartikola l-interessi taċ-ċittadini, b'mod partikolari fejn jidħlu ż-żgħażagħ, kif intwera s-sena li għaddiet matul is-sessjonijiet plenarji; ifakkar li s-soċjetà ċivili tista' tikkumplimenta l-iżvilupp ta' soċjetà soċjalment koeżiva u demokratika billi tipprovdi servizzi soċjali vitali; jinnota li r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili għandhom jaqdu rwol importanti fl-iffaċilitar tal-proċess ta' adeżjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli tagħmel il-fondi Ewropej aktar aċċessibbli għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; jinnota li l-mekkaniżmi istituzzjonali għall-kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili għadhom dgħajfa u jfixklu l-iżvilupp ta' demokrazija aktar parteċipattiva, inklużiva u li twieġeb għall-ħtiġijiet tagħhom madwar il-pajjiż kollu; jitlob għaldaqstant, li jkun hemm mekkaniżmi ta' konsultazzjoni pubblika trasparenti u inklużivi li jinvolvu l-partijiet interessati pubbliċi kollha, għall-istabbiliment ta' qafas għal diskussjoni pubblika ta' deċiżjonijiet leġiżlattivi importanti u għall-adozzjoni ta' strateġija nazzjonali għas-soċjetà ċivili; jinsab imħasseb dwar il-każijiet rapportati ta' intimidazzjoni matul l-inkwiet soċjali tas-sena li għaddiet;

24.    Iqis li huwa essenzjali li titrawwem soċjetà inklużiva u tolleranti fil-BiH, li tipproteġi u tippromwovi l-minoranzi u l-gruppi vulnerabbli; ifakkar li n-nuqqas milli tiġi implimentata d-deċiżjoni ta' Sejdić-Finci, jirriżulta f'diskriminazzjoni kontra ċittadini tal-BiH; iħeġġeġ biex jittieħdu passi biex jissaħħaħ ir-rwol tal-Ombudsman għad-Drittijiet tal-Bniedem u biex tiġi żviluppata, b'kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili, strateġija fil-livell statali kontra l-forom kollha ta' diskriminazzjoni; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti biex jarmonizzaw aktar il-liġijiet tal-pajjiż mal-acquis, b'attenzjoni partikolari għad-diskriminazzjoni abbażi ta' diżabilità u età, kif enfasizzat fid-Djalogu Strutturat; jistieden lill-Ministeru għad-Drittijiet tal-Bniedem u r-Refuġjati tal-BiH jistabbilixxi grupp ta' ħidma dwar l-abbozzar tal-emendi għal-Liġi Kontra d-Diskriminazzjoni tal-BiH mingħajr aktar dewmien; jinsab imħasseb dwar il-fatt li diskors ta' mibegħda, reati ta' mibegħda, theddid, fastidju u diskriminazzjoni kontra persuni LGBTI għadhom mifruxa; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jimplimentaw azzjonijiet ta' sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet tal-persuni LGBTI fost il-ġudikatura, l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi u l-pubbliku ġenerali; jinsab imħasseb li għadhom jiġu rrapportati każijiet ta' diskriminazzjoni abbażi ta' reliġjon;

25.    Jiddeplora bil-qawwa t-tkomplija tal-marġinalizzazzjoni u d-diskriminazzjoni kontra r-Rom; ifaħħar il-progress li sar fir-rigward tal-ħtiġijiet ta' akkomodazzjoni għar-Rom, jinkoraġġixxi, madankollu, li jittieħdu aktar passi biex jittejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien tagħhom billi jittejjeb l-aċċess għall-impjiegi, is-saħħa u l-edukazzjoni;

26.    Jinnota li, filwaqt li d-dispożizzjonijiet legali li jiggarantixxu d-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi huma fis-seħħ, sar biss progress limitat fl-implimentazzjoni ta' dawn id-dispożizzjonijiet; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti biex isegwu b'mod proattiv l-isforzi tagħhom biex tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-politika u l-forza tax-xogħol, biex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol relatata mal-maternità, biex tittejjeb is-sitwazzjoni soċjali u ekonomika tan-nisa, biex jiġu promossi, protetti u msaħħa d-drittijiet tan-nisa u, b'mod ġenerali, biex titqajjem kuxjenza pubblika u jiżdied il-fehim tan-nies dwar id-drittijiet tan-nisa; iħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jadottaw strateġija għall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika u biex tiġi stabbilita sistema armonizzata għall-monitoraġġ u l-ġbir ta' data dwar każijiet ta' vjolenza kontra n-nisa;

27.    Iħeġġeġ lill-BiH tinkorpora l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru fil-liġi dwar ir-reati ta' mibegħda mill-aktar fis possibbli u b'hekk tagħmilha possibbli biex jiġu arrestati persuni li jimpenjaw ruħhom f'diversi forom ta' oppressjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali jew l-identità tal-ġeneru;

28.    Jinnota li jinsabu fis-seħħ dispożizzjonijiet legali dwar il-libertà tal-espressjoni; jinsab imħasseb, madankollu, dwar il-pressjoni politika u finanzjarja fuq il-midja u każijiet ta' theddid u intimidazzjoni kontra ġurnalisti u edituri, inkluż matul il-perjodu ta' qabel l-elezzjoni; jikkundanna t-tentattivi li jdgħajfu r-regoli eżistenti, li jista' jkollhom implikazzjonijiet ta' ħsara għal-libertà ta' espressjoni u l-libertà tal-midja, inkluż dik online; jenfasizza li avvenimenti bħar-rejd tal-pulizija fuq l-uffiċċji ta' Klix.ba f'Sarajevo u l-adozzjoni reċenti mir-RSNA tal-Liġi kontroversjali dwar l-Ordni u l-Paċi Pubbliċi jqajmu tħassib serju dwar il-libertà ta' espressjoni u l-libertà tal-midja, inkluż fil-midja soċjali; jisħaq li l-abbiltà tal-midja li topera mingħajr biża' hi essenzjali għal demokrazija b'saħħitha; iħeġġeġ li l-libertà ta' espressjoni u tal-midja tkun rispettata bis-sħiħ u li l-ġurnalisti jkunu permessi jiksbu informazzjoni dwar kwistjonijiet ta' interess pubbliku; jenfasizza li l-finanzjament stabbli u sostenibbli, l-indipendenza editorjali, ix-xandir fil-lingwi uffiċjali kollha u l-pluraliżmu huma essenzjali għall-midja tas-servizz pubbliku; jistieden lill-awtoritajiet biex jagħlqu l-lakuni leġiżlattivi kollha li sistematikament ifixklu t-trasparenza sħiħa fis-sjieda tal-midja u biex iħejju regolament biex jiġi żgurat li ma jkun hemm l-ebda influwenza politika żejda; iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti biex jissalvagwardjaw l-indipendenza politika, istituzzjonali u finanzjarja tax-xandara tas-servizz pubbliku u biex jarmonizzaw il-liġijiet tal-entità dwar ix-xandir pubbliku mal-leġiżlazzjoni fuq il-livell statali; iħeġġeġ il-ħatra, abbażi ta' mertu, tad-Direttur tal-Kunsill tal-Aġenzija Regolatorja tal-Komunikazzjoni tal-BiH;

29.    Jibqa' mħasseb dwar is-segregazzjoni li għaddejja tat-tfal fl-iskejjel pubbliċi abbażi ta' etniċità; jinnota li tliet kurrikula differenti jimpedixxu studju komuni, inklużiv u oġġettiv tal-istorja komuni u l-avvenimenti storiċi reċenti; iħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jimplimentaw b'mod effettiv il-prinċipji ta' edukazzjoni inklużiva, inkluż fir-rigward tat-tfal b'diżabilità; iħeġġeġ lill-mexxejja l-ġodda tal-pajjiż biex jippromwovu sistema edukattiva inklużiva u mhux diskriminatorja mingħajr aktar dewmien fiż-żewġ entitajiet u d-Distrett Brčko, biex tiġi eliminata s-segregazzjoni tal-gruppi etniċi differenti u biex tiġi avvanzata r-riforma tal-edukazzjoni li għandha l-għan li ttejjeb l-istandards tal-edukazzjoni u l-introduzzjoni ta' kurrikulu komuni; jappella wkoll biex tiġi intensifikata l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni dwar il-ħtiġijiet edukattivi tat-tfal tar-Rom u l-integrazzjoni tagħhom fis-sistema edukattiva;

30.    Ifakkar li l-protesti ta' Frar 2014 urew b'mod ċar it-talba popolari fost iċ-ċittadini tal-BiH għal riformi soċjoekonomiċi fil-pajjiż; jemmen bis-sħiħ li l-implimentazzjoni ta' miżuri fis-sitt oqsma ewlenin tar-riforma fil-Patt għal Tkabbir u Impjiegi se tistimula mill-ġdid riformi soċjoekonomiċi staġnati, inklużi dawk dwar tkabbir u impjiegi u riformi dwar l-akkwist pubbliku; jistieden lill-gvernijiet il-ġodda fil-livell statali, ta' entità u distrettwali jaħdmu f'kooperazzjoni mill-qrib sabiex jagħmlu l-governanza ekonomika u l-Patt prijorità ewlenija tar-riformi; jenfasizza l-ħtieġa li jkompli jiġi żviluppat u implimentat programm ta' riforma ekonomika;

31.    Iqis li l-BiH għamlet ftit progress sabiex issir ekonomija tas-suq li tiffunzjona; jenfasizza l-importanza li tlaħħaq mal-pressjonijiet kompetittivi u l-forzi tas-suq; jinsab imħasseb li dgħufijiet sinifikanti fl-ambjent kummerċjali jkomplu jaffettwaw b'mod negattiv l-iżvilupp tas-settur privat u l-investiment barrani dirett; iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti biex jindirizzaw l-infurzar dgħajjef tal-istat tad-dritt, is-settur informali kbir u l-livelli għolja ta' korruzzjoni li jxekklu l-ambjent tan-negozju; iħeġġeġ l-armonizzazzjoni mad-Direttiva tas-Solvibbiltà II;

32.    Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu riformati u armonizzati s-sistemi frammentati ta' protezzjoni soċjali abbażi tal-ħtiġijiet taċ-ċittadini biex jipprovdu trattament ugwali għal kulħadd, itaffu l-faqar u jiżviluppaw xibka ta' sigurtà soċjali li tkuni mmirati aħjar lejn il-persuni foqra u dawk esklużi soċjalment; jenfasizza l-fatt li l-prosperità ekonomika u l-prospetti ta' impjiegi, speċjalment għaż-żgħażagħ, huma essenzjali għall-iżvilupp tal-pajjiż; iħeġġeġ lill-gvernijiet biex jimplimentaw riformi fis-suq tax-xogħol sabiex jindirizzaw ir-rata għolja ħafna ta' qgħad b'enfasi fuq il-qgħad fost iż-żgħażagħ, in-nisa u l-qgħad fit-tul; jinnota li d-drittijiet tax-xogħol u t-trejdjunjins għadhom limitati; jistieden lill-awtoritajiet biex ikomplu jsaħħu u jarmonizzaw il-liġijiet rilevanti madwar il-pajjiż; jenfasizza l-ħtieġa li titjieb l-edukazzjoni u t-taħriġ biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet u tiżdied l-impjegabbiltà, b'mod partikolari fost iż-żgħażagħ;

33.    Jenfasizza l-importanza tal-armonizzazzjoni u t-titjib tad-drittijiet trejdjunjinistiċi eżistenti u r-regoli dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol, li attwalment mhumiex identiċi fis-setturi kollha; jinnota wkoll li l-benefiċċji tas-sigurtà soċjali u l-pensjonijiet mhumiex imqassma ndaqs;

34.    Jinnota li ftit li xejn sar progress fl-oqsma tal-ambjent u t-tibdil fil-klima u jistieden lill-awtoritajiet isaħħu l-protezzjoni ambjentali skont l-istandards tal-UE; jistieden lill-BiH biex tonora l-obbligi kuntrattwali kollha tagħha skont it-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija u l-FSA, u tiżgura li jkun hemm approssimazzjoni adegwata u rapida lejn l-acquis ambjentali tal-UE, inkluża l-prevenzjoni tat-tniġġis tal-arja eċċessiv; jenfasizza l-ħtieġa għal BiH biex timplimenta b'mod sħiħ l-obbligi tagħha rigward il-Konvenzjoni dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali f'Kuntest Transkonfinali (Espoo, 1991) u l-Protokoll dwar il-Valutazzjoni Ambjentali Strateġika (Kiev, 2003), inkluż fir-rigward tal-attivitajiet fil-baċir tax-xmara f'Neretva u Trebišnjica; jistieden lill-BiH tallinja mal-istandards ambjentali tal-UE, b'mod partikolari fir-rigward tat-tniġġis mir-raffinerija taż-żejt f'Bosanski Brod;

35.    Jilqa' l-pożizzjoni kostruttiva u proattiva tal-BiH fil-promozzjoni tal-kooperazzjoni reġjonali; ifaħħar il-kontrolli konġunti u frekwenti tagħha fil-fruntieri mal-pajjiżi ġirien; jenfasizza l-importanza kruċjali ta' relazzjonijiet tajba mal-viċinat; jistieden lill-mexxejja l-ġodda biex ikomplu u jsaħħu l-isforzi tagħhom ħalli jsolvu l-kwistjonijiet pendenti dwar fruntieri u proprjetà mal-pajjiżi ġirien; iħeġġeġ lill-BiH tiffinalizza l-proċess ta' demarkazzjoni mal-Montenegro in bona fede, abbażi tal-ftehim milħuq f'Mejju 2014;

36.    Jiddispjaċih li l-politika barranija tal-BiH baqgħet soġġetta għal pożizzjonijiet diverġenti li jirriżultaw minn rata baxxa ta' allinjament mal-pożizzjonijiet tal-UE (52 %); ifakkar l-importanza kruċjali ta' politika barranija unifikata tal-BiH; jinsab imħasseb dwar l-implikazzjonijiet taċ-ċaħda tar-Russja tal-lingwa standard tal-Kunsill għall-Implimentazzjoni tal-Paċi dwar l-integrità territorjali tal-BiH u n-narrattiva negattiva tagħha dwar l-aspirazzjonijiet tal-UE tal-BiH; jilqa' l-preżenza kontinwa tal-Operazzjoni Althea, bħala parti mill-mandat imġedded tan-NU, li tiffoka fuq it-tisħiħ tal-kapaċitajiet u t-taħriġ;

37.    Jistieden lill-istituzzjonijiet eletti reċentament tal-BiH biex jużaw l-opportunità tal-approċċ imġedded tal-UE biex jikkonkludu Ftehim dwar l-adattament tal-Ftehim Interim/FSA, li jieħu kont tal-adeżjoni tal-Kroazja mal-UE u ż-żamma tal-kummerċ tradizzjonali;

38.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-VP/RGħ, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Presidenza tal-BiH, lill-Kunsill tal-Ministri tal-BiH, lill-Assemblea Parlamentari tal-BiH u lill-Gvernijiet u l-Parlamenti tal-Federazzjoni tal-BiH u r-Repubblika Srpska u l-gvernijiet tal-10 kontej/distretti.